Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0559

    2010/559/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Settembru 2010 dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data li jikkonċerna Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fil-Finlandja

    ĠU L 245, 17.9.2010, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/06/2017; Mibdul minn 32017D0947

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/559/oj

    17.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/34


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Settembru 2010

    dwar it-tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data li jikkonċerna Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) fil-Finlandja

    (2010/559/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1),

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 20 u l-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (2),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-effetti ġuridiċi tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona huma ppreservati sakemm dawk l-atti jiġu revokati, annullati jew emendati fl-implimentazzjoni tat-Trattati.

    (2)

    Konformement ma’ dan, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI huwa applikabbli u l-Kunsill għandu jiddeċiedi unanimament jekk l-Istati Membri implimentawx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI jipprevedi li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandhom jittieħdu abbazi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju. Fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data f’konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi bbażat fuq żjara ta’ evalwazzjoni u eżerċizzju pilota.

    (4)

    F’konformità mal-Kapitolu 4, il-punt 1.1, tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta’ data u għandu jimtela minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta’ data.

    (5)

    Il-Finlandja kkompletat il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar id-Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD).

    (6)

    Twettaq eżerċizzju pilota mill-Finlandja u mill-Pajjiżi Baxxi, bil-ħsieb li jiġu evalwati r-riżultati tal-kwestjonarju li jikkonċerna l-VRD.

    (7)

    Saret żjara ta’ evalwazzjoni fil-Finlandja u tħejja rapport dwar iż-żjara ta’ evalwazzjoni mit-grupp ta’ evalwazzjoni u ntbagħat lill-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill bil-ħsieb li jiġi evalwat il-kwestjonarju li jikkonċerna l-VRD.

    (8)

    Rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwstjonarju, taż-żjara ta’ evalwazzjoni u tal-eżerċizzju pilota li jikkonċerna l-VRD ġie ppreżentat lill-Kunsill,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijet tat-tfittxija awtomatizzata tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), il-Finlandja implimentat bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dik id-Deċiżjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.


    Top