EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0607

2010/607/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ April 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Belġju għar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende (Għajnuna mill-Istat C 30/08 [ex NN 21/08]) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2520) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 274, 19.10.2010, p. 103–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/607/oj

19.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/103


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ April 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Belġju għar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende

(Għajnuna mill-Istat C 30/08 [ex NN 21/08])

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2520)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/607/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) u l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jibagħtu l-kummenti tagħhom (3) skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (4) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra tas-16 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni waslilha lment dwar għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani lill-irkant tal-ħut ta’ Ostende, li ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza CP 40/2006. Fil-31 ta’ Lulju 2007, waslilha lment ieħor dwar l-istess suġġett.

(2)

B’ittri tat-13 ta’ Marzu 2006, is-26 ta’ Ġunju 2006 u l-11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex jipprovdu informazzjoni dwar dawn il-miżuri, li għalihom huma wieġbu b’ittri tal-11 ta’ Mejju 2006, l-20 ta’ Ottubru 2006 u s-27 ta’ Novembru 2007.

(3)

Wara eżami tal-informazzjoni u tad-dokumenti mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani, fit-3 ta’ Lulju 2008 l-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Belġjani dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(4)

B’ittra tas-16 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu lill-Kummissjoni ċerti dokumenti relatati mal-privatizzazzjoni tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende kkontemplata mill-Belt ta’ Ostende.

(5)

B’ittra tal-25 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Belġjani talbu estensjoni sat-8 ta’ Settembru 2008, biex jibagħtu l-kummenti tagħhom. L-estensjoni ngħatat fl-4 ta’ Awwissu 2008.

(6)

B’ittra tat-8 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Settembru 2008 (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(8)

Il-Kummissjoni ltaqgħet mal-awtoritajiet Belġjani fid-9 ta’ Ottubru 2008. Matul din il-laqgħa, l-awtoritajiet Belġjani taw informazzjoni dwar il-mod li bih huma kienu biħsiebhom jorganizzaw il-privatizzazzjoni tal-irkant tal-ħut.

(9)

Il-Kummissjoni waslulha kummenti mill-partijiet terzi interessati li ġejjin: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Portijiet tas-Sajd u l-Irkantijiet (l-EAFPA), in-Nationaal Overleg Visafslagen (in-NOVA), il-Flanders Ship Repair [it-Tiswija ta’ Bastimenti ta’ Flanders], iz-Zeebrugse Vis Promotie vzw (iz-ZVP), is-Suq tal-Ħut ta’ Grimsby, iz-Zeebrugse Visveiling (iz-ZV), iċ-Ċentru Ewropew tal-Ħut (l-EFC) u l-impriża ta’ tiswija tal-bastimenti msejħa “Gardec”.

(10)

B’ittra tal-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Belġju, li ngħata l-opportunità biex joffri reazzjoni. Il-Belġju ma bagħatx osservazzjonijiet addizzjonali dwar il-kummenti magħmulin mill-partijiet terzi.

(11)

B’ittra tat-8 ta’ Settembru 2009 bir-referenza C(2009)6907, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 li kienet tesiġi tweġiba sħiħa għall-mistoqsijiet kollha magħmulin fl-ittri tagħha tat-13 ta’ Marzu 2006, tas-26 ta’ Ġunju 2006 u tal-11 ta’ Lulju 2007 u fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(12)

B’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet Belġjani talbu estensjoni sad-9 ta’ Novembru 2009 biex jibagħtu l-informazzjoni. L-estensjoni ngħatat fid-9 ta’ Ottubru 2009. Fl-ittra tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani talbu wkoll lill-Kummissjoni tibgħatilhom il-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi. B’hekk, flimkien mal-għoti tal-estensjoni taż-żmien, il-Kummissjoni reġgħet bagħtet il-kummenti tal-partijiet terzi u kopja tal-ittra tagħha tal-4 ta’ Novembru 2008.

(13)

B’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet Belġjani għarrfu lill-Kummissjoni li huma qatt ma kienu rċevew l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008. Għal din ir-raġuni huma talbu perjodu ġdid ta’ xahar biex fih jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi.

(14)

B’ittra tal-5 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni tat estensjoni taż-żmien supplimentari lill-awtoritajiet Belġjani, sas-27 ta’ Novembru 2009, biex ikollhom l-opportunità jirreaġixxu għall-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi.

(15)

L-awtoritajiet Belġjani taw it-tweġibiet tagħhom għas-sejħa għall-informazzjoni, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar il-privatizzazzjoni tal-irkant tal-ħut.

(16)

B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2009, il-Belġju bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi.

2.   IR-RISTRUTTURAR TAL-IRKANT TAL-ĦUT TA’ OSTENDE FL-2001

(17)

L-irkant tal-ħut ta’ Ostende, oriġinarjament irkant proprjeta’ tal-Istat, kien maqsum f’ħafna biċċiet u - skont l-awtoritajiet Belġjani stess - tmexxa ħażin għal snin. Kien qed imur ħażin. Mill-1991 sal-2001, is-sehem tiegħu f’dik li kienet il-wasla tal-ħut fil-portijiet Belġjani kien waqa’ minn madwar 37 % għal 20 % (6). Mill-1997 sal-2001 il-fatturat tiegħu niżel minn EUR 20 550 000 għal EUR 13 440 000 (7). Tul ħafna snin, il-Belt ta’ Ostende (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Belt”), b’rabta mal-irkant, kienet qed tirreġistra telf medju annwali ta’ EUR 1 850 000 (inkluż fl-2001).

(18)

Fl-2001 il-Belt kellha tagħmel għażla bejn li tagħlaq l-irkant tal-ħut jew li tirristrutturah. Fit-23 ta’ Novembru 2001, il-Belt iddeċidiet li tirristruttura l-irkant tal-ħut ta’ Ostende billi ddawru f’kumpanija muniċipali awtonoma skont il-liġi Belġjana, bil-Belt bħala l-unika azzjonista tagħha.

(19)

Id-deċiżjoni li jsir ristrutturar tal-irkant kienet imsejsa fuq pjan finanzjarju li ppreżenta ipoteżi waħda (ikkwalifikata bħala li kienet waħda pożittiva) u fuq pjan ta’ ħidma ta’ żewġ paġni, imfassal minn HAMA Consult NV. Dawn id-dokumenti juru li l-irkant tal-ħut seta’ jagħmel il-qligħ fi żmien disa’ snin bil-kundizzjoni li jinbidel f’entità legali separata b’kapital ta’ avvjament ta’ BEF 250 000 000 (jiġifieri madwar EUR 6.2 miljuni), li kellu jitħallas kollu fi żmien ħames snin. Din il-kumpanija separata ssejħet “Autonoom Gemeentebedrijf Vismijn Oostende” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “AGVO”). AGVO ħadet il-kontroll finanzjarju relatat mar-radd lura ta’ diversi self bankarju b’rabta mal-irkant tal-ħut ta’ qabel ta’ Ostende.

2.1.   L-ISTRUTTURA TAL-KUMPANIJA

2.1.1.   AGVO

(20)

Kif imsemmi fil-paragrafu 18, biex ikun ristrutturat l-irkant tal-ħut, fit-23 ta’ Novembru 2001 (8) il-Belt stabbiliet il-kumpanija muniċipali awtonoma msejħa AGVO. Kumpanija muniċipali awtonoma bħal din hija entità legali separata, stabbilita skont l-Artikolu 261 tal-Liġi l-Ġdida dwar il-Muniċipalità, maħsuba biex ikunu organizzati istituzzjonijiet u servizzi muniċipali barra s-servizzi muniċipali ġenerali, ikkonċentrati fuq istituzzjonijiet jew servizzi ta’ natura kummerċjali jew industrijali u mmexxija skont metodi industrijali u kummerċjali.

(21)

Fir-rigward kemm tas-sehem f’ishma kif ukoll tal-korpi ta’ tmexxija, il-Belt, bħala l-muniċipalità fundatriċi, jeħtiġilha, skont il-liġi, jkollha l-maġġoranza tal-voti. Fil-fatt, il-Belt għandha 100 % tal-ishma f’AGVO u - skont l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni ta’ AGVO – tinnomina l-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi tagħha. Id-diretturi fil-maġġoranza tagħhom għandhom ikunu membri tal-Kunsill tal-Belt.

(22)

Bħalissa AGVO għandha mill-anqas żewġ sussidjarji proprjetà kollha tagħha: NV Exploitatie Vismijn Oostende (minn hawn ’il quddiem imsejħa “EVO”), u NV Pakhuizen (minn hawn ’il quddiem imsejħa “PAKHUIZEN”).

2.1.2.   EVO

(23)

EVO ġiet stabbilita fit-8 ta’ Awwissu 2002 biex tmexxi l-irkant u l-attivitajiet kollha relatati miegħu. EVO ngħatat kapital inizjali ta’ EUR 371 840. Is-sjieda nqasmet fi 15 000 sehem indaqs mingħajr valur nominali bejn AGVO, li kellha 14 999 sehem, u s-Sur Miroir, Membru tal-Kunsill tal-Belt, b’sehem wieħed.

(24)

EVO titmexxa minn Bord tad-Diretturi. Il-membri tal-bord huma nnominati mill-azzjonisti għal perjodu ta’ sitt snin, bil-possibbiltà li l-mandat tagħhom jiġġedded. It-tqassim tal-ishma juri li EVO hija kkontrollata kollha kemm hi minn AGVO.

2.1.3.   PAKHUIZEN

(25)

PAKHUIZEN ġiet stabbilita fl-1988 minn sidien ta’ bastimenti, biex timmaniġġa oġġetti mobbli u immobbli. Fl-2005, PAKHUIZEN ittieħdet minn AGVO permezz tax-xiri tal-ishma kollha tagħha għas-somma ta’ EUR 350 000.

(26)

PAKHUIZEN titmexxa minn Bord tad-Diretturi. Il-membri tal-bord huma nnominati mill-azzjonisti għal perjodu ta’ sitt snin, bil-possibbiltà li l-mandat tagħhom jiġġedded. Mill-2005 ‘l hawn PAKHUIZEN hija proprjetà ta’ AGVO u hija kkontrollata minnha.

2.2.   XOGĦLIJIET

2.2.1.   AGVO

(27)

Skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, AGVO hija fdata b’xogħlijiet li huma kkwalifikati mill-awtoritajiet Belġjani bħala xogħlijiet fl-interess pubbliku u xogħlijiet kummerċjali. “Ix-xogħlijiet pubbliċi” jitwettqu minn AGVO stess waqt li “x-xogħlijiet kummerċjali” jitwettqu mis-sussidjarji li huma kollha proprjetà tagħha, jiġifieri minn EVO u, mill-2005 ‘l hawn, minn PAKHUIZEN.

(28)

Fir-rigward tax-“xogħlijiet pubbliċi”, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li AGVO kienet fdata bit-tmexxija tal-port tas-sajd ta’ Ostende (li jinkludi l-immaniġġar u ż-żamma tad-dominju pubbliku u privat li jinsab fil-limiti tal-port tas-sajd), bl-ispezzjoni tal-ħut li jinħatt l-art għall-konsum, l-iffissar ta’ taxxi fuq prezzijiet tal-irkant waqt li jiġi ċċekkjat li l-ħut li nħatt l-art ikun suġġett għar-rekwiżit tal-VAT, it-tħaddim tal-magħlaq bejn il-kanal u l-baċir tas-sajd (li jintużaw mhux biss minn bastimenti tas-sajd), b’funzjonijiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi f’isem l-awtoritajiet lokali u bir-restawr u l-forniment ta’ bini lill-istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku jew tad-dritt semipubbliku bħar-Reġjun Fjamming u l-Provinċja ta’ Flanders tal-Punent.

2.2.2.   EVO

(29)

EVO tħaddem l-irkant tal-ħut ta’ Ostende. L-attivitajiet f’dan il-kuntest jikkonċernaw l-aktar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-irkant tal-ħut, il-kiri tal-imħażen u attivitajiet sussidjarji oħra. Fil-kuntest tat-tħaddim tal-irkant, EVO tapplika ħlas tal-irkant ta’ 6 % tal-prezz. Ix-xerrejja fl-irkant jintalbu jħallsu kummissjoni ta’ xerrej ta’ bejn 1 % u 3 %, u jkollhom iħallsu t-tariffa għall-kiri tal-kavetti tal-ħut. Mhux magħruf kemm iħallsu għal dawn tal-aħħar.

(30)

Barra minn dan, EVO tagħti self lil klijenti li huma sidien tal-bastimenti. Xi self reċenti ngħata b’rata skont ir-Rata Offruta tal-Euro Interbank (Euribor) + 2 %. Ma jidhirx, iżda, li s-self kollu ngħata skont dawk il-kundizzjonijiet. Bi bdil mas-self, is-sidien tal-bastimenti jeħtiġilhom jirkantaw il-ħut tagħhom f’Ostende

(31)

Barra dan, EVO tipprovdi lis-sidien tal-bastimenti b’ċerti faċilitajiet, bħal meta tikkontribwixxi parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha għat-trasport imkessaħ.

2.2.3.   PAKHUIZEN

(32)

L-attivitajiet ta’ PAKHUIZEN għandhom l-għan l-aktar li jibdlu, jirrestawraw, iżejnu jew iżejnu mill-ġdid, jibnu jew jibnu mill-ġdid u jwaqqgħu, jisfruttaw, imexxu u jikru oġġetti immobbli.

2.3.   IL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA INVOLUTI

2.3.1.   IL-KAPITAL INIZJALI U Ż-ŻIDIET KAPITALI

(33)

Meta kienet stabbilita, jiġifieri fit-23 ta’ Novembru 2001, AGVO ngħatat kapital ta’ avvjament ta’ BEF 250 000 000 (EUR 6 179 338,12) mill-Belt, li kellu jitħallas b’pagamenti rateali ndaqs kull sena fuq ħames snin. Mill-2002 ‘l hawn, tħallsu sitt pagamenti rateali tal-kapital inizjali, li jammontaw għal total ta’ EUR 3 596 665,62: EUR 619 734 tħallsu fit-28 ta’ Ġunju 2002, EUR 570 155 fis-26 ta’ Ġunju 2003, EUR 570 155 fil-25 ta’ Ġunju 2004 u EUR 570 155 fis-26 ta’ Ġunju 2005. Fil-kummenti tiegħu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Belġju indika li fl-2006 u fl-2007 kienu tħallsu żewġ pagamenti rateali addizzjonali ta’ EUR 619 734 l-wieħed. Sa fejn huwa magħruf mill-Kummissjoni, il-parti li fadal tal-kapital ta’ avvjament ta’ EUR 2 582 672,5 s’issa għadha ma ntalbitx minn AGVO.

(34)

L-awtoritajiet Belġjani wrew li AGVO użat parzjalment il-kapital ta’ avvjament għal “skopijiet pubbliċi” u għal radd lura ta’ pagamenti ta’ self bankarju kurrenti f’kapital u mgħax. Użatu wkoll biex tixtri l-ishma ta’ Pakhuizen. Fl-aħħar nett, użatu biex tħallas għal kollox il-kapital inizjali ta’ EVO u biex tagħti self lil EVO li wara (fil-31 ta’ Diċembru 2004, fil-31 ta’ Diċembru 2005 u fil-21 ta’ Diċembru 2007) inbidlu f’kapital permezz ta’ rimessa ta’ djun.

(35)

Meta kienet stabbilita, fit-8 ta’ Awwissu 2002, EVO ngħatat kapital inizjali ta’ EUR 371 840,29. Wara dan, AGVO żiedet il-kapital ta’ EVO f’għamla ta’ rimessa ta’ djun. Fil-31 ta’ Diċembru 2004, il-kapital żdiet b’EUR 1 387 044; fil-31 ta’ Diċembru 2005 b’EUR 710 000,75 u fil-21 ta’ Diċembru 2007 b’EUR 1 500 114,96. B’kollox AGVO tat kapital ta’ EUR 3 969 000 lil EVO.

(36)

Għalkemm l-awtoritajiet Belġjani kienu għarrfu lill-Kummissjoni li l-kapital inizjali ta’ EVO kien żdiet u li kien jammonta għal EUR 2 468 885 sal-31 ta’ Diċembru 2006, huma ma għarrfux lill-Kummissjoni bl-għamla partikolari ta’ dawn iż-żidiet fil-kapital. Kienet inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni għaż-żieda fil-kapital tal-21 ta’ Diċembru 2007 u għall-fatt li ż-żidiet fil-kapital kienu saru fl-għamla ta’ rimessa ta’ djun mill-kummenti li waslulha mill-partijiet terzi. Il-Belġju ma kkummentax dwar din il-parti tal-kummenti mill-partijiet terzi.

2.3.2.   GARANZIJI GĦAL SELF

(37)

Barra mill-kapital inizjali, il-Belt għenet kemm lil AGVO kif ukoll lil EVO, billi tathom garanziji ħielsa biex jiksbu self privat.

(38)

Għal AGVO dan kien jikkonċerna garanziji għal 3 selfiet, mogħtija fis-26 ta’ Marzu 2004 (EUR 609 379,40) u fit-23 ta’ April 2004 (EUR 2 117 500) u fit-22 ta’ April 2005 (EUR 550 000), f’ammont totali ta’ EUR 3 276 879 (BEF 132 199 987).

(39)

Għal EVO dan kien jikkonċerna garanziji għal selfiet, moghtija fit-28 ta’ Ġunju u fis-27 ta’ Settembru 2002. Iżda, skont l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Belġjani, is-selfiet inkwistjoni finalment ma tteħdux. Fit-23 ta’ April 2004 u fit-22 ta’ April 2005, il-Belt reġgħet tat garanziji ħielsa għal selfiet lil EVO. Is-selfiet ittieħdu u kienu jammontaw għal BEF 145 505 820 (EUR 3 606 995). Mingħajr ma ssemmiet data, l-awtoritajiet Belġjani wrew li l-Belt kienet ukoll iggarantiet self addizzjonali ta’ EUR 78 000. Minħabba li dan intwera fil-kummenti tal-awtoritajiet Belġjani bid-data tal-4 ta’ Settembru 2008, u li l-kummenti ta’ qabel kienu bid-data tat-23 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni tissoponi li din il-garanzija addizzjonali ngħatat f’dak il-perjodu ta’ żmien.

(40)

AGVO tat ukoll garanziji ħielsa lil EVO għal 2 selfiet għal ammont totali ta’ EUR 600 000. Ma nghatat ebda informazzjoni dwar id-data tad-deċiżjoni li tingħata l-garanzija ħielsa. Minħabba li EVO kienet stabbilita fit-22 ta’ Awwissu 2002, u d-dokument mibgħut mill-awtoritajiet Belġjani li jsemmi ż-żewġ selfiet kien qed jiddeskrivi s-sitwazzjoni tat-3 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni tissoponi li l-garanzija ngħatat f’dak il-perjodu.

2.3.3.   ART U BINI

(41)

Skont l-Artikolu 30 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha tat-23 ta’ Novembru 2001, AGVO hija mogħtija d-dritt esklussiv li tuża, mingħajr ħlas, l-art u l-bini tal-port tas-sajd ta’ Ostende (9).

(42)

L-Artikolu 30 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni juri wkoll li l-Belt tista’, fi stadju aktar tard, tittrasferixxi l-proprjetà (jew drittijiet oħra) ta’ dik l-art u ta’ dak il-bini lil AGVO.

(43)

Dan seħħ fis-26 ta’ Marzu 2004, meta l-Belt għamlet kontribuzzjoni lil AGVO billi ttrasferitilha l-proprjetà immobbli ta’ binjiet differenti li kienu jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende u li kienu jikkorrispondu għal superfiċje ta’ 57 500 m2. Din il-kontribuzzjoni saret b’valur inventarjat imniżżel fil-kontijiet muniċipali, li kien ta’ EUR 14 891 524. It-trasferiment kellu x’jaqsam biss ma’ binjiet (irkant tal-ħut, uffiċċji u mħażen) u mhux mal-art li fuqha l-binjiet kienu mtellgħin. L-art stess tintuża mill-Belt abbażi ta’ konċessjoni mingħajr terminu mir-Reġjun Fjamming, is-sid tal-plottijiet tal-art. AGVO ssoktat ikollha d-dritt esklussiv li tuża dawn l-artijiet abbażi tal-Artikolu 30 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha.

(44)

It-trasferiment ta’ proprjetà immobbli tas-26 ta’ Marzu 2004 inkluda 14 754 m2 ta’ binjiet suġġetti għal kuntratt ta’ kiri fit-tul bejn il-Belt u PAKHUIZEN, magħmul mal-Belt qabel fl-1989 għal perjodu ta’ 45 sena. Skont dan il-kuntratt, PAKHUIZEN tħallas levy simbolika ta’ BEF 1 000 (EUR 25) fis-sena għall-użu tal-bini. Bi tpattija, PAKHUIZEN jeħtiġilha kuntrattwalment, bi spejjeż tagħha u mingħajr jedd ta’ kumpens, tirrestawra l-imħażen deskritti fil-kuntratt ta’ kiri fit-tul biex ikunu konformi ma’ regolamenti fil-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, wara 27 sena ta’ kiri (fl-2016), il-Belt se tingħata benefiċċju annwali ta’ 50 % tal-profitt nett annwali ta’ PAKHUIZEN bħala kumpanija. L-awtoritajiet Belġjani wrew li PAKHUIZEN ma kinitx konformi mal-obbligi tagħha u l-imħażen indikati ma kinux restawrati, kif rikjest kuntrattwalment, talanqas mhux qabel l-2005. Iżda l-awtoritajiet Belġjani indikaw li wara li AGVO xtrat l-ishma ta’ PAKHUIZEN, kienu ntefqu EUR 257 872 fl-2005 u EUR 68 816 fl-2006 għal xogħol ta’ restawr u manutenzjoni. Mhux magħruf x’kien l-ammont eżatt tal-ispejjeż għax-xogħlijiet magħmulin fl-2007.

(45)

Mis-26 ta’ Marzu 2004, id-data li fiha l-Belt ittrasferiet il-proprjetà tal-bini lil AGVO, AGVO ssostitwiet lill-Belt bħala l-parti kontraenti fil-kuntratt ta’ kiri fit-tul ma’ PAKHUIZEN. Meta għamlet hekk, AGVO kellha l-jedd tiġbor EUR 25 kull sena, kif ukoll li tikseb, wara 27 sena ta’ kiri, il-benefiċċju ta’ 50 % tal-profitt nett annwali ta’ PAKHUIZEN bħala kumpanija.

(46)

Mis-57 500 m2 li kienu, għalhekk, disponibbli għal AGVO, il-Belġju wera li dawn huma mqassmin kif ġej:

13 600 m2 minnhom huma użati mis-sussidjarja EVO bħala bini għall-irkant tal-ħut, spazju/ħangar għax-xogħol u bini amministrattiv;

14 754 m2 minnhom huma mikrija lil PAKHUIZEN, li minnhom 955 m2 jintużaw għal attivitajiet tal-port;

2 700 m2 minnhom huma mħażen mikrija lil istituzzjonijiet tad-dritt (semi)pubbliċi;

8 156 m2 minnhom huma użati bħala toroq pubbliċi;

2 488 m2 minnhom huma użati għal ipparkjar pubbliku mingħajr ħlas;

2 400 m2 minnhom huma użati bħala park tal-kontejners għall-attivitajiet tas-sajd;

13 402 m2 minnhom huma baċiri.

(47)

EVO ma tħallasx kera għall-użu tal-binjiet. Il-Belġju qal li, bi tpattija, EVO tħallas l-ispejjeż kollha ta’ manutenzjoni u restawr. PAKHUIZEN tkompli tħallas EUR 25 fis-sena.

(48)

L-awtoritajiet Belġjani wrew li bejn il-31 ta’ Diċembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2007 EVO u PAKHUIZEN ħallsu rispettivament EUR 182 377,31 u EUR 381 835,16 għal xogħlijiet ta’ restawr u infrastruttura u EUR 193 255,70 u EUR 133 895,35 bħala spejjeż ta’ manutenzjoni.

2.4.   STRATEĠIJA KUMMERĊJALI

(49)

Matul is-snin ta’ wara r-ristrutturar, kemm AGVO kif ukoll EVO rreġistraw telf li baqa’ jiżdied minkejja profitt żgħir għal AGVO fl-2003/2004. Fl-aħħar tal-2006, AGVO kienet akkumulat telf ta’ kważi EUR 3 000 000 u djun għal żmien qasir u fit-tul ta’ aktar minn EUR 4 000 000, waqt li fl-aħħar tal-2006, EVO kellha tittrasferixxi ’l quddiem telf li kien jammonta għal aktar minn EUR 3 400 000, djun għal żmien qasir u fit-tul ta’ aktar minn EUR 5 800 000 u kapital negattiv ta’ kważi EUR 1 000 000.

