Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0427

    2010/427/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj

    3.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-26 ta’ Lulju 2010

    li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    (2010/427/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 27(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-għan ta' din id-Deċiżjoni hu li jistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”), korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli, stabbilit bl-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”), kif emendat bit-Trattat ta' Lisbona. Din id-Deċiżjoni u b'mod partikolari r-referenza għat-terminu “Rappreżentant Għoli” ser jiġu interpretati skont il-funzjonijiet differenti tiegħu skont l-Artikolu 18 TUE.

    (2)

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) TUE, l-Unjoni ser tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha u bejn dawk l-oqsma u l-linji politiċi l-oħra tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli, ser jiżguraw dik il-konsistenza u għandhom jikkoperaw għal dak il-għan.

    (3)

    Is-SEAE ser jappoġġa r-Rappreżentant Għoli, li huwa wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, fit-twettiq tal-mandat tiegħu biex imexxi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (“PESK”) tal-Unjoni u biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif deskritt, b'mod partikolari, fl-Artikoli 18 u 27 TUE. Is-SEAE ser tappoġġa r-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tiegħu ta' President tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-SEAE ser jappoġġa wkoll ir-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni, fir-rigward tar-responsabbiltajiet tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni għal responsabbiltajiet inkombenti fuqha fir-relazzjonijiet esterni u fil-koordinazzjoni ta' aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-servizzi tal-Kummissjoni.

    (4)

    Fil-kontribut tiegħu għall-programmi ta' kooperazzjoni esterna tal-Unjoni, is-SEAE għandu jfittex li jiżgura li l-programmi jilħqu l-objettivi għall-azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, b'mod partikolari l-paragrafu tiegħu (2)(d) tiegħu, u li jirrispettaw l-objettivi tal-politika tal-Unjoni għall-iżvilupp f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). F'dan il-kuntest, is-SEAE għandu wkoll jippromwovi t-twettiq tal-objettivi tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp (1) u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (2).

    (5)

    Mit-Trattat ta' Lisbona jirriżulta li, sabiex jimplimenta d-dispożizzjonijiet tiegħu, is-SEAE jeħtieġ li jkun operattiv kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' dak it-Trattat.

    (6)

    Il-Parlament Ewropew ser ikollu rwol sħiħ fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluż il-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku kif previst fl-Artikolu 14(1) TUE, kif ukoll fi kwistjonijiet leġislattivi u baġitarji kif stabbiliti fit-Trattati. Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikolu 36 TUE, ir-Rappreżentant Għoli ser jikkonsulta regolarment mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK u ser jiżgura li l-fehmiet tal-Parlament Ewropew jiġu kkunsidrati kif dovut. Is-SEAE ser jassisti lir-Rappreżentant Għoli f'dan ir-rigward. Għandhom isiru arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għall-Membri tal-Parlament Ewropew għal dokumenti u informazzjoni klassifikata fil-qasam tal-PESK. Sa l-adozzjoni ta' tali arranġamenti, ser japplikaw dispożizzjonijiet eżistenti skont il-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (3).

    (7)

    Ir-Rappreżentant Għoli, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jeżerċita r-responsabbilitajiet previsti bl-atti rispettivi tal-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (4), iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (5), l-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (6) u l-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (7). Is-SEAE għandu jipprovdi lil dawk l-entitajiet bl-appoġġ attwalment ipprovdut mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    (8)

    Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet relatati mal-persunal tas-SEAE u r-reklutaġġ tagħhom fejn tali dispożizzjonijiet huma meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE. B'mod parallel, għandhom isiru l-emendi meħtieġa, f'konformità mal-Artikolu 336 TFUE, għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra ta' dawk il-Komunitajiet (8) (“CEOS”) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 298 TFUE. Għal kwistjonijiet relatati mal-persunal tiegħu, is-SEAE għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni fit-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS. Ir-Rappreżentant Għoli ser ikun l-Awtorità li Taħtar, fir-rigward kemm ta' uffiċjali soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal u ta' aġenti soġġetti għas-CEOS. In-numru ta' uffiċjali u aġenti oħra għandu jiġi deċiż kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja u ser ikun rifless fil-pjan ta' stabbiliment.

    (9)

    Il-persunal tas-SEAE ser iwettqu dmirijiethom u jimxu biss mal-interessi tal-Unjoni.

    (10)

    Ir-reklutaġġ ser ikun ibbażat fuq il-mertu filwaqt li jiżgura bilanċ ġeografiku adegwat u bilanċ bejn is-sessi adegwat. Il-persunal tas-SEAE għandu jinkludi preżenza sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha. Ir-rieżami previst għall-2013 għandu wkoll ikopri din il-kwistjoni, inkluż, kif adatt, suġġerimenti għal miżuri speċifiċi addizzjonali biex jiġu kkoreġuti żbilanċi possibbli.

