EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0549

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 549/2010 tat- 23 ta’ Ġunju 2010 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1272/2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku

ĠU L 157, 24.6.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/08/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R1238

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/549/oj

24.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 549/2010

tat-23 ta’ Ġunju 2010

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1272/2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 43(a), (d) u (j), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi li l-Kummissjoni, mingħajr l-assistenza tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 195(1) ta’ dak ir-Regolament, għandha tagħlaq l-intervent pubbliku għaċ-ċanga fejn, tul perjodu rappreżentattiv, il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 12(1)(c) ta’ dak ir-Regolament ma jibgħux jiġu ssodisfati. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit perjodu rappreżentattiv għall-għeluq tal-intervent pubbliku għaċ-ċanga permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti u għalhekk, biex dan il-poter tal-Kummissjoni jkun rifless fl-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 (2)

(2)

Fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, dispożizzjonijiet diverġenti jew żbaljati ġew adottati fil-verżjonijiet tal-lingwi differenti fir-rigward tar-regoli li għandhom jiġu applikati meta l-post tal-ħżin indikat mill-offerent ta’ xiri jew l-offerent tal-prezzijiet jinbidel mill-aġenzija ta’ intervent. B’konsegwenza ta’ dan, huwa neċessarju li jiġi kkjarfikat li f’dak il-każ, l-ispejjeż addizzjonali għat-trasport għandhom jiġġarbu mill-aġenziji ta’ intervent, bl-eċċezzjoni tal-ewwel 20 km u fejn japplika l-Artikolu 38(3), it-tnaqqis ma għandux jeċċedi l-ispejjeż għat-trasport lil hinn mill-100 km.

(3)

Il-Parti IX tal-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 1272/2009 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet marbuta mal-kaxex tal-kartun għall-ippakkjar taċ-ċanga li nxtrat bl-intervent. Jeħtieġ li jiġu adattati r-rekwiżiti għas-siġillar ipprovduti fil-punt 6 sabiex dawn jaqblu mar-rekwiżti tas-Sezzjoni I tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3).

(4)

Fl-okkażżjoni ta’ din l-emenda għar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, huwa opportun li tiġi kkoreġuta l-ommissjoni fl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2009 għandu jiġi emendat u korrett skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1272/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 16(2), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

il-proċedura tas-sejħa għall-offerti tal-prezzijiet għax-xiri taċ-ċanga skont il-kategorija u l-Istat Membru, jew ir-reġjun tiegħu, abbażi taż-żewġ prezzijiet tas-suq ta’ kull ġimgħa l-iżjed riċenti rreġistrati, skont l-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Din is-sejħa għall-offerti għandha tingħalaq mill-Kummissjoni, skont l-istess proċedura, skont il-kategorija u l-Istat Membru, jew ir-reġjun tiegħu, abbażi tal-prezzijiet tas-suq ta’ kull ġimgħa l-iżjed riċenti rreġistrati.”

2.

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(6), it-test introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“Għall-għanijiet tal-Artikolu 12(1)(c), l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 18(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:”

3.

Fl-Artikolu 25, l-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Wara li tkun ivverifikata l-ammissibbiltà tal-offerta ta’ xiri jew l-offerta ta’ prezzijiet kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) u wara n-notifika skont l-Artikolu 20(3), l-aġenzija tal-intervent għandha toħroġ ordni ta’ kunsinna, mingħajr ħsara għall-miżuri adottati skont l-Artikoli 14(1) u 19(1). L-ordni tal-kunsinna għandha jkollha data u numru u għandha tinkludi:

(a)

il-kwantità li għandha titwassal;

(b)

l-aħħar data għall-kunsinna tal-prodotti;

(c)

il-post tal-ħżin fejn għandhom jitwasslu l-prodotti;

(d)

il-prezz li bih tkun ġiet aċċettata l-offerta ta’ xiri jew l-offerta tal-prezzijiet.”

4.

Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Jekk il-post tal-ħżin indikat mill-offerent ta’ xiri jew mill-offerent tal-prezzijiet jinbidel mill-aġenzija tal-intervent, skont l-Artikolu 26(1), l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport, bl-eċċezzjoni tal-ewwel 20 kilometru, għandhom jiġġarrbu mill-aġenzija tal-intervent. Madanakollu, l-ispejjeż tat-trasport lil hinn mill-100 kilometru għandhom xorta waħda jiġġarrbu kollha kemm huma mill-aġenzija tal-intervent. Dan il-paragrafu ma għandux japplika jekk ikun qed jiġi applikat l-Artikolu 31(2).”

5.

Fl-Artikolu 38(3), il-punt (a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

l-ispejjeż tat-trasport bejn il-post tat-teħid magħżul fil-verità mill-aġenzija tal-intervent u l-post tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 10(1)(a)(iv) fejn il-prodotti kellhom jitwasslu bl-irħas spiża possibbli, iżda li ma jmorrux lil hinn mil-limitu ta’ 100 km imsemmi fl-Artikolu 29(1); kif ukoll”

6.

Fil-Parti IX tal-Anness III, il-punt 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“6.

Il-kaxex tal-kartun għandhom ikunu ssiġillati:

(a)

permezz tal-marka applikata skont it-Taqsima I tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 853/2004; kif ukoll

(b)

b’tikketti tal-aġenzija ta’ intervent li juru n-numru tas-serje fuq iż-żewġ naħat tal-kaxxa tal-kartun u li jkunu mwaħħla b’tali mod li jiġu meqruda ladarba tinfetaħ il-kaxxa.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika:

(a)

mill-1 ta’ Lulju 2010 għaċ-ċanga u l-vitella, il-butir, it-trab tal-ħalib xkumat u ċ-ċereali, u

(b)

mill-1 ta’ Settembru 2010 għar-ross.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-23 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.


Top