(50)

Minkejja dak it-telf akkumulat, AGVO u EVO daħlu għal attivitajiet spekulattivi u ta’ espansjoni tal-attivitajiet tagħhom. Pereżempju fl-2006 AGVO ħadet 51 % sehem f’ishma f’kumpanija msejħa HAF Holding BO stabbilita fl-Islanda, waqt li EVO, fl-2006, daħlet għal proġett King Crab (10) (l-impriża Polardrift, stabbilita fin-Norveġja). EVO kienet involuta wkoll f’HAF Holding Islandiża. Minbarra dan, EVO għamlet kuntratt, fl-2005, ma’ aġent tal-bejgħ li bih l-aġent ingħata l-mandat li jixtri ħut ta’ kwalità għolja minn irkantijiet Islandiżi, li mbagħad kien jinbiegħ fl-irkant tal-ħut ta’ Ostende.

(51)

L-istrateġija kummerċjali ta’ EVO kienet deskritta mill-partijiet interessati differenti bħala kompetizzjoni mhux ġusta magħmula minn offerta, fost l-oħrajn, ta’ ħlas għal parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha għat-trasport ta’ ħut mgħobbi f’portijiet barranin għal Ostende u minn offerta ta’ self lis-sidien ta’ bastimenti b’kundizzjonijiet vantaġġjużi bil-patt li jirkantaw il-ħut li jaqbdu f’Ostende.

(52)

Dawn il-proġetti, kif ukoll l-istrateġija kummerċjali deskritta mill-partijiet terzi, jidher li juru li EVO ddeċidiet li tespandi s-sehem tagħha fis-suq u l-fatturat tagħha jkun x’ikun il-prezz. Fi kwalunkwe każ, il-kontijiet annwali ta’ AGVO u ta’ EVO jindikaw li EVO setgħet iżżomm il-preżenza tagħha fis-suq minkejja s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha biss bis-saħħa tal-appoġġ tal-Belt (11).

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   VANTAĠĠI MOGĦTIJIN LIL AGVO

(53)

AGVO ngħatat kapital inizjali ta’ BEF 250 000 000 (EUR 6 179 338). Meta qieset it-telf kbir tal-imgħoddi u l-pjan ta’ ħidma tassew qasir u mhux komplet, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li investitur privat ma kienx jinvesti ammont bħal dak fl-irkant tal-ħut, u li dan il-kapital ta’ avvjament, għalhekk, jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern minħabba li jidher li ma tħarsux il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji gwida għall-għajnuna biex ditti f’diffikultà jkunu salvati u jiġu rristrutturati (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Linji gwida S & R 1999”) (12) li kienu japplikaw fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

(54)

Il-Belt ukoll ikkontribwiet meta tat binjiet tagħha lil AGVO mingħajr ma talbet rimunerazzjoni għalihom jew mingħajr ma imponiet obbligi fuq AGVO ta’ valur simili. Il-Kummissjoni qieset li investitur privat kien ikun jeħtieġlu jħallas prezz raġonevoli għal kontribuzzjoni bħal dik u li d-donazzjoni tal-binjiet kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat. Din l-għajnuna dehret li naqqset l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ AGVO u li kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-operazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħet issib ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (13) (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Linji gwida dwar is-Sajd”) li setgħet tgħinha tippermetti l-għajnuna.

(55)

Il-Belt tat ukoll garanziji għal self lil AGVO. Waqt li operatur privat kien ikun jeħtieġlu jħallas primjum għall-garanzija, il-Belt tatha mingħajr ħlas. B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-garanziji kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. Ukoll, din l-għajnuna dehret li naqqset l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ AGVO u li kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-operazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħet issib ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida dwar is-Sajd li setgħet tippermettilha tqisha bħala kompatibbli mas-suq intern.

(56)

Fl-aħħar nett, il-Belt tat is-setgħa lil AGVO li tiffissa u tiġbor taxxi komunitarji, u li tuża d-dħul, vantaġġ li impriża privata ġeneralment ma jkollhiex. Il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-kawża ta’ Altmark  (14) ma kinux tħarsu u li l-vantaġġi li joħorġu mid-dritt li jkunu ffissati u miġburin taxxi komunitarji kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. Fin-nuqqas ta’ kull informazzjoni dwar dik it-taxxa, il-Kummissjoni kkonkludiet li, mad-daqqa t’għajn, dik it-taxxa kellha tkun analizzata bħala għajnuna għall-operazzjoni u li ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida dwar is-Sajd ma kienet se tagħmilha għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

3.2.   VANTAĠĠI MOGĦTIJIN LIL EVO

(57)

Il-Belt u AGVO taw garanziji għal self lil EVO. Waqt li operatur privat kien ikun jeħtieġlu jħallas primjum għall-garanziji, il-Belt u AGVO tawhom mingħajr ħlas u l-Kummissjoni kkonkludiet li dawn kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. Din l-għajnuna dehret li naqqset l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ EVO u li kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-operazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħet issib ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida dwar is-Sajd li setgħet tagħmel din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, esprimiet id-dubji tagħha li dawn il-miżuri setgħu jinstabu li kienu kompatibbli mas-suq intern.

(58)

AGVO ppermettiet lil EVO l-użu kontinwu mingħajr ħlas tal-binjiet li huma proprjetà tagħha, b’kollox ta’ 13 600 m2. Il-Kummissjoni qieset li investitur privat kien ikun jeħtieġlu jħallas prezz raġonevoli għalihom u li l-possibbiltà li dawn il-binjiet jintużaw mingħajr ħlas kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat. Din l-għajnuna dehret li naqqset l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ EVO u li kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-operazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħet issib ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida dwar is-Sajd li setgħet tagħmel din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, esprimiet id-dubji tagħha li dawn il-miżuri setgħu jinstabu li kienu kompatibbli mas-suq intern.

3.3.   VANTAĠĠ MOGĦTI LIL PAKHUIZEN

(59)

L-effett tat-termini tal-kuntratt ta’ kiri għal tul ta’ żmien bejn il-Belt u PAKHUIZEN kien li PAKHUIZEN setgħet tikseb benefiċċju minn tnaqqis kull sena fl-ispejjeż tal-operazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-vantaġġ kien jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat u ma kienx jaqa’ fl-ambitu ta’ xi waħda mill-miżuri msemmijin fil-Linji gwida dwar is-Sajd, jew fl-objettivi ta’ linji gwida orizzontali jew speċifiċi oħra li setgħu japplikaw għal din ix-xorta ta’ impriża. Kemm skont il-Linji gwida dwar is-Sajd rilevanti, kif ukoll skont ir-regoli orizzontali dwar Għajnuna mill-Istat, din ix-xorta ta’ għajnuna kellha titqies bħala għajnuna għall-operazzjoni li hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni, għalhekk, esprimiet id-dubji tagħha li dawn il-miżuri setgħu jinstabu li kienu kompatibbli mas-suq intern.

3.4.   VANTAĠĠI MOGĦTIJIN LILL-IMPRIŻI TAS-SAJD

(60)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li impriżi tas-sajd li jagħmlu użu mill-irkant tal-ħut ta’ Ostende kienu ngħataw vantaġġi minn EVO permezz tal-għoti ta’ servizzi b’rati ta’ ħlas anqas minn dawk li operatur privat normalment jitlob, u minn PAKHUIZEN li kienet tikri bini b’rati ta’ ħlas anqas minn dawk li operatur privat normalment jitlob.

(61)

Il-Kummissjoni qieset li dawk il-vantaġġi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u ma setgħet issib ebda dispożizzjoni fl-Artikolu 107 tat-TFUE jew fil-Linji gwida dwar is-Sajd li setgħet tagħmel din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, esprimiet dubji li dawn il-miżuri setgħu jinstabu li kienu kompatibbli mas-suq intern.

3.5.   KONKLUŻJONI

(62)

Fir-rigward ta’ dak li ntqal hawn fuq u mill-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri kollha msemmijin fit-taqsima 3 kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn l-għajnuniet mas-suq intern.

4.   KUMMENTI MIBGĦUTA MILL-PARTIJIET TERZI INTERESSATI

(63)

Il-partijiet terzi interessati kollha li bagħtu kummenti dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali qablu mal-argumenti mressqin fit-tali deċiżjoni. Barra dan, huma indikaw li kienu batew ħsara b’riżultat tal-għajnuna illegali mogħtija lil AGVO, EVO u PAKHUIZEN (telf ta’ klijenti u dħul finanzjarju) u ħeġġew lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tipprojbixxi l-għajnuna u titlob għal irkupru.

4.1.   EAFPA

(64)

L-EAFPA tisħaq li l-miżuri ta’ għajnuna involuti jgħawġu s-suq u tistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-għajnuna u titlob għal irkupru.

4.2.   NOVA

(65)

Bħala waħda mill-partijiet li lmentat, NOVA tappoġġa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali. Hija tqis li huwa importanti li tkun żgurata t-trasparenza fis-suq tal-irkant u li jkunu ggarantiti kundizzjonijiet indaqs. Tistieden ukoll lill-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa biex ikun żgurat l-irkupru tal-għajnuna li tista’ ma tkunx kompatibbli.

4.3.   FLANDERS SHIP REPAIR

(66)

Flanders Ship Repair tispjega li permezz tal-għajnuna mill-Istat, ix-shippers marru Ostende. Dan wassal, skont Flanders Ship Repair, għal telf ta’ dħul finanzjarju, minħabba li x-shippers li marru Ostende ma sewwewx aktar il-bastimenti tagħhom f’Zeebrugge. Flanders Ship Repair titlob għal deċiżjoni negattiva u rkupru, kif ukoll għal miżuri provviżorji.

4.4.   ZVP

(67)

ZVP, assoċjazzjoni ta’ xerrejja u proċessuri tal-ħut fil-kosta fil-Lvant tal-Belġju, tgħid li l-għajnuna kontra l-liġi mill-Istat, flimkien ma’ vantaġġi oħra, ippermettiet li l-irkant tal-ħut ta’ Ostende jattira b’mod artifiċjali bastimenti barranin u bastimenti minn Zeebrugge. Barra minn hekk, permezz ta’ diversi intervisti u stqarrijiet għall-istampa minn politiċi lokali u minn membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ EVO (l-aktar meta jissemma l-fatt li fil-Belġju hemm spazju biżżejjed għal irkant tal-ħut wieħed biss, jiġifieri Ostende), inxteħtu dubji dwar il-ġejjieni tal-irkant tal-ħut ta’ Zeebrugge, u, b’konsegwenza ta’ dan, dwar il-park kummerċjali tal-madwar. Dan ġab miegħu telf ta’ dħul finanzjarju u tnaqqis fl-investimenti u fl-isforzi fil-kummerċjalizzazzjoni, jew is-sospensjoni jew l-irtirar tal-investimenti u l-isforzi fil-kummerċjalizzazzjoni.

(68)

ZVP issemmi wkoll li ppruvat tqajjem kuxjenza dwar din il-problema mal-awtoritajiet lokali iżda ma rnexxilhiex.

(69)

Fl-aħħar nett ZVP issemmi li EVO kienet – permezz ta’ rappreżentant fittizju u bis-saħħa ta’ fondi pubbliċi – stabbiliet kumpanija li taqta’ l-laħam f’fetet, bl-isem ta’ Ostend Filleting Factory, li qed tidħol ukoll f’kompetizzjoni mhux ġusta.

4.5.   IS-SUQ TAL-ĦUT TA’ GRIMSBY

(70)

Is-Suq tal-Ħut ta’ Grimsby, irkant tal-ħut tar-Renju Unit, juri li għall-ħabta tal-2005/2006, EVO kienet bdiet tixtri ħut direttament mingħand sajjieda Islandiżi bi prezzijiet fissi (għoljin) u tirkanta dan il-ħut f’ħinijiet fissi f’Ostende, bosta drabi bi prezzijiet aktar baxxi, u tikkonkludi li dan it-telf tħallas minn flejjes pubbliċi. Is-Suq tal-Ħut ta’ Grimsby jħeġġeġ li ssir verifika tal-kontijiet finanzjarji ta’ EVO biex ikunu mistħarrġa l-metodi ta’ finanzjament tal-provvisti ta’ ħut Iżlandiż u t-telf li ġarrbet EVO minħabba dawn il-metodi ta’ bejgħ.

4.6.   ZV U EFC

(71)

ZV u EFC jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ prattiċi oħra mhux ġusti u dwar miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-użu minn AGVO/EVO tal-persunal tal-Belt, mingħajr ħlas, u garanziji ta’ prezzijiet mogħtija minn EVO u msejsa fuq il-prezzijiet tal-irkant f’Zeebrugse Visveiling.

(72)

Jispjegaw ukoll għaliex fil-fehma tagħhom hemm tagħwiġ tal-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa milqut.

(73)

Jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar injezzjonijiet addizzjonali ta’ kapital f’AGVO u f’EVO (permezz ta’ rimessa ta’ djun).

(74)

Fl-aħħar nett jinnotaw li l-awtoritajiet Belġjani ma ssospendewx l-għajnuna.

4.7.   GARDEC

(75)

Gardec hija impriża ta’ tiswija ta’ bastimenti li tinsab f’Zeebrugge. Tappoġġa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Iżżid tgħid li sofriet ħsara minħabba l-prattiki kummerċjali mhux ġusti f’Ostende (tnaqqis fil-fatturat) u tinnota li s-self mogħti lid-ditti f’diffikultà kellu l-effett li ħallihom jibqgħu ħajjin f’Ostende waqt li d-djun tagħhom baqgħu ma tħallsux f’Zeebrugge.

5.   IL-KUMMENTI TAL-BELĠJU DWAR ID-DUBJI ESPRESSI FID-DEĊIŻJONI LI TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(76)

Fil-kummenti tagħhom tat-8 ta’ Settembru 2008, wara l-ftuħ tal-proċedura formali, l-awtoritajiet Belġjani jqisu li l-Kummissjoni għandha tillimita l-investigazzjoni tagħha għas-suq tal-irkant tal-ħut. Minħabba li la AGVO u lanqas PAKHUIZEN ma huma attivi f’dawn is-swieq, il-miżuri meħudin favur tagħhom mhumiex rilevanti għal din il-proċedura. B’mod aktar ġenerali jqisu li l-Kummissjoni ma ddefinitx sewwa l-ambitu tal-investigazzjoni tagħha u li hemm riskju li l-għajnuna tingħadd darbtejn.

5.1.   KUMMENTI DWAR L-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL AGVO

(77)

L-awtoritajiet Belġjani jinsistu dwar il-fatt li AGVO ma għandhiex attivitajiet kummerċjali u li, għalhekk, ma jistax ikun hemm impatt fuq il-kompetizzjoni. L-għajnuna mogħtija lil AGVO, b’hekk, ma tistax għalhekk tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Iżidu jgħidu li l-aktar li jista’ jiġri hu li l-fondi biss li ntużaw għal EVO jistgħu jitqiesu fl-investigazzjoni (pereżempju l-parti tal-kapital inizjali li għadda għal għand EVO permezz ta’ AGVO). Huma jgħidu li l-bqija tal-fondi ntużaw għal xogħlijiet ta’ interess pubbliku u ma jistgħux ikollhom xi impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-irkant tal-ħut.

(78)

L-awtoritajiet Belġjani jinnotaw li minkejja li kien imwiegħed kapital inizjali ta’ avvjament ta’ EUR 6 197 338,12 lil AGVO, AGVO rċeviet biss EUR 3 569 667 s’issa.

(79)

F’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt li jinġabru taxxi jew tariffi, l-awtoritajiet Belġjani jqisu li dritt ta’ ġbir ta’ taxxi għandu rabta max-xogħlijiet ta’ AGVO li huma ta’ interess pubbliku u ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat u li f’kull każ, AGVO ma għandhiex is-setgħa li tiġbor taxxi għall-magħlaq u l-iskal.

(80)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-binjiet, jissottomettu li ma jkunx jimporta jekk il-binjiet kinux proprjetà tal-Belt jew ta’ entità pubblika oħra. Iqisu l-kontribuzzjoni tal-binjiet lil AGVO bħala sempliċiment allokazzjoni interna ta’ proprjetà. L-awtoritajiet Belġjani jfakkru li AGVO ma twettaqx attivitajiet kummerċjali u li l-kontribuzzjoni tal-binjiet ma tistax, għalhekk, tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Iżidu jgħidu li l-kontribuzzjoni tal-binjiet għandha rabta mal-obbligu li jsewwuhom u jżommuhom fi stat tajjeb u, għalhekk, AGVO ma kinitx vantaġġjata bil-kontribuzzjoni.

(81)

L-awtoritajiet Belġjani jqisu wkoll li l-garanziji ħielsa ma jistgħux jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat minħabba li ngħataw għal self magħmul minn AGVO għal xogħlijiet ta’ tiswija f’binjiet mikrijin lil awtoritajiet pubbliċi. Jammettu, iżda, li self wieħed garantit (self ta’ EUR 550 000) kien użat għal EVO.

(82)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Belġjani jinnutaw li s-sentenza tal-kawża ta’ Altmark ma tapplikax f’dan il-każ minħabba li x-xogħlijiet pubbliċi ta’ AGVO mhumiex ekonomiċi. Iżidu jgħidu li m’hemmx riskju ta’ sussidju inkroċjat minħabba li AGVO ma tagħmel ebda attività kummerċjali.

5.2.   KUMMENTI DWAR L-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL PAKHUIZEN

(83)

Il-Belġju jissottometti li Ostende għandha biss dritt limitat għall-artijiet u li l-ftehim ta’ enfitewsi huwa, għalhekk, ta’ valur kummerċjali mnaqqas. Minbarra dan, PAKHUIZEN għandha l-obbligu li ssewwi u tirrinnova l-binjiet, liema obbligu huwa ppreżentat bħala straordinarju u li jikkumpensa sewwa għall-kera simbolika.

(84)

L-awtoritajiet Belġjani jżidu jgħidu li PAKHUIZEN hija attiva biss fis-suq għax timmaniġġja l-binjiet użati fis-settur tas-sajd. Huma jqisu li l-attività tagħha bilkemm tista’ titqies bħala kummerċjali minħabba l-obbligi ta’ restawr involuti u minħabba l-valur baxx tal-binjiet. Fl-aħħar nett, minħabba li l-binjiet immaniġġjati minn PAKHUIZEN jistgħu jinkrew biss għal attivitajiet b’rabta mas-settur tas-sajd, l-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li PAKHUIZEN ma tikkompeti ma’ ħadd.

(85)

L-awtoritajiet Belġjani josservaw ukoll li AGVO xtrat l-ishma ta’ PAKHUIZEN bil-prezz tas-suq u li PAKHUIZEN tikri l-binjiet bi prezzijiet tas-suq (meta wieħed iqis li ma kinux fi stat tajjeb ta’ tiswija).

5.3.   KUMMENTI DWAR L-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL EVO

(86)

L-awtoritajiet Belġjani jgħidu li l-fatt li l-binjiet kienu għad-dispożizzjoni ta’ EVO mingħajr ħlas huwa kkumpensat mill-fatt li EVO kellha tħallas l-ispejjeż tar-restawr li normalment jitħallsu mis-sid tal-binjiet.

(87)

Jissottomettu wkoll li l-garanziji ħielsa mogħtijin għal self lil EVO għandhom ikunu analizzati fil-qafas tal-pjan ta’ privatizzazzjoni u tar-ristrutturar tal-irkant. Iqisu li fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut il-Belt aġixxiet bħala investitur privat, sakemm ir-rikapitalizzazzjoni tal-irkant tal-ħut kienet ta’ aktar profitt mill-aspett ekonomiku milli mill-għeluq tal-irkant u li bil-privatizzazzjoni, il-Belt kien ikollha l-possibbiltà li tirkupra l-investiment tagħha permezz tal-kera li kienet qed titlob mis-sid privat tal-irkant. Jisħqu wkoll li diġà fl-2002 kien hemm pjanijiet biex ikun ipprivatizzat l-irkant tal-ħut u li l-privatizzazzjoni kienet possibbli biss wara r-ristrutturar.

(88)

B’mod aktar speċifiku dwar il-garanzija ħielsa, josservaw li s-self intuża biex jitlesta l-iffinanzjar tal-irkant tal-ħut, li primarjament kien iffinanzjat b’injezzjoni ta’ kapital (lil AGVO u permezz ta’ AGVO lil EVO) mill-Belt. L-awtoritajiet Belġjani jinnutaw li permezz tal-garanzija l-Belt naqqset sostanzjalment l-ispejjeż magħmulin għar-ristrutturar. Żiedu jgħidu li mingħajr il-garanzija tal-Belt ma kien jingħata ebda self u jindikaw li hija prattika kummerċjali normali li impriża prinċipali toffri garanzija għal self li tkun daħlet għalih sussidjarja tagħha.

5.4.   KUMMENTI DWAR L-GĦAJNUNA MOGĦTIJA LILL-IMPRIŻI TAS-SAJD/LIS-SIDIEN TA’ BASTIMENTI TAS-SAJD

(89)

L-awtoritajiet Belġjani josservaw li l-Kummissjoni għaddet l-istess għajnuna darbtejn u li hemm jew għajnuna lil EVO jew lis-sajjieda iżda mhux lit-tnejn. Iqisu li jekk il-miżuri involuti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, allura jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fil-livell ta’ EVO u PAKHUIZEN u jgħawġu l-kompetizzjoni f’dak il-livell iżda mhux fil-livell ta’ sidien ta’ bastimenti u impriżi tas-sajd. Iżidu jgħidu li f’kull każ, EVO u PAKHUIZEN ma joffrux is-servizzi tagħhom ‘l isfel mill-prezzijiet tas-suq. Speċifikament, dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ EVO, huma jispjegaw li EVO toffri servizzi li huma proposti wkoll band’oħra. Josservaw ukoll li EVO ma tipproponix xi faċilitajiet ta’ ħżin, ma toffrix elettriku mingħajr ħlas u mhix responsabbli għall-port u għall-iskal. Juru li l-prezz tal-ilma huwa inkluż fit-tariffa tal-irkant u li EVO ma tagħti ebda self ‘l isfel mill-prezz tas-suq lis-sidien tal-bastimenti. Fl-aħħar nett, jgħidu li, fil-prattika, EVO qatt ma infurzat l-artikoli tal-kuntratt li jobbligaw lis-sid tal-bastiment jirkanta dak li jaqbad fl-irkant tagħha stess.

6.   IL-PROĊEDURA TA’ PRIVATIZZAZZJONI MNEDIJA WARA L-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI

(90)

Il-Belġju għarraf lill-Kummissjoni li fit-22 ta’ Mejju 2008 kien deċiż li jkun ipprivatizzat l-irkant tal-ħut ta’ Ostende u li l-Belt nediet proċedura ta’ għażla pubblika biex tattira sieħeb fl-operazzjonijiet għall-isfruttament ta’ EVO.

(91)

Fil-kummenti tiegħu, il-Belġju spjega li l-privatizzazzjoni se ssir permezz tat-twaqqif ta’ kumpanija ġdida li għandha twettaq l-isfruttament tal-irkant tal-ħut. Il-binjiet tal-irkant tal-ħut għandhom jgħaddu lura lill-Belt u l-kumpanija l-ġdida se jkollha tiffirma ftehim ta’ kiri mal-Belt. Il-kumpanija l-ġdida mhix se tkun obbligata tieħu l-kontroll tal-assi l-oħra tal-irkant tal-ħut (l-impjegati, l-kavetti, l-kuntratti, s-self lis-sidien tal-bastimenti, eċċ.).

(92)

Minħabba li l-bejgħ u l-ftehim ta’ kiri kellhom ikunu negozjati skont il-prezzijiet tas-suq, ebda għajnuna ma kellha tkun ittrasferita lill-kumpanija l-ġdida u ebda għajnuna ma setgħet tkun irkuprata mingħand il-kumpanija l-ġdida.

(93)

Fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2009, il-Belġju għarraf lill-Kummissjoni b’aktar żviluppi fil-proċess tal-privatizzazzjoni.

(94)

Huwa indika li, bħala l-ewwel pass, il-proprjetà tal-binjiet ta’ AGVO kienet ittrasferita lura, mingħajr ħlas, lill-Belt fl-4 ta’ Settembru 2009, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-binjiet (il-kuntratti ta’ kiri). Il-Belt ħadet ukoll self varju mingħand AGVO u PAKHUIZEN. Sussegwentement, il-proprjetà tal-binjiet kienet ittrasferita lir-Reġjun Fjamming li ħallas kumpens lill-Belt f’diversi għamliet: ir-Reġjun Fjamming ħallas EUR 3 500 000 lill-Belt u l-Belt ingħatat id-dritt li sal-1 ta’ Jannar jew, f’xi każijiet, sat-30 ta’ Ġunju 2010, tiġbor il-kera mħallsa mill-pubbliku u minn organizzazzjonijiet semipubbliċi li jikru l-binjiet. Fl-aħħar nett ir-Reġjun Fjamming ħa diversi djun u/jew self mingħand il-Belt.

(95)

Il-Belġju jsostni li l-fatt li l-proprjetà tal-binjiet kienet ittrasferita lura lill-Belt itemm il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat.

(96)

Il-Belġju wera wkoll li PAKHUIZEN iddeċidiet li ttemm il-ftehim ta’ kiri fit-tul magħmul mal-Belt fl-1989. Il-Belġju jistenna li PAKHUIZEN dalwaqt tkun likwidata, u b’hekk il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat tisfa allegatament mingħajr skop.

