Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0511

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 tal- 14 ta' Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU L 150, 16.6.2010, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/511/oj

    16.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/17


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 511/2010

    tal-14 ta' Ġunju 2010

    li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri provviżorji

    (1)

    Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1247/2009 (“ir-Regolament provviżorju”) (2) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. (“ir-RPĊ” jew il-“pajjiż ikkonċernat”).

    (2)

    Il-proċediment inbeda wara li tressaq ilment mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Metalli (EUROMETAUX) (“il-kwerelant”) f’isem produttur li jirrappreżenta proporzjon kbir, f’dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ ċerti wajers tal-molibdenu.

    (3)

    Kif stipulat fil-premessa 13 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2008 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu minn Marzu 2005 sa tmiem il-PI (il-“perjodu meqjus”).

    1.2.   Il-proċedura sussegwenti

    (4)

    Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji antidumping (“l-iżvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu, ingħataw l-opportunità. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset li kien meħtieġ għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew immodifikati skont dan.

    (5)

    Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    (6)

    Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (14) sa (17) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.   DUMPING

    3.1.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES) – Trattament Individwali (TI)

    (7)

    Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti dwar is-sejbiet tat-TES u t-TI, il-premessi (18) sa (23) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.2.   Valur normali

    (8)

    Wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji, il-produttur esportatur li kkoopera kkontesta l-użu tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni mill-Istati Uniti lil pajjiżi oħra (inkluża l-Unjoni) bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali għar-RPĊ. Minflok, ġie propost li jintuża l-prezz li propju tħallas jew huwa pagabbli lill-Unjoni għal prodott simili, għaliex tqies li l-valur normali ddeterminat fuq dan il-bażi jagħti marġini tad-dumping iktar baxx għar-RPĊ.

    (9)

    L-istess produttur talab li l-valur normali għandu jiġi aġġustat ‘l isfel sabiex iqis l-effiċjenzi li jgawdi bħala l-produttur integrat vertikalment meta mqabbel mal-kwerelent jew mal-produttur tal-pajjiż analogu li m’għandhomx faċilitajiet ta’ minjieri għall-materjal tal-materja prima ewlenija, il-mineral tal-molibdenu.

    (10)

    Fir-rigward tal-ewwel talba ġie nnutat li l-użu tal-prezzijiet mħallsa jew pagabbli fl-Unjoni huwa għażla prevista fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku li jrid jintuża biss meta l-għażliet l-oħra previsti fl-istess Artikolu ma jistgħux jiġu applikati. Minħabba li din il-kooperazzjoni fil-proċediment inkisbet minn produttur ta’ pajjiż terz, u għalhekk kien possibbli li tintuża l-għażla ta’ prezz mill-ekonomija tas-suq ta’ pajjiż terz lejn pajjiżi oħra, mhemm ebda ġustifikazzjoni legali biex tapplika l-għażla residwa tal-Artikolu 2(7)(a). It-talba kienet għalhekk irrifjutata.

    (11)

    Dwar it-tieni talba ta’ min jinnota li l-produttur li kkoopera ma pprovda ebda evidenza biex juri li l-livell ta’ produtturi huwa fattur li jaffettwa l-prezzijiet u l-kompatibilità tal-prezzijiet. It-talba ġiet għalhekk irrifjutata.

    (12)

    Ċerti partijiet ikkuntestaw l-għażla tal-pajjiż produttur analogu minħabba l-fatt li din il-kumpanija fl-Istati Uniti hija kumpanija dipendenti tal-kwerelant. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota l-fatt li kumpanija fil-pajjiż analogu propost hija kumpanija relatata tal-kwerelant ma pprekludiex li l-informazzjoni miksuba kienet affidabbli u li tista’ tiġi vverifikata.

    (13)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-valur normali, li jbiddlu s-sejbiet provviżorji, il-premessi (24) sa (25) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

    (14)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-prodott simili, il-premessa (26) tar-Regolament provviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

    3.4.   Tqabbil

    (15)

    Ġie nnutat li l-aġġustament tat-tassazzjoni indiretta msemmija fil-premessa (27) tar-Regolament provviżorju huwa ta’ 5 % u jirrappreżenta d-differenza bejn il-VAT pagabbli fuq il-bejgħ domestiku u dak pagabbli fuq it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni waqt li titqies ir-rifużjoni tal-VAT fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-produttur esportatur li kkoopera kkuntesta l-mod kif dan l-aġġustament ġie applikat u ddikjara li jrid ikun ikkalkulat bħala fattur li jnaqqas il-prezz ta’ esportazzjoni.

