Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0353

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 353/2010 tat- 23 ta' April 2010 li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Mirabelles de Lorraine (IĠP)]

ĠU L 104, 24.4.2010, p. 45–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/353/oj

24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/45


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 353/2010

tat-23 ta' April 2010

li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Mirabelles de Lorraine (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa minn Franza għall-approvazzjoni ta' emendi fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Mirabelles de Lorraine”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/1996 (2)

(2)

It-talba għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjonijiet filwaqt li żżid il-mirabelles ffriżati f'temperatura baxxa ħafna. Diġà saru xi emendi oħra, speċjalment rigward il-prova tal-oriġini u t-tikkettar.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Mirabelles de Lorraine” huma b'dan emendati skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dokument sħiħ li jinkludi l-elementi ewlenin ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.


ANNESS I

Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-“Mirabelles de Lorraine”, ġew approvati l-emendi li ġejjin:

Deskrizzjoni

(1)

Żieda tal-paragrafu: “Il-Mirabelles de Lorraine jistgħu jkunu ppakkjati u ppreżentati friski jew iffriżati. Il-mirabelles friski huma mmirati għall-konsum bħala frott individwali jew għall-ipproċessar. Il-mirabelles iffriżati f'temperatura baxxa ħafna huma maħsuba għall-ipproċessar jew għall-konsumatur individwali u jistgħu jkunu ppreżentati f'forom differenti:

(a)

sħaħ bl-għadma

(b)

sħaħ mingħajr għadma

(c)

maqsumin (nofsijiet) mingħajr għadma”

(2)

Deskrizzjoni preċiża tal-prodott tispeċifika l-użu differenti u l-possibbiltajiet għall-preżentazzjoni tal-frott.

(3)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: “Il-karatteristiċi tal-prodott għandhom, għal kull kategorija, jikkonformaw mar-regolamentazzjoni li tinsab fis-seħħ.”

(4)

Għandha tiżdied tabella li tiddeskrivi l-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-prodott:

 

Mirabelles de Lorraine

Karatteristiċi

Frott ≥ dijametru ta’ 22 mm

Frott tal-Kategorija I li jittiekel bħala frott individwali

Regoli għall-frott immirat għall-ipproċessar

Couleur ≥ Kulur 4 (ara l-iskala ta’ kuluri AREFE fl-anness 5)

Kontenut medju ta’ zokkor ≥ 16° Brix għall-frott li jittiekel bħala frott individwali u ≥ 15° Brix għall-frott immirat għall-ipproċessar (metodu tat-tħin)

Prova tal-oriġini

(1)

Is-sentenza “Għal kull kunsinna, l-impriżi parteċipanti għandhom jinkludu f'reġistru l-isem tar-razzett fejn tkabbar il-frott, il-kwantità mibgħuta, it-tip ta’ ppakkjar u l-użu aħħari” għandha tiġi sostitwita bil-kliem “Għal kull kunsinna, l-impriżi parteċipanti għandhom japplikaw arranġamenti għat-traċċabbiltà axxendenti u dixxendenti li tippermetti l-identifikazzjoni tal-oriġini, il-kwantità mibgħuta, it-tip ta’ ppakkjar u l-użu aħħari.”

(2)

Il-punti li ġejjin huma mħassra:

(a)

“id-dikjarazzjonijiet tal-istampar u l-użu ta’ ‘aerex crates’, il-banners, it-tikketti jew il-biljetti li jagħmlu riferenza għat-tikketta

(b)

kopja tal-konformità tal-parteċipanti rigward it-tikketti, il-banners u l-biljetti ta’ identifikazzjoni”

(3)

Għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

(a)

“Wara l-ippakkjar, kull pakkett individwali ta’ frott li jittiekel bħala frott individwali u kull pelit tal-frott maħsub għall-ipproċessar industrijali għandu jkun identifikat għall-inqas b'kodiċi li jippermetti li wieħed isib l-informazzjoni tal-istadji preċedenti tal-produzzjoni (dan il-kodiċi jista' jikkorrispondi man-numru tal-fajl tal-ipproċessar jew man-numru tal-fajl tal-pelit).

(b)

Meta ssir il-kunsinna, il-fajls tal-produzzjoni għandhom jiġu kompluti bid-data tal-kunsinna u b'isem il-klijent.”

Metodu ta’ produzzjoni

(1)

Dettalji dwar it-tip ta’ ħamrija biż-żieda ta’ “45 % ta’ elementi fini ta’ inqas minn 20 microns (tafal u tajn fin)”.

(2)

Għandha titneħħa din il-parti mill-paragrafu 4.4.2: “huwa possibbli li l-klima tinfluwenza l-kwalità tal-prodott; din ir-rabta bejn il-ħamrija, il-klima u l-kwalità hija attwalment is-suġġett ta’ studju mwettaq mill-AREFE: f'6 snin ġew studjati 20 masġar u l-konklużjonijiet ta’ din l-esperimentazzjoni se jkunu ppubblikati fi żmien tliet snin”.