(97)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ EVO, il-Belġju spjega li l-kandidat li ssodisfa l-kriterji ta’ għażla ma offriex kundizzjonijiet li kienu sodisfaċenti għall-Belt. B’hekk EVO għandha tissokta teżisti sakemm jinstab kandidat xieraq li jieħu l-kontroll tal-assi tagħha.

(98)

Fl-aħħar nett, il-Belġju wera li AGVO kellha tissokta teżisti sakemm ikunu rranġati l-bqija tad-djun/tal-obbligi.

(99)

Il-Belġju jitlob lill-Kummissjoni tipposponi d-deċiżjoni tagħha sa ma jintemm il-proċess ta’ privatizzazzjoni.

7.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-BELĠJU DWAR IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET TERZI

(100)

Il-Belġju, fir-rigward tal-kwistjoni Islandiża, jindika li EVO qatt ma xtrat ħut b’mod dirett mingħand sidien ta’ bastimenti jew sajjieda Islandiżi iżda biss minn irkantijiet tal-ħut Islandiżi, permezz ta’ aġent tal-bejgħ.

(101)

Il-Belġju jżid jgħid li malajr deher li l-bejgħ mill-ġdid tal-ħut Islandiż ma kienx bi profitt. B’hekk, wara madwar sena, fis-17 ta’ Marzu 2006 kien deċiż li dan ix-xiri u l-bejgħ mill-ġdid jieqfu. Il-Belġju ssottometta kopja ta’ din id-deċiżjoni.

(102)

Il-Belġju jispjega li r-raġuni għaliex inxtara ħut bi prezzijiet għolja fi rkantijiet tal-ħut Islandiżi u mbagħad inbiegħ f’Ostende bi prezzijiet aktar baxxi ma kinitx minħabba xi strateġija bil-għan li tattira ħut Islandiż għal Ostende, iżda minħabba l-fatt li l-ħut ta’ kwalità ogħla li nxtara mill-aġent tal-bejgħ fl-Islanda u li kien maħsub għal EVO qatt ma wasal għand EVO iżda minflok inxtara direttament minn impriża privata li taqta’ l-laħam f’fetet, Luna Fish, waqt li ħut Islandiż ta’ kwalità inferjuri wasal għand EVO u mbagħad ma setax jinbiegħ bi prezzijiet li jħallu profitt, minħabba l-kwalità inferjuri tiegħu. Il-Belġju jikkonkludi li EVO kienet, għalhekk, aktarx vittma ta’ dawn il-prattiki. L-amministratur delegat ta’ AGVO/EVO u d-direttur kummerċjali tkeċċew meta l-problema saret magħrufa.

(103)

Dwar l-allegata disponibbiltà ħielsa ta’ impjegati ċivili għal xogħlijiet ta’ amministrazzjoni, kontabbiltà u manutenzjoni, il-Belġju jissottometti li d-dikjarazzjonijiet ta’ ZV huma msejsa biss fuq suspetti u li EVO għandha l-impjegati tagħha stess biex iwettqu dawk ix-xogħlijiet u li, barra dan, xi wħud mill-impjegati ta’ EVO xi minn daqqiet jagħmlu xogħlijiet ta’ interess pubbliku (manutenzjoni tat-triq tal-irkant tal-ħut).

(104)

Il-Belġju jsemmi wkoll li d-dikjarazzjoni magħmula minn ZV li EVO kellha tiggarantixxi prezz minimu b’referenza għall-prezz ta’ rkant fl-irkant tal-ħut ta’ Zeebrugse mhix sostnuta minn ebda element. Il-Belġju jżid jgħid li impriżi tas-sajd setgħu allegaw dan meta kienu qed jinnegozjaw ma’ ZV, bħala parti minn strateġija biex jiksbu kundizzjonijiet kummerċjali aħjar mingħand ZV.

(105)

Dwar il-kwistjoni ta’ Ostend Filleting Factory (OFF), il-Belġju jisħaq li d-dokumenti ppreżentati mill-partijiet terzi juru biss li OFF kienet stabbilita minn partijiet privati u ma jiżvelawx kif OFF kienet daħlet f’kompetizzjoni mhux ġusta. Il-Belġju juri li fil-fatt kien biss f’Marzu 2006 li PAKHUIZEN kisbet 60 % tal-ishma ta’ OFF. L-isem “OFF” imbagħad inbidel u sar “Ostend Premium Fish bvba” u eventwalment din il-kumpanija falliet fl-14 ta’ Jannar 2008.

(106)

Dwar l-allegat telf li Gardec u Flanders Ship Repair sofrew bħala riżultat tal-għajnuna mill-Istat, il-Belġju jqis li, ukoll jekk l-għajnuna mill-Istat kellha ġġiegħel bastimenti jmorru Oostende flok Zeebrugge, ir-rabta kawżali mat-telf xorta waħda ma kinitx murija. Il-Belġju jżid igħid li s-sidien tal-bastimenti mhux dejjjem iħallu l-bastiment tagħhom jissewwa fil-port ta’ pajjiżhom u minflok jagħmlu użu minn servizzi orħos ta’ tiswija fl-Ewropa tal-Lvant (il-Polonja). Il-Belġju josserva li f’Oostende kien hemm tnaqqis ċar fl-ammont ta’ xogħol tal-impriżi ta’ tiswija tal-bastimenti.

8.   SEJĦA GĦALL-INFORMAZZJONI

(107)

B’ittri tat-13 ta’ Marzu u tas-26 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani għal informazzjoni dwar il-pożizzjoni legali tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende, l-involviment tal-Istat, u talbet għal dettalji dwar x’kien għaddej finanzjarjament bejn l-Istat u l-irkant tal-ħut.

(108)

Fl-ittra tagħhom tad-19 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Belġjani saħqu dwar il-fatt li flimkien mal-attività kummerċjali tagħha (it-tmexxija tal-irkant tal-ħut), AGVO kienet fdata b’xogħlijiet ta’ interess pubbliku. L-informazzjoni mogħtija dwar dan il-punt kienet, iżda, qasira ħafna u ma kellha ebda element li kien iħalli lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-vantaġġi mogħtija mill-Belt lil AGVO setgħux jitqiesu bħala kumpens għal xogħlijiet ta’ interess (ekonomiku) ġenerali u jekk kienx hemm kumpens żejjed u riskji ta’ sussidji inkroċjati.

(109)

Għalhekk, kif ipprovdut fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani, b’ittra tal-11 ta’ Lulju 2007, jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar ix-xogħlijiet pubbliċi fdati lil AGVO. Staqsiet, b’mod partikolari, jekk x-xogħlijiet setgħux jitqiesu, u fuq liema bażi, bħala xogħlijiet ta’ servizz pubbliku skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (15).

(110)

B’ittra tas-27 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet Belġjani qalu biss li ebda wieħed mix-xogħlijiet fdati lil AGVO ma kien ekonomiku u li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE ma kinitx rilevanti. Qalu li AGVO ma tingħatax kumpens għal kull xogħol pubbliku li twettaq.

(111)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Lulju 2008 biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li AGVO, EVO u PAKHUIZEN kienu jiffurmaw grupp ta’ impriżi attivi fis-suq għal bejgħ fi rkant ta’ ħut u ta’ servizzi anċillari u kienu ngħataw diversi vantaġġi mill-Belt li ħolqu tagħwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq. Dwar il-kwistjoni ta’ kumpens għal xogħlijiet pubbliċi, il-Kummissjoni nnotat li ma kienx hemm element fl-inkartament li jindika li l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-kawża Altmark kienu tħarsu. Barra dan, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar dak il-punt, il-Kummissjoni ma kinitx f’qagħda li tiddetermina speċjalment jekk id-dritt li jkunu ffissati u miġbura taxxi setax jitqies bħala kumpens mogħti għal servizzi ta’ interess pubbliku, u kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna. Għaldaqstant, fil-paragrafu 121 tad-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Belġjani biex jikkomunikaw kull xorta ta’ informazzjoni li setgħet tkun ta’ użu għall-valutazzjoni tal-miżuri involuti.

(112)

Fil-kummenti tagħhom, li waslu fit-8 ta’ Settembru 2008, u matul laqgħa ta’ segwitu fid-9 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Belġjani ma pprovdewx xi element addizzjonali li kien jippermetti lill-Kummissjoni teżamina jekk il-vantaġġi mogħtijin lil AGVO setgħux jitqiesu bħala kumpens għal xogħlijiet ta’ interess (ekonomiku) ġenerali. Minflok, l-awtoritajiet Belġjani reġgħu tennew li l-kriterji ta’ Altmark ma kinux rilevanti minħabba li AGVO kienet involuta biss f’xogħlijiet pubbliċi.

(113)

Iżda din it-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti minħabba li AGVO kienet involuta wkoll f’attivitajiet ekonomiċi.

(114)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni, għalhekk, talbet, permezz ta’ sejħa għall-informazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2009, għal kull informazzjoni siewja u b’mod partikolari:

lista tal-attivitajiet differenti fdati lil AGVO b’distinzjoni bejn attivitajiet ekonomiċi, xogħlijiet ta’ interess pubbliku mhux ekonomiku u xogħlijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali;

il-parametri għall-kalkolu, il-kontroll u l-analiżi tal-kumpens għax-xogħlijiet ta’ interess pubbliku mhux ekonomiku min-naħa l-waħda u l-kumpens għax-xogħlijiet ta’ interess pubbliku ekonomiku min-naħa l-oħra;

l-arranġamenti biex ikun evitat u jitħallas lura kull kumpens żejjed;

l-ispejjeż magħmulin fit-twettiq tal-obbligu ta’ servizzi pubbliċi ekonomiċi, l-obbligu ta’ servizzi pubbliċi mhux ekonomiċi u tas-servizzi l-oħra u d-dħul finanzjarju relatat magħhom;

estratti ta’ kontijiet interni li juru b’mod separat l-ispejjeż u l-irċevuti assoċjati mas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u dawk assoċjati mas-servizz ta’ interess ġenerali mhux ekonomiku u dawk ta’ servizzi oħra, kif ukoll il-parametri għall-allokazzjoni ta’ spejjeż u dħul finanzjarju;

jekk ikun hemm, dokumenti li juru li AGVO hija konformi mar-raba’ kriterju ta’ Altmark, jiġifieri li l-livell ta’ kumpens meħtieġ kien stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża tipika, immexxija tajjeb, u fornita b’mod adegwat fl-istess settur, tagħmel wara li jitqiesu l-irċevuti u profitt raġonevoli mit-twettiq tal-obbligi.

(115)

Fl-ittra tagħhom tas-16 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Belġjani jerġgħu jtennu li AGVO hija fdata bix-xogħlijiet ta’ interess pubbliku li ġejjin: l-immaniġġjar tal-port tas-sajd, ir-restawr u l-kiri ta’ bini lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi, u l-immaniġġjar u l-manutenzjoni tad-dominju pubbliku (inkluża l-manutenzjoni tat-triq li tieħu għall-irkant tal-ħut). Jissottomettu li dawk ix-xogħlijiet huma ta’ interess pubbliku minħabba li ma jsirux favur benefiċjarji speċifiċi. Ma jagħmlux distinzjoni bejn xogħlijiet ta’ interess ġenerali mhux ekonomiku u servizzi ta’ interess ekonomiku pubbliku, iżda jammettu li xi xogħlijiet pubbliċi jew ix-xogħlijiet pubbliċi kollha jistgħu jkunu ta’ natura ekonomika.

(116)

L-awtoritajiet Belġjani jirrikonoxxu li AGVO, permezz tas-sussidjarja tagħha EVO, tagħmel attività kummerċjali, jiġifieri tmexxi l-irkant tal-ħut, li mhux ta’ interess pubbliku.

(117)

L-awtoritajiet Belġjani jgħidu li AGVO fil-fatt ma tirċevix kumpens għax-xogħlijiet tagħha ta’ interess ġenerali. Dawn huma ffinanzjati mill-baġit ta’ AGVO. Għalhekk ma hemmx metodoloġija biex ikun ikkalkulat il-kumpens. L-awtoritajiet Belġjani jżidu jgħidu li mhux possibbli, abbażi tal-kontijiet ta’ AGVO u ta’ EVO, li wieħed jiddistingwi bejn spejjeż u dħul finanzjarju relatati max-xogħlijiet ta’ interess ġenerali u max-xogħlijiet kummerċjali.

9.   L-AMBITU TAL-INVESTIGAZZJONI

(118)

Kif wieħed jista’ jiddeduċi mid-diversi paragrafi (pereżempju l-paragrafu 85) tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, l-ambitu tal-investigazzjoni huwa akbar mis-suq tal-irkant tal-ħut u jikkonċerna wkoll attivitajiet marbutin mal-irkant tal-ħut (il-kiri ta’ binjiet madwar l-irkant tal-ħut, l-immaniġġjar tal-port tas-sajd, eċċ.). Għalhekk, il-vantaġġi mogħtija lil AGVO jew lil PAKHUIZEN li ma jirrelatawx direttament mat-tħaddim tal-irkant tal-ħut ukoll jiffurmaw parti mill-proċedura attwali.

(119)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll il-vantaġġi mogħtija lil EVO, jew direttament mill-Belt jew minn AGVO. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-kapital inizjali ta’ EVO u ż-żidiet kapitali sussegwenti ma kinux analizzati bħala miżuri separati mill-kapital f’pagamenti rateali mogħti lil AGVO. Tqiesu biss bħala wieħed mill-użi li AGVO għamlet mill-kapital f’pagamenti rateali mogħti mill-Belt. Madankollu, fil-kummenti tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani sostnew li l-Kummissjoni ma ddistingwitx b’mod suffiċjenti bejn l-attivitajiet u x-xogħlijiet magħmulin minn AGVO, PAKHUIZEN u EVO u li, minħabba d-diviżjoni ta’ xogħlijiet bejn AGVO u EVO, il-vantaġġi mogħtija lil AGVO kienu rilevanti għall-investigazzjoni attwali biss limitatament minħabba li kienu “ttrasferiti” lil EVO. Għalhekk, f’ġieħ iċ-ċarezza u biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-awtoritajiet Belġjani, l-għoti lil EVO tal-kapital inizjali tagħha u ż-żidiet kapitali sussegwenti huma eżaminati separatament fil-punt 10.1.2.2.3. Il-kwistjoni dwar il-benefiċjarju reali tal-għajnuna hija eżaminata fil-paragrafu 319.

10.   IL-VALUTAZZJONI

10.1.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(120)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

10.1.1.   IMPRIŻI

(121)

Kif spjegat hawn fuq, din l-investigazzjoni tikkonċerna l-għajnuna li setgħet ingħatat lil AGVO, EVO u PAKHUIZEN u lill-impriżi tas-sajd li jagħmlu użu mill-irkant tal-ħut ta’ Ostende u mis-servizzi ta’ EVO u PAKHUIZEN. Dawn kollha għandhom ikunu kkwalifikati bħala impriżi skont l-Artikolu 107 tat-TFUE. L-unika entità li dwarha l-awtoritajiet Belġjani jikkontestaw dan serjament hija AGVO, li skont l-awtoritajiet Belġjani, teżegwixxi biss xogħlijiet ta’ interess pubbliku.

(122)

L-awtoritajiet Belġjani semmew li AGVO teżegwixxi “xogħlijiet ta’ interess pubbliku” (“taken van openbaar belang”). Iżda jidher li AGVO hija involuta f’attivitajiet ekonomiċi u għandha, għalhekk, titqies bħala impriża (16) skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għar-raġunijiet dettaljati fil-paragrafi 123 sa 129.

(123)

AGVO toffri bini għall-kiri lil istituzzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi u lil impriżi. AGVO qiegħda, għalhekk, direttament toffri servizzi fis-suq (servizzi ta’ kiri).

(124)

AGVO hija wkoll fdata bl-isfruttament u l-immaniġġjar tal-port tas-sajd. Kif il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw fil-kawża Aeroports de Paris  (17), l-immaniġġjar ta’ faċilitajiet infrastrutturali jista’ jikkostitwixxi attività ekonomika. Dan kien ikkonfermat, safejn jikkonċerna l-infrastruttura ta’ port, fost l-oħrajn fil-kawżi dwar l-iżvilupp tal-portijiet Fjammingi u tal-port ta’ Rotterdam (18). Il-Kummissjoni tinnota li AGVO qed toffri servizzi, prodotti u faċilitajiet ta’ infrastruttura bi ħlas. Tabilħaqq, skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, AGVO hija intitolata li tiffissa u tiġbor tariffi bħala rimunerazzjoni għas-servizzi tagħha.

(125)

Barra dan, AGVO toffri wkoll indirettament, permezz tas-sussidjarji tagħha EVO u PAKHUIZEN, prodotti u servizzi fis-suq.

(126)

AGVO għandha parteċipazzjoni ta’ kontroll f’EVO u f’PAKHUIZEN u fil-fatt teżerċita dak il-kontroll billi tinvolvi lilha nfisha direttament jew indirettament fil-immaniġġjar:

Kważi l-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi f’AGVO huma wkoll membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ EVO u ta’ PAKHUIZEN. Bejn l-2005 u l-2007 AGVO u EVO kienu membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ PAKHUIZEN.

Skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, AGVO hija fdata bl-immaniġġjar, l-iżvilupp u l-isfruttament tal-irkant tal-ħut u l-baċir tal-ħut ta’ Ostende u l-annessi tagħhom, kif ukoll bl-iżvilupp tal-attivitajiet kollha li huma direttament jew indirettament relatati magħhom. Fi kliem ieħor, AGVO hija mġiegħla mill-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha li tinvolvi lilha nfisha fl-immaniġġjar tal-irkant tal-ħut.

(127)

Hemm rabtiet oħra bejn AGVO, EVO u PAKHUIZEN li jkomplu juru l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi u funzjonali bejn AGVO u s-sussidjarji tagħha: AGVO ggarantiet self varju mogħti lil EVO; AGVO tqiegħed bini għad-dispożizzjoni ta’ EVO u PAKHUIZEN u l-kontijiet annwali ta’ AGVO jiżvelaw li AGVO tat regolarment self lil EVO u lil PAKHUIZEN.

(128)

Dawn l-elementi kollha jippermettu lil AGVO teżerċita funzjonijiet b’rabta ma’ kontroll, iżda wkoll ma’ direzzjoni u appoġġ finanzjarju lil EVO u PAKHUIZEN. Għal dawn ir-raġunijiet AGVO għandha titqies ukoll bħala impriża għall-finijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’EVO u f’PAKHUIZEN (19).

(129)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Belġjani stqarrew li EVO u PAKHUIZEN huma l-organi operattivi ta’ AGVO; li permezz ta’ EVO AGVO ħadet sehem f’attivitajiet kummerċjali, u li miżuri li jiffavorixxu lil AGVO jista’ jkollhom impatt fuq is-suq permezz ta’ EVO. Fil-kummenti u fit-tweġibiet tagħhom hemm it-tendenza li jittrattaw lil AGVO, PAKHUIZEN u EVO bħala impriża waħda u sostnew ukoll espliċitament li AGVO u EVO għandhom jitqiesu bħala entità waħda.

(130)

Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li AGVO ma għandhiex kontijiet separati għax-xogħlijiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi tagħha, u, għalhekk, ma jistgħux ikunu esklużi sussidji inkroċjati.

10.1.2.   VANTAĠĠI GĦALL-IMPRIŻI KKONĊERNATI

10.1.2.1.    Vantaġġi għal AGVO

10.1.2.1.1.   Kapital inizjali

(131)

Investimenti pubbliċi jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat fejn ikun ċar li awtorità pubblika li tinjetta kapital f’kumpanija ma tkunx sempliċiment qed tipprovdi kapital azzjonarju taħt kundizzjonijiet normali tal-ekonomija tas-suq. Dan ikun il-każ fejn il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija, u b’mod partikolari l-istruttura u l-volum tad-djun tagħha, tkun tali li ma jkunx mistenni qligħ normali (f’dividendi u qligħ kapitali) fi żmien raġonevoli mill-investiment kapitali. Għalhekk ikun meħtieġ li jkun ivvalutat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ dimensjoni li tista’ titqabbel ma’ dik tal-korpi li jimmaniġġjaw is-settur pubbliku, setax ikun imġiegħel jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali tal-istess daqs b’rabta mar-ristrutturar ta’ dik l-impriża jew jekk minflok setax jagħżel li jxoljiha wara li jitqiesu l-aktar l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fid-data ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet (20).

(132)

L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li d-deċiżjoni tal-Belt li tipprovdi kapital inizjali lil AGVO ta’ BEF 250 000 000 (EUR 6 179 338) kienet ekonomikament għażla razzjonali. L-għażla li l-irkant ikun ristrutturat saret abbażi ta’ pjan finanzjarju u ta’ pjan ta’ ħidma li juru li, b’investiment limitat, l-irkant seta’ jerġa’ jibda jagħmel profitt wara tmien snin jekk ma jeħux fuqu t-telf tal-passat. L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li investitur privat fl-istess sitwazzjoni kien jieħu l-istess deċiżjoni.

(133)

Abbażi tal-informazzjoni li kellha, il-Kummissjoni ma tistax tkun tal-istess opinjoni.

(134)

Kif muri hawn fuq, l-irkant tal-ħut ta’ Ostende kien sejjer ħażin u s-sehem tiegħu tas-suq kien qed jonqos b’mod kostanti fis-snin qabel ir-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li operatur privat normali, f’sitwazzjoni simili, ma kienx jagħmel dik l-għażla li jipprovdi kapital inizjali ta’ aktar minn EUR 6 000 000 abbażi ta’ pjan finanzjarju wieħed biss, li kien fih tbassir finanzjarju għall-perjodu mill-2002 sal-2010 f’“ipoteżi pożittiva”, u abbażi ta’ pjan ta’ ħidma ta’ żewġ paġni biss.

(135)

Dan hu aktar minnu minħabba li, kif stabbilit f’aktar dettall fil-paragrafu (259), AGVO, bħala l-kontinwazzjoni tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende, kienet tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà fiż-żmien meta ngħata l-kapital inizjali. Meta jħabbat wiċċu ma’ kumpanija f’diffikultà, operatur privat normali kien jipprova jikseb assigurazzjonijiet b’saħħithom dwar il-prospetti fil-ġejjieni tal-kumpanija u ma kienx ikun sodisfatt bid-dokumenti li abbażi tagħhom il-Belt ħadet id-deċiżjoni tagħha.

(136)

Il-Kummissjoni tisħaq dwar l-importanza tal-investiment min-naħa l-waħda u l-qagħda fit-tul ta’ telf kontinwu tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende (21) min-naħa l-oħra. Speċjalment fid-dawl ta’ dawn il-fatti, flimkien mal-fatt li d-ditta kienet qed topera f’suq kompetittiv ħafna iżda li kien qed jiċkien, operatur privat normali kien isejjes id-deċiżjoni tiegħu fuq pjan finanzjarju u ta’ ħidma ħafna aktar bir-reqqa li kien ikun fih ipoteżijiet u xenarji differenti, minflok ma kien iqis pjan finanzjarju msejjes fuq ipoteżi waħda, li kienet, barra dan, ikkwalifikata bħala “pożittiva”.

(137)

Jidher li kien ikun xieraq ukoll li operatur privat normali jsaqsi għal studju, b’mod partikolari dwar l-ispazju disponibbli tas-suq fl-industrija dak iż-żmien, abbażi ta’ valuri eżistenti ta’ ħatt l-art u domanda lokali; u jitlob pjan li jispjega kif l-attività kellha tkun ristrutturata, x’miżuri kienu kkontemplati biex ikun evitat li jerġa’ jiġri li jkun hemm it-telf kbir tal-imgħoddi u biex tingħata spinta lill-produttività (investimenti ġodda, strateġija ġdida ta’ kummerċjalizzazzjoni, eċċ.).

(138)

Iżda l-pjan ta’ ħidma ma fihx element wieħed minn dawn.

(139)

Barra minn dan, id-dokument huwa msejjes fuq għadd ta’ suppożizzjonijiet u elementi fattwali meħudin bħala ċerti iżda li mhumiex imfissrin jew ġustifikati u xi drabi jidhru li huma ipotetiċi ħafna jew improbabbli. Diffiċli, pereżempju, tkun aċċettata s-suppożizzjoni li l-fatturat tal-attivitajiet ta’ bejgħ fi rkant jiżdiedu b’10 % matul il-ħames snin li kienu ġejjin, għalkemm fil-perjodu qabel ir-ristrutturar il-ħatt l-art u l-fatturat kienu qed jonqsu l-ħin kollu, is-suq kien sar kompetittiv wisq u l-kwoti tal-ħut kienu qabdu n-niżla. Barra dan, m’hemmx spjegazzjonijiet dwar il-kalkolu tal-ispejjeż soċjali u ta’ appaltar u tal-ispejjez għall-ilma u l-enerġija. Barra minn dan, fil-pjan ta’ ħidma dawn l-ispejjeż jintwerew bħala li baqgħu assolutament kostanti matul id-disa’ snin wara l-ħolqien ta’ AGVO. Iżda dan bilkemm jidher li hu possibbli, l-aktar meta l-fatturat kien mistenni jirdoppja fl-istess perjodu.

(140)

B’riżultat ta’ dan, il-pjan finanzjarju u l-pjan ta’ ħidma mhux biss jidhru li huma qosra u mhux kompleti, imma tonqoshom ukoll il-kredibbiltà. Investitur privat normali ma kienx joqgħod fuqhom biex jinvesti BEF 250 000 000 f’impriża li qed tagħmel telf f’suq li qed jiċkien (22).