    (11)

    F’konformità mal-Artikolu 27(3) TUE, is-SEAE ser ikun magħmul minn uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill-Kummissjoni, kif ukoll minn persunal li ġej mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, id-dipartimenti u l-funzjonijiet rilevanti fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u fil-Kummissjoni ser jiġu ttresferiti lis-SEAE, flimkien mal-uffiċjali u l-aġenti temporanji li għandhom kariga f'tali dipartimenti jew funzjonijiet. Qabel l-1 ta' Lulju 2013, is-SEAE ser jirrekluta esklussivament uffiċjali li joriġinaw mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif ukoll persunal li ġej mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri. Wara dik id-data, kull uffiċjal u aġent ieħor tal-Unjoni Ewropea għandu jkun jista' japplika għall-karigi battala fis-SEAE.

    (12)

    Is-SEAE jista', f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal esperti nazzjonali sekondati (“SNEs”), fuq liema, ir-Rappreżentant Għoli ser ikollu awtorità. L-SNEs f’karigi fis-SEAE mhux ser jingħaddu fit-terz tal-persunal kollu tal-SEAE fil-livell ta' Amministratur (AD)_li l-persunal mill-Istati Membri għandu jirrappreżenta meta s-SEAE ikun laħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu. It-trasferiment tagħhom matul il-fażi tal-istabbiliment tas-SEAE mhux ser ikun awtomatiku u ser isir bil-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-oriġini. Sad-data tal-iskadenza tal-kuntratt ta' SNE ttrasferit lis-SEAE taħt l-Artikolu 7, il-funzjoni relevanti ser tiġi kkonvertita f'kariga ta' aġent temporanju fil-każijiet fejn il-funzjoni mwettqa mill-SNE tikkorrispondi għal funzjoni normalment imwettqa minn persunal fil-livell AD, dment li l-kariga meħtieġa tkun disponibbli skont il-pjan ta' stabbiliment.

    (13)

    Il-Kummissjoni u s-SEAE ser jaqblu dwar arranġamenti dettaljati relatati mal-ħruġ ta' struzzjonijiet mill-Kummissjoni lid-delegazzjonijiet. Dawn għandhom jipprovdu partikolarment li meta l-Kummissjoni toħroġ struzzjonijiet lid-delegazzjonijiet, hija ser tipprovdi simultanjament kopja tagħhom lill-Kap tad-Delegazzjoni u lill-amministarzzjoni ċentrali tas-SEAE.

    (14)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9) (“ir-Regolament Finanzjarju”) għandu jiġi emendat sabiex jinkludi lis-SEAE fl-Artikolu 1 tar-tiegħu, b'taqsima speċifika fil-baġit tal-Unjoni. F'konformità mar-regoli applikabbli, u bħalma huwa l-każ għal istituzzjonijiet oħra, parti mir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri ser tiġi ddedikata wkoll lis-SEAE u s-SEAE ser iwieġeb għal tali rapporti. Is-SEAE ser ikun soġġett għall-proċeduri dwar ir-rilaxx kif previst fl-Artikolu 319 TFUE u fl-Artikoli 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. Ir-Rappreżentant Għoli ser jipprovdi lill-Parlament Ewropew bl-appoġġ kollu meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dritt tal-Parlament Ewropew bħala awtorità ta' rilaxx. L-implimentazzjoni tal-baġit operattiv ser tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 317 TFUE. Id-deċiżjonijiet li għandhom impatt finanzjarju ser jikkonformaw ma’, b'mod partikolari, ir-responsabbiltajiet imniżżlin fit-Titolu IV tar-Regolament Finanzjarju, speċjalment l-Artikoli 64 sa 68 tiegħu rigward ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji, u l-Artikolu 75 tiegħu dwar l-operazzjonijiet tal-infiq.

    (15)

    L-istabbiliment tas-SEAE għandu jkun iggwidat mill-prinċipju tal-kost-effiċjenza li jimmira lejn in-newtralità baġitarja. Għal dan l-għan, ser ikollhom jintużaw arranġamenti transizzjonali u l-bini gradwali tal-kapaċità. Għandhom jiġu evitati d-duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-kompiti, il-funzjonijiet u r-riżorsi ma' strutturi oħra. Għandhom jintużaw l-opportunitajiet kollha għar-razzjonalizzazzjoni.

    Barra minn hekk, ser ikun meħtieġ numru ta' postijiet addizzjonali għal aġenti temporanji tal-Istati Membri li ser ikollhom jiġu ffinanzjati fil-qafas tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali.