(3)

Ir-riferenzi għad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet reġjonali għat-tħawwil mill-ġdid tal-imsaġar għandhom jitneħħew.

(4)

Ir-riferenza għall-analiżi tal-weraq fil-ħarifa għandha titneħħa.

(5)

Ir-riferenza għad-densità tat-tħawwil minimu ta’ 150 siġra għal kull ettaru għandha titneħħa.

(6)

Il-kriterji għall-analiżi tal-grad ta’ maturità għandhom ikunu emendati.

(7)

Saret riferenza għall-iskala AREFE iktar milli għall-iskala Hunter A.

(8)

Ir-riferenza għar-relazzjoni zokkor / aċidità superjuri jew ekwivalenti għal 4 għandha tkun sostitwita bil-miżura ta’ kontenut ta’ zokkor minimu ta’ 15 Brix.

(9)

Għandhom jiżdiedu l-ispjegazzjonijiet li ġejjin dwar it-total tat-temperaturi: “Total minimu ta’ temperaturi fl-istadju F2 ta’ 1 750 °C (anness 6: protokoll ta’ maturità). Fil-punt meta 50 % tal-fjuri jinfetħu, wieħed jibda jakkumula t-temperaturi medji ta’ kuljum. Jidher li l-varjetà tal-Mirabelle 1510 timmatura f'temperatura ta’ 1 850 °C. Tipi bikrija speċifiċi jimmaturaw f'temperatura ta’ madwar 1 750 °C.”

(10)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej dwar l-iffriżar f'temperaturi baxxi ħafna: “It-teknoloġija tal-iffriżar f'temperaturi baxxi ħafna tikkonsisti fil-ħolqien ta’ skambju ta’ sħana qawwija li jippermetti lit-temperatura massima tinżel malajr ħafna għal –18 °C; teknoloġija li tagħmel l-iffriżar f'temperaturi baxxi ħafna differenti minn iffriżar sempliċi. Iktar ma jkun mgħaġġel dan l-iskambju, iktar joħorġu aħjar il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott. Dan il-metodu ta’ konservazzjoni jippriżerva l-kwalità u l-karatteristiċi organolettiċi tal-mirabelles de Lorraine. L-iffriżar f'temperaturi baxxi ħafna għandu vantaġġi bħal:

(a)

Vantaġġi organolettiċi (id-dehra, il-konsistenza, it-togħma). Mill-proċessi ta’ konservazzjoni kollha, il-kesħa biss tippermetti li jkunu restitwiti l-kwalitajiet organolettiċi kollha tal-prodotti magħżula fl-istat frisk inizjali tagħhom.

(b)

Vantaġġi nutrittivi. L-iffriżar f'temperaturi baxxi ħafna m'għandu l-ebda effett fuq il-valur nuttrittiv. Il-kesħa profonda tistabbilizza l-ikel fi stat partikolari.

(c)

Vantaġġi mikrobijoloġiċi. F'temperatura ta’ inqas minn –18 °C, il-mikroorganiżmi ma jiżviluppawx iktar. In-nuqqas totali tal-ilma (trasformat malajr, u kompletament, f'silġ) huwa wkoll xkiel għall-proliferazzjoni tagħhom”.

(11)

Il-kliem “din iż-żona tikkorrispondi għall-istadji tal-produzzjoni, tal-ħżin qabel l-ippakkjar u tal-ippakkjar tal-frott” għandha tiġi sostitwita bil-kliem “għal frott frisk, il-proċess kollu (il-produzzjoni, it-tqassim, l-użin, l-ippakkjar) għandu jsir fiż-żona ġeografika. Għall-frott iffriżat, l-istadji li ġejjin għandhom isiru fiż-żona ġeografika: il-produzzjoni, it-tqassim, l-użin, it-tneħħija tal-għadma u l-iffriżar.”

Tikkettar:

Tikkettar: miġjub f'konformità mal-iżviluppi regolatorji.

Oħrajn

Isem u kompożizzjoni tal-grupp:

AIAL issa sar AMDL

Isem il-president tħassar

L-ismijiet tal-impriżi membri ġew irtirati

Żdiedu mat-test l-iskop u l-funzjoni tal-assoċjazzjoni

Ingħataw iktar dettalji fuq il-bażi tal-istatut tal-assoċjazzjoni dwar il-funzjoni u r-rwol tagħha fuq il-promozzjoni tal-kwalità

L-aġġornament tal-klassi skont ir-Regolament (KE) Nru 1898/2006


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

MIRABELLES DE LORRAINE

Nru ral-KE: FR-IĠP-0117-0194-10.12.2007

IĠP (X) DPO ( )

1.   Isem

“Mirabelles de Lorraine”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6:

Frott u ħxejjex

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li tapplika għaliha d-denominazzjoni msemmija f’punt 1