(141)

Ukoll kieku seta’ jkun ammess li l-pjan finanzjarju u l-pjan ta’ ħidma kienu kompleti u ta’ min joqgħod fuqhom, li mhumiex, il-Kummissjoni tosserva li investitur privat xorta waħda ma kienx jinvesti l-istess ammont bħalma għamlet il-Belt. Abbażi tal-pjan finanzjarju u l-pjan ta’ ħidma, jidher li ammont iżgħar ta’ kapital kien ikun suffiċjenti wkoll. Minħabba l-qligħ baxx mill-kapital, operatur privat normali ma kienx jinvesti ammont bħal dak meta ma kienx meħtieġ.

(142)

L-awtoritajiet Belġjani jqisu li d-deċiżjoni li jkunu segwiti l-attivitajiet kontinwi tal-irkant tal-ħut kienet aktar razzjonali milli li l-irkant jingħalaq.

(143)

Madankollu, l-awtoritajiet Belġjani ma jagħtu ebda indikazzjoni b’rabta mal-ispejjeż għax-xoljiment ta’ dawn l-attivitajiet u fil-fatt ma jispjegawx għaliex l-għeluq ma kienx deċiżjoni razzjonali.

(144)

L-awtoritajiet Belġjani jippruvaw ukoll jiġġustifikaw ir-razzjonalità tad-deċiżjoni meħuda fl-2001 biex jinjettaw BEF 250 miljun f’AGVO bid-deċiżjoni li jipprivatizzaw l-irkant tal-ħut. Jissottomettu li l-privatizzazzjoni attwali kienet parti mill-pjan ta’ ristrutturar deċiż fl-2001 u li ebda privatizzazzjoni tal-irkant tal-ħut ma kienet possibbli mingħajr ir-ristrutturar.

(145)

Il-Kummissjoni tfakkar li skont każistika u prattika kostanti, biex ikun eżaminat jekk l-Istat ikunx adotta jew le l-imġiba ta’ investitur prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu jkunu ttieħdu l-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju, biex jivvaluta r-razzjonalità ekonomika tal-imġiba tal-Istat u b’hekk biex milli jagħmel xi valutazzjoni msejsa fuq sitwazzjoni sussegwenti (23).

(146)

L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li l-privatizzazzjoni attwali tagħmel parti mid-deċiżjoni ta’ ristrutturar tal-2001 u li r-razzjonalità tad-deċiżjoni li l-irkant tal-ħut ikun ristrutturat għandha tkun eżaminata fid-dawl tal-proċess ta’ privatizzazzjoni. Iżda d-dokumenti differenti mibgħuta mill-awtoritajiet Belġjani ma jsostnux il-pretensjoni tagħhom. B’mod partikolari, din l-intenzjoni li jkun ipprivatizzat l-irkant tal-ħut ma tissemmiex fid-deċiżjoni għall-istrutturar tal-irkant tal-ħut, la fil-pjan ta’ ħidma u lanqas fil-pjan finanzjarju. Xejn f’dawk id-dokumenti ma juri li d-deċiżjoni li jkunu investiti EUR 6 200 000 fl-irkant tal-ħut ma kienet (fost l-oħrajn) motivata jew ġustifikata mill-fatt li dan l-investiment kien jagħmilha possibbli li l-irkant tal-ħut ikun ipprivatizzat wara li jkun għadda ċertu żmien. Huwa diffiċli li l-pretensjoni tagħhom tkun rikonċiljata mal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ AGVO li juru li AGVO kienet stabbilita għal żmien indefinit, li l-Belt kellha l-ħsieb li tikkontrolla lil AGVO u li sussidjarji jew kumpaniji fejn AGVO kellha interess kellhom ikunu kkontrollati minn AGVO (u b’hekk mill-Belt).

(147)

Barra dan, wieħed jistenna li d-deċiżjoni li ssir il-privatizzazzjoni kienet tkun ikkontemplata meta l-irkant tal-ħut kien jerġa’ jibda jħalli l-profitt biex jinkiseb prezz aħjar għall-irkant tal-ħut, fil-fatt prezz li jħalli jkun irkuprat għallanqas l-investiment addizzjonali ta’ BEF 250 miljun. Madankollu, mhux biss il-privatizzazzjoni ma kinitx imsemmija fil-pjan finanzjarju u fil-pjan ta’ ħidma, iżda d-deċiżjoni li ssir il-privatizzazzjoni lanqas ma ttieħdet f’waqt meta l-irkant tal-ħut kien qed iħalli profitt. Għall-kuntrarju, ittieħdet wara sentejn ta’ telf kbir, kemm fil-livell ta’ AGVO u ta’ EVO, u wara li l-Kummissjoni kienet bdiet l-investigazzjoni tagħha. Il-perspettiva tal-privatizzazzjoni b’hekk ma tidhirx li tagħmel parti mid-deċiżjoni ta’ ristrutturar meħuda mill-Belt fl-2001.

(148)

Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani wrew li l-imsieħeb privat futur kellu jieħu l-avvjament ta’ EVO u seta’ jagħżel l-assi li xtaq jieħu (impjegati jew le, magni jew le, lavanji tal-ħut jew le, eċċ.). Ma kellux jieħu l-obbligazzjonijiet ta’ EVO. F’dawn iċ-ċirkustanzi, diffiċli wieħed jifhem għaliex ma setax jittieħed approċċ simili fl-2001/2002 (mingħajr ma jkunu investiti BEF 250 miljun addizzjonali).

(149)

Barra minn dan, jekk dan kollu kien jagħmel parti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-irkant tal-ħut fl-2002, ebda investitur privat ma kien jaqbel li jinvesti BEF 250 miljun fl-irkant tal-ħut bil-ħsieb li jerġa’ jbiegħu wara, minħabba li ma kienx raġonevolment jistenna, abbażi tal-pjan ta’ ħidma, li kien jista’ jirkupra dan l-investiment sempliċiment bil-bejgħ tal-avvjament tal-irkant xi snin wara. F’dan ir-rigward, il-Qorti hija tal-fehma li investitur privat li jsegwi politika strutturali – kemm jekk tkun ġenerali kif ukoll jekk tkun settorjali – u li jkun iggwidat minn prospetti ta’ vijabbiltà fit-tul, ma setax ragonevolment iħalli lilu nnfisu, wara snin ta’ telf kontinwu, jagħmel kontribuzzjoni ta’ kapital marbut mal-bejgħ tal-impriża, li jneħħi kull tama ta’ profitt, ukoll għal żmien itwal (24).

(150)

L-awtoritajiet Belġjani jżidu jgħidu li r-ristrutturar segwit mill-privatizzazzjoni kien jippermetti li l-investimenti jkunu rkuprati permezz tal-kera meħtieġa għall-binjiet tal-irkant tal-ħut.

(151)

Iżda dan l-argument mhux konvinċenti lanqas. Il-pjan finanzjarju wera li għat-tmien snin li kien imiss, il-Belt kellha titlef BEF 121 603 000 (flimkien mat-telf akkumulat tal-passat) qabel ma kienet tista’ tirkupra parti mill-injezzjoni ta’ kapital ta’ BEF 250 miljun deċiża fl-2001. Il-Kummissjoni tinnota li l-Belt setgħet iddeċidiet, diġà fl-2002, li tikri l-binjiet tal-irkant tal-ħut lil parti terza. Dan seta’ ppermetta lill-Belt tirkupra, diġà mill-2002, l-ammont importanti ta’ flus minfuqa għall-irkant tal-ħut ta’ Ostende qabel ir-ristrutturar tiegħu, jew għallanqas li tirkupra mill-piż finanzjarju tar-rimborż tas-self bankarju minflok li tidħol f’riskju kbir ħafna – l-aktar fid-dawl tal-prestazzjoni fqira ta’ qabel tal-irkant – li żiedet l-ammont ta’ telf li kellu jkun irkuprat fi stadju aktar tard.

(152)

L-awtoritajiet Belġjani jisħqu wkoll li d-deċiżjoni li jsir ir-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ma kinitx ittieħdet b’mod ħafif, minħabba li d-deċiżjoni l-ewwel ma ntlaqgħetx mill-awtorità pubblika li timmonitorja l-Belt (“toezichtautoriteit”) għar-raġuni li ma kienx hemm perspettivi biżżejjed li l-irkant tal-ħut kellu jkun vijabbli. Tabilħaqq, id-dokumenti mogħtija lill-Kummissjoni juru li d-deċiżjoni biex l-irkant ikun ristrutturat kienet l-ewwel ma ntlaqgħetx minħabba li abbażi ta’ pjan finanzjarju inizjali, kien mistenni telf akkumulat ta’ BEF 190 000 000 wara ħames snin.

(153)

Minflok ma għamel id-deċiżjoni aktar razzjonali, dan l-element jiżvela li, fl-ewwel lok, l-intenzjoni li jkun irristrutturat l-irkant tal-ħut u li dan jingħata kapital addizzjonali ġdid lanqas biss kienet imsejsa fuq l-idea li l-irkant kellu jerġa’ jħalli profitt wara ċertu żmien. Barra minn hekk, dan jagħmel it-tieni pjan finanzjarju jidher ukoll anqas komplet u ta’ min joqgħod fuqu, minħabba li ma tingħata ebda spjegazzjoni dwar kif kien possibbli jintlaħqu riżultati differenti bħal dawn fl-ewwel u fit-tieni pjan. B’hekk huwa wisq anqas probabbli li investitur privat kien jieħu d-deċiżjoni li jinvesti BEF 250 miljun oħra fl-irkant fl-istess ċirkustanzi.

(154)

Abbażi tal-elementi msemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni li jkunu investiti BEF 250 miljun fl-irkant ma kinitx tittieħed fl-istess ċirkustanzi minn investitur privat normali. Dan huwa wkoll ikkonfermat mid-dokumenti mogħtija lill-Kummissjoni. Dawn juru li waħda mir-raġunijiet għaliex kien deċiż li l-irkant ikun ristrutturat minflok xolt kienet ta’ natura politika u soċjali, minħabba li r-ristrutturar kien jgħin biex jinżammu l-impjiegi f’Belt fejn ir-rati tal-qgħad kienu aktar minn 12 % (25), raġuni li investitur privat ma kienx iqis (26).

(155)

Għaldaqstant, din l-azzjoni tagħti vantaġġ lil AGVO meta titqabbel mal-kompetituri tagħha u b’hekk tiffavorixxi lil din l-impriża skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

10.1.2.1.2.   Art u binjiet

(156)

Skont l-Artikolu 30 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, AGVO ngħatat sa minn meta kienet stabbilita d-dritt esklussiv li tuża, mingħajr ħlas, l-art u l-binjiet tal-port tas-sajd ta’ Ostende.

(157)

Fl-2004, binjiet u infrastrutturi differenti li kienu jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende u li kienu jirrappreżentaw, skont ir-rekords tal-Belt dak iż-żmien, 57 500 m2, għaddew bħala kontribuzzjoni lil AGVO billi ngħatawlha fi proprjetà sħiħa. Skont il-kontijiet muniċipali, din il-proprjetà kellha dak iż-żmien, valur kontabbli ta’ EUR 14 891 524. Il-Kummissjoni ma rċevietx informazzjoni li kienet tippermettilha tiddetermina l-valur tas-suq tal-beni immobbli fiż-żmien meta l-proprjetà kienet ittrasferita lil AGVO.

(158)

L-awtoritajiet Belġjani jissottomettu li d-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-proprjetà tal-beni immobbli lil AGVO qatt ma setgħet titqies bħala għajnuna mill-Istat minħabba li kienet tikkonċerna biss trasferiment ta’ beni immobbli bejn żewġ awtoritajiet pubbliċi għax AGVO ma tipparteċipax f’attivitajiet kummerċjali.

(159)

Iżda, kif muri hawn fuq fil-punt 10.1.1 ta’ din id-Deċiżjoni, AGVO tipparteċipa direttament u indirettament permezz tas-sussidjarji tagħha f’attivitajiet kummerċjali u għandha titqies bħala impriża. Id-deċiżjoni biex tkun ittrasferita l-proprjetà tal-beni immobbli lil AGVO ma tistax, għalhekk, titqies bħala sempliċi deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ beni immobbli bejn żewġ awtoritajiet pubbliċi, speċjalment minħabba li l-beni immobbli inkwistjoni jintużaw l-aktar għall-attivitajiet ekonomiċi konċernati (is-servizzi ta’ kiri, it-tħaddim tal-irkant tal-ħut, l-immaniġġjar tal-port tas-sajd).

(160)

Il-Kummissjoni tqis li operatur privat normali ma kienx jaqbel għal trasferiment tal-proprjetà ta’ binjiet ta’ valur bħal dan, mingħajr ma jikseb prezz raġonevoli.

(161)

L-awtoritajiet Belġjani qalu li l-binjiet kienu f’kundizzjoni ħażina ħafna u li, għalhekk, il-valur kontabbli tal-binjiet kien stmat iżżejjed. Barra minn hekk, huma qalu li l-ispejjeż għar-restawr, li kellhom jitħallsu minn AGVO, kienu tant kbar li t-trasferiment tal-proprjetà seta’ jitqies bħala att null.

(162)

Iżda l-awtoritajiet Belġjani ma pprovdewx lill-Kummissjoni b’xhieda li turi li l-valur kontabbli tal-assi inkwistjoni kien stmat iżżejjed; il-Kummissjoni lanqas ma rċeviet xi xhieda li turi li l-ispejjeż tar-restawr kellhom ikunu daqs il-valur attwali tad-drittijiet ta’ proprjetà fuq il-binjiet involuti.

(163)

L-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni turi għall-kuntrarju li l-argument tal-awtoritajiet Belġjani ma jistax jintlaqa’.

(164)

L-ewwel u qabel kollox, għandu jkun innotat li qabel it-trasferiment tal-proprjetà u sa minn meta kienet stabbilita, AGVO ngħatat dritt esklussiv li tuża, mingħajr ħlas, l-artijiet u l-binjiet tal-port tas-sajd, inkluż l-irkant tal-ħut. L-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ma fihomx xi dmir speċifiku dwar restawr obbligatorju li kellu jsir minn AGVO. Skont l-Artikolu 3 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, AGVO kellha d-dritt li tagħmel, jekk tkun tixtieq tagħmel hekk, kull xogħol ta’ manutenzjoni, ta’ tiswija u ta’ modernizzazzjoni tal-binjiet (27), iżda l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ma fihomx xi dispożizzjoni li tqiegħed lil AGVO fl-obbligu li tirristawra ċertu binjiet.

(165)

AGVO kellha, b’hekk, l-artijiet u l-binjiet tal-port tas-sajd għad-dispożizzjoni tagħha sa minn meta kienet stabbilita, mingħajr ma kellha tħallas kera jew xi xorta ta’ rimunerazzjoni oħra. Operatur privat ma kienx jaqbel li jagħti drittijiet esklussivi ta’ użu lil impriża mingħajr ma jirċievi rimunerazzjoni xierqa.

(166)

L-Att ta’ Trasferiment permezz ta’ Donazzjoni ta’ proprjetà Immobbli tat-30 ta’ Diċembru 2004, li permezz tiegħu d-dritt ta’ proprjetà tal-binjiet kien ittrasferit mill-Belt lil AGVO, lanqas ma fih xi kundizzjonijiet jew obbligi partikolari għal AGVO dwar xogħlijiet speċifiċi ta’ restawr. Fil-fatt, dan huwa att ġenerali li bih il-Belt għaddiet id-drittijiet u l-obbligi kollha fir-rigward tal-binjiet inkwistjoni lil AGVO. Ir-responsabbiltajiet imposti fuq AGVO fl-att ma jidhrux li huma ta’ natura tali li tiġġustifika li ma kien meħtieġ ebda ħlas għat-teħid tal-proprjetà tal-binjiet.

(167)

Barra dan, mhux ikkontestat li AGVO għandha wkoll id-dritt li toffri l-binjiet għall-kiri jew li tagħti drittijiet ta’ konċessjoni. Il-binjiet, għallinqas parti minnhom, għandhom valur kummerċjali. L-awtoritajiet Belġjani ammettew li parti minnhom inkriet lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi u parti għal skopijiet privati (ara l-paragrafu (46) ta’ din id-Deċiżjoni).

(168)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li AGVO ngħatat vantaġġ ieħor b’rabta mal-imsemmija spejjeż ta’ restawr. L-awtoritajiet Belġjani pprovdew lill-Kummissjoni b’lista ta’ garanziji li ngħataw, mingħajr ħlas, għal ċertu self. Skont il-lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni, xi wħud minnhom kienu ta’ garanzija għal self li kellu l-għan jiffinanzja l-ispejjeż tar-restawr. Għalhekk, flimkien mal-fatt li AGVO ma kinitx obbligata tagħmel restawr bħal dak, l-ispejjeż ta’ mill-inqas xi rinnovazzjonijiet li AGVO għamlet tnaqqsu b’dawn il-garanziji. Ukoll għal din ir-raġuni, l-argument li t-trasferiment ta’ proprjetà sar, mingħajr ħlas, bħala xorta ta’ “kumpens” għal spejjeż ta’ restawr partikolarment għoljin li AGVO kienet obbligata tagħmel, ma jistax jintlaqa’.

(169)

Ukoll jekk l-ispejjeż tar-restawr setgħu jitqiesu bħala partikolarment importanti u li kkostitwew xorta ta’ rimunerazzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà tal-binjiet, ħaġa li ma ntwerietx mill-awtoritajiet Belġjani, il-fatt li AGVO ngħatat diġà sa minn meta kienet stabbilita d-dritt esklussiv li tuża mingħajr ħlas l-art u l-binjiet tal-port tas-sajd ta’ Ostende, xorta waħda jkollu jitqies bħala vantaġġ li għandu jkun ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat. Tabilħaqq, il-kwistjoni jekk il-Belt aġixxietx bħala investitur privat normali għandha tkun eżaminata fid-dawl tal-elementi disponibbli fiż-żmien li fih ittieħdet id-deċiżjoni (28). F’dan il-każ, meta ttieħdet id-deċiżjoni, il-Belt żgur kienet taf li kienet qed tagħti vantaġġ lil AGVO, minħabba li l-punt 11 tal-pjan ta’ ħidma mħejji minn HAMA Consult NV tad-9 ta’ Novembru 2001 isemmi b’mod ċar li l-irkant tal-ħut kien reċentement immodernizzat u li ma kienx mistenni jkun hemm investimenti importanti fl-għaxar snin li kien imiss.

(170)

Barra minn hekk, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta’ għajnuna mill-Istat f’bejgħ ta’ art minn awtoritajiet pubbliċi (29), biex trasferiment tal-proprjetà ta’ bini li jkun ta’ proprjetà pubblika jitqies li jkun konformi mal-valur tas-suq, il-bejgħ normalment ikollu jsir permezz ta’ proċedura ta’ offerti mhux kunfizzjonata, jew wara li tkun saret valutazzjoni esperta indipendenti. L-ebda waħda minn dawn il-proċeduri ma kienet segwita. Valutazzjoni esperta tal-valur tal-binjiet u tar-rimunerazzjoni xierqa għad-dritt ta’ użu esklussiv mogħti lil AGVO, u mbagħad it-trasferiment tal-proprjetà, kienu f’dan il-każ ferm aktar meħtieġa minħabba li l-awtoritajiet Belġjani qiesu li l-valur kontabbli ma kienx jaqbel mal-valur reali.

(171)

Għaldaqstant, jidher li d-dispożizzjoni ta’ mingħajr ħlas u sussegwentement l-għoti tal-binjiet mill-Belt lil AGVO huma att li ma jistax jitqies li huwa konformi ma’ standards ekonomiċi normali, bħal dak li kien jagħmel investitur privat normali f’kundizzjonijiet simili.

(172)

L-awtoritajiet Belġjani jqisu li peress li l-proprjetà kienet ittrasferita lura lill-Belt (mingħajr kumpens), m’hemmx aktar kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

(173)

Il-Kummissjoni, iżda, ma tistax taqbel ma’ din il-pożizzjoni.

(174)

Il-Kummissjoni tixtieq tinnota li l-fatt li l-proprjetà kienet ittrasferita lura lill-Belt ma jaffettwax il-fatt li, mill-2002 sal-2009, AGVO bbenefikat, mingħajr ħlas, mid-dritt esklussiv li tuża l-binjiet imsemmija, kemm jekk abbażi tal-Artikolu 30 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha jew abbażi tal-Att ta’ Trasferiment ta’ Proprjetà tat-30 ta’ Diċembru 2004. B’mod partikolari, mhix ħaġa ċerta jekk il-valur tal-proprjetà meta ġiet ittrasferita lura dan l-aħħar kienx għallinqas daqs il-valur tal-benefiċċji msemmijin fis-sentenza ta’ qabel, flimkien mal-imgħax li huwa dovut skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat dwar għajnuna kontra l-liġi u inkompatibbli li jkollha tiġi rkuprata.

(175)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, minħabba li AGVO kellha tkompli tuża dik il-proprjetà mingħajr ħlas jew b’rata ta’ kiri li kienet iktar baxxa minn dik tas-suq wara t-trasferiment tal-proprjetà, AGVO kienet se tkompli tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat (30).

10.1.2.1.3.   Garanziji ħielsa għal self

(176)

B’konformità mal-punt 2.1.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ garanziji (“Avviż ta’ Garanziji”) (31), garanzija mill-Istat titqies ta’ benefiċċju għal ċertu impriża fejn tippermetti lil min jissellef li jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji mingħajr ħlas ta’ primjum tas-suq għall-garanzija. Biex ikunu determinati l-kundizzjonijiet normali tas-suq, l-imġiba tal-Belt għandha titqabbel mal-imġiba tal-kreditur privat li jaġixxi bil-ħsieb li jkollu profitt raġonevoli (32).

(177)

L-Avviż ta’ Garanziji jagħti ċertu għadd ta’ indikazzjonijiet dwar kif garanzija tkun valutata fl-ambitu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari jgħid li biex garanzija ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, hija għandha tissodisfa ċerti kriterji. Uħud minnhom joħolqu problemi f’dan il-każ.

(178)

Ma tħallas ebda prezz tas-suq għall-garanziji minħabba li l-garanziji kienu għal kollox mingħajr ħlas.

(179)

Barra dan, il-garanziji koprew aktar minn 80 % tas-self mhux imħallas minħabba li koprew is-self kollu. Dan jirrinforza l-vantaġġ miksub minħabba li fil-każ ta’ garanzija mill-Istat ta’ 100 % ma jkunx hemm inċentiv għal min isellef biex jivvaluta sewwa l-affidabbiltà finanzjarja ta’ AGVO u b’hekk biex jiddetermina sewwa t-termini finanzjarji tas-self skont il-profil tar-riskju ta’ AGVO (33).

(180)

Huwa, għalhekk, ċar li dawn il-garanziji ppermettew lil AGVO tikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji (34), l-aktar fid-dawl tar-riżultati fqar u ta’ sikwit negattivi ta’ AGVO u s-sussidjarji tagħha.

(181)

L-awtoritajiet Belġjani jissottomettu li huwa normali għal azzjonista li jagħti garanzija mingħajr ħlas favur impriża li jikkontrolla. Iżda din id-dikjarazzjoni mhix sustanzjata minn xi xhieda jew eżempju. Barra minn hekk, huwa partikolarment diffiċli li dan ikun irrikonċiljat mal-imġiba ta’ kreditur privat.

(182)

Tabilħaqq, id-deċiżjoni tal-Belt li tagħti garanziji lil istituzzjonijiet finanzjarji għal self magħmul minn AGVO, mingħajr ħlas, hija partikolarment mhux tas-soltu f’kundizzjonijiet normali fis-swieq finanzjarji. F’sitwazzjoni normali, garanzija bħal din kien ikollha rimunerazzjoni bi primjum xieraq, li jirrifletti r-riskji konnessi mal-garanzija (35), ukoll jekk il-garanti jkun azzjonista li jkollu maġġoranza ta’ kontroll (36). Barra minn hekk, kreditur privat normali li jagħti garanziji jara li jinħarġulu ċerti titoli ta’ sigurtà qabel ma jagħtihom, u jivverifika minn qabel il-kundizzjonijiet tas-self, ir-riskju involut, eċċ., waqt li l-informazzjoni mogħtija mill-Belġju turi li dan ma kienx il-każ (37). Dan huwa aktar problematiku f’dan il-każ minħabba l-qagħda finanzjarja tal-irkant tal-ħut, li sofra telf rikurrenti u kbir fi snin mgħoddija u li jopera f’suq kompetittiv ħafna u li kien qed jiċkien (38).

(183)

Kif stabbilit f’aktar dettall fil-paragrafu (259), AGVO kellha titqies bħala kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji, jiġifieri skont il-Linji gwida S & R tal-1999. Skont prattika stabbilita, garanziji mogħtijin lil kumpaniji f’diffikultà jitqiesu li aktarx jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (39).