    (16)

    Fir-rigward ta’ din it-talba, ġie nnutat li l-aġġustament kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku li jipprovdi għal aġġustament għall-valur normali għall-ħlasijiet fuq l-importazzjoni u t-taxxi indiretti – kategorija li tinkludi l-VAT. Fuq din il-bażi, l-asserzjoni ma ntlaqgħetx.

    (17)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-paragun, li jbiddlu s-sejbiet provviżorji, il-premessa (27) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    3.5.   Il-marġini tad-dumping

    (18)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni dwar id-dumping, kif stabbilita fil-premessi (28) sa (29) tar-Regolament provviżorju, b’68,4 % mal-pajjiż kollu, hija b’dan ikkonfermata.

    4.   ĦSARA

    4.1.   Produzzjoni tal-Unjoni

    (19)

    Ta’ min jiftakar li sabiex titħares l-informazzjoni kunfidenzjali tan-negozji ta’ dak il-produttur, iċ-ċifri kollha relatati ma’ dejta sensittiva mogħtija hawn taħt ġew indiċjati jew ingħataw f’firxa.

    (20)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessi minn (30) sa (31) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    4.2.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (21)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti u sejbiet ġodda fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessa (32) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    (22)

    Fir-rigward tal-premessa (33) tar-Regolament provviżorju, ġie nnutat li abbażi tal-kummenti li waslu minn parti interessata instab żball klerikali. Is-sena fiskali (“FY”) 2005 tal-produttur tal-Unjoni ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2005 sat-28 ta’ Frar 2006 u mhux il-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2004 sat-28 ta’ Frar 2005 kif indikat f’dik il-premessa. Għalhekk, il-punt ta’ bidu tal-valutazzjoni tad-dannu effettivament kien Marzu 2005.

    4.3.   Il-konsum fl-Unjoni

    (23)

    Huwa mfakkar li l-konsum tal-Unjoni kien stabbilit billi ngħaddew flimkien il-volum totali tal-bejgħ tal-produtturi fl-Unjoni u l-importazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi miġbura mill-Eurostat. Ta’ min jiftakar ukoll li minħabba li l-kodiċi NM li taħtu l-prodott ikkonċernat huwa ddikjarat jinkludi wkoll prodotti oħra li jaqgħu barra l-ambitu ta’ din l-investigazzjoni u minħabba li mhemmx statistiċi speċifiċi ta’ importazzjoni disponibbli biss għall-prodott ikkonċernat, id-dejta tal-Eurostat ġiet aġġustata skont il-metodu ssuġġerit fl-ilment. Din il-metodoloġija hija bbażata fuq il-paragun tal-valuri tal-importazzjoni mir-RPĊ bil-valuri tal-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni.

    (24)

    Madankollu, fl-istadju provviżorju, id-dejta ta’ importazzjoni użata kkorrispondiet għas-snin kalendarji filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-produtturi magħrufa kienu bbażati fuq is-snin fiskali. Parti waħda kkontestat din id-diskrepanza fil-perjodu użat għad-determinazzjoni tal-konsum u talbet li l-importazzjonijiet għandhom jiġu bbażati wkoll fuq is-snin fiskali.

    (25)

    It-talba tqieset li kienet waħda valida u, għalhekk, id-dejta tal-Eurostat ġiet aġġustata biex tikkorrispondi mal-istess perjodi, prinċipalment is-snin fiskali. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċifri tal-konsum tal-Unjoni mogħtija fit-tabella 1 tar-Regolament provviżorju ġew aġġustati kif ġej: il-figuri ġodda kienu kif previst fit-Tabella 1 fit-tabella li ġejja:

    Tabella 1

    Konsum tal-Unjoni

    2005

    2006

    2007

    2008

    PI

    Tunnellati

    403

    396

    430

    396

    358

    Indiċi 2005 = 100

    100

    98

    107

    98

    89

    (26)

    Kollox ma’ kollox, il-konsum tal-Unjoni tal-wajers tal-molibdenu naqsu bi 11 % tul il-perjodu kkunsidrat. Id-domanda naqset ftit bi 2 % fl-2006 u telgħet b’9 % fl-2007 u wara dan niżlet fl-2008 u fil-PI, minħabba l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika.

