Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010G0306(01)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 1 ta' Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

    ĠU C 56, 6.3.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    6.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 56/1


    RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-1 ta' Marzu 2010

    dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

    2010/C 56/01

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.

    WAQT LI JILQA' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2009 dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (1);

    2.

    WAQT LI JFAKKAR fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (2);

    3.

    WAQT LI JFAKKAR fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar strateġija għall-Ewropa dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali (3);

    4.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA l-istrumenti tal-Komunità adottati biex jiġu miġġielda l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (4), ir-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet (5), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (6) u d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (7);

    5.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA l-Konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar l-iżvilupp tal-offerti legali tal-kontenut kulturali u kreattiv online u dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-piraterija fl-ambjent diġitali (8);

    6.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA l-Konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (9) u l-Konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Novembru 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (10);

    7.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (11);

    8.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (12);

    9.

    WAQT LI JFAKKAR fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar strateġija msaħħa għall-kooperazzjoni doganali (13);

    10.

    WAQT LI JFAKKAR fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2009 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Doganali tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPR) għas-snin 2009-2012 (14);

    11.

    WAQT LI JFAKKAR fid-Deċiżjoni tiegħu 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (15);

    12.

    WAQT LI JFAKKAR fid-Deċiżjoni tiegħu 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (16);

    13.

    WAQT LI JFAKKAR fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Settembru 2009 dwar “Kif intejbu l-funzjonament tas-Suq Intern” (17);

    14.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/524/KE tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (18);

    15.

    WAQT LI JIKKUNSIDRA l-attivitajiet internazzjonali li għaddejjin immirati għall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, inklużi b'mod partikolari n-negozjati dwar il-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni; (19)

    16.

    WAQT LI JENFASIZZA l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma fundamentali għall-promozzjoni tal-kultura u d-diversità, u għall-valorizzazzjoni sħiħa tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-attività kreattiva tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, sabiex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u sabiex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva fid-dinja;

    17.

    WAQT LI JENFASIZZA li l-Unjoni Ewropea intalbet, f'dan ir-rigward, biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħmel is-sistema ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali aktar effiċjenti sabiex il-ksur tad-drittijiet tal-proprjietà intellettwali jiġu miġġielda b'mod aktar effettiv;

    18.

    WAQT LI JTENNI l-ambizzjoni tiegħu li jistabbilixxi infurzar konsistenti, u ta' livell għoli fis-suq intern kollu, li jevita l-ħolqien ta' ostakoli għall-kummerċ leġittimu, u li jipprovdi ċertezza legali waqt li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti;

    19.

    WAQT LI JENFASIZZA li fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-piraterija fil-prodotti kulturali u kreattivi f'ambjent diġitali li qed jiżviluppa b'rata mgħaġġla qed tagħmel ħsara lill-kummerċjalizzazzjoni legali tal-midja, qed tfixkel il-wasla ta' mudelli ta' negozju kompetittiv ta' forniment legali ta' kontenut kulturali u kreattiv, qed tnissel dubju dwar ir-remunerazzjoni adegwata tad-detenturi tad-drittijiet u qed ixxekkel id-dinamiżmu tal-industrija kulturali Ewropea li tipprovdi aċċess għal forniment kulturali legali, ta' xort'oħra u ta' kwalità għolja;

    20.

    JIRRIKONOXXI r-responsabbiltà kondiviża tal-Kummissjoni u l-Istati Membri li jtejbu l-effettività tal-funzjonament tas-suq intern, b'mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-propjetà intellettwali;

    21.

    JIRRIKONOXXI l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta' negozju kompetittiv li jkabbru l-offerta legali ta' kontenut kulturali u kreattiv u fl-istess ħin jipprevjenu u jiġġieldu l-piraterija bħala mezz neċessarju għat-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u d-diversità kulturali; Għalhekk, għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġi nkoraġġit il-ħolqien u tal-kontenut u s-servizzi online fl-Unjoni Ewropea u l-aċċess għalihom u, għal dak l-għan, jinħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet robusti, li huma prattiċi, ibbilanċjati u attraenti kemm għall-utenti u kif ukoll għad-detenturi tad-drittijiet;

    22.

    JIRRIKONOXXI l-importanza tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-aġenziji fil-qasam tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u JISTIEDEN lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti jew l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, biex janalizzaw ulterjorment l-arranġamenti amministrattivi nazzjonali eżistenti;

    23.