Frotta tonda, safra jew dehbiena meta timmatura li għandha għadma żgħira li tinqala’ (dijametru > 22 mm), b’kontenut ta’ zokkor medju ta’ 16° Brix għall-frotta li tittiekel individwalment u ta’ 15° Brix għall-frotta pproċessata li għandha kulur nru 4 fuq l-iskala tal-kuluri AREFE, li hija prodotta mit-taħlit tal-varjetajiet “Mirabelles de Nancy” u “Mirabelles de Metz”, u li kienet irreġistrata fil-katalgu uffiċjali tal-ispeċijiet fl-1961 taħt in-numri 91 291 u 91 290 (il-familja Rosaceae, l-ispeċi Prunus Insistitia).

Il-“mirabelles de Lorraine” huma ppreżentati friski jew iffriżati f’temperaturi baxxi (sħaħ bl-għadma, sħaħ mingħajr għadma jew maqsumin (nofsijiet) mingħajr għadma).

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Għall-frott frisk, il-proċess tal-produzzjoni kollu, it-tqassim, il-kejl tad-daqs (sizing) u l-ippakkjar għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata.

Għall-frott iffriżat, l-istadji tal-produzzjoni, it-tqassim, il-kejl tad-daqs, it-tneħħija tal-għadma u l-iffriżar f’temperaturi baxxi ħafna għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata biss.

Regoli speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għat-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Minħabba l-fraġilità tal-frotta u r-riskji li l-frotta titgħaffeġ matul it-trasport, l-ippakkjar tal-frott frisk għandu jsir fiż-żona ġeografika identifikata.

B’ippakkjar wieħed jifhem kemm l-imballaġġ individwali, kif ukoll fuq pelits u l-iffriżar f’temperaturi baxxi ħafna.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

“Mirabelles de Lorraine”

Isem u indirizz tal-organizzazzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat

Riferenza IĠP u/jew Logo Komunitarju

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-“Mirabelle de Lorraine” tkopri l-muniċipalitajiet kollha tad-départements ta’ la Meuse, la Meurthe-et-Moselle, la Moselle u ta’ les Vosges.

Wieħed ma jistax jistenna mill-indikazzjoni ġeografika protetta tal-“Mirabelles de Lorraine” ħlief frott li jkun ġej mill-imsaġar li jinsabu f’din iż-żona ġeografika.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Ir-reġjun tal-Lorraine huwa ideali għall-kultivazzjoni tal-mirabelles. Dan ir-reġjun jiddistingwi ruħu mill-ħamrija tat-tafal u tal-franka (manjeżju-potassju). L-imsaġar tal-Lorraine huma mħawlin f’ħamrija li fiha 45 % ta’ elementi fini ta’ inqas minn 20 microns (tafal u tajn fin).

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-Mirabelles de Lorraine huma magħmulin minn żewġ varjetajiet lokali: il-varjetajiet Mirabelles ta’ Nancy u l-Mirabelles ta’ Metz.

L-ispeċifiċità tal-Mirabelles de Lorraine hija marbuta mal-mod ta’ kultivazzjoni tagħhom. Sabiex il-frott jikber bl-aħjar mod, id-densità tal-imsaġar ma għandhiex tkun iktar minn 400 siġra għal kull ettaru, il-ġbir tal-frott għandu jsir meta l-frott ikun immatura sew, u għandu jsir f’perjodu qasir (fi żmien 6 ġimgħat mill-bidu t’Awwissu sa nofs Settembru). Il-prodott imfittex huwa frotta safra u ħelwa għall-kuntrarju ta’ mirabelles aħdar u aċiduż li wieħed jista’ jsib f’reġjuni oħra.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-rabta mal-oriġini ġeografika tiddependi mir-reputazzjoni tal-prodott. Din ir-reputazzjoni hija bbażata fuq l-inklużjoni tal-Mirabelle de Lorraine fil-kċina lokali li tinstab fil-letteratura grazzi għar-riferenzi storiċi li jmorru lura għas-seklu 16.

Barra minn hekk, il-festi tradizzjonali li għadhom isiru sal-lum huma xhieda ta’ din ir-reputazzjoni fost il-konsumaturi. Ir-reġjun tal-Lorraine jiżgura fuq kollox bejn 70 % u 80 % tal-produzzjoni Franċiża tal-mirabelles friski.

Il-metodi tradizzjonali ta’ pproċessar: ġamm, ħelu u frott tal-bott li huma parti importanti tal-attività tas-settur tal-Mirabelles de Lorraine. In-numru kbir ta’ riċetti tar-reġjun tal-Lorraine li jinkludu l-mirabelles huma xhieda tal-użu tradizzjonali minbarra l-konsum tal-frott frisk.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

http://www.inao.gouv.fr/repository/editeur/pdf/CDC-IGP/CDC-mirabelle-de-Lorraine.pdf


Top