Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0078

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 78/2010 tas- 27 ta’ Jannar 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 33/2008 dwar l-ambitu u l-perjodu mogħti skont il-proċedura regolari lill-Awtorità għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet tagħha dwar l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 24, 28.1.2010, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/78/oj

28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 78/2010

tas-27 ta’ Jannar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 33/2008 dwar l-ambitu u l-perjodu mogħti skont il-proċedura regolari lill-Awtorità għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet tagħha dwar l-inklużjoni ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha japplika għas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju li kienu ġew vvalutati iżda mhux inklużi fl-Anness I (2) tad-Direttiva 91/414/KEE sal-31 ta’ Diċembru 2008. Ma japplikax fir-rigward tas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju vvalutati wara dik id-data.

(2)

Iżda, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002 (3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/565/KE (4) ġew emendati biex jiġi estiż il-perjodu ta’ żmien għall-programm tax-xogħol sal-31 ta’ Diċembru 2009 fir-rigward tas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju. Jeħtieġ li tiġi adattata d-data rispettiva fir-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(3)

Fir-rigward tal-proċedura regolari, huwa issa ovvju li l-perjodu ta’ żmien mogħti lill-Awtorità biex tħejji l-konklużjonijiet tagħha għandu jiġi estiż minħabba l-komplessità u l-ammont ta’ xogħol involut. Dan għandu japplika biss fir-rigward ta’ sustanzi attivi li għalihom jintbagħat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-punt (c) jinbidel b’dan li ġej:

“(c)

għas-sustanzi tat-tielet u r-raba’ stadju, sal-31 ta’ Diċembru 2009.”

(2)

L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Konklużjoni tal-Awtorità

1.   L-Awtorità għandha tadotta konklużjoni dwar jekk is-sustanza attiva tistax tiġi mistennija li tilħaq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414/KEE fi żmien sitt xhur minn mindu jintemm il-perjodu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, u għandha tikkomunikaha lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Fejn xieraq, l-Awtorità għandha tindirizza fil-konklużjoni tagħha l-alternattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ użi maħsuba li ġew identifikati fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni.

2.   Meta l-Awtorità teħtieġ tagħrif addizzjonali, b’konsultazzjoni mal-Istat Membru relatur, għandha tistipula perjodu ta’ żmien ta’ massimu ta’ disgħin jum li fih l-applikant irid jipprovdih lill-Awtorità u l-Istat Membru relatur. L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. It-tagħrif li jintbagħat fil-perjodu ta’ żmien mogħti biss se jitqies.

L-Istat Membru relatur għandu jivvaluta t-tagħrif addizzjonali u jippreżentah lill-Awtorità minnufih u mhux aktar tard minn sittin jum wara li jasallu t-tagħrif addizzjonali.

F’dan il-każ, il-perjodu ta’ sitt xhur għall-adozzjoni tal-konklużjoni mill-awtorità, kif ipprovdut fil-paragrafu 1, għandu jiġi estiż b’perjodu li għandu jintemm fil-mument meta l-valutazzjoni tat-tagħrif addizzjonali tasal għand l-Awtorità.

3.   Il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jaqblu dwar skeda għall-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-ippjanar tax-xogħol. Il-Kummissjoni u l-Awtorità għandhom jaqblu dwar il-format li bih jintbagħtu l-konklużjonijiet tal-Awtorità.”

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 għandu jkompli japplika, hekk kif inhu mingħajr l-emenda, għas-sustanzi attivi li għalihom intbagħat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni mill-Istat Membru relatur, kif ipprovdut fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(3)  ĠU L 319, 23.11.2002, p. 3.

(4)  ĠU L 192, 31.7.2003, p. 40.


Top