    (16)

    Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jkopru l-attivitajiet tas-SEAE u l-persunal tiegħu fir-rigward tas-sigurtà, il-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u t-trasparenza.

    (17)

    Huwa mfakkar li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ser japplika għas-SEAE, l-uffiċjali tiegħu u aġenti oħrajn, li ser ikunu soġġetti jew għar-Regolamenti tal-Persunal jew għas-CEOS.

    (18)

    L-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jkomplu jużaw qafas istituzzjonali uniku. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-relazzjonijiet esterni tat-tnejn li huma, u li jkun possibbli għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jirrappreżentaw lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f'pajjiżi terzi u f'organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (19)

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu, sa nofs l-2013, jipprovdi rieżami tal-organizzazzjoni l-funzjonament tas-SEAE, akkumpanjata, jekk meħtieġ, mill-proposti għal reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni. Tali reviżjoni għandha tiġi adottata mhux aktar tard mill-bidu tal-2014,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Natura u ambitu

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”).

    2.   Is-SEAE, li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fi Brussell, għandu jkun korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni Ewropea, separat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mill-Kummissjoni, bil-kapaċità legali meħtieġa li jwettaq il-kompiti tiegħu u jilħaq l-objettivi tiegħu.

    3.   Is-SEAE għandu jitqiegħed taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“Rappreżentant Għoli”).

    4.   Is-SEAE għandu jkun magħmul minn amministrazzjoni ċentrali u mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Artikolu 2

    Id-dmirijiet

    1.   Is-SEAE għandu jappoġġa r-Rappreżentant Għoli fit-twettiq tal-mandati tiegħu kif deskritt, b'mod partikolari, fl-Artikoli 18 u 27 TUE:

    fit-twettiq tal-mandat tiegħu li jmexxi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (“PESK”) tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (“PSDK”), li jikkontribwixxi bil-proposti tiegħu għall-iżvilupp ta' dik il-politika, li huwa għandu jwettaq kif ingħata mandat mill-Kunsill u li jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

    fil-kapaċità tiegħu ta' President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill,

    fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni għat-twettiq tar-responsabbiltajiet inkombenti fil-Kummissjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha u fil-koordinazzjoni ta' aspetti oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompiti normali tas-servizzi tal-Kummissjoni.

    2.   Is-SEAE għandu jassisti lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, u lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

    Artikolu 3

    Koperazzjoni

    1.   Is-SEAE għandu jappoġġa lis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, kif ukoll lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lis-servizzi tal-Kummissjoni, u jaħdem f'kooperazzjoni magħhom, sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u bejn dawk l-oqsma u l-linji politiċi l-oħra tagħha.

    2.   Is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-materji kollha li jirrigwardaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom ħlief dwar materji koperti mill-PSDK. Is-SEAE għandu jieħu sehem fil-ħidma u l-proċeduri ta' tħejjija rigward l-atti li jitħejjew mill-Kummissjoni f'dan il-qasam.

    Dan il-paragrafu għandu jiġi implimentat f'konformità mal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE, u mal-Artikolu 205 TFUE.

    3.   Is-SEAE jista' jidħol f’arranġamenti fil-livell ta' servizz ma' servizzi rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, jew uffiċċji jew korpi interistituzzjonali oħra tal-Unjoni.

    4.   Is-SEAE għandu jestendi l-appoġġ u l-kooperazzjoni kif meħtieġ lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari lill-Parlament Ewropew. Is-SEAE jista' jibbenifika wkoll mill-appoġġ u l-kooperazzjoni ta' dawn l-istituzzjonijiet u korpi, inklużi l-aġenziji kif adatt. L-awditur intern tas-SEAE ser jikkoopera mal-awditur intern tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata politika tal-verifika konsistenti, b'referenza partikolari għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-infiq operattiv. Barra minn hekk, is-SEAE għandu jikkoopera mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”) f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (10). Dan għandu, b'mod partikolari, jadotta mingħajr dewmien id-deċiżjoni meħtieġa minn dak ir-Regolament skont it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni. Kif ipprovdut f'dak ir-Regolament, kemm l-Istati Membri, f'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kif ukoll l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ biex jippermettu lill-aġenti OLAF iwettqu l-kompiti tagħhom.

    Artikolu 4

    Amminstrazzjoni Ċentrali fis-SEAE

    1.   Is-SEAE għandu jiġi ġestit minn Segretarju Ġenerali Eżekuttiv li jopera taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli. Is-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-SEAE, inkluża l-ġestjoni amministrattiva u baġitarja tiegħu. Is-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv għandu jiżgura l-koordinazzjoni effettiva bejn id-dipartimenti kollha fl-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Is-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv għandu jiġi assistit minn żewġ Viċi Segretarji Ġenerali.