(184)

L-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li l-garanziji ngħataw għal self relatat ma’ xogħlijiet ta’ restawr li kellhom isiru f’binjiet mikrija lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi. Iżidu jgħidu li minħabba li dan huwa parti mill-ħidma pubblika ta’ AGVO, il-garanzija għandha titqies bħala parteċipanti f’din il-ħidma pubblika u, għaldaqstant, ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat.

(185)

L-ewwel nett ta’ min jinnota li mhux ċert jekk is-self garantit kienx fil-fatt użat kif kien maħsub. Anki jekk huwa minnu li l-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni x’aktarx turi li l-Belt tat il-garanziji abbażi tal-intenzjoni ta’ AGVO li s-self jintuża għall-iffinanzjar ta’ xogħlijiet ta’ restawr, jidher ukoll li l-Belt ma rrelatatx il-garanziji ħielsa mat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ restawr, il-Belt lanqas ma rtirat il-garanziji ħielsa jew talbet għal rimunerazzjoni meta wara ġie stabbilit li s-self kien fil-fatt intuża għal għanijiet oħra.

(186)

L-awtoritajiet Belġjani spjegaw li ġara li s-self intuża għal għanijiet oħra minflok dawk avżati. Pereżempju self ta’ Fortis li inizjalment kien maħsub biex jiffinanzja x-xiri tal-ishma f’PAKHUIZEN fl-aħħar ma ntużax għal dak l-għan iżda milli jidher għal xogħlijiet ta’ restawr.

(187)

L-awtoritajiet Belġjani, barra dan, ammettew li s-self ta’ EUR 550 000 mill-Bank ING, li għall-bidu kien maħsub għal xogħlijiet ta’ restawr, wara xi żmien intuża biex jgħin lil EVO. Mhux ikkontestat li l-garanzija ħielsa għal dan is-self ma tistax titqies bħala kontribuzzjoni għal xogħlijiet ta’ restawr. Fi kliem ieħor, ma jistax jingħad li l-Belt għamlet bħalma kien jagħmel garanti privat normali (inkluż dak li kien jikkontrolla l-kumpanija konċernata), jiġifieri li l-ewwel ikun eżaminat jekk is-self li l-garanzija kellha tkopri kienx probabbli ħafna li jitħallas, u mbagħad ikun ivverifikat jekk is-self kienx użat strettament għall-proġett li għalih kien oriġinarjament maħsub.

(188)

Inkwantu għal self garantit li fil-fatt intuża (kollu jew parti minnu) biex ikunu ffinanzjati xogħlijiet ta’ restawr, għandu jitfakkar li l-attività ta’ kiri ta’ AGVO hija attività ekonomika u li l-għoti ta’ garanzija ħielsa tiffavorixxi lil AGVO fis-suq tal-kera. Barra dan, il-garanzija ħielsa ttejjeb il-qagħda finanzjarja ta’ AGVO inġenerali, billi tippermettilha tuża r-riżorsi finanzjarji li, f’ċirkustanzi normali, kien ikollha tuża biex tħallas il-primjum għal għanijiet oħra milli għar-restawr tal-bini mikri lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi.

(189)

Fl-aħħar nett, ukoll jekk ikun aċċettat li l-kiri ta’ bini lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi seta’ jitqies bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li seta’ kien fdat lil AGVO, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kawża ta’ Altmark ma tħarsux, u għalhekk, il-konklużjoni għandha tkun li l-garanziji ħielsa jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(190)

Fis-sentenza tagħha fil-kawża ta’ Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li kumpens għal servizz pubbliku ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk jitħarsu b’mod kumulattiv il-kriterji li ġejjin: “(…) l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar (…)”; “(…) it-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (…)”; “(…) it-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi (…)”; u “(…) ir-raba’ nett, meta,f’każ speċifiku, l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku li tippermetti li jintagħżel il-kandidat kapaċi li jipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li, impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

(191)

Dawn il-kriterji ma tħarsux f’dan il-każ. Minbarra l-fatt li jista’ jkun ikkontestat jekk AGVO kinitx fdata b’obbligi ta’ servizz pubbliku b’rabta mal-kiri ta’ bini lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw espliċitament li ma kinux stabbiliti parametri għal kumpens. Barra dan, AGVO ma għażlitx sistema ta’ kontijiet separati u xejn ma jżomm milli jkun hemm kumpens żejjed u sussidji inkroċjati bejn id-diversi attivitajiet ta’ AGVO. Barra minn hekk, AGVO ma ntgħażlitx skont proċedura ta’ akkwist pubbliku, u l-awtoritajiet Belġjani ma wrewx li s-servizzi jingħataw bl-anqas spejjeż għall-komunità.

10.1.2.1.4.   Taxxi

(192)

Il-Belt tat lil AGVO d-dritt li tiffissa u tiġbor taxxi komunitarji għall-użu tal-port tas-sajd u tal-irkant.

(193)

It-taxxi miġburin b’dak il-mod minn AGVO jidher li jikkostitwixxu riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Istat, li parti (40) minnhom kienet ittrasferita lil AGVO. Barra minn hekk, jikkostitwixxu vantaġġ li hija normalment ma tirċevix u, għaldaqstant, jiffavorixxu lil din l-impriża skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(194)

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Belġjani wrew li l-ġbir tat-taxxa jagħmel parti mix-xogħlijiet ta’ interess pubbliku fdati lil AGVO, u fil-fatt jikkostitwixxi rikompens għalihom, b’mod partikolari x-xogħol tal-immaniġġjar tal-port tas-sajd. Huma jgħidu li t-trasferiment tax-xogħlijiet u d-dritt li jinġabru t-taxxi għandhom jitqiesu bħala sempliċi allokazzjoni ta’ xogħlijiet ġewwa l-Istat u ma jistgħux jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat.

(195)

Iżda, kif diġà ntwera fil-punt 10.1.1 ta’ din id-Deċiżjoni, AGVO tikkwalifika bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li l-awtoritajiet Belġjani rrikonoxxew ukoll fl-ittra tagħhom tas-27 ta’ Novembru 2009. Kif spjegat fil-paragrafu (124), l-immaniġġjar tal-port tas-sajd tikkostitwixxi attività ekonomika.

(196)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk id-dritt li jinġabru t-taxxi u li jintuża d-dħul jistax jitqies bħala kumpens għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u jekk il-kriterji kumulattivi tal-kawża ta’ Altmark tħarsux.

(197)

Iżda, kif kien diġà ġie stabbilit fil-paragrafu 191 ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-kriterji mhumiex imħarsin, minħabba li, pereżempju, ebda parametri għall-kumpens ma kienu stabbiliti.

(198)

Fl-aħħar nett, ukoll kieku kellu jkun aċċettat li d-dritt li jinġabru taxxi u li jintuża d-dħul minnhom kellu jitqies bħala kumpens/rimunerazzjoni għal xogħlijiet ta’ interess pubbliku (mhux ekonomiku), jibqa’ l-fatt li AGVO twettaq ukoll attivitajiet kummerċjali, li kienu espliċitament rikonoxxuti mill-awtoritajiet Belġjani. Minħabba li l-awtoritajiet Belġjani ammettew ukoll li AGVO ma kellhiex kontijiet separati u li ma kienx possibbli li jkunu iżolati l-ispejjeż u d-dħul finanzjarju relatati max-xogħlijiet mhux kummerċjali ta’ AGVO, ma jistgħux ikunu evitati s-sussidji inkroċjati u l-kwistjoni tat-taxxi għandha titqies bħala vantaġġ.

10.1.2.1.5.   Konklużjoni

(199)

Meqjusin il-premessi ta’ hawn fuq, l-azzjonijiet msemmija f’10.1.2.1.1. sa 10.1.2.1.4., inklużi, taw lil AGVO vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

10.1.2.2.    Vantaġġ għal EVO

(200)

Il-Kummissjoni tqis li ngħatat għajnuna lil EVO direttament mill-Belt bl-għoti ta’ garanziji ħielsa għal self minn banek privati, u, permezz ta’ AGVO, billi tħalliet tuża mingħajr ħlas 13 600 m2 ta’ binjiet, billi tatha garanziji ħielsa għal self minn banek privati u billi tatha kapital inizjali u żidiet fil-kapital.

10.1.2.2.1.   Garanzija ħielsa għal self

(201)

Fir-rigward tal-garanziji mill-Belt u mingħand AGVO, il-Kummissjoni tosserva li ma tħallas ebda prezz tas-suq għall-garanziji minħabba li l-garanziji huma għalkollox mingħajr ħlas. Barra minn hekk huma jkopru aktar minn 80 % tas-self mhux imħallas.

(202)

L-awtoritajiet Belġjani jissottomettu li huwa normali għal azzjonista, li jkollu parteċipazzjoni ta’ kontroll f’kumpanija, li jagħti garanzija mingħajr ħlas favur il-kumpanija li huwa jikkontrolla. Din id-dikjarazzjoni, iżda, mhix sustanzjata b’xi xhieda. Barra minn hekk, huwa partikolarment diffiċli li wieħed jirrikonċilja dan mal-imġiba ta’ investitur privat. F’sitwazzjoni normali, garanzija bħal din kien ikollha rimunerazzjoni bi primjum xieraq, li jirrifletti r-riskji konnessi mal-garanzija (41), ukoll jekk il-garanti tkun kumpanija prinċipali (42). Barra dan, il-Qorti diġà ddeċidiet li operazzjonijiet kummerċjali anki fi grupp ta’ impriżi pubbliċi għandu jkollhom rimunerazzjoni skont kundizzjonijiet normali tas-suq (43).

(203)

Ta’ min jinnota wkoll li, kif stabbilit f’aktar dettall fil-paragrafu (306), EVO kellha titqies bħala kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji skont il-Linji gwida S & R tal-1999 u l-Linji gwida tal-2004 dwar għajnuna mill-Istat biex ikunu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (44) (“Linji gwida S & R tal-2004”). Il-qagħda finanzjarja tagħha baqgħet diffiċli tul il-perjodu 2003-2008 kollu. Fi tmiem l-2003, aktar minn nofs il-kapital reġistrat tagħha kien għeb, qagħda li ma nbidlitx fis-snin ta’ wara minkejja ż-żidiet waħda wara l-oħra fil-kapital.

(204)

Skont prattika stabbilita, garanziji mogħtija lil kumpaniji f’diffikultà jitqiesu li aktarx jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (45).

(205)

L-awtoritajiet Belġjani żiedu jgħidu li mingħajr il-garanzija ħielsa mill-Belt, EVO ma kinitx tkun tista’ tikseb is-self. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ir-rikonoxximent u l-qagħda finanzjarja dejjem ħażina ta’ EVO, jiżvelaw li s-self mogħti minn banek privati b’garanzija ħielsa mogħtija mill-Belt (jew minn AGVO) lanqas ma kien jinkiseb, mingħajr dik il-garanzija. Għalhekk, anki s-self garantit jagħti vantaġġ lil EVO (46).

(206)

Fl-aħħar nett l-awtoritajiet Belġjani jissottomettu li l-garanziji kellhom jitqiesu bħala parti mir-ristrutturar tal-irkant tal-ħut.

(207)

Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li la l-garanzija ħielsa u lanqas l-investimenti li għalihom is-self jidher li nkiseb ma kienu jissemmew fil-pjan ta’ ħidma. Barra dan, is-self u l-garanziji involuti (jiġifieri dawk li kienu bdew jitħaddmu) ma kinux ingħataw fl-2002 meta EVO kienet stabbilita, iżda wara fl-2004 u fl-2005. Id-diversi garanziji mogħtija jiżvelaw ukoll li dawn ingħataw mat-talba kull darba li ntalab li EVO ħtieġet garanzija biex tikseb self mingħand istituzzjoni ta’ kreditu. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li self partikolari mogħti minn Fortis u ggarantit mill-Belt fil-fatt intuża biex jingħata self lil sidien tal-bastimenti, u huwa diffiċli li wieħed jara kif dan jista’ jitqies bħala parti mir-ristrutturar jew ukoll minn pjan ta’ privatizzazzjoni tal-irkant tal-ħut għall-ġejjieni.

(208)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-garanziji ħielsa mogħtija mill-Belt u minn AGVO taw vantaġġ lil EVO skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

10.1.2.2.2.   Binjiet

(209)

L-awtoritajiet Belġjani argumentaw li d-deċiżjoni ta’ AGVO li tagħti lil EVO d-dritt li tuża mingħajr ħlas il-binjiet tista’ titqies li taqbel ma’ standards normali tas-suq bħalma investitur privat normali f’kundizzjonijiet simili kien jagħmel.

(210)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dikjarazzjoni bħal din. Din id-dikjarazzjoni diġà hija kontradetta mill-fatt li l-awtoritajiet Belġjani kienu indikaw li l-imsieħeb strateġiku għall-ġejjieni kien ikollu jilħaq ftehim ta’ kiri għall-użu tal-binjiet tal-irkant tal-ħut u kellu jħallas il-kera. Barra dan, wieħed ukoll ma jistax jargumenta li AGVO, bħala l-proprjetarja sħiħa ta’ EVO (47), stenniet li l-profitti ta’ EVO kellhom ikunu sustanzjali biex il-qligħ kapitali li EVO kellha tagħmel kienu b’hekk jiġġustifikaw li AGVO ma titlobx ħlas ta’ kera. Wara kollox, l-irkant kien qed jagħmel medja ta’ telf kbir kull sena.

(211)

L-awtoritajiet Belġjani ssottomettew li n-nuqqas ta’ kera kien ikkumpensat mill-fatt li EVO kellha tħallas l-ispejjeż għar-restawr u t-tiswija tal-irkant tal-ħut li normalment kien iħallas is-sid. Skont l-awtoritajiet Belġjani EVO ħallset EUR 182 377,31 mill-2002 ‘l hawn għal xogħlijiet ta’ restawr u infrastruttura fl-irkant tal-ħut.

(212)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-awtoritajiet Belġjani ma ppreżentaw ebda dokument li jikkonferma li EVO kienet obbligata tħallas l-ispejjeż kollha tar-restawr tal-binjiet tal-irkant tal-ħut, u lanqas ma ppreżentaw xi dokument li jikkonferma li EVO fil-fatt ħallset EUR 182 377,31 għal xogħlijiet ta’ restawr.

(213)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-awtoritajiet Belġjani ma wrewx li kien ikun daqshekk mhux tas-soltu li kerrej iħallas spejjeż ta’ restawr jew li meta dan ikun il-każ, huwa ma kienx ikollu kera xi jħallas. Lanqas ma indikaw x’xorta ta’ xogħlijiet saru, u, għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina jekk ix-xogħlijiet inkwistjoni kinux mhux tas-soltu għal kerrej. Barra dan, jidher mid-dokument mibgħut li AGVO wkoll għamlet xogħlijiet ta’ restawr relatati mal-irkant tal-ħut bejn l-2004 u l-2007 għal ammont ta’ EUR 36 497,40. Dan ma jidhirx li huwa konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani li skontha EVO kellha tħallas l-ispejjeż kollha ta’ manutenzjoni u restawr.

(214)

Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani ma taw ebda xhieda li turi li EUR 182 377,31, li EVO allegatament ħallset għal xogħlijiet ta’ restawr, kienu jaqblu mal-kera li kellha titħallas għal aktar minn ħames snin għall-użu ta’ 13 600 m2 ta’ binjiet b’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(215)

Barra dan, ukoll jekk l-ispejjeż tar-restawr setgħu jitqiesu bħala partikolarment importanti u xorta ta’ rimunerazzjoni għall-użu tal-binjiet, ħaġa li ma ntweritx mill-awtoritajiet Belġjani, il-pjan ta’ ħidma tal-21 ta’ Novembru 2001 semma b’mod ċar li minħabba li l-irkant tal-ħut kien modernizzat reċentement, ma kinux mistennija investimenti importanti għall-10 snin li kien imiss. Għaldaqstant, meta AGVO ddeċidiet fl-2002 li tqiegħed mingħajr ħlas il-binjiet għad-dispożizzjoni ta’ EVO, mingħajr ma kien bir-raġun mistenni li l-ispejjeż, li kienu jirriżultaw mill-allegat obbligu ta’ EVO li tiffinanzja l-manutenzjoni tagħhom, kellhom ikunu mill-anqas daqs il-kera li operatur kien ikun lest iħallas għalihom, AGVO kienet qed tagħti vantaġġ lil EVO. Billi l-kwistjoni jekk AGVO aġixxietx bħal investitur privat normali għandha tkun eżaminata fid-dawl tal-elementi disponibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni (48), il-konklużjoni għandha tkun li fl-2002 EVO rċeviet għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE billi ngħatat l-użu mingħajr ħlas ta’ 13 600 m2 ta’ binjiet.

10.1.2.2.3.   Il-kapital inizjali u ż-żidiet kapitali ta’ wara

(216)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kapital inizjali ta’ madwar EUR 370 000 lil EVO, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha fil-punt 10.1.2.1.1. ta’ din id-Deċiżjoni. Tabilħaqq, l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-kapital inizjali f’EVO kien iffinanzjat mill-kapital inizjali f’AGVO. Minħabba li l-Kummissjoni diġà osservat li investitur privat ma kienx jagħżel li jirristruttura l-irkant tal-ħut u jinvesti BEF 250 miljun fih, huwa a fortiori ma kienx jagħżel li jagħmel hekk u jistabbilixxi sussidjarja ta’ 100 % b’parti mill-kapital il-ġdid.

(217)

F’dak li għandu x’jaqsam maż-żidiet kapitali bħala maħfra ta’ dejn minn AGVO, il-Kummissjoni wkoll tista’ tirreferi għall-analiżi tagħha fil-punt 10.1.2.1.1) ta’ din id-Deċiżjoni. Tabilħaqq l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li ż-żidiet kapitali kienu wkoll iffinanzjati (parzjalment (49)) mill-kapital inizjali ta’ AGVO.

(218)

Barra dan, hemm raġunijiet oħra għaliex għandu jitqies li AGVO ma aġixxietx bħalma kien jaġixxi investitur privat fl-istess sitwazzjoni.

(219)

Investimenti pubbliċi jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat fejn ikun evidenti li l-qagħda finanzjarja tal-kumpanija kkonċernata, u b’mod partikolari l-istruttura u l-volum tad-djun tagħha, tkun tali li ma jkunx mistenni qligħ normali (f’dividendi u qligħ kapitali) fi żmien raġonevoli mill-investiment kapitali.

(220)

Il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel żieda fil-kapital b’maħfra ta’ dejn kienet fil-31 ta’ Diċembru 2004 wara li EVO kienet ilha teżisti kważi sena u nofs. Iż-żieda fil-kapital evidentement tnisslet bħala miżura biex ikun paċut it-telf kbir ta’ EVO. L-istess jista’ jingħad għaż-żieda fil-kapital fl-2005 u fl-2007. Il-miżuri ovvjament ma tteħdux bil-ħsieb li jinkiseb xi qligħ fuq il-kapital f’perspettiva għal żmien qasir jew fit-tul, iżda biss biex ipaċu telf fl-imgħoddi. Investitur privat qatt ma kien jiddeċiedi jagħti ż-żidiet fil-kapital, speċjalment mhux l-aħħar żewġ żidiet. EVO ma kinitx f’qagħda finanzjarja u ekonomika tajba u kien ċar li s-sitwazzjoni ma kinitx qed tevolvi kif kien tħabbar fil-pjan ta’ ħidma fejn it-telf suppost li kellu jonqos b’mod regolari, flok jikber b’mod mgħaġġel. Tabilħaqq, diġà fl-aħħar tal-2003, aktar minn nofs il-kapital reġistrat ta’ EVO kien għeb, sitwazzjoni li ma nbidlitx fis-snin ta’ wara minkejja ż-żidiet waħda wara l-oħra fil-kapital. Mingħajr ebda perspettiva ta’ qligħ għall-ġejjieni fuq il-kapital, investitur privat ma kienx jagħżel li jżid il-kapital tal-kumpanija biex ipaċi t-telf (50). Minflok kien iqis bis-serjetà l-għażliet l-oħra li kellu (jagħlaq, ibiegħ, eċċ.) u kien għall-anqas jesiġi xi garanziji jew miżuri ta’ ristrutturar. Anki l-għamla partikolari taż-żieda fil-kapital (maħfra tad-dejn) tikkonferma li dawk iż-żidiet fil-kapital ma jistgħux jitqiesu bħala parti mir-ristrutturar ippjanat fl-2001.

(221)

Barra dan, għandu jkun innotat li EVO għandha titqies bħala kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji (51). Skont prattika stabbilita, żieda fil-kapital mogħtija lil kumpaniji f’diffikultà titqies bħala għajnuna mill-Istat (52).

(222)

Għaldaqstant, iż-żidiet waħda wara l-oħra fil-kapital li ngħataw lil EVO tawha vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

10.1.2.3.    Vantaġġ għal PAKHUIZEN

(223)

Dwar il-kuntratt ta’ kiri fit-tul għall-użu ta’ bini lil PAKHUIZEN (53), wara li titqies l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li dan jagħti vantaġġ. L-ewwel, il-ħlas ta’ EUR 25 biss fis-sena ma jistax jitqies pagament normali għal kirja fit-tul ta’ 45 sena relatata ma’ 14 754 m2 ta’ binjiet, ukoll jekk f’kundizzjonijiet ħżiena u fil-bżonn tar-restawr. Il-fatt li PAKHUIZEN jeħtiġilha tirristawra l-binjiet ma jbiddilx dan. Tabilħaqq, skont id-dritt Belġjan (54), sid il-bini ma għandux l-obbligu li jsewwih. B’kuntrast, il-kerrej għandu l-obbligu li jżomm il-bini f’kundizzjoni tajba u li jagħmel kwalunkwe xogħlijiet ordinarji ta’ tiswija. L-awtoritajiet Belġjani ma wrewx li x-xogħlijiet ta’ restawr li PAKHUIZEN kienet obbligata tagħmel skont il-kuntratt ta’ kiri fit-tul kienu jmorru lil hinn minn “xogħlijiet ordinarji ta’ tiswija”. Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani ma ġabux xhieda li l-ispiża li toħroġ minn dak l-obbligu kienet ugwali għal ħlas tal-kera li seta’ jinkiseb mill-binjiet skont kundizzjonijiet normali tas-suq.

(224)

Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani ammettew li PAKHUIZEN ma ħarsitx l-obbligi tagħha ta’ restawr u ma rrispettatx id-destinazzjoni tal-binjiet. Il-Belt ovvjament ma ħadet l-ebda azzjoni kontra PAKHUIZEN biex teżegwixxi l-ftehim, għalkemm kienet intitolata tagħmel dan. Għalhekk, ukoll jekk meta jitqiesu l-ispejjeż tar-restawr, il-kera ta’ EUR 25 fis-sena setgħet titqies li kienet taqbel mal-prezz tas-suq – li mhuwiex il-każ – PAKHUIZEN kienet wara kollox xorta tkun irċeviet vantaġġ mill-mument li deher biċ-ċar li l-Belt ma kinetx infurzat il-kuntratt.

(225)

Barra dan, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kirja tal-binjiet lil PAKHUIZEN, suġġetta għall-kundizzjonijiet ta’ manutenzjoni u restawr tal-binjiet, ta’ min jinnota li, skont il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, u meta jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta’ artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi, l-awtorità pubblika tista’ titqies li taġixxi bħala operatur f’ekonomija tas-suq jekk toffri l-kuntratti tagħha bl-ogħla prezz possibbli, f’offerta miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, lill-ogħla offerent jew wara stima tal-valur fis-suq imwettqa minn espert indipendenti. Jidher, iżda, li dan ma kienx il-każ.

(226)

Fl-aħħar nett, il-fatt li wara 27 sena sid il-binjiet (oriġinarjament il-Belt, imbagħad AGVO) ikun intitolat għal nofs il-profitt kull sena ta’ PAKHUIZEN ma jibdilx l-analiżi ta’ hawn fuq. Vantaġġ bħal dan huwa wisq ‘il bogħod u inċert biex ikollu xi valur nett ġenwin illum għal sid il-binjiet. Barra dan, ukoll jekk kellu valur bħal dan, l-awtoritajiet Belġjani ma wrewx li dan il-valur – anki jekk jittieħed flimkien mal-EUR 25 fis-sena u mal-ispejjeż (mhux ordinarji) tar-restawr – huwa tant għoli li jammonta għal kera skont il-prezz tas-suq għall-użu tal-beni immobbli minn PAKHUIZEN.

(227)

Bħala konsegwenza, PAKHUIZEN tibbenefika minn vantaġġ kull sena għall-ispejjeż tat-tħaddim tagħha li jikkostitwixxi vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(228)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ wara s-26 ta’ Marzu 2004, id-data li fiha AGVO saret is-sid tal-binjiet inkwistjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt ta’ kiri kompla japplika bl-istess kundizzjonijiet bħal qabel, u li l-vantaġġ għal PAKHUIZEN, għalhekk, kompla jeżisti.

10.1.2.4.    Vantaġġ għall-impriżi tas-sajd li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ EVO u ta’ PAKHUIZEN

(229)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura tal-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni osservat li EVO u possibbilment anki PAKHUIZEN kienu qed joffru lill-impriżi tas-sajd li jużaw l-irkant is-servizzi tagħhom b’rata anqas minn dik li operatur privat normali kien joffri.