    4.4.   L-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea mir-RPĊ

    4.4.1.   Volum u sehem tas-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

    (27)

    Wara li ġie aċċettat l-argument imsemmi fil-premessa (25) ta’ hawn fuq, it-tabella hawn taħt turi l-volumi totali ta’ importazzjoni, l-ishma tas-suq u l-prezzijiet tal-wajers tal-molibdenu fis-suq tal-Unjoni waqt il-perjodu meqjus. Ġie nnutat li din ir-reviżjoni ma affettwatx il-volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat fil-PI.

    Tabella 2

    L-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ

    2005

    2006

    2007

    2008

    PI

    Tunnellati

    42

    56

    87

    100

    97

    Indiċi 2005 = 100

    100

    133

    207

    238

    231

    Sehem fis-suq

    Indiċi 2005 = 100

    100

    136

    194

    243

    261

    Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

    53 202

    62 198

    56 046

    51 512

    50 892

    Indiċi

    100

    117

    105

    97

    96

    Sors: Eurostat u dejta tal-ilment.

    (28)

    Iċ-ċifri reveduti fit-Tabella 2 juru li kollox ma’ kollox it-tendenzi tal-volumi ta’ importazzjoni u l-ishma tas-suq mill-pajjiż ikkonċernat ippreżentati fit-tabella tal-premessa (36) tar-Regolament provviżorju baqgħu ma nbidlux. L-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti minn 42 tunnellata metrika fl-2005 għal 100 tunnellata metrika fl-2008, jiġifieri b’aktar minn darbtejn. Wara l-livell massimu li ntlaħaq fl-2008, dawn l-importazzjonijet naqsu fil-PI b’mod konformi mal-evoluzzjoni tal-konsum tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sehem tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping żdiedu b’aktar mid-doppju fuq il-perjodu meqjus.

    (29)

    Iċ-ċifri rreveduti li jikkonċernaw il-prezzijiet ta’ importazzjoni, madankollu issa juru tendenza ta’ tnaqqis bejn l-2005 u l-PI. Instab li tul il-perjodu meqjus il-prezzijiet medji ta’ importazzjoni mir-RPĊ naqsu b’4 %.

    4.4.2.   It-tqaċċit tal-prezzijiet

    (30)

    Fin-nuqqas ta’ xi kummenti dwar l-importaturi dwar it-tqaċċit tal-prezzijiet, il-premessi (39) u (40) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    (31)

    Ta’ min jiftakar li, kif inhu msemmi fl-Artikolu (41) tar-Regolament provviżorju, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha għal evalwazzjoni tal-istat tal-industrija tal-Unjoni minn Marzu 2005 sal-aħħar tal-PI.

    (32)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessi (41) sa (43) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    (33)

    Sussegwentement għar-Regolament provviżorju u wara reviżjoni żgħira li saret lill-konsum tal-Unjoni fit-Tabella 1, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni ġie irrevedut kif ġej, filwaqt li l-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet medji tal-bejgħ baqgħu ma nbidlux:

    Tabella 3

     

    2005

    2006

    2007

    2008

    PI

    Volum ta’ bejgħ fl-Indiċi tas-suq tal-Unjoni

    Indiċi

    100

    99

    92

    75

    68

    Sehem tas-suq

    Indiċi

    100

    101

    86

    76

    77

    tal-prezzijiet medji tal-bejgħ

    Indiċi

    100

    86

    96

    95

    92

    (34)

    Kif imsemmi fil-premessa (45) tar-Regolament provviżorju, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-konsumaturi indipendenti fis-suq tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti ta’ 32 % tul il-perjodu meqjus. Dan it-tnaqqis sinifikanti qabeż it-tnaqqis fil-konsum li kif intwera’ fit-tabella 2 naqas bi 11 % fuq l-istess perjodu. Dan irriżulta fi tnaqqis sinifikanti ta’ 23 % fis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni fl-istess perjodu.