    JIRRIKONOXXI l-ħtieġa għal tfassil ta' politika bbażat fuq il-provi u orjentat lejn l-eżiti u f'dan il-kuntest jilqa' l-ħolqien u l-ħidma reċenti tal-Osservatorju Ewropew għall-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija;

    24.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex telabora aktar dwar l-ambitu tal-kompetenzi, il-kompiti u r-rwol tal-Osservatorju, waqt li tappoġġa l-attività tiegħu permezz tal-istrutturi istituzzjonali eżistenti. L-Osservatorju ser jaġixxi permezz tal-plenarja jew permezz tal-gruppi ta' ħidma fuq bażi ad hoc u ser jagħmel użu sħiħ mill-għarfien espert nazzjonali disponibbli, bħal b'mod partikolari l-korrispondenti nazzjonali maħtura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/48/KE;

    25.

    JAQBEL mal-linji prinċipali ta' azzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati oħra mis-setturi kollha, biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Osservatorju u jikkontribwixxu għaliha;

    26.

    JAPPELLA lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali kontra l-falsifikazzjoni u kontra l-piraterija u jistabbilixxu strutturi trasparenti ta' koordinazzjoni f'dan il-qasam;

    27.

    JIRRIKONOXXI l-importanza ta' data affidabbli u komparabbli dwar l-iffalsifikar u l-piraterija u JISTIEDEN lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-industrija biex jipprovdu lill-Osservatorju b'informazzjoni disponibbli u biex, fil-kuntest tal-Osservatorju, jiżviluppaw u jaqblu b'mod konġunt dwar pjani biex jiġbru aktar informazzjoni u biex jiżviluppaw b'mod konġunt metodoloġija komuni għall-ġbir tad-data;

    28.

    JINNOTA l-importanza tal-għarfien pubbliku fir-rigward tal-impatt tal-falsifikazzjoni u l-piraterija fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija, b'mod partikolari l-periklu potenzjali tal-prodotti falsifikati u piratati għas-saħħa u s-sikurezza kif ukoll għall-kompetittività, il-ħolqien, l-innovazzjoni u l-impjiegi Ewropej, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati, inkluż il-konsumaturi, biex janalizzaw u jimplimentaw kampanji effettivi ta' sensibilizzazzjoni. L-implikazzjonijiet finanzjarji ser jiġu valutati mill-Osservatorju f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex jiġu definiti riżorsi ta' finanzjament adatti. Il-kampanji ser jiffukaw fuq miri ta' udjenza speċifiċi bħall-konsumaturi u ż-żgħażagħ;

    29.

    JENFASIZZA, fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-importanza li jintużaw il-mezzi adatti kollha bil-ħsieb li jiġi żgurat infurzar effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni kollha skont l-acquis tal-Unjoni fis-seħħ;

    30.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/48/KE u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex tanalizza l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva, inkluż valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri meħuda, u, jekk meħtieġ, tipproponi emendi adatti biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    31.

    JINNOTA l-importanza li jiġi ssimplifikat l-infurzar transkonfini tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw kif jappoġġaw ir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I (20);

    32.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tanalizza l-opportunità li tiġi preżentata proposta emendata għal Direttiva dwar miżuri kriminali mmirati għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. Din l-analiżi għandha tinkludi valutazzjoni dwar il-livell safejn hija essenzjali azzjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni f'qasam li kien suġġett għal miżuri ta' armonizzazzjoni, kif ukoll eżami tal-impatt, l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kwalunkwe miżura ġdida;

    33.

    JITLOB lill-Osservatorju biex jiffaċilita l-laqgħat regolari tal-esperti, li jinvolvu rappreżentanti mill-awtoritajiet pubbliċi, korpi tas-settur privat u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiġu promossi soluzzjonijiet ta' suċċess u proporzjonali kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija. L-Osservatorju ser jagħti attenzjoni speċjali għall-ġbir tal-aqwa prattiki fis-settur pubbliku u dak privat u tal-kodiċi ta' kondotta fis-setturi privati. Fir-Rapport Annwali tiegħu, l-Osservatorju għandu jieħu kont tal-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-esperti u d-diskussjonijiet “round table” rilevanti;

    34.