(230)

Jidher li EVO tħallas lura parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha ta’ trasport bil-kontejners ta’ ħut li jkollu jkun irkantat f’Ostende minn diversi destinazzjonijiet fl-Ewropa. Barra dan, EVO tagħti self aktarx b’rati anqas minn dawk tas-suq bil-kundizzjoni li l-impriża li tissellef tbiegħ il-qbid tagħha fl-irkant ta’ Ostende.

(231)

Il-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi jissuġġerixxu li EVO adottat prattiki oħra li jfixklu l-kompetizzjoni normali tas-suq, iżda l-Kummissjoni ma rċevitx elementi li jikkonfermawhom. L-awtoritajiet Belġjani kkontestaw li EVO kienet qed toffri servizzi b’kundizzjonijiet anqas minn dawk tas-suq.

(232)

Għalkemm il-Kummissjoni ftit li xejn irċeviet xhieda dwar il-kundizzjonijiet kummerċjali li bihom EVO kienet qed toffri s-servizzi tagħha, ma jistax ikun eskluż li impriżi li jużaw l-irkant tal-ħut ta’ Ostende għandhom vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, f’dan il-mument, il-Kummissjoni tara ċerta qawwa fl-argument tal-awtoritajiet Belġjani li l-fatt li bis-saħħa tal-għajnuna mill-Istat, EVO setgħet toffri s-servizzi tagħha b’kundizzjonijiet aħjar milli kienet toffri mingħajr l-għajnuna ma jfissirx neċessarjament li għajnuna mill-Istat għaddiet favur is-sidien tal-bastimenti u l-impriżi tas-sajd.

(233)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li mhux possibbli tikkonkludi b’ċertezza li ngħadda vantaġġ lis-sidien tal-bastimenti. Barra minn hekk, aktarx li minħabba li l-Kummissjoni f’din id-Deċiżjoni qed tordna lil AGVO, lil EVO u lil PAKHUIZEN biex iwaqqfu u jirkupraw l-għajnuna, kull vantaġġ bħal dan mhux se jkompli jingħata jew għall-anqas se jonqos ħafna. Fl-aħħar nett, f’kull każ, il-benefiċjarju ewlieni tal-għajnuna jkun l-irkant ristrutturat tal-ħut li uża l-għajnuna biex iżomm lilu nnifsu fis-suq u biex iżid is-sehem tiegħu fis-suq billi offra servizzi b’telf u b’hekk fixkel il-funzjonament normali tas-suq.

10.1.3.   RIŻORSI TAL-ISTAT U IMPUTABBILTÀ TIEGĦU

(234)

Il-Kummissjoni tinnota li l-attivitajiet li hemm bħalissa huma azzjonijiet tal-Belt stess, kif ukoll azzjonijiet iffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u imputabbli lill-Belt.

10.1.3.1.    Għajnuna mogħtija minn amministrazzjonijiet pubbliċi

(235)

L-ewwel nett, il-Belt tat għajnuna lil AGVO billi pprovdietha b’kapital inizjali ffinanzjat mill-baġit tal-Belt, billi tatha garanziji ħielsa għal self minn banek privati, billi ttrasferitilha l-proprjetà tal-binjiet u billi tatha s-setgħa tiffissa u tiġbor taxxi komunitarji. Tat ukoll għajnuna lil PAKHUIZEN permezz tal-kuntratt ta’ kiri fit-tul għall-użu ta’ bini tagħha, u lil EVO billi tatha garanziji ħielsa għal self minn banek privati.

(236)

Dawn il-miżuri huma, għalhekk, iffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u imputabbli lill-Istat.

10.1.3.2.    Azzjonijiet imputabbli lill-awtorità pubblika

(237)

It-tieni nett, fir-rigward tal-vantaġġi mogħtijin minn AGVO lil EVO u minn AGVO lil PAKHUIZEN, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, AGVO hija l-unika azzjonista ta’ EVO (minbarra s-Sur Miroir, li għandu sehem wieħed mill-15 000 sehem u huwa fil-fatt Membru tal-Kunsill tal-Belt) u ta’ PAKHUIZEN, u li tinnomina l-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi ta’ dawk l-impriżi. Il-Belt hija l-unika azzjonista ta’ AGVO u l-Kunsill tal-Belt jinnomina l-membri kollha tal-Bord ta’ AGVO. Għaldaqstant, il-Belt hija f’qagħda fejn tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq AGVO.

(238)

Barra dan, skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, AGVO hija fdata bl-immaniġġjar, l-iżvilupp u l-isfruttament tal-irkant tal-ħut u tal-baċir tal-ħut ta’ Ostende u tal-annessi tiegħu, kif ukoll bl-iżvilupp tal-attivitajiet kollha li huma, direttament jew indirettament, relatati hemmhekk. Fi kliem ieħor, AGVO hija mġiegħla mill-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha li tinvolvi lilha nfisha fl-immaniġġjar tal-irkant tal-ħut.

(239)

F’dak li għandu x’jaqsam b’mod speċifiku mal-kiri fit-tul ta’ bini lil PAKHUIZEN, dan il-kiri ngħata direttament mill-Belt.

(240)

Għalhekk, fid-dawl tal-kawża ta’ Stardust  (55) u minħabba l-assistenza pubblika mogħtija lil dawk l-impriżi kif imsemmi hawn fuq, AGVO għandha titqies bħala korp kontrollat mill-Istat u d-deċiżjonijiet tagħha dwar injezzjonijiet kapitali lil EVO, garanziji ħielsa għal self lil EVO u d-dritt mogħti lil EVO li tuża mingħajr ħlas bini, għandhom jitqiesu bħala deċiżjonijiet iffinanzjati b’riżorsi mill-Istat u imputabbli lill-awtorità pubblika.

(241)

L-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx dawk is-sejbiet. Għall-kuntrarju huma kkonfermaw li l-Belt kienet tikkontrolla lil EVO u lil PAKHUIZEN permezz (56) ta’ AGVO.

10.1.4.   TAGĦWIĠ TAL-KOMPETIZZJONI U EFFETTI FUQ IL-KUMMERĊ

(242)

L-attivitajiet tal-Belt huma ta’ ġid għal AGVO, EVO u PAKHUIZEN. AGVO, EVO u PAKHUIZEN jiffurmaw grupp ta’ kumpaniji li joperaw f’suq komuni, billi jirkantaw ħut u jipprovdu servizzi relatati lis-settur tas-sajd.

(243)

Is-suq tal-irkantijiet tal-ħut huwa suq kompetittiv ħafna li fih l-irkantijiet ta’ Stati Membri ġirien jikkompetu direttament ma’ xulxin biex jattiraw sajjieda minn diversi Stati Membri. Għaldaqstant, kull benefiċċju mogħti lil irkant wieħed f’dan is-suq jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-irkantijiet u b’hekk jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(244)

Dan huwa kkonfermat mill-kummenti li waslu minn partijiet terzi. Tabilħaqq anki rkantijiet mir-Renju Unit, l-Olanda u rkantijiet oħra tal-ħut Ewropej jew assoċjazzjonijiet ta’ rkantijiet tal-ħut urew l-interess tagħhom fil-proċedura u wrew l-impatt li ħassew li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat kellhom fuq in-negozju tagħhom.

(245)

Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Belġjani indikaw li mhux biss l-irkant Belġjan iżda wkoll irkantijiet oħra tal-ħut minn Stati Membri oħra kienu wrew l-interess tagħhom fix-xiri tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende.

(246)

F’dak li għandu x’jaqsam mas-swieq tas-servizzi tal-kiri, għajnuna lil impriżi attivi f’dawk is-setturi tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni ma’ impriżi li jipprovdu servizzi ta’ kiri f’portijiet oħra tas-sajd, inkluż fi Stati Membri oħra, u ma’ impriżi li joffru bini b’kera qrib il-port tas-sajd ta’ Ostende (li jista’ tassew jinkludi impriżi minn Stati Membri oħra). Barra dan, il-miżuri ta’ għajnuna setgħu għenu biex iżommu jew isaħħu l-qagħda tas-suq ta’ AGVO u PAKHUIZEN, li l-attività tagħhom kienet jew setgħet tittieħed minn impriża oħra, mingħajr l-għajnuna. Ta’ min jiftakar li skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt biss li l-qagħda kompetittiva ta’ impriża tissaħħaħ, imqabbla ma’ impriżi oħra f’kompetizzjoni, billi tingħata benefiċċju ekonomiku li ma kinitx tirċievi mod ieħor fil-kors normali tan-negozju tagħha, jindika li jista’ jkun hemm tagħwiġ tal-kompetizzjoni (57).

(247)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ mmaniġġjar tal-portijiet tas-sajd, il-Kummissjoni tqis li għajnuna lil impriżi bħal dawn tista’ tgħawweġ il-kompetizzjoni ma’ impriżi li jmexxu portijiet oħra tas-sajd f’kompetizzjoni mal-port tas-sajd ta’ Ostende. Ukoll illi l-miżuri ta’ għajnuna setgħu għenu biex tinżamm jew tissaħħaħ il-qagħda tas-suq ta’ impriża li l-attività tagħha kienet jew setgħet tittieħed minn impriża oħra, mingħajr l-għajnuna (58).

(248)

Il-Kummissjoni tixtieq iżżid li għalkemm AGVO u PAKHUIZEN mhumiex attivi direttament fis-suq tal-irkant tal-ħut, huma jipprovdu servizzi li huma awżiljarji għal dik l-attività u li jħallu impatt fuq kemm l-irkant tal-ħut jista’ jiġbed il-klijenti. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li AGVO hija attiva indirettament fis-suq tal-irkant tal-ħut permezz tas-sussidjarja tagħha EVO. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija lil AGVO u lil PAKHUIZEN tista’ mhux biss tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-suq speċifiku fejn huma attivi (is-suq tal-kiri u s-suq tal-portijiet tas-sajd), iżda wkoll fis-suq tal-irkantijiet tal-ħut.

10.1.5.   KONKLUŻJONI

(249)

Meta jitqies dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-attivitajiet li ġejjin għandhom jitqiesu li jħarsu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u, għalhekk, li huma għajnuna mill-Istat:

(a)

il-vantaġġi mogħtija lil AGVO bid-deċiżjonijiet li ġejjin tal-Belt:

id-deċiżjoni li AGVO tingħata kapital ta’ avvjament ta’ BEF 250 miljun (jiġifieri EUR 6 179 338);

id-deċiżjoni li AGVO tingħata d-dritt esklussiv li tuża l-artijiet u l-binjiet li qegħdin fil-port tas-sajd;

id-deċiżjoni li jingħata bini lil AGVO;

id-deċiżjoni li jingħataw garanziji ħielsa għal self lil AGVO; u

id-deċiżjoni li AGVO tingħata d-dritt li tiġbor u tuża t-taxxi komunitarji;

(b)

il-vantaġġi mogħtija lil EVO bid-deċiżjoni:

li l-Belt tagħti garanziji ħielsa għal self lil EVO;

li AGVO ma titlobx ħlas ta’ kera lil EVO għall-użu tal-bini tagħha; u

li AGVO tagħti kapital inizjali u żidiet kapitali li jammontaw għal EUR 3 969 000 lil EVO;

(c)

il-vantaġġi mogħtija lil PAKHUIZEN mill-Belt u/jew sussegwentement minn AGVO, bil-kuntratt ta’ kiri fit-tul għall-użu tal-binjiet tagħhom.

10.2.   KOMPATIBBILTÀ

(250)

Għajnuna mill-Istat tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk tkun konformi ma’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fit-TFUE. L-impriżi kkonċernati huma impriżi attivi b’mod predominanti fis-settur tas-sajd. Huma wkoll attivi fis-suq għal servizzi ta’ kiri. Il-Kummissjoni tqis li AGVO, bħala maniġer tal-port tas-sajd, u EVO, bħala operatur tal-irkant tal-ħut, huma impriżi li parti sinifikanti tal-attivitajiet tagħhom għandha titqies li hija fl-ambitu tas-settur tas-sajd. Fir-rigward ta’ PAKHUIZEN aktarx li huwa anqas evidenti li din l-impriża tista’ titqies attiva fis-settur tas-sajd.

(251)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna mill-Istat lis-settur tas-sajd, miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ma jistgħux jitqiesu li jkunu kompatibbli mas-suq intern sakemm ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linji gwida dwar is-sajd. Skont il-punt 5.3 tal-Linji gwida dwar is-Sajd li huma fis-seħħ bħalissa, “għajnuna kontra l-liġi” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 se tkun ivvalutata skont il-linji gwida applikabbli fiż-żmien meta l-att amministrattiv li jistabbilixxi l-għajnuna jkun daħal fis-seħħ. Għaldaqstant, l-għajnuna trid tkun eżaminata abbażi tal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001, tal-2004 u tal-2008.

(252)

Minħabba li PAKHUIZEN ma tistax titqies li hija impriża tas-sajd, il-Kummissjoni tinnota li l-valutazzjoni tal-għajnuna għandha tkun imsejsa fuq il-linji ġenerali applikabbli għas-setturi kollha u fuq l-objettivi tal-għajnuna.

(253)

Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Belġjani ma kkontestawx l-analiżi tal-Kummissjoni safejn kellha x’taqsam il-kompatibbiltà.

10.2.1.   GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL AGVO

(254)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Belt lil AGVO, jeħtieġ li l-valutazzjoni tiddistingwi bejn id-diversi azzjonijiet u d-dati li fihom seħħew.

10.2.1.1.    Kapital inizjali

(255)

L-awtoritajiet Belġjani ssottomettew li l-kapital inizjali għandu jitqies fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende.

(256)

Skont il-punt 2.2.4 tal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001, applikabbli fiż-żmien tar-ristrutturar, l-għajnuna għar-ristruttur ta’ ditti f’diffikultà għandha tkun ivvalutata skont il-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat biex ikunu salvati u rristrutturati d-ditti f’diffikultà li kienu applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Linji gwida S & R tal-1999, inkluż meta din l-għajnuna jkollha x’taqsam ma’ impriżi attivi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (59).

(257)

Skont il-punt 2.1 tal-Linji gwida S & R tal-1999, ditta titqies li tkun f’diffikultà meta ma tkunx tista’, permezz jew tar-riżorsi tagħha stess jew bil-fondi li tkun tista’ tikseb mis-sid/azzjonisti jew kredituri tagħha, li żżomm telf li, mingħajr intervent minn barra tal-awtoritajiet pubbliċi, jikkundannaha kważi fiċ-ċert li tagħlaq fi żmien qasir jew wara ftit taż-żmien. Is-sinjali tas-soltu ta’ ditta li tkun f’diffikultà huma aktar telf, anqas fatturat, inventarji akbar ta’ stokkijiet, kapaċità eċċessiva, tnaqqis fil-fluss tal-likwidità, djun li qed jikbru, ħlasijiet aktar fuq imgħaxijiet u valur nett tal-assi nieżel jew xejn.

(258)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, m’hemmx dubju li l-irkant tal-ħut ta’ Ostende kellu s-sinjali kollha ta’ “ditta f’diffikultà” fl-2001. Tabilħaqq, kif spjegat fil-paragrafu (17), mill-1991 sal-2001, sehmu f’kemm jasal ħut f’portijiet Belġjani kien naqas minn madwar 37 % għal 20 %. Mill-1997 sal-2001 il-fatturat tiegħu niżel minn EUR 20 550 000 għal EUR 13 440 000 u, tul ħafna snin, il-Belt kienet qed tirreġistra telf medju kull sena ta’ EUR 1 850 000. Għaldaqstant, fl-2001 il-Belt kellha tiddeċiedi jekk tagħlaqx l-irkant jew tirristrutturah. Il-Kummissjoni, għalhekk, tqis li l-irkant tal-ħut ta’ Ostende jikkwalifika bħala “ditta f’diffikultà” skont it-tifsira tal-Linji gwida S & R tal-1999. L-awtoritajiet Belġjani ma oġġezzjonawx għal din il-konklużjoni.

(259)

Għalkemm AGVO hija entità ġuridika stabbilita ġdida, il-Kummissjoni tinnota li l-kostituzzjoni tal-kapital inizjali ta’ AGVO kienet parti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende. Minħabba li dan tal-aħħar kien kumpanija f’diffikultajiet u AGVO kienet inħolqot biss għall-finijiet tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende, u billi AGVO kienet ħadet mhux biss l-assi tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende iżda wkoll il-piżijiet finanzjarji ta’ diversi selfiet bankarji, AGVO tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà fiż-żmien meta ngħata l-kapital inizjali. Għalhekk jista’ titqies li l-kapital inizjali jikkostitwixxi għajnuna għar-ristrutturar (60) skont it-tifsira tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(260)

Għalkemm AGVO hija eliġibbli għall-għajnuna skont il-punt 30 tal-Linji gwida S & R tal-1999, l-għajnuna għar-ristrutturar tal-irkant mogħtija billi ġiet stabbilita AGVO u ngħatat kapital ta’ avvjament ta’ BEF 250 miljun (EUR 6 179 338) ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà mas-suq intern stabbiliti fil-paragrafu 32 tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(261)

B’mod partikolari, skont il-punt 32 ta’ dawk il-Linji gwida, “il-pjan ta’ ristrutturar, li kellu jdum mill-anqas possibbli, kellu jġib lura l-vijabbiltà fit-tul tad-ditta f’temp ta’ żmien raġonevoli u abbażi ta’ assunzjonijiet realistiċi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ tħaddim għall-ġejjieni”. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-pjan ta’ ristrutturar imsemmi fil-paragrafu (19) jissodisfa dawk il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ma fihx miżuri interni speċifiċi biex jitjieb it-tħaddim tal-irkant u biex ikunu abbandunati attivitajiet li jagħmlu t-telf.

(262)

Barra dan u kuntrarjament għal dak li huwa meħtieġ skont il-punt 32 tal-Linji gwida S & R tal-1999, ir-ristrutturar ma jidhirx li kien imsejjes fuq stħarriġ tas-suq li jagħti informazzjoni dwar prospetti futuri għal provvista u domanda, analiżi tas-suq konċernat u l-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Anness I tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(263)

Il-pjan ta’ ristrutturar lanqas ma fih l-elementi msemmijin fil-punt 33 tal-Linji gwida S & R tal-1999, jiġifieri ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija, biex b’hekk jipprovdu l-bażi biex ikun ivvalutat jekk il-miżuri proposti kinux xierqa; il-qagħda ta’ prospetti preżenti u futuri għal provvista u domanda fis-suq rilevanti ta’ prodotti, b’xenarji li jirriflettu l-aħjar każ u l-agħar każ, u assunzjonijiet intermedji u s-saħħa u d-dgħufijiet speċifiċi tad-ditta.

(264)

Barra dan, il-Kummissjoni ssib li l-informazzjoni disponibbli ma għandhiex xhieda li turi li l-għajnuna kienet limitata għall-massimu strett meħtieġ kif mitlub mill-punt 40 tal-Linji gwida S & R tal-1999, jew li l-benefiċjarju kien jeħtieġlu jagħmel xi kontribuzzjonijiet minn riżorsi tiegħu stess. F’dan ir-rigward, huwa wkoll rilevanti li jkun innotat li, skont il-punt 41 tal-Linji gwida S & R tal-1999, l-għajnuna kellha tintuża biss biex treġġa’ għal li kienet il-vijabbiltà tad-ditta u min jirċevieha ma kellux ikun jista’, permezz tagħha, matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni. Madankollu, kif kien innotat hawn fuq, il-pjan finanzjarju abbozzat fl-2001 jissuġġerixxi li l-irkant tal-ħut seta’ rkupra wara tmien snin mingħajr ma kien ikun jeħtieġlu s-somma kollha ta’ BEF 250 miljun. Il-pjan ta’ ħidma jipprevedi wkoll żieda ta’ 10 % fil-fatturat għall-ewwel ħames snin li matulhom l-irkant ristrutturat tal-ħut kellu jopera fis-suq, li seta’ jimplika li l-irkant tal-ħut kien maħsub jespandi. Il-pjan ta’ rkupru b’hekk jidher li ma kienx imfassal biex jiżgura li l-għajnuna tintuża biss biex il-vijabbiltà tad-ditta titreġġa’ għal li kienet, u jidher li l-pjan qiegħed l-irkant tal-ħut ukoll f’pożizzjoni li juża l-likwiditajiet addizzjonali biex jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu, l-attivitajiet tiegħu u/jew biex jaġixxi b’mod aggressiv fis-suq. Mill-informazzjoni li waslet, jidher li l-għajnuna kienet tabilħaqq użata biex ikunu estiżi l-attivitajiet tal-irkant (61) u għal attivitajiet aggressivi li jfixklu s-suq (62).

(265)

Il-Kummissjoni tosserva aktar minn hekk li l-pjan ta’ ristrutturar ma jinkludix xi miżuri li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan u l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha tiegħu.

(266)

Barra dan, il-Belġju lanqas ma wera li kienu ttieħdu miżuri ta’ kumpens skont il-punti 35-39 tal-Linji gwida S & R tal-1999 jew, alternattivament, li kundizzjonijiet speċifiċi (alternattivi) għall-agrikoltura (inkluż is-sajd) stabbiliti fil-punti 73-82 tal-Linji gwida S & R tal-1999 kienu tħarsu (63). Tabilħaqq il-Belt ma tidhirx li ħadet xi miżuri biex tnaqqas kemm jista’ jkun kull effett avvers tal-għajnuna fuq il-kompetituri, kuntrarjament għal dak li jeħtieġ skont il-punt 35 tal-Linji gwida S & R tal-1999. Iżda, wara li titqies il-qagħda speċifika tal-irkantijiet tal-ħut, b’mod partikolari fir-rigward tal-provvista limitata minħabba l-miżuri restrittivi ta’ konservazzjoni adottati kull sena fil-livell tal-Unjoni, wisq probabbli li l-għajnuna tolqot b’mod avvers irkantijiet f’kompetizzjoni, u l-Belt messha qagħdet aktar attenta għal dak il-punt.

(267)

Għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija lil AGVO għar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut mhix kompatibbli mal-kundizzjonijiet tal-Linji gwida S & R tal-1999 u lanqas mal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001 li jirreferu għal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar.

(268)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk l-għoti ta’ kapital jistax jitqies bħala kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha fil-punt 10.2.1.4 ta’ din id-Deċiżjoni.

10.2.1.2.    Trasferiment ta’ proprjetà ta’ bini u drittijiet esklussivi għall-użu ta’ art u bini

(269)

Kif stabbilit fil-punt 10.1.2.2.2 ta’ din id-Deċiżjoni, l-għoti tad-dritt esklussiv tal-użu mingħajr ħlas tal-bini mill-14 ta’ Marzu 2002 u sussegwentement it-trasferiment mill-Belt tal-proprjetà ta’ diversi binjiet li jirrappreżentaw superfiċje ta’ 57 500 m2 seħħew mingħajr ma kienu imposti obbligi fuq AGVO ta’ valur simili. Kif kien osservat diġà, la l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u lanqas l-att ta’ trasferiment ma jidhru li għandhom xi rabta ma’ kundizzjoni jew obbligu speċifiċi mhux komuni li jiġġustifikaw li ma jkunx hemm kera jew rimunerazzjoni.

(270)

Azzjoni bħal din għandha, għalhekk, titqies li hija għajnuna maħsuba biex ittejjeb il-qagħda tal-impriża u żżid il-likwidità tan-negozju tagħha, li għandha l-effett li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ min jirċeviha.

(271)

Il-Kummissjoni ma sabitx li din l-għajnuna kienet tkun konformi ma’ xi waħda mir-regoli ta’ kompatibbiltà mas-suq intern li hemm fil-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001; u l-awtoritajiet Belġjani lanqas ma bagħtu xi element f’dan ir-rigward.

(272)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet ta’ użu esklussiv u t-trasferiment ta’ proprjetà, mingħajr ħlas, għandhomx jitqiesu fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut, il-Kummissjoni diġà stabbiliet fil-paragrafu (260) ta’ din id-Deċiżjoni u f’dawk ta’ warajh li, għalkemm AGVO kienet tkun eliġibbli fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri għal għajnuna għar-ristrutturar (jiġifieri kienet tkun tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà), il-kundizzjonijiet tal-Linji gwida S & R tal-1999 mhumiex imħarsa.

(273)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni dwar jekk id-drittijiet ta’ użu esklussiv u t-trasferiment ta’ proprjetà jistgħux jitqiesu bħala kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha mogħtija fil-punt 10.2.1.4 ta’ din id-Deċiżjoni.

10.2.1.3.    Garanziji ta’ self

(274)

L-awtoritajiet Belġjani jqisu li għandha ssir distinzjoni bejn garanziji ħielsa għal self li ntuża għal xogħlijiet ta’ restawr u dak li ntuża bħala appoġġ għal EVO.

(275)

Ammettew f’dan ir-rigward li ntuża self ta’ EUR 550 000 bħala appoġġ għal EVO.

(276)

L-awtoritajiet Belġjani argumentaw li garanziji ħielsa għal self li ntuża bħala appoġġ għal EVO għandhom jitqiesu fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende.

(277)

Il-Kummissjoni tinnota, iżda, li, kif stabbilit fil-paragrafu (260) ta’ din id-Deċiżjoni u f’dawk ta’ warajh, għalkemm AGVO kienet tkun eliġibbli fiż-żmien tal-għoti tal-miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturar (jiġifieri kienet tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà), il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà msemmija fil-Linji gwida S & R tal-1999 mhumiex imħarsa.