    (35)

    Fl-assenza ta’ ebda kummenti fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ, l-istokkijiet, l-impieg, u l-indikaturi tal-andament finanzjarju tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet provviżorji kif imsemmi fil-premessi (46) sa (57) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    (36)

    Il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet danni materjali, kif spjegat fil-premessi (58) sa (61) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata wkoll.

    5.   KAWŻALITÀ

    5.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping

    (37)

    Skont l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, fl-istadju provviżorju ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni sa punt li jista’ jiġi kklassifikat bħala materjali.

    (38)

    Ta’ min jiftakar li d-deterjorament fil-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni seħħ fl-istess żmien taż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ li kienu l-oġġett ta’ dumping. Sussegwentement għall-miżuri provviżorji u wara r-reviżjonijiet għaċ-ċifri ta’ importazzjoni ġejjin mir-RPĊ kif previst fil-premessa (25), il-volum importat u s-sehem fis-suq tal-esportaturi Ċiniżi żdied b’iktar mid-doppju bejn l-2005 u l-PI.

    (39)

    B’riżultat tar-reviżjonijiet, il-prezzijiet ta’ importazzjoni tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping naqsu b’4 % tul il-perjodu meqjus, filwaqt li baqgħu konsistentement taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, bi prezzijiet minn bejn it-30 % sal-35 % inqas waqt il-PI. B’konsegwenza ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni kienet qed tiffaċċja pressjoni mill-esportaturi Ċiniżi fuq bażi kontinwa biex baqgħet kompetittiva fis-suq tal-Unjoni.

    (40)

    Parti interessata kkontestat l-eżistenza tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u d-dannu materjali li batiet l-industrija tal-Unjoni. Hija affermat li mhemmx korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni u l-qabża fl-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Hi saħqet li filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti fl-2007 f’relazzjoni mal-perjodi ta’ qabel, l-industrija tal-Unjoni resqet minn qagħda ta’ telf għal waħda ta’ profitt f’dik is-sena.

    (41)

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett ġie innutat li, bejn l-2005 u l-PI, filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’iżjed mid-doppju, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti bi 32 % li wassal għal tnaqqis fis-sehem tas-suq bi 33 % tul l-istess perjodu. Fl-istess waqt, l-indikaturi l-oħra kollha tal-ħsara, bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, l-investimenti, il-profittabilità u l-fluss tal-flus kontanti wrew tendenzi ta’ tnaqqis sinifikanti tul dak il-perjodu. It-tieni, l-investigazzjoni wriet li l-andament dgħajjef tal-industrija tal-Unjoni kien marbut mat-tnaqqis fil-prezzijiet fit-tentattiv li jinkisbu lura klijenti importanti li ntilfu lill-esportaturi Ċiniżi. Fir-rigward tal-2007, l-industrija tal-Unjoni kompliet tipprova tikseb lura l-konsumaturi tagħha bi sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni sabiex iżżomm il-prezzijiet tax-xiri baxxi u tibqa’ kompetittiva mal-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping. Skont dan, huwa meqjus li l-konklużjonijiet li saru fil-premessi (63) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma validi u għalhekk din id-dikjarazzjoni kellha tiġi rrifjutata.

    (42)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ għalhekk jiġi kkonfermat li l-importazzjonijiet bi prezz baxx li kienu oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kellhom impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI.

    5.2.   L-effett ta’ fatturi oħra

    (43)

    Ta’ min jiftakar li l-fatturi l-oħra kienu eżaminati wkoll fl-analiżi ta’ kawżalità, tipikament fl-iżvilupp tad-domanda, l-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni, l-andament tal-esportazzjoni u finalment l-impatt possibbli tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra.

    (44)

    Parti interessata ddikjarat li d-dannu materjali li batiet l-industrija tal-Unjoni ġie kkawżat minn fatturi oħra barra l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, prinċipalment minn i) it-tnaqqis fid-domanda minħabba l-kriżi ekonomika u minħabba l-bidliet fit-teknoloġija, u ii) l-andament tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (45)

    Fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum ġie nnutat li l-volumi tal-bejgħ fl-industrija tal-Unjoni naqsu konsiderevolment iktar (–32 %) mit-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni (–11 %, li wassal għal tnaqqis fis-sehem tas-suq ta’ 33 %. Fl-istess waqt, is-sehem tas-suq tal-esportaturi Ċiniżi żdied b’mod sinifikanti b’iktar minn darbtejn. Għaldaqstant, jitqies li l-konklużjoni li saret fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju tista’ tiġi kkonfermata u għalhekk din d-dikjarazzjoni kellha tiġi miċħuda.

