Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0286

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 286/2010 tas- 6 ta’ April 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/2007 fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-istatistika li tikkonċerna l-kwantitajiet tal-prodotti tal-għaġin

ĠU L 87, 7.4.2010, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/286/oj

7.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 286/2010

tas-6 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/2007 fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-istatistika li tikkonċerna l-kwantitajiet tal-prodotti tal-għaġin

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/2007 tat-12 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni fuq ċereali esportati fil-forma ta’ prodotti tal-għaġin li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 1902 11 00 u 1902 19 (2) jistipula li l-prodotti tal-għaġin li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet imsemmija hawn fuq u li jiġu esportati lejn l-Istati Uniti jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat (ċertifikat P2) li jgħid jekk dawn jikkwalifikax għal rata applikabbli ta’ rifużjoni jew le, fil-każ ta’ esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, għall-prodotti ċereali bażiċi użati fil-manifattura tagħhom. Dan ir-Regolament jeżiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jikkomunikaw l-istatistika neċessarja lill-Kummissjoni.

(2)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, għandha tiġi prevista l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ma jikkomunikawx l-istatistika meta r-rifużjoni applikabbli għall-prodotti taċ-ċereali agrikoli bażiċi użati fil-manifattura ta’ prodotti tal-għaġin li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM msemmija hawn fuq tkun sospiża jew inkella żero.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 88/2007 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar il-kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ fi prodotti agrikoli proċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 88/2007 jeħodlu postu dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tmiem kull xahar, l-istatistika marbuta mal-kwantitajiet ta’ prodotti tal-għaġin, skont il-kodiċi tan-NM, bi speċifikazzjoni tal-kwantitajiet li jikkwalifikaw għal rifużjoni tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet li ma jikkwalifikawx għal rifużjoni tal-esportazzjoni, li fir-rigward tagħhom ikunu nħarġu ċ-ċertifikati matul ix-xahar ta’ qabel, fl-indirizz li ġej:

European Commission,

Directorate-General for Enterprise and Industry,

Non-Annex I products,

B-1049 Brussels.

2.   Fejn ir-rifużjoni applikabbli għall-prodotti taċ-ċereali agrikoli bażiċi użati fil-manifattura ta’ prodotti tal-għaġin li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM 1902 11 00 u 1902 19 tkun jew ġiet sospiża nkella tkun żero, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu ma jikkomunikawx l-istatistika msemmija fil-paragrafu 1.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mindu jkun ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 21, 30.1.2007, p. 16.


Top