(278)

Barra dan, il-Kummissjoni tinnota li l-garanziji ħielsa huma miżuri ta’ għajnuna li mhumiex imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tfakkar li skont il-punt 3.2.3 tal-Linji gwida S & R tal-1999 u l-punt 3.3 tal-Linji gwida S & R tal-2004 (64), għajnuna ta’ ristrutturar għandha tingħata darba biss. Għalhekk, ukoll jekk wieħed jassumi li l-għajnuna oriġinali, jiġifieri permezz ta’ kapital inizjali u l-bqija, kienet konformi mal-Linji gwida S & R applikabbli – quod non – il-garanziji ħielsa mhumiex konformi mal-kundizzjoni “darba waħda, l-aħħar darba”.

(279)

L-awtoritajiet Belġjani jidhru li qed jimplikaw li eventwalment il-Belt għażlet li tagħti garanziji ħielsa għal self minflok li tħallas il-pagamenti rateali annwali l-oħra tal-kapital inizjali. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-pjan ta’ ristrutturar ma kienx rivedut skont il-punt 52 tal-Linji gwida S & R tal-1999 u l-Linji gwida S & R tal-2004. Barra dan, mhux ċar jekk l-ammont ta’ għajnuna żdietx, naqasx jew jekk l-għamla tal-għajnuna kinitx emendata. Tabilħaqq, għalkemm il-pagamenti rateali tal-kapital inizjali ma kinux tħallsu kollha kull sena kif kien previst fil-bidu, jibqa’ l-fatt li AGVO legalment kellha d-dritt tesiġi li l-azzjonisti tagħha jħallsu l-bqija tal-kapital inizjali. Fil-fatt, AGVO eżerċitat dan id-dritt fl-2006 u fl-2007, meta tħallsu aktar pagamenti rateali lil AGVO.

(280)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-garanzija ħielsa għas-self ta’ EUR 550 000 mhix kompatibbli mal-kundizzjonijiet tal-Linji gwida S & R tal-1999 u tal-Linji gwida S & R tal-2004 u lanqas mal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2004 li jirreferu għal-linji gwida ta’ salvataġġ u ristrutturar.

(281)

Inkwantu għall-garanziji ħielsa għal self li ntużaw għal xogħlijiet ta’ restawr, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha fil-punt 10.2.1.4 ta’ din id-Deċiżjoni.

10.2.1.4.    Taxxi u kumpens għal servizz pubbliku

(282)

L-awtoritajiet Belġjani argumentaw li parti mill-kapital inizjali, parti mill-binjiet u parti mis-self garantit kienu ntużaw għall-għoti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (ekonomiku), jiġifieri l-immaniġġjar tal-port tas-sajd u l-kiri tal-binjiet lil organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi. Qiesu wkoll li d-dritt li AGVO tiġbor (u tuża) taxxi minn min juża l-port tas-sajd għandu jitqies bħala parti mix-xogħlijiet pubbliċi ta’ AGVO.

(283)

L-awtoritajiet Belġjani ma wrewx li dawn il-miżuri jistgħu jkunu ddikjarati kompatibbli skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE. Għandu jitfakkar li huwa għall-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) tat-TFUE biex jiġġustifika deroga mir-regoli fundamentali tat-Trattat u li juri li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jkunu mħarsin (65). F’kull każ, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri ta’ għajnuna setgħux sa ċertu punt jitqiesu bħala kumpens għal servizz pubbliku mogħtija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

(284)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fissret, fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-1996 (66) u tal-2001 (67) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa, kif ukoll fil-Qafas Komunitarju tal-2005 għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (68), il-kundizzjonijiet li bihom għajnuna mill-Istat tista’ titqies li hija kompatibbli skont l-Artikolu 106(2).

(285)

Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna għandha tkun fdata b’mod speċifiku mill-Istat Membru bit-tħaddim ta’ servizz partikolari ta’ interess ekonomiku ġenerali. Att bħal dan jew atti bħal dawn ta’ fiduċja għandhom jispeċifikaw, mill-anqas, in-natura preċiża, l-ambitu u d-dewmien tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti u l-identità tal-impriżi kkonċernati.

(286)

Il-Kummissjoni setgħet taqbel li permezz tal-Att ta’ Assoċjazzjoni tagħha AGVO kienet fdata bl-immaniġġjar tal-port tas-sajd u li din il-fiduċja timplika ċerti obbligi speċifiċi.

(287)

Iżda, inkwantu għal dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet ta’ kiri ta’ AGVO, il-Kummissjoni tosserva li l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq AGVO mhumiex iddefiniti b’mod ċar. B’mod partikolari hija ma setgħet issib ebda dispożizzjoni li timponi obbligi speċifiċi fuq AGVO f’dan ir-rigward u l-awtoritajiet Belġjani ma bagħtux aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni. L-awtoritajiet Belġjani jidher li jqisu li l-fatt li l-organizzazzjonijiet li jieħdu b’kera l-binjiet huma organizzazzjonijiet pubbliċi u semipubbliċi jimplika neċessarjament li l-impriżi li jikrulhom il-binjiet qed jaqdu huma nfushom servizz pubbliku. Madankollu, il-Kummissjoni, ma tistax taqbel ma’ pożizzjoni bħal din, minħabba li dan il-fatt fih innifsu ma jimplikax xi fiduċja jew impożizzjoni ta’ obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku li jkunu differenti minn obbligi li jaqgħu fuq sid il-kera privat ikun min ikun. Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkonkludi li l-Belġju ma wriex li AGVO kienet fdata b’obbligi ta’ servizz pubbliku b’rabta mal-attivitajiet tagħha ta’ kiri.

(288)

Barra dan, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil AGVO mhumiex konformi mar-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità.

(289)

Ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità ta’ kumpens huma ddefiniti kif ġej (ara l-aktar il-punti 14, 15, u 17 tal-Qafas Komunitarju tal-2005 għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali):

l-ammont tal-kumpens ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż magħmulin fil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-qadi ta’ dawk l-obbligi;

l-ammont tal-kumpens jinkludi l-vantaġġi kollha mogħtijin mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat f’kull għamla, tkun liema tkun – irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Artikolu 107 tat-TFUE;

l-ammont tal-kumpens għandu jintuża verament għat-tħaddim tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kkonċernat. Mhux iġġustifikat il-kumpens għal servizz pubbliku użat għal ħidmiet fi swieq oħra, u, għaldaqstant, dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

(290)

Il-Kummissjoni tosserva li r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità ma tħarsux f’dan il-każ. Il-Belġju ammetta li ma kinux iddefiniti parametri għall-kumpens. L-awtoritajiet Belġjani, barra dan, spjegaw lill-Kummissjoni li ma kienx possibbli li jkunu determinati l-ispejjeż magħmulin fil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u li jinġiebu l-irċevuti għall-qadi ta’ dawk l-obbligi. Barra dan, il-Kummissjoni tosserva li AGVO ma toperax kontijiet separati għall-kategoriji differenti tal-attivitajiet tagħha. Għaldaqstant, kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku jista’ jintuża biex jopera fi swieq oħra. Diversi elementi fl-inkartament juru li fil-fatt kien hemm kumpens żejjed. Pereżempju, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ garanziji ħielsa għal self, kien stabbilit, skont il-paragrafu (186) ta’ din id-Deċiżjoni u dawk ta’ warajh, li self garantit jista’ jintuża, u kien verament użat għal għanijiet oħra milli għall-għan maħsub tal-bidu. Minħabba li l-ammont ta’ kapital li ngħata lil EVO (EUR 3 969 000) u l-prezz imħallas biex jinxtraw l-ishma ta’ PAKHUIZEN (EUR 350 000) (b’kollox EUR 4 319 000) jaqbżu l-ammont ta’ kapital imħallas fir-realtà lil AGVO (EUR 3 596 665,62), AGVO neċessarjament użat self u possibbilment id-dħul mit-taxxi biex tiffinanzjahom.

(291)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax tqis il-miżuri ta’ għajnuna bħala kompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

10.2.2.   GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL EVO

(292)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Belt u minn AGVO lil EVO, jeħtieġ li l-valutazzjoni tiddistingwi bejn id-diversi azzjonijiet u d-dati li fihom seħħew.

(293)

Id-deċiżjonijiet li ġejjin jeħtiġilhom ikunu vvalutati skont il-Linji gwida tal-2001:

id-deċiżjonijiet meħudin mill-Belt biex tingħata garanzija ħielsa għal self fit-28 ta’ Ġunju 2002, fis-27 ta’ Settembru 2002, u fit-23 ta’ April 2004;

id-deċiżjoni meħuda minn AGVO biex mit-8 ta’ Awwissu 2002 ’il quddiem EVO titħalla tuża b’xejn u b’mod kontinwu l-binjiet proprjetà tagħha, li b’kollox għandhom erja ta’ 13 600 m2.

id-deċiżjoni meħuda minn AGVO li fit-22 ta’ Awwissu 2002 tagħti kapital ta’ avvjament lil EVO ta’ EUR 371 840.

(294)

Id-deċiżjonijiet li ġejjin jeħtiġilhom ikunu vvalutati skont il-Linji gwida tal-2004:

id-deċiżjonijiet meħudin mill-Belt biex fit-22 ta’ April 2005 tingħata garanzija ħielsa għal self;

id-deċiżjonijiet meħudin minn AGVO biex fil-31 ta’ Diċembru 2004, fil-31 ta’ Diċembru 2005 u fil-21 ta’ Diċembru 2007 jiżdied il-kapital ta’ EVO permezz tal-maħfra tad-djun.

(295)

Id-deċiżjonijiet li ġejjin jeħtiġilhom ikunu vvalutati kemm skont il-Linji gwida tal-2001 kif ukoll skont dawk tal-2004:

id-deċiżjonijiet meħudin minn AGVO biex bejn it-22 ta’ Awwissu 2002 u t-3 ta’ Awwissu 2006 jingħataw garanziji ħielsa għal self ta’ EUR 600 000.

(296)

Id-deċiżjoni li ġejja jeħtiġilha tkun ivvalutata kemm skont il-Linji gwida tal-2004 kif ukoll skont dawk tal-2008:

id-deċiżjoni meħuda mill-Belt biex bejn is-27 ta’ Settembru 2007 u l-4 ta’ Settembru 2008 tingħata garanzija ħielsa għal self ta’ EUR 78 000.

10.2.2.1.    Garanziji għal self u d-dritt ta’ użu mingħajr ħlas tal-irkant tal-ħut

(297)

Skont il-punt 1.2 tal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001 u l-punt 3.7 tal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2004, għajnuna mill-Istat li tingħata mingħajr ma jkun impost xi obbligu min-naħa ta’ dawk li tingħatalhom u li tkun maħsuba biex titjieb il-qagħda tal-impriżi u tiżdied il-likwidità tan-negozju tagħhom jew li tkun ikkalkulata skont il-kwantità prodotta jew ikkummerċjalizzata, il-prezzijiet tal-prodotti, l-unitajiet prodotti jew il-mezzi tal-produzzjoni, u li jkollha l-effett li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u li ttejjeb id-dħul finanzjarju ta’ min tingħatalu, tkun, bħala għajnuna għat-tħaddim, inkompatibbli mas-suq intern. Skont il-punt 3.4 tal-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2008, għajnuna għat-tħaddim, li, pereżempju, iżżid il-likwidità tan-negozju ta’ min tingħatalu jew li tkun ikkalkulata skont il-kwantità prodotta jew ikkummerċjalizzata, il-prezzijiet tal-prodotti, l-unitajiet prodotti jew il-mezzi tal-produzzjoni, u li jkollha l-effett li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ min tingħatalu jew li jitjieb id-dħul finanzjarju ta’ min tingħatalu, tkun fil-prinċipju inkompatibbli mas-suq intern. Tista’ titqies kompatibbli biss jekk l-għajnuna tikkontribwixxi b’mod ċar u sħiħ għall-qadi tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(298)

Mill-informazzjoni disponibbli jidher li l-garanziji ħielsa għal self u d-dritt li jintuża mingħajr ħlas l-irkant tal-ħut, ingħataw mingħajr ma kien impost xi obbligu partikolari fuq EVO li jirrendi l-għajnuna kompatibbli ma’ xi waħda mill-kundizzjonijiet previsti fil-Linji gwida dwar is-Sajd.

(299)

Tabilħaqq, il-garanziji ħielsa għal self jidhru li ngħataw sempliċiment meta ntalbu għal self li jaqdi għanijiet differenti u ma jidhrux li kienu suġġetti għal xi kundizzjoni jew obbligu partikolari.

(300)

L-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani turi wkoll li l-fatt li s-self garantit kien fl-aħħar nett użat għal għan differenti mill-għan imħabbar fil-bidu ma ġab miegħu ebda piena jew annullament tal-garanzija. Pereżempju, jidher li għalkemm inizjalment kien tħabbar li s-self ta’ EUR 1 795 000 mogħti minn Fortis kien maħsub, fost affarijiet oħra, biex jinxtraw magni addizzjonali u kavetti tal-ħut u biex ikunu ffinanzjati diversi xogħlijiet ta’ tibdil, huwa kien attwalment użat (għall-anqas parti minnu) biex jingħata self lis-sidien ta’ bastimenti. Il-garanzija ma kinitx irtirata u ngħataw garanziji wkoll wara li seħħet din is-sitwazzjoni mingħajr ma jidher li l-Belt kienet imġiegħla timponi xi kundizzjoni fuq EVO għall-garanzija.

(301)

Il-garanziji ħielsa żiedu l-likwidità ta’ EVO, minħabba li ma kellhiex tħallas għall-garanzija u minħabba li jidher, barra dan, li mingħajr il-garanzija, EVO ma kinitx tikseb is-self.

(302)

Barra dan, id-dritt li jintuża l-bini tal-irkant, mingħajr ħlas, żied il-likwiditajiet ta’ EVO, minħabba li ħelset mill-ispejjeż tal-kera li xort’oħra kien ikollha tħallas skont kundizzjonijiet tas-suq.

(303)

Il-Kummissjoni ma tarax kif il-garanziji ħielsa tad-dritt li jintużaw il-binjiet, mingħajr ħlas, jistgħu jitqiesu li kkontribwew għall-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd. L-awtoritajiet Belġjani ma ssottomettew l-ebda element f’dan ir-rigward.

(304)

L-awtoritajiet Belġjani ddikjaraw li l-miżuri kkonċernati kellhom jiġu vvalutati fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut.

(305)

L-ewwel nett, kellu jkun ivvalutat jekk EVO kinitx eliġibbli skont il-Linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar. EVO setgħet titqies bħala kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida S & R tal-1999 u tal-2004 rispettivament.

(306)

Skont il-punt 8 tal-Linji gwida S & R tal-1999 u l-punt 13 tal-Linji gwida S & R tal-2004, kumpanija li tkun tappartjeni lil grupp akbar ta’ negozju normalment ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar. Tista’, iżda, tkun eliġibbli jekk tkun inħolqot minn ditta f’diffikultà. EVO nħolqot minn AGVO, li hija stess hija l-forma legali l-ġdida tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende ristrutturat fl-2001. Ta’ min jinnota li AGVO hija l-kontinwazzjoni ta’ dak li qabel kien l-irkant tal-ħut ta’ Ostende, li kien proprjetà tal-Istat u li ma kellux personalità ġuridika. Kif issemma fil-paragrafu (259) ta’ din id-Deċiżjoni, għalkemm AGVO ma kinitx ilha li nħolqot, il-Kummissjoni tqis li AGVO tikkwalifika bħala ditta f’diffikultà u hija eliġibbli skont il-Linji gwida S & R tal-1999. Minħabba li EVO kienet stabbilita fil-kuntest tar-ristrutturar ta’ AGVO, EVO, flimkien ma’ AGVO, tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà u tista’ tirċievi għajnuna skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar.

(307)

Iżda, ukoll jekk EVO hija eliġibbli skont il-Linji gwida S & R, jibqa’ l-fatt li ntwera, skont il-premessa 260 ta’ din id-Deċiżjoni u f'dawk ta’ warajha, li l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti fil-Linji gwida S & R tal-1999 ma tħarsux. Barra minn hekk, minħabba li l-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni ma kinux previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, huma jqanqlu l-istess tħassib bħal dak imsemmi fil-premessa 278 ta’ din id-Deċiżjoni u f’dawk ta’ warajha.

(308)

Il-garanziji ħielsa għal self u d-dritt li jintuża l-irkant tal-ħut, mingħajr ħlas, għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala għajnuna għat-tħaddim skont il-Linji gwida dwar is-Sajd tal-2001, l-2004 u l-2008, u ma jikkontribwuwx għall-qadi tal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd. Għalhekk mhumiex kompatibbli mas-suq intern.

10.2.2.2.    Kapital inizjali u żidiet kapitali sussegwenti

(309)

EVO kienet stabbilita fil-qafas tar-ristrutturar tal-irkant tal-ħut ta’ Ostende. Barra dan, l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li parti mill-kapital inizjali ta’ AGVO (jiġifieri EUR 371 840) intuża bħala kapital inizjali għat-twaqqif ta’ EVO u għal żidiet kapitali sussegwenti.

(310)

Għal din ir-raġuni, għandu jkun ivvalutat jekk il-kapital inizjali u żidiet kapitali sussegwenti jistgħux jitqiesu bħala għajnuna ta’ Salvataġġ u Ristrutturar skont it-tifsira tal-Linji gwida S & R tal-1999 u tal-Linji gwida S & R tal-2004 rispettivament.

(311)

EVO, flimkien ma’ AGVO, tista’ titqies bħala kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji gwida S & R tal-1999 u tal-Linji gwida S & R tal-2004 rispettivament, kif deskritt fil-punt 10.2.2.1.

(312)

Iżda, kif intwera diġà fil-premessa 260 ta’ din id-Deċiżjoni u f’dawk ta’ warajha, il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar ma tħarsux f’dan il-każ.

(313)

Il-kapital inizjali u ż-żidiet kapitali sussegwenti ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

10.2.3.   GĦAJNUNA MOGĦTIJA LIL PAKHUIZEN

(314)

L-effett tat-termini tal-kuntratt ta’ kiri bejn il-Belt u PAKHUIZEN kien li PAKHUIZEN setgħet tibbenefika minn tnaqqis kull sena fl-ispejjeż tagħha ta’ tħaddim. Din ix-xorta ta’ għajnuna ma taqax fl-ambitu ta’ xi waħda mill-miżuri msemmijin fil-Linji gwida dwar is-Sajd, jew fl-objettivi ta’ linji gwida orizzontali jew speċifiċi oħra li jistgħu jkunu applikabbli għal din ix-xorta ta’ impriża. Kemm skont Linji gwida rilevanti dwar is-Sajd, kif ukoll skont ir-regoli orizzontali dwar għajnuna mill-Istat, din ix-xorta ta’ għajnuna kellha titqies bħala għajnuna għat-tħaddim li hija inkompatibbli mas-suq intern.

10.2.4.   KONKLUŻJONI

(315)

Fir-rigward ta’ dak li ngħad hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri msemmijin fil-punt 10.1.5 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, li mhumiex kompatibbli mas-suq intern u li għandhom ikunu rkuprati kif deskritt fit-taqsima 11.

11.   L-IRKUPRU

(316)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, meta jittieħdu Deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju. L-għan jinkiseb malli l-għajnuna inkwistjoni, flimkien ma’ imgħax xieraq fin-nuqqas, titħallas minn min ikun irċeviha jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li fil-fatt ikunu bbenefikaw minnha.

(317)

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma jistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżami ta’ għajnuna kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tiegħu, jiġifieri għajnuna implimentata qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal konklużjoni dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni. Iżda l-Artikolu 15 tar-Regolament jistipula li s-setgħat tal-Kummissjoni li tirkupra għajnuna huwa suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin; li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda mill-jum li fih tingħata l-għajnuna lill-benefiċjarju u li dak it-terminu ta’ preskrizzjoni jinkiser b’azzjoni meħuda mill-Kummissjoni.

(318)

It-terminu ta’ preskrizzjoni nkiser bit-talba għal informazzjoni mibgħuta lill-Belġju fit-13 ta’ Marzu 2006. Għalhekk l-irkupru għandu jkun limitat għall-għajnuna mogħtija wara t-13 ta’ Marzu 1996.

(319)

Biex ikun stabbilit x’għandu jkun irkuprat mingħand AGVO, EVO u PAKHUIZEN, għandu jitqies il-fatt li parti mill-għajnuna mogħtija lil AGVO kienet ittrasferita lil EVO. Kif kien innotat mill-awtoritajiet Belġjani, din l-għajnuna għandha tkun irkuprata darba biss mingħand il-benefiċjarju reali.

(320)

Għal dik ir-raġuni, f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn għajnuna mogħtija mill-Belt kienet fl-aħħar nett ta’ benefiċċju għal EVO, l-għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand AGVO hija l-parti tal-għajnuna li ma kinitx ittrasferita lil EVO.

11.1.   RKUPRU MINGĦAND EVO

(321)

L-għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand EVO hija magħmula minn:

il-kapital inizjali fl-ammont ta’ EUR 371 840,

iż-żidiet kapitali sussegwenti ta’ EUR 1 387 044, EUR 710 000,75 u EUR 1 500 114,96,

il-vantaġġ mogħti bis-saħħa tal-għoti ta’ garanziji ħielsa għal self, u

il-vantaġġ li ġej mill-użu b’xejn tal-irkant tal-ħut bejn it-22 ta’ Awwissu 2002 u l-aħħar jum li fih EVO kellha l-irkant tal-ħut għad-dispożizzjoni tagħha.

(322)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-element tal-għajnuna tal-garanziji ħielsa, dan huwa fil-prinċipju l-ammont tas-self garantit, sakemm l-awtoritajiet Belġjani ma jipprovdux xhieda li kien ikun possibbli għal EVO li tikseb garanziji bħal dawk mis-suq; f’dak il-każ l-element ta’ għajnuna jkun jikkonsisti fi x’kien aktarx ikun il-primjum tas-suq għall-garanzija.

(323)

L-awtoritajiet Belġjani ddikjaraw li ż-żewġ selfiet li għalihom ingħatat garanzija fl-2002 fl-aħħar nett ma kinux ittieħdu minn EVO. Bħala konsegwenza, għalkemm l-għajnuna kienet ingħatat (id-deċiżjoni biex tingħata l-garanzija ħielsa kienet adottata), EVO fil-fatt ma bbenefikatx minnha. L-għajnuna li rriżultat mill-garanziji ħielsa għal selfiet li kien hemm qbil dwarhom fit-28 ta’ Ġunju u fis-27 ta’ Settembru 2002 ma jeħtiġilhiex, għalhekk, tkun irkuprata. Għaldaqstant, għandu jkun irkuprat ammont ta’ EUR 4 284 995 (EUR 3 606 995 + EUR 78 000 + EUR 600 000).

11.2.   RKUPRU MINGĦAND PAKHUIZEN

(324)

L-għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand PAKHUIZEN hija magħmula mill-vantaġġ derivat mill-fatt li l-ftehim ta’ kiri fit-tul ma ntlaħaqx abbażi ta’ prezz tas-suq.

(325)

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, l-irkupru kellu jkun limitat għal perjodu ta’ għaxar snin mit-13 ta’ Marzu 2006 lura.

(326)

Il-vantaġġ jikkonsisti fir-rimunerazzjoni (l-kera) li kellha titħallas skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq għall-ftehim ta’ kiri fit-tul għall-binjiet mingħajr a) l-EUR 25 imħallsa kull sena u b) kwalunkwe spejjeż ta’ restawr li PAKHUIZEN kellha u li ma kienx jeħtiġilha tħallas skont ir-regoli normali tad-dritt Belġjan (69). Il-perjodu inkwistjoni jdum sal-jum tal-irkupru jew, f’każ li l-ftehim ta’ kiri jinġieb fi tmiemu qabel ma jkun ordnat l-irkupru, sal-jum li fih il-ftehim ta’ kiri jinġieb fi tmiemu.

11.3.   RKUPRU MINGĦAND AGVO

(327)

L-għajnuna li għandha tkun irkuprata mingħand AGVO hija magħmula mill-kapital inizjali, mill-vantaġġ li ġej mill-għoti ta’ garanziji ħielsa għal self, mill-vantaġġ li ġej mill-użu esklussiv tal-artijiet u tal-binjiet fil-port tas-sajd ta’ Ostende bejn l-14 ta’ Marzu 2002 u l-25 ta’ Marzu 2004 (għall-binjiet li wara kienu ttrasferiti lil AGVO) u bejn l-14 ta’ Marzu 2002 u l-jum tal-irkupru (għall-bqija tal-art u tal-binjiet li ma kinux jagħmlu parti mill-att ta’ trasferiment ta’ proprjetà milħuq fis-26 ta’ Marzu 2004) u mill-vantaġġ li ġej mit-trasferiment, mingħajr ħlas, tal-proprjetà ta’ 57 500 m2 ta’ binjiet li kienu jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende li sar fis-26 ta’ Marzu 2004.