    (46)

    Fir-rigward tal-andament tal-esportazzjoni, tabilħaqq kien hemm tendenza ta’ tnaqqis fil-bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għar-raġunijiet previsti fil-premessa (72) tar-Regolament provviżorju (jiġifieri b’konformità mal-qagħda negattiva madwar id-dinja fis-settur tal-karozzi sa mill-2008). L-investigazzjoni wriet madankollu, li l-bejgħ ta’ esportazzjoni ma kienx il-kummerċ ewlieni tal-industrija tal-Unjoni għax dak il-bejgħ qatt ma qabeż is-17 % tal-bejgħ tal-Unjoni tul il-perjodu meqjus. Ta’ iktar importanza minn dan, madankollu, barra mill-premessi (71) u (72) tar-Regolament provviżorju, ġie nnutat li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħha fis-suq ta’ esportazzjoni baqgħu ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ ġewwa l-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe impatt negattiv ikkawżat mit-tnaqqis fil-volumi ta’ bejgħ ta’ esportazzjoni huwa meqjus limitat ħafna. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni kellha tiġi miċħuda.

    (47)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (67) sa (80) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    6.1.   L-Interess tal-industrija tal-Unjoni

    (48)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessi (83) sa (86) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.2.   L-interess tal-importaturi, il-kummerċjanti u l-utenti fl-Unjoni

    (49)

    Ta’ min jiftakar li minkejja l-fatt li għadd ta’ partijiet ġew ikkuntattjati, il-livell ta’ kooperazzjoni mal-investigazzjoni fl-istadju provviżorju ta’ importaturi, kummerċjanti u utenti kien baxx ħafna. Ta’ min jiftakar li kummerċjant wieħed biss, li jinsab fil-Ġermanja, u utent wieħed, li jinsab fl-Italja, ikkooperaw bis-sħiħ fl-istadju provviżorju.

    (50)

    L-utent li kkoopera saħaq li l-impatt negattiv tal-miżuri antidumping fuq n-negozju tiegħu ġie ssottovalutat fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni li sar fl-istadju provviżorju, u ddikjara li fil-fatt jista’ jsib diffikultàbiex jgħaddi ż-żieda fil-prezz lill-konsumaturi tiegħu.

    (51)

    Qed jitfakkar li s-sehem tan-negozju fir-rigward tal-prodott ikkonċernat fil-kontijiet tal-attività ta’ dan l-utent jammonta għal bejn il-15 sal-25 % tal-attività totali tan-negozju tiegħu. L-analiżi iktar fil-fond li saret wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kkonfermat li l-impatt fuq il-profitt totali tal-kumpanija se jkun limitat. Dan l-utent għandu pożizzjoni b’saħħitha fis-settur tan-negozju li jinvolvi l-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari f’termini ta’ affidabilità u siġurtà ta’ provvista lejn il-konsumaturi tiegħu. Dan l-element jindika li dan l-utent x’aktarx li jkun jista’ jgħaddi għallinqas parti miż-żieda fil-prezz tax-xiri lill-konsumaturi tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dan, l-asserzjoni ma setgħetx tintlaqa’.

    (52)

    B’segwitu għall-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, iż-żewġ utenti u importatur wieħed ippreżentaw rwieħhom u ddikjaraw li l-attivitàjiet tagħhom se jiġu affettwati b’mod negattiv bl-impożizzjoni tad-dazju tal-antidumping.

    (53)

    Skont id-dejta sottomessa minn wieħed minn dawn iż-żewġ utenti, is-settur tan-negozju li jinkludi l-wajer tal-molibdenu jirrappreżenta bejn l-10 u l-20 % tal-attività totali tiegħu. Fuq il-bażi tal-elementi pprovduti, hemm indikazzjonijiet li, filwaqt li l-impożizzjoni tad-dazju tal-antidumping x’aktarx li jkollu impatt negattiv min-naħa tal-attività li tinkorpora l-wajer tal-molibdenu, dan l-utent għandu xorta waħda jagħmel profitt. Fir-rigward tal-utent l-ieħor, ma ingħatat l-ebda dejta li tista’ ssostni d-dikjarazzjoni tiegħu.