    3.   L-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE għandha tiġi organizzata f’direttorati-ġenerali.

    a)

    Din għandha, b'mod partikolari, tinkludi:

    numru ta' direttorati-ġenerali li jinkludu uffiċċji ġeografiċi li jkopru l-pajjiżi u r-reġjuni kollha tad-dinja, kif ukoll uffiċċji multilaterali u tematiċi. Dawn id-dipartimenti għandhom jikkoordinaw kif meħtieġ mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni,

    direttorat-ġenerali għal kwistjonijiet amministrattivi, ta' persunal, baġitarji, ta' sigurtà u tas-sistema ta' komunikazzjoni u informazzjoni, li jaħdem fil-qafas tas-SEAE ġestit mis-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jaħtar, f'konformità mar-regoli normali tar-reklutaġġ, Direttur Ġenerali għall-baġit u l-amministrazzjoni li għandu jaħdem taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli. Huwa għandu jkun responsabbli għar-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni baġitarja amministrattiva u interna tas-SEAE. Huwa għandu jsegwi l-istess linji baġitarji u regoli amministrattivi kif applikabbli fil-parti tat-Taqsima III tal-baġit tal-Unjoni li taqa’ taħt l-Intestatura 5 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali,

    id-direttorat tal-maniġġar tal-kriżijiet u l-ippjanar, il-kapaċità tal-ippjanar u l-kondotta ċivili, il-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea u ċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni tal-Unjoni Ewropea, imqegħdin taħt l-awtorità u r-responsabbiltà diretta tar-Rappreżentant Għoli, u li għandhom jassistuh fil-kompitu tat-tmexxija tal-PESK tal-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, filwaqt li jirrispettaw, f'konformità mal-Artikolu 40 tat-TUE, il-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni.

    L-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-istrutturi, kif ukoll il-partikularitajiet tal-funzjonijiet tagħhom, ir-reklutaġġ u l-istatus tal-persunal għandhom jiġu rispettati.

    Għandha tkun żgurata koordinazzjoni sħiħa bejn l-istrutturi kollha tas-SEAE.

    b)

    L-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE għandha tinkludi wkoll:

    dipartiment għall-ippjanar ta' politika strateġika,

    dipartiment legali taħt l-awtorità amministrattiva tas-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv li għandu jaħdem mill-qrib mas-Servizzi Legali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

    dipartimenti għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, l-informazzjoni u d-diplomazija pubblika, il-verifika u l-ispezzjonijiet interni, u l-protezzjoni tad-data personali.

    4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jinnomina l-presidenti tal-korpi preparatorji tal-Kunsill li huma ppreseduti minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli, inkluż il-president tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, konformement mal-arranġamenti dettaljati stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/908/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill, u dwar il-presidenza tal-korpi preparatorji tal-Kunsill (11).

    5.   Ir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE għandhom ikunu assistiti fejn meħtieġ mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan jistgħu jitfasslu arranġamenti fil-livell ta' servizz mis-SEAE, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Delegazzjonijiet tal-Unjoni

    1.   Id-deċiżjoni biex tinfetaħ jew tingħalaq delegazzjoni għandha tiġi adottata mir-Rappreżentant Għoli, bi qbil mal-Kunsill u mal-Kummissjoni.

    2.   Kull Delegazzjoni tal-Unjoni għandha titqiegħed taħt l-awtorità ta' Kap tad-Delegazzjoni.

    Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jkollu awtorità fuq il-membri kollha tal-persunal fid-delegazzjoni, hu x'inhu l-istatus tagħhom, u fuq l-attivitajiet kollha tad-delegazzjoni. Huwa għandu jagħti rendikont lir-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni ġenerali tal-ħidma tad-delegazzjoni u biex tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni.

    Il-persunal fid-delegazzjonijiet għandu jinkludi persunal tas-SEAE u, meta jkun adatt għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u l-politiki tal-Unjoni barra dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-SEAE, persunal tal-Kummissjoni.

    3.   Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jirċievi l-istruzzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE, u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tagħhom.

    F’oqsma fejn il-Kummissjoni teżerċita s-setgħat konferiti fuqha mit-Trattati, il-Kummissjoni tista', konformement mal-Artikolu 221(2) tat-TFUE, tagħti wkoll istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet, li għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kap tad-Delegazzjoni.

    4.   Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jimplimenta krediti operattivi fir-rigward tal-proġetti tal-UE fil-pajjiż terz korrispondenti, fejn issottodelegat mill-Kummissjoni, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju.