    JIPPROMWOVI l-użu, fil-limiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, tan-netwerk Ewropew għall-kooperazzjoni amministrattiva msemmi fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2008 bil-ħsieb li jiġu żgurati skambji rapidi ta' informazzjoni u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet impenjati fil-qasam tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

    35.

    JISTIEDEN lill-Osservatorju jippubblika kull sena Rapport Annwali komprensiv li jkopri l-ambitu, l-iskala u l-karatteristiċi prinċipali tal-falsifikazzjoni u l-piraterija kif ukoll l-impatt tagħhom fuq is-suq intern. Dan ir-rapport ser jiġi mħejji bl-informazzjoni rilevanti provduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-settur privat, fil-limiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data;

    36.

    JISTIEDEN lill-Osservatorju biex jestendi l-istudju tal-kawżi, il-konsegwenzi u l-effetti tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-innovazzjoni, il-kompetittività, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà, il-kreattività u d-diversità kulturali fis-suq intern u biex jesplora l-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' taħriġ fil-livell tal-Unjoni Ewropea għal dawk involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija;

    37.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex tivvaluta, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kif jistgħu jiġu mtejba bl-aħjar mod, il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej kollha involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija bil-kooperazzjoni tal-operaturi ekonomiċi.

    38.

    IĦEĠĠEĠ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jesploraw kif jista' jsir l-aħjar użu mill-esperjenza u l-għarfien diġà disponibbli fl-Unjoni Ewropea u fl-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali biex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li tiġi provduta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet, b'mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, permezz tat-tisħiħ ta' portals jew helpdesks eżistenti u l-ħolqien possibbli ta' portals jew helpdesks ġodda, sabiex ikunu jistgħu jipproteġu b'mod effettiv u effiċjenti l-proprjetà intellettwali tagħhom;

    39.

    JILQA' l-approċċ ġdid u innovattiv tal-Kummissjoni biex jiġu ffaċilitati d-djalogi fost il-partijiet interessati, immirat għal miżuri volontarji miftehma b'mod konġunt għat-tnaqqis tal-falsifikazzjoni u l-piraterija f'konformità mal-qafas legali;

    40.

    JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti biex isegwu d-djalogi li għaddejjin bħalissa u biex ifittxu b'mod riżolut ftehimiet dwar miżuri prattiċi volontarji mmirati għat-tnaqqis tal-falsifikazzjoni u l-piraterija fis-suq intern, kemm online u kif ukoll offline;

    41.

    JISTIEDEN lill-Istati Membri biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe ftehimiet eżistenti msemmija fil-punt preċedenti u JINKORAĠĠIXXI lill-Kummissjoni biex tanalizza, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi, l-effikaċja ta' dawn il-ftehimiet fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni fis-suq intern sabiex jiġu ddikjarati l-aqwa prattiki eżistenti;

    42.

    JISTIEDEN lill-Kummissjoni, fil-limiti tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, f'każijiet fejn id-djalogi tal-partijiet interessati ma jkunux jistgħu jilħqu soluzzjonijiet miftehma, biex jirrevedu s-sitwazzjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u biex jippreżentaw proposti għal segwitu adatt, inklużi proposti għal leġiżlazzjoni, jekk meħtieġ u adatt;

    43.

    JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaġixxu għall-promozzjoni ta' livelli adatti u effettivi ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fi ftehimiet internazzjonali kemm bilaterjali kif ukoll multilaterali b'kont dovut għall-acquis tal-Unjoni.


    (1)  COM(2009) 467 finali tal-11 ta' Settembru 2009.

    (2)  ĠU C 253, 4.10.2008, p. 1.

    (3)  COM(2008) 465 finali tas-16 ta' Lulju 2008.

    (4)  ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

    (5)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

    (6)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

    (7)  ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16.

    (8)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 15.

    (9)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 8.

    (10)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 12.

    (11)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

    (12)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37.

    (13)  ĠU C 260, 30.10.2009, p. 1.

    (14)  ĠU C 71, 25.3.2009, p. 1.

    (15)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

    (16)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

    (17)  Id-dokument tal-Kunsill 13024/09.

    (18)  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

    (19)  Il-Kummissjoni ser tkompli tinforma lill-Istati Membri u l-Kunsill, kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati rilevanti kif adatt.

    (20)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.


    Top