    (54)

    Fir-rigward tal-importatur, huwa nnutat li huwa pprovda biss dejta bażika ġenerali skont liema deher li l-importazzjonijiet tal-wajer tal-molibdenu mir-RPĊ jammontaw għal bejn 10 u 20 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ waqt il-PI. F’termini tas-sehem mill-kummerċ tal-molibdenu f’relazzjoni mal-kummerċ totali tal-kumpanija – dan jammonta għal inqas minn 7 %. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli jista’ għalhekk, jiġi konkluż li waqt li l-miżuri tal-antidumping jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-settur tan-negozju li jinkludi l-wajer tal-molibdenu, l-impatt globali fuq in-negozju totali tal-kumpanija se jkun limitat.

    (55)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra, il-premessi (93) sa (96) tas-sejbiet u l-konklużjoni tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.3.   L-effetti li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ

    (56)

    Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, xi partijiet ippreżentaw rwieħhom u ddikjaraw li l-miżuri ta’ antidumping jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni limitata fis-suq tal-Unjoni.

    (57)

    Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni, għandu jerġa jinsaħaq li billi d-dazji tal-antidumping jistgħu jistabbilixxu mill-ġdid ambjent ekwu, l-importazzjonijiet Ċiniżi x’aktarx li jkomplu jidħlu fis-suq tal-Unjoni, għalkemm bi prezzijiet li ma jikkawżawx dannu. Barra minn hekk, ta’ min jiftakar li jeżistu xi sorsi alternattivi ta’ provvista. Ma ngħatat l-ebda evidenza sostanzjata li tinvalida din il-konklużjoni u għalhekk il-konklużjonijiet li saru fil-premessi (97) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (58)

    Skont dan ta’ hawn fuq, wieħed jikkonferma li ma hemm ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu li joriġina fir-RPĊ fil-każ preżenti.

    7.   IL-MIŻURI DEFINITTIVI ANTIDUMPING

    7.1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

    (59)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti ssostanzjati li jistgħu jibdlu l-konklużjoni dwar il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi minn (101) sa (104) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    7.2.   Miżuri definittivi

    (60)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv f’livell għoli biżżejjed biex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha għaldaqstant tkun stabbilita fuq il-livell tal-marġini tal-ħsara misjub, jiġifieri 64,3 %.

    (61)

    Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi antidumping. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu l-appelli wara li dan ġie żvelat. Il-kummenti mressqa mill-partijiet tqiesu sewwa, u fejn xieraq, is-sejbiet inbidlu skont dan.

    7.3.   Impenji

    (62)

    Il-produttur esportatur Ċiniż li kkoopera esprima r-rieda tiegħu li joffri impenn fuq il-prezzijiet skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

    (63)

    Madankollu, din il-kumpanija ma ngħatatx la TES u lanqas IT, u hija b’mod ġenerali, il-prassi tal-Kummissjoni li ma taċċettax impenji f’każ bħal dan, minħabba li l-ebda determinazzjoni individwali tal-marġini tad-dazju ma setgħet tiġi stabbilita. Fuq il-bażi ta’ dan, l-impenji tal-prezzijiet ma setgħux jitqiesu aktar.

    7.4.   Il-ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

    (64)

    Minħabba l-kobor tal-marġini ta’ dumping misjub u fid-dawl tal-ħsara kkważata lill-industrija tal-Unjoni, jitqies li hu meħtieġ li l-ammonti assigurati bis-saħħa tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru definittivament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju antidumping definittiv huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż il-1,35 mm imma ma taqbiżx l-4,0 mm, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fil-preżent ikklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (il-kodiċi TARIC 8102960010).

    2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ 64,3 %.

    3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

    Artikolu 2

    L-ammonti assigurati mid-dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1247/2009 fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż il-1,35 mm iżda ma taqbiżx l-4,0 mm, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li fil-preżent huwa kklassifikati bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (il-kodiċi TARIC 8102960010), se jinġabru definittivament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ġunju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 336, 18.12.2009, p. 16.


    Top