    5.   L-operat ta' kull delegazzjoni għandu jkun perjodikament evalwat mis-Segretarju-Ġenerali Eżekuttiv tas-SEAE; l-evalwazzjoni għandha tinkludi verifiki finanzjarji u amministrattivi. Għal din il-fini, is-Segretarju-Ġenerali Eżekuttiv tas-SEAE jista' jitlob l-assitenza tad-dipartimenti tal-Kummissjoni rilevanti. Barra mill-miżuri interni mis-SEAE, l-OLAF għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu, b'mod partikolari billi jwettaq miżuri kontra l-frodi, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

    6.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-pajjiż ospitanti, l-organizzazzjoni internazzjonali, jew il-pajjiż terz ikkonċernat. B'mod partikolari, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-Istati ospitanti jagħtu lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, lill-persunal u l-proprjetà tagħhom, il-privileġġi u l-immunitajiet ekwivalenti għal dawk imsemmijin fil-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tat-18 ta' April 1961.

    7.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom il-kapaċità li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, fil-kuntatti tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali jew il-pajjiżi terzi li għalihom huma akkreditati d-delegazzjonijiet.

    8.   Il-Kap tad-Delegazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jirrappreżenta lill-Unjoni fil-pajjiż fejn id-delegazzjoni hi akkreditata, b'mod partikolari għall-konklużjoni ta' kuntratti u, bħala parti għal proċedimenti legali.

    9.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib u jikkondividu informazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri.

    10.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom, waqt li jaġixxu f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 35 TUE, u fuq talba mill-Istati Membri, jappoġġaw lill-Istati Membri fir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom u fir-rwol tagħhom li jipprovdu protezzjoni konsulari liċ-ċittadini tal-Unjoni f'pajjiżi terzi fuq bażi ta' riżorsi newtrali.

    Artikolu 6

    Persunal

    1.   Dan l-Artikolu, ħlief il-paragrafu 3, għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra ta' dawk il-Komunitajiet (“CEOS”), inklużi l-emendi li saru għal dawk ir-regoli, f'konformità mal-Artikolu 336 TFUE, sabiex jġu adattati għall-ħtiġijiet tas-SEAE.

    2.   Is-SEAE għandu jinkludi uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, inklużi membri tal-persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri maħturin bħala aġenti temporanji.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS għandhom japplikaw għal dan il-persunal.

    3.   Jekk meħtieġ, is-SEAE jista', f'każijiet speċifiċi, jirrikorri għal numru limitat ta' esperti nazzjonali sekondati speċjalizzati (SNEs).

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jadotta r-regoli, ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/479/KE tas-16 ta’ Ġunju 2003 applikabbli għal esperti nazzjonali u persunal militari sekondati lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (12), li biha l-SNEs jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SEAE sabiex jipprovdu ħiliet speċjalizzati.

    4.   Il-persunal tas-SEAE għandhom iwettqu dmirijiethom u jimxu biss mal-interessi tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(1) u l-Artikoli 2(2) u 5(3), huma m'għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet mill-ebda gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra mis-SEAE jew minn kwalunkwe korp jew persuna oħra ħlief ir-Rappreżentant Għoli. F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal tas-SEAE m’għandu jaċċetta l-ebda ħlas ta' kwalunkwe tip minn kwalunkwe sors barra mis-SEAE.

    5.   Is-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal u lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti mis-CEOS għandhom jingħataw lir-Rappreżentant Għoli, li jista' tiddelega dawk is-setgħat ġewwa s-SEAE.

    6.   Ir-reklutaġġ għas-SEAE għandu jkun ibbażat fuq il-mertu, filwaqt li jiżgura bilanċ ġeografiku u bilanċ bejn is-sessi adegwat. Il-persunal tas-SEAE għandu jinkludi preżenza sinifikanti ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha. Ir-rieżami previst fl-Artikolu 13(3) għandu wkoll ikopri din il-kwistjoni, inkluż, kif xieraq, suġġerimenti għal miżuri speċifiċi addizzjonali sabiex jiġu kkoreġuti żbilanċi possibbli.

    7.   L-uffiċjali tal-Unjoni u l-aġenti temporanji li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi, u għandhom jiġu ttrattati b'mod ugwali, b'mod partikolari fir-rigward tal-eliġibbiltà tagħhom li jassumu l-pożizzjonijiet kollha taħt kondizzjonijiet ekwivalenti. M'għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn aġenti temporanji li ġejjin minn servizzi diplomatiċi nazzjonali u uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għoti tad-dmirijiet biex jitwettqu fl-oqsma kollha tal-attivitajiet u l-politiki implimentati mis-SEAE. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-Unjoni fl-infurzar tar-responsabbiltajiet finanzjarji tal-aġenti temporanji tas-SEAE li ġejjin mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn kwalunkwe responsabbiltà skont l-Artikolu 66 tar-Regolament Finanzjarju.

