Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0781

    2010/781/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Diċembru 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE biex testendi d-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument numru C(2010) 9015)

    ĠU L 333, 17.12.2010, p. 61–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/09/2012; Impliċitament imħassar minn 32008L0090

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/781/oj

    17.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/61


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-16 ta’ Diċembru 2010

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE biex testendi d-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 9015)

    (2010/781/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/34/KEE tat-28 ta' April 1992 dwar il-marketing tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott, maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni hija obbligata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/34/KEE li tiddeċiedi jekk materjal għat-tnissil tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott prodotti f'pajjiż terz u li joffru l-istess garanziji dwar l-obbligi tal-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir, l-imballaġġ, l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-immarkar u l-issiġillar, humiex ekwivalenti f'dawn l-aspetti kollha għall-materjal tat-tnissil tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott prodotti fil-Komunità u jikkonformawx mal-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

    (2)

    Madankollu, l-informazzjoni disponibbli attwalment dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw f'pajjiżi terzi għadha mhijiex biżżejjed biex tħalli lill-Kummissjoni tadotta xi deċiżjoni bħal din dwar xi pajjiż terz f'dan l-istadju.

    (3)

    Sabiex jiġi evitat li jitħarbtu x-xejriet kummerċjali, l-Istati Membri li jimportaw il-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u pjanti tal-frott minn pajjiżi terzi għandhom jitħallew ikomplu japplikaw kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikabbli għal prodotti simili tal-Unjoni skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE.

    (4)

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga stipulat fid-Direttiva 92/34/KEE għal importazzjonijiet bħal dawn għandu għalhekk jiġi estiż għal wara d-29 ta' Settembru 2012.

    (5)

    Id-Direttiva 92/34/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Ġenera u l-Ispeċji tal-Pjanti tal-Frott,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 92/34/KEE, id-data “il-31 ta' Diċembru 2010” hija sostitwita bi “id-29 ta' Settembru 2012”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 10.6.1992, p. 10.


    Top