(328)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kapital inizjali, l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni turi li għalkemm l-għajnuna ngħatat f’ammont ta’ BEF 250 miljun (EUR 6 200 000), hija kienet għadha ma tħallsitx lura għal kollox. Għalhekk l-ordni ta’ rkupru għandha tkun limitata għall-ammont attwalment imħallas lil AGVO, jiġifieri għal EUR 3 596 665,62, skont l-aħħar informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni. Jekk tħallas aktar minn dan l-ammont lil AGVO, iż-żejjed għandu jkun irkuprat ukoll.

(329)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-element ta’ għajnuna tal-garanziji ħielsa, dan huwa fil-prinċipju l-ammont tas-self garantit, sakemm l-awtoritajiet Belġjani ma jipprovdux xhieda li kien ikun possibbli għal AGVO li tikseb garanziji bħal dawk mis-suq; f’dak il-każ l-element ta’ għajnuna jkun jikkonsisti fi x’kien aktarx ikun il-primjum tas-suq għall-garanzija, meta kien intlaħaq qbil dwarhom (is-26 ta’ Marzu 2004, it-23 ta’ April 2004 u t-22 ta’ April 2005).

(330)

Fejn is-suq ma jipprovdix garanziji għax-xorta ta’ ħidma kkonċernata, l-element ta’ għajnuna għandu jkun ikkalkulat bl-istess mod bħall-għotja ekwivalenti għal self b’imgħax baxx, jiġifieri bħala d-differenza bejn ir-rata speċifika ta’ imgħax fis-suq li AGVO kien ikollha tħallas mingħajr il-garanzija u r-rata ta’ imgħax miksuba permezz tal-garanzija mill-Istat. Jekk ma jkunx hemm rata ta’ mgħax fis-suq u jekk l-Istat Membru jkun jixtieq juża r-rata ta’ referenza bħala sostituta, il-Kummissjoni tisħaq li japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu għall-kalkolu tar-rati ta’ referenza u tar-rati ta’ skont (70) biex tkun ikkalkulata l-intensità tal-għajnuna ta’ garanzija individwali. Dan ifisser li għandha tingħata attenzjoni għall-kumplament li jkollu jingħadd mar-rata bażi biex jitqies il-profil rilevanti ta’ riskju b’rabta mal-ħidma koperta, l-impriża garantita u l-ipoteki mogħtija.

(331)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-benefiċċju li ġej mill-użu esklussiv u mingħajr ħlas tal-artijiet u tal-binjiet fil-port tas-sajd ta’ Ostende, l-għajnuna tammonta għall-kera li AGVO kien ikollha tħallas skont kundizzjonijiet tas-suq għall-użu esklussiv tal-artijiet u tal-binjiet fil-port tas-sajd ta’ Ostende bejn l-14 ta’ Marzu 2002 u l-jum tal-irkupru jew l-aħħar jum li fih AGVO kellha d-dritt tuża mingħajr ħlas il-binjiet, abbażi tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, jew tal-Att ta’ Trasferiment tal-proprjetà tal-binjiet jew xort’oħra.

(332)

Il-Kummissjoni taf bil-fatt li parti mill-artijiet u l-binjiet kienu ta’ valur kummerċjali limitat jew ta’ ebda valur kummerċjali (pereżempju t-triqat). Il-Kummissjoni tosserva, iżda, li parti mill-artijiet u mill-binjiet kellhom valur kummerċjali ċar (l-irkant tal-ħut, l-uffiċċji, l-imħażen) u li parti oħra mill-artijiet u mill-binjiet (l-infrastruttura tal-port tas-sajd) ippermettew lil AGVO tagħti servizzi lil sidien ta’ bastimenti u li AGVO kellha d-dritt li tiġbor tariffa bi bdil mas-servizzi mogħtija. Dawn l-elementi għandhom jitqiesu biex tkun ikkalkulata l-kera.

(333)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-vantaġġ li ġej mill-ġbir tat-taxxi, l-għajnuna tammonta għat-taxxa miġbura sa minn meta kienet iffissata u l-jum tal-irkupru jew l-aħħar jum li fih AGVO kienet intitolata tiġbor dawk it-taxxi.

(334)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-ammont li għandu jkun irkuprat mingħand AGVO għandu jitnaqqas bl-ammont tal-għajnuna li kienet ittrasferita lil EVO fl-għamla ta’ kapital (EUR 3 969 000) u għall-użu b’xejn tal-binjiet fejn jopera l-irkant tal-ħut.

(335)

Il-Kummissjoni taf bil-fatt li AGVO kienet fdata b’xi xogħlijiet pubbliċi mhux ekonomiċi (spezzjoni ta’ ħut mħott għall-konsum, iċċekkjar li l-qabda mħotta l-art tkun suġġetta għar-rekwiżit tal-VAT, funzjonijiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi) u bl-immaniġġjar tal-port tas-sajd. Il-Kummissjoni tqis li l-ammont li għandu jkun irkuprat mingħand AGVO għandu jitnaqqas bl-ispejjeż li dwarhom jista’ jkun hemm prova li saru meta kienu eżegwiti dawn ix-xogħlijiet.

11.4.   L-IMPATT TAR-RISTRUTTURAR TAL-IRKANT TAL-ĦUT FUQ IL-KWISTJONI TAL-IRKUPRU

(336)

L-awtoritajiet Belġjani għarrfu lill-Kummissjoni li l-Belt u AGVO kienu qed jippjanaw li jipprivatizzaw l-irkant tal-ħut. Argumentaw li malli l-privatizzazzjoni kienet tkun lesta ma kienx ikun hemm aktar kwistjoni dwar għajnuna mill-Istat u l-proċedura ma kienx ikollha oġġett.

(337)

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar f’dan ir-rigward li għalkemm il-privatizzazzjoni setgħet ittemm il-miżuri ta’ għajnuna involuti, hija ma tħassarx il-vantaġġi mogħtijin lill-benefiċjarji tal-għajnuna għall-perjodu qabel ma kienu jintemmu l-miżuri ta’ għajnuna. L-irkupru preċiżament jaqdi l-għan li tkun stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel biex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Belġjani għall-Avviż tal-Kummissjoni msejjaħ “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern li ngħatat kontra l-liġi”  (71), u b’mod partikolari għall-punt 3.2.4 ta’ din il-Komunikazzjoni, li jittratta l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mingħand kumpaniji li jkunu qed jiġu llikwidati u mingħand benefiċjarji insolventi. F’dak li għandu x’jaqsam mat-talba biex it-teħid ta’ din id-Deċiżjoni jkun pospost (msemmija fil-paragrafu (99)), dan ma jkunx jixraq minħabba li huwa importanti li għajnuna mill-Istat kontra l-liġi u inkompatibbli tkun irkuprata malajr kemm jista’ jkun,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna ta’ EUR 3 969 000 mogħtija lil NV Exploitatie Vismijn Oostende (EVO) fl-għamla ta’ kapital inizjali u ta’ self li wara nbidlu f’żidiet kapitali hija inkompatibbli mas-suq intern.

2.   L-għajnuna ta’ EUR 4 284 995 mogħtija lil EVO fl-għamla ta’ garanziji ħielsa għal self hija inkompatibbli mas-suq intern.

3.   L-għajnuna mogħtija lil EVO fl-għamla tad-dritt li tuża, mingħajr ħlas, il-binjiet tal-irkant tal-ħut li jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna ta’ EUR 6 200 000 mogħtija lil “Autonoom Gemeentebedrijf Vismijn Oostende” (AGVO) fl-għamla ta’ kapital inizjali hija inkompatibbli mas-suq intern.

2.   L-għajnuna mogħtija lil AGVO fl-għamla ta’ garanziji ħielsa għal self hija inkompatibbli mas-suq intern.

3.   L-għajnuna mogħtija lil AGVO fl-għamla tad-dritt li tuża, mingħajr ħlas u/jew b’rata inqas minn dik tal-prezz tas-suq, l-artijiet u l-binjiet li jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende, hija inkompatibbli mas-suq intern.

4.   L-għajnuna mogħtija lil AGVO fl-għamla tat-trasferiment tal-proprjetà, mingħajr ħlas, bejn is-26 ta’ Marzu 2004 u l-4 ta’ Settembru 2009, ta’ 57 500 m2 ta’ binjiet li jinsabu fil-port tas-sajd ta’ Ostende, hija inkompatibbli mas-suq intern.

5.   L-għajnuna mogħtija lil AGVO fl-għamla tad-dritt li tiġbor taxxi mill-14 ta’ Marzu 2002 ’il quddiem hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

L-għajnuna mogħtija lil NV Pakhuizen (PAKHUIZEN), li rriżultat mill-ftehim ta’ kiri fit-tul milħuq fl-1989 mal-Belt ta’ Ostende, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

1.   Il-Belġju għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 u 2(2) sa (5) mingħand il-benefiċjarji.

2.   Il-Belġju għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1), sa fejn kienet diġà tħallset lil AGVO (jiġifieri EUR 3 596 665,62).

3.   Il-Belġju għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3, sa fejn kienet ingħatat, mit-13 ta’ Marzu 1996 ’il quddiem.

4.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom iħallu mgħaxijiet jew mid-data li fiha jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu rkuprati jew mill-aħħar data li fiha jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji, jekk il-miżuri jieqfu qabel ma jkun sar l-irkupru.

5.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (72) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (73).

6.   Il-Belġju għandu jħassar kull ħlas pendenti ta’ għamliet ta’ għoti tal-għajnuna u/jew għamliet oħra ta’ għoti tal-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Belġju għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet tal-irkupru) li għandu jkun irkuprat mingħand AGVO, EVO u PAKHUIZEN;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu sabiex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li AGVO, EVO u PAKHUIZEN kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1 sa 3 jkun tlesta. Għandu jibgħat immedjatament, fuq talba sempliċi tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandu wkoll jagħti informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħaxijiet tal-irkupru li jkun diġà rkupra mingħand AGVO, EVO u PAKHUIZEN.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Maria DAMANAKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(3)  ĠU C 238, 17.9.2008, p. 12.

(4)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, skont il-każ.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru. 4.

(6)  De Belgische Zeevisserij – Anvoer en Besomming 2007, Vlaamse overheid, Departement Lubouw en Visserij, (http://www2.vlaueren.be/lubouw/downloads/vis/aanvoer_besomming_2007.pdf), p. 12.

(7)  Vlaamse overheid, Departement Lubouw en Visserij, Jaaroverzicht Zeevisserij 1998, 1999, 2000 en 2001, (http://lv.vlaueren.be/nlapps/docs/default.asp?fid = 122).

(8)  L-AGVO kienet stabbilita fit-23 ta’ Novembru 2001 mill-Belt. Din id-deċiżjoni tal-Belt kienet approvata fl-14 ta’ Marzu 2002 mill-Ministru Fjamming għall-affarijiet interni.

(9)  “De Stad Oostende kan aan het AG Vismijn Oostende de volle eigendom, respectievelijk de bestaande zakelijke rechten en beheersrechten overdragen van de goederen die zich bevinden binnen of behoren bij het in artikel 3.1 omschreven Visserhavengebied of die nodig en/of nuttig zijn voor de realisatie van de doelstellingen van het AG Vismijn Oostende (…). In afwachting van de overdracht van de onroerende goederen krijgt het AG Vismijn Oostende het uitsluitend recht deze goederen zonder vergoeding te gebruiken.

(10)  Proġett li jikkonsisti f’sajd/xiri ta’ granċijiet fin-Norveġja biex (jippruvaw) jinbiegħu fis-suq Asjatiku.

(11)  Jaarrekening AGVO 2005, p. 26 (verslag van de Raad van Bestuur aan de aueelhouders over de waardering van de aandelen in EVO): “Tenslotte is het niet onbelangrijk dat in deze fase de engagementen van de Stad Oostende een wezenlijke buffer vormen om op verantwoorde wijze een waardering in going concern toe te passen zodat de waardering zoals beschreven in art. 66§2 mag aangehouden worden en niet naar een waardering in discontinuïteit moet overgegangen worden”.

(12)  ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(13)  ĠU C 19, 20.1.2001, p. 7; ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5; ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10.

(14)  Is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg vs. Nahverkehrsgesellschaft Altmark, il-Ġabra I-7747.

(15)  ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(16)  Il-paragrafu 21 tas-sentenza tat-23 ta’ April 1991 fil-Kawża C-41/90 Höfner u Elser, il-Ġabra I-1979; il-paragrafu 46 tas-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2004 fil-Kawżi konnessi C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01 AOK Bundesverband, il-Ġabra I-2493; il-paragrafi 107 sa 112 tas-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006 fil-Kawża C-222/04 Ministero dell’Economia v. Cassa di Risparmio, il-Ġabra I-289.

(17)  Il-paragrafu 78 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2002 fil-Kawża C-82/01 P Aéroports de Paris v.Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-9297; il-paragrafi 122 sa 124 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000 fil-Kawża T-128/98 Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra II-3929.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-20 Ottubru 2004, N 520/03 – Il-Portijiet Fjammingi; id-Deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, N 60/06 – Il-proġett “Mainportontwikkeling”.

(19)  Il-paragrafi 110 sa 117 tas-sentenza fil-Kawża C-222/04 Ministero dell’Economica e delle Finanze c. Cassa di Risparmio di Firenze, diġà ċitata.

(20)  Il-paragrafu 133 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003 fil-Kawża C-334/99 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-01139; il-paragrafu 70 tas-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002 fil-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine), il-Ġabra I-4397; il-paragrafu 8 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1990 fil-Kawża C-261/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-4437; il-paragrafu 21 tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994 fil-Kawżi konnessi C-278/92 sa C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-4103; il-paragrafu 13 tas-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994 fil-Kawża C-42/93 Spanja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-4175.

(21)  Dak iż-żmien il-Belt kienet qed tħabbat wiċċha ma’ telf annwali medju ta’ EUR 1 850 000.

(22)  Il-paragrafu 132 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2002 fil-Kawża T-152/99, HAMSA vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra II-3049; il-paragrafu 44 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003 fil-Kawżi konnessi C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-4035; il-paragrafu 18 u dawk ta’ warajh tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991 fil-Kawża C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-1433.

(23)  Il-paragrafu 71 tas-sentenza fil-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine), diġà ċitata; il-paragrafu 76 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998 fil-Kawża T-16/96 Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra II-757; il-paragrafu 246 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003 fil-Kawżi konnessi T-228/99 u T-233/99 Westdeutsche Luesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra II-435.

(24)  Il-paragrafu 124 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999 fil-Kawżi konnessi T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Neue Maxhütte Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra p. II-17; il-paragrafu 26 tas-sentenza fil-Kawżi konnessi C-278/92, C-279/92 u 280/92, Spanja vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(25)  Tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani tad-19 ta’ Ottubru 2006, p. 2: “De Stad koos voor deze laatste oplossing: (…) - de locale economie rondom de vismijn scheepsherstel, scheepsbenodigheden, opslag- en diepvriesbedrijven, ijsfabrieken, groot- en kleinhuels, toerisme …) bleef behouden, wat in de naweeën van de sluiting (1997) van de plaatselijke (verlieslatende) Regie der Maritiem Trasport (verlies van 1,700 arbeidsplaatsen) een belangrijke considerans was binnen een Stad met meer dan 12 % werkloosheid”. Tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani tad-19 ta’ Ottubru 2006, p. 6: “Dit belet niet dat de gedelegeerd bestuurder van een bedrijf dat voor 100 % gehouden wordt door een lokale overheid ook oog heeft voor de maatschappelijke en sociale rol die de vismijn van Oostende binnen de regio kan vervullen en die de Stad anno 2001 heeft gemotiveerd om niet radicaal tot sluiting over te gaan.

(26)  Il-paragrafu 44 tas-sentenza fil-Kawżi konnessi C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni,diġà ċitata; il-paragrafu 18 u dawk ta’ warajh tas-sentenza fil-Kawża C-303/88 L-Italja vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(27)  “Het AG Vismijn Oostende beslist vrij over het aanleggen, het bouwen, het onderhouden, het herstellen, het verbeteren, het bedienen, het zelf exploiteren en het aan derden ter beschikking stellen van roerende en onroerende goederen”.

(28)  Il-paragrafu 71 tas-sentenza fil-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine), diġà ċitata; il-paragrafu 76 tas-sentenza fil-Kawża T-16/96 Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata; il-paragrafu 246 tas-sentenza fil-Kawżi T-228/99 u T-233/99 Westdeutsche LB vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(29)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

(30)  Għal din ir-raġuni, il-parti operattiva ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkopri wkoll l-eventwalità li l-proprjetà bħalissa hija għad-dispożizzjoni ta’ AGVO bi ħlas ta’ tariffa, iżda b’rata anqas minn dik tal-prezz tas-suq.

(31)  ĠU C 71, 11.3.2000, p. 14.

(32)  Is-sentenza tad-29 ta’ April 1999 fil-Kawża C-342/96 Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra I-2459; is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999 fil-Kawża C-256/97 DTM Trasports SA, il-Ġabra I-3913, u s-sentenza fil-Kawża T-152/99, HAMSA vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(33)  Il-punt 3.4 tal-Avviż ta’ Garanziji.

(34)  Id-Deċiżjoni C 5/03 (dik li qabel kienet id-Deċiżjoni NN 115/02) tal-21 ta’ Jannar 2003 – Għajnuna lil MobilCom AG, ĠU C 80, 3.4.2003, p. 5.

(35)  Il-paragrafu 82 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000 fil-Kawżi konnessi T-204/97 u T-270/97 EPAC vs Il-Kummissjoni, il-Ġabra II-2267.

(36)  F’dak li għandu x’jaqsam ma’ garanzija mogħtija mill-kumpanija prinċipali, ara l-garanzija mogħtija minn CDC lis-sussidjarja tagħha CDC IXIS, id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2003 u tat-30 ta’ April 2003, marbuta mal-għajnuna bin-numru E 50/2001, ĠU C 154, 2.7.2003, p. 13. Il-garanzija tħallset imma mhux bil-kundizzjonijiet tas-suq u, għalhekk, instab li kellha element ta’ għajnuna mill-Istat.

(37)  L-awtoritajiet Belġjani ammettew li l-Belt lanqas ma jkollha dejjem kopja tad-dokumenti kuntrattwali relatati mas-self u mal-garanzija, ara l-Anness B għall-ittra tas-27 ta’ Novembru 2007.

(38)  Il-paragrafu 138 tas-sentenza fil-Kawża C-334/99 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata; il-paragrafu 45 tad-Deċiżjoni 1999/720/KE, KEFA tat-8 ta’ Lulju 1999 dwar l-għajnuna mogħtija lil Gröditzer Stahlwerke, ĠU L 292, 13.11.1999, p. 27.

(39)  Ara pereżempju l-punt 17 tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(40)  IL-Belġju saħaq kemm-il darba li l-Belt żammet id-dritt li tistabbilixxi u tiġbor it-taxxi għall-użu ta’ skali u sokor tal-portijiet

(41)  Il-paragrafu 82 tas-sentenza fil-Kawżi konnessi T-204/97 u T-270/97 EPAC vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(42)  F’dak li għandu x’jaqsam ma’ garanzija mogħtija mill-kumpanija prinċipali, ara l-garanzija mogħtija minn CDC lil CDC IXIS, id-Deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2003 marbuta mal-għajnuna bin-numru 50/2001. Il-garanzija tħallset imma mhux bil-kundizzjonijiet tas-suq u, għalhekk, instab li kellha element ta’ għajnuna mill-Istat.

(43)  Il-paragrafu 61 tas-sentenza fil-Kawża C-39/94 SFEI vs La Poste [1996], il-Ġabra I-3547.

(44)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(45)  Ara pereżempju l-punt 17 tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(46)  Id-Deċiżjoni 96/563/KE fil-kawża ta’ Jadekost, (ĠU L 246, 27.9.1996), ikkonfermata bil-paragrafu 41 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-288/96 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni[2000], il-Ġabra I-8237.

(47)  Ħlief għal sehem wieħed minn ħmistax-il elf.

(48)  Is-sentenzi fil-kawża C-482/99, ċitata hawn fuq, paragrafu 71; fil-kawża T-16/96 Cityflyer Express v il-Kummissjoni [1998] ECR II-757, paragrafu 76; fil-kawżi konġunti T-228/99 Westdeutsche Landesbank Girozentrale v il-Kummissjoni [2003] ECR II-435, paragrafu 246.

(49)  Il-kapital ta’ EVO kien iffinanzjat b’mezzi oħra mhux biss mill-kapital inizjali ta’ AGVO. Tabilħaqq, l-ammont ta’ kapital injettat f’EVO huwa ogħla mill-ammont ta’ kapital mogħti lil AGVO.

(50)  Ara wkoll il-paragrafu 99 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/740/KE tal-20 ta’ Ottubru 2004, Hamburgische Landesbank - Girozentrale, (ĠU L 307, 7.11.2006, p. 110).

(51)  Ara l-premessi 203 u 306 ta’ din id-Deċiżjoni.

(52)  Ara pereżempju l-punt 17 tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(53)  Ara l-premessa 44 ta’ din d-Deċiżjoni.

(54)  L-Artikolu 5 tal-Liġi tal-10 ta’ Jannar 1824 dwar id-dritt ta’ emfitewsi, il-Gazzetta Uffiċjali tal-Belġju XIX, nru. 14.

(55)  Is-sentenza fil-Kawża C 482/99 Franza vs Il-Kummissjoni, diġà ċitata.

(56)  Ara t-tweġiba mibgħuta mill-awtoritajiet Belġjani tad-19 ta’ Ottubru 2006, p. 3: “zowel op het niveau van aueelhouderschap als dat van de organen (bestuur) dient de Gemeente (achter AGVO) krachtens de wet de meerderheid te hebben in de stemrechten. Dit is hier het geval.

(57)  Ara l-punti 11 u 12 tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 fil-Kawża 730/79, Philip Morris, il-Ġabra 2671.

(58)  Ara s-sentenza fil-kawża Philip Morris, diġà ċitata.

(59)  Ara wkoll il-punt 12 tal-Linji gwida S & R tal-1999 li jgħid li dawn il-Linji gwida japplikaw ukoll għas-settur tal-agrikoltura u s-sajd.

(60)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/849/KE tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat bin-numru C 14/07(li qabel kienet l-għajnuna bin-numru NN 15/07), l-Italja, għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lil NGP, (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 14).

(61)  L-akkwiżizzjoni minn AGVO ta’ PAKHUIZEN fl-2004 u l-akkwiżizzjoni ta’ 51 % tal-ishma f’Haf Holding BO (Ijsland) fl-2006. EVO daħlet ukoll għal diversi proġetti, bħal Pollar Drift (il-proġett dwar il-King Crab) u l-proġett Novaħut (HAF Holding), imsemmijin fil-kontijiet annwali għall-2005. Ara wkoll il-kummenti mibgħuta mis-suq ta’ Grimsby li jimplikaw li “madwar l-2005/2006 EVO bdiet tixtri ħut direttament mingħand is-sajjieda Islandiżi bi prezzijiet fissi (għoljin) u tirkanta dan il-ħut f’ħinijiet fissi f’Ostende, ta’ sikwit bi prezzijiet aktar baxxi”. L-awtoritajiet Belġjani ma kkontestaw ebda wieħed mill-kummenti mibgħuta mill-partijiet terzi. Barra dan, id-dokumenti tal-offerti mibgħuta mill-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li EVO kienet għamlet, qabel l-2007, attivitajiet f’pajjiżi oħra iżda waqqfithom fl-2007 (ara l-Memorandum, p. 39)

(62)  Self suġġett għall-kundizzjoni li min jissellef jirkanta l-ħut tiegħu f’Ostende, ta’ intervent (minn daqqiet sa 100 %) fi spejjeż ta’ trasport meta l-ħut ikun irkantat fl-irkant tal-ħut ta’ Ostende, prezz minimu garantit tal-irkant, eċċ.

(63)  Il-punt 70 tal-Linji gwida S & R tal-1999 jgħid li l-punti 35 sa 39 tal-Linji gwida S & R tal-1999 japplikaw għall-intrapriżi kollha tas-settur agrikolu, inklużi l-SMEs. Fis-settur agrikolu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ kumpens, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu bejn li jikkonformaw mal-punti 35 sa 39 tal-Linji gwida S & R tal-1999 jew mar-regoli speċjali għas-settur agrikolu li qegħdin fil-punti 73 sa 82 tal-Linji gwida S & R tal-1999.

(64)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(65)  Il-paragrafu 54 tas-sentenza fil-Kawża C-158/94, Il-Kummissjoni vs l-Italja[1997].

(66)  ĠU C 281, 26.9.1996, p. 3.

(67)  ĠU C 17, 19.1.2001, p. 4.

(68)  ĠU C 297, 29.11.2005, p. 4.

(69)  Kif diġà ngħad hawn fuq, tant huwa inċert jekk il-kundizzjoni li wara 27 sena sid il-kera jkun intitolat għal nofs il-profitt ta’ PAKHUIZEN għandhiex xi valur reali jew le, li xejn ma jista’ jitnaqqas fuq din il-bażi. Barra minn hekk, minħabba li l-kirja ntemmet, din il-klawsola qatt mhu se tkun applikata.

(70)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(71)  ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4.

(72)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(73)  ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.


Top