    8.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi l-proċeduri tal-għażla għall-persunal tas-SEAE, li għandhom jitwettqu permezz ta' proċedura trasparenti bbażata fuq il-mertu bl-għan li jinkisbu s-servizzi tal-persunal bl-ogħla standard ta' kapaċità, effiċjenza u integrità waqt li jkun żgurat bilanċ ġeografiku u ta’ bejn is-sessi xieraq, u preżenza effettiva ta' ċittadini mill-Istati Membri kollha tal-UE fis-SEAE. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom ikunu involuti fil-proċedura ta' reklutaġġ għal karigi battala fis-SEAE.

    9.   Meta s-SEAE jkun laħaq il-kapaċità sħiħa tiegħu, il-persunal mill-Istati Membri, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, għandu jirrappreżenta tal-inqas terz mill-persunal tas-SEAE kollu fil-livell AD. Bl-istess mod, l-uffiċjali permanenti tal-Unjoni għandhom jirrappreżentaw tal-inqas 60 % tal-persunal tas-SEAE fil-livell AD, inklużi membri tal-persunal li ġejjin minn servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, li saru uffiċjali permanenti tal-Unjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-okkupazzjoni ta' karigi fis-SEAE.

    10.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi r-regoli dwar il-mobbiltà sabiex ikun żgurat li l-membri tal-persunal tas-SEAE jkunu soġġetti għal grad għoli ta' mobbiltà. Għall-persunal imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(3)(a), għandhom japplikaw arranġamenti speċifiċi u dettaljati. Fil-prinċipju, il-persunal tas-SEAE kollu għandu perjodikament iservi fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jistabbilixxi regoli għal dak l-għan.

    11.   F’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali tiegħu, kull Stat Membru għandu jipprovdi l-uffiċjali tiegħu li saru aġenti temporanji fis-SEAE b'garanzija ta' reintegrazzjoni immedjata fi tmiem il-perjodu ta' servizz tagħhom mas-SEAE. Dan il-perijodu ta' servizz, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50b tas-CEOS, ma għandux ikun aktar minn tmien snin, ħlief jekk jiżdied b'mhux aktar minn sentejn f'ċirkostanzi eċċezzjonali u fl-interess tas-servizz.

    L-uffiċjali tal-Unjoni li jservu fis-SEAE għandu jkollhom id-dritt li japplikaw għal karigi fl-istituzzjoni tal-oriġini tagħhom taħt l-istess kondizzjonijiet bħal applikanti interni.

    12.   Għandhom jittieħdu passi sabiex il-persunal tas-SEAE jiġi pprovdut b'taħriġ komuni adegwat, waqt li jibni b'mod partikolari fuq il-prattiki u l-istrutturi eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu miżuri adatti għal dak l-għan fis-sena ta' wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 7

    Dispożizzjonijiet transitorji dwar il-persunal

    1.   Id-dipartimenti u l-funzjonijiet rilevanti fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u fil-Kummissjoni elenkati fl-Anness għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE. L-uffiċjali u l-aġenti temporanji li għandhom post f' dipartimenti jew funzjonijiet elenkati fl-Anness għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE. Dan għandu japplika mutatis mutandis għal membri tal-persunal b'kuntratt u dawk lokali assenjati lil dawn id-dipartimenti u funzjonijiet. L-SNEs li jaħdmu f'dawk id-dipartimenti jew funzjonijiet għandhom ukoll jiġu ttrasferiti lis-SEAE bil-kunsens tal-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini.

    Dawn it-trasferimenti għandom isiru effettivi fl-1 ta' Jannar 2011.

    F’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal, mat-trasferiment tagħhom lis-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli għandu jassenja kull uffiċjal għal kariga fil-grupp ta' funzjoni tiegħu li jikkorrispodi għall-grad ta’ dak l-uffiċjal.

    2.   Il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-persunal għal karigi trasferiti fis-SEAE li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu validi: huma għandhom jitkomplew u jitlestew taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli f'konformità mal-avviżi ta' karigi vakanti rilevanti u r-regoli applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal u tas-CEOS.

    Artikolu 8

    Baġit

    1.   Id-dmirijiet ta' uffiċjal awtorizzanti għat-taqsima tas-SEAE tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddelegati f'konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament Finanzjarju. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jadotta r-regoli interni għall-ġestjoni tal-linji baġitarji amministrattivi. L-infiq operattiv għandu jibqa’ fit-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit.

    2.   Is-SEAE għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu f'konformità mar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lilu.

    3.   Meta jfassal l-estimi tal-infiq amministrattiv għas-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli ser ikollu konsultazzjonijiet, rispettivament, mal-Kummissarju responsabbli għall-Politika tal-Iżvilupp u mal-Kummissarju responsabbli għall-Politika tal-Viċinat rigward ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

    4.   F’konformità mal-Artikolu 314(1) TFUE, is-SEAE għandu jfassal l-estimi tal-infiq tiegħu għas-sena finanzjarja li jmiss. Il-Kummissjoni għandha tikkonsolida dawn l-estimi f'abbozz ta' baġit, li jista' jkun fih estimi differenti. Il-Kummissjoni tista' temenda l-abbozz ta' baġit kif previst fl-Artikolu 314(2) TFUE.

    5.   Sabiex tkun żgurata t-trasparenza baġitarja fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tittrasmetti lill-awtorità baġitarja, flimkien mal-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, dokument ta' ħidma li jippreżenta, b'mod komprensiv, l-infiq kollu relatat mal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

    6.   Is-SEAE għandu jkun soġġett għall-proċeduri dwar ir-rilaxx previsti fl-Artikolu 319 TFUE u fl-Artikoli 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. F'dan il-kuntest, is-SEAE ser jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta' rilaxx u jipprovdi, kif adatt, l-informazzjoni meħtieġa addizzjonali, inkluż permezz tal-attendenza fil-laqgħat tal-korpi rilevanti.

    Artikolu 9

    Strumenti u pprogrammar tal-Azzjoni Esterna

    1.   Il-ġestjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni esterna tal-Unjoni hija taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni mingħajr preġudizzju għar-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tas-SEAE fl-ipprogrammar kif stabbilit fil-paragrafi li ġejjin.

    2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, billi jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-Unjoni b’mod partikolari permezz tal-istrumenti esterni ta' assistenza li ġejjin:

    l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (13),

    il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (14),

    l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (15),

    l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (16),

    l-Istrument għall-Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Industrijalizzati (17),

    l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (18),

    l-Istrument għall-Istabbiltà, rigward l-assistenza provduta fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006 (19).

    3.   B’mod partikolari, is-SEAE għandu jikkontribwixxi għall-ipprogrammar u ċ-ċiklu ta' ġestjoni għall-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 2, abbażi tal-objettivi tal-politika stabbiliti f'dawk l-istrumenti. Huwa għandu jkollu r-responsabbiltà għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin dwar il-passi strateġiċi u pluriennali fiċ-ċiklu ta' programmar:

    (i)

    allokazzjonijiet tal-pajjiż biex jiġi ddeterminat il-pakkett finanzjarju globali għal kull reġjun (soġġett għall-analiżi dettaljata indikattiva tal-qafas finanzjarju pluriennali). F'kull reġjun, ser jiġi riżervat proporzjon tal-finanzjament għall-programmi reġjonali;

    (ii)

    dokumenti ta' strateġija għall-pajjiż u reġjonali;

    (iii)

    programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali.

    F’konformità mal-Artikolu 3, matul iċ-ċiklu sħiħ ta' programmar, ippjanar u implementazzjoni ta' tal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 2, ir-Rappreżentant Għoli u s-SEAE għandhom jaħdmu mal-membri u s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(3). Il-proposti kollha għal deċiżjonijiet ser jitħejjew billi jiġu segwiti l-proċeduri tal-Kummissjoni u ser jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-adozzjoni.

    4.   Fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kwalunkwe proposta, inklużi dawk għal bidliet fir-regolamenti bażiċi u d-dokumenti ta' programmar imsemmija fil-paragrafu 3 hawn, għandha titħejja konġuntament mis-servizzi rilevanti fis-SEAE u fil-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju responsabbli għall-Politika ta' Żvilupp u għandha tiġi ppreżentata konġuntament mar-Rappreżentant Għoli għall-adozzjoni mill-Kummissjoni.

    Programmi tematiċi, ħlief l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari u dik il-parti tal-Istrument għall-Istabbiltà msemmija fis-seba’inċiż tal-paragrafu 2, għandhom jitħejjew mis-servizz tal-Kummissjoni adatt taħt il-gwida tal-Kummissarju responsabbli għall-Politika tal-Iżvilupp u għandhom jiġu ppreżentati lill-Kulleġġ tal-Kummissarji bi qbil mar-Rappreżentant Għoli u l-Kummissarji rilevanti l-oħra.

    5.   Fir-rigward tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, kwalunkwe proposta, inklużi dawk għal bidliet fir-regolamenti bażiċi u d-dokumenti ta' programmar imsemmija fil-paragrafu 3, għandha titħejja konġuntament mis-servizzi rilevanti fis-SEAE u fil-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju responsabbli għall-Politika ta' Viċinat u għandha tiġi ppreżentata konġuntament mar-Rappreżentant Għoli għall-adozzjoni mill-Kummissjoni.

    6.   L-azzjonijiet imwettqin taħt il-baġit tal-PESK: l-Istrument għall-Istabbiltà ħlief il-parti msemmija fis-seba’ inċiż tal-paragrafu 2; l-Istrument għall-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati; l-azzjonijiet tal-komunikazzjoni u tad-diplomazija pubblika, u l-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet, għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli/SEAE. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli fil-kapaċità tiegħu ta' Viċi President tal-Kummissjoni. Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għal din l-implimentazzjoni ser jiġu ko-allokati mas-SEAE.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli, wara li jikkonsulta mal-Kumitat imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima I tal-Parti II tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (20), għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli ta' sigurtà għas-SEAE u jieħu l-miżuri adatti kollha sabiex ikun żgurat li s-SEAE jimmaniġġa b'mod effettiv ir-riskji għall-persunal, l-assi fiżiċi u l-informazzjoni tiegħu, u li jwettaq ir-responsabbilitajiet u id-dmir tiegħu tal-kura f’dan ir-rigward. Dawn ir-regoli għandhom japplikaw għall-persunal kollu tas-SEAE, u għall-persunal kollu fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament mill-istatus amministrattiv jew l-oriġini tagħhom.

    2.   Sakemm toħroġ id-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1:

    rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata, is-SEAE għandu japplika l-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2001/264/KE,

    rigward aspetti oħra ta' sigurtà, is-SEAE għandu japplika d-Dispożizzjonijiet tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, kif stabbiliti fl-Anness relevanti għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (21).

    3.   Is-SEAE għandu jkollu dipartiment responsabbli għall-kwistjonijiet ta' sigurtà, li għandu jiġi assistit mis-servizzi relevanti tal-Istati Membri.

    4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiġu implimentati regoli ta' sigurtà fis-SEAE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' nuqqas mill-persunal tas-SEAE li jikkonforma mar-regoli ta' sigurtà. Għal dik il-fini, is-SEAE għandu jfittex parir mill-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mis-servizzi rilevanti tal-Istati Membri.

    Artikolu 11

    Aċċess għad-dokumenti, l-arkivji u l-protezzjoni tad-data

    1.   Is-SEAE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (22). Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli implimentattivi għas-SEAE.

    2.   Is-Segretarju-Ġenerali Eżekuttiv tas-SEAE għandu jorganizza l-arkivji tas-Servizz. L-arkivji rilevanti tad-dipartimenti trasferiti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiġu trasferiti lis-SEAE.

    3.   Is-SEAE għandu jipproteġi l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f'konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (23). Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli implimentattivi għas-SEAE.

    Artikolu 12

    Proprjetà immobbli

    1.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u s-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex it-trasferimenti msemmijin fl-Artikolu 7 ikunu jistgħu jiġu akkumpanjati mit-trasferimenti tal-bini tal-Kunsill u l-Kummissjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-SEAE.

    2.   Il-kondizzjonijiet li taħthom il-proprjetà immobbli ssir disponibbli għall-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE u għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu deċiżi konġuntament mar-Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni, kif adatt.

    Artikolu 13

    Dispożizzjonijiet finali u ġenerali

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-prosegwiment ta’ dan.

    2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tas-SEAE sa tmiem l-2011. Dak ir-rapport għandu jkopri, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) u (10) u l-Artikolu 9.

    3.   Sa nofs l-2013, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi rieżami tal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE, li ser ikopri fost l-oħrajn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(6), (8) u (11). Ir-rieżami għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat minn proposti adatti għar-reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni. F'dak il-każ, il-Kunsill għandu, f'konformità mal-Artikolu 27(3) TUE, jirrevedi din id-Deċiżjoni fid-dawl tar-rieżami sal-bidu tal-2014.

    4.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni finanzjarja u r-reklutaġġ għandhom isiru effettivi ladarba jiġu adottati l-emendi meħtieġa għar-Regolamenti tal-Persunal, is-CEOS u r-Regolament Finanzjarju, kif ukoll tal-baġit emendatorju. Sabiex jiżguraw tranżazzjoni bla xkiel, ir-Rappreżentant Għoli, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jidħlu fl-arranġamenti meħtieġa u għandu jkollhom konsultazzjonijiet mal-Istati Membri.

    5.   Fi żmien xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta lill-Kummissjoni stima tad-dħul u l-infiq tas-SEAE, inkluż pjan ta' stabbiliment, sabiex il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju.

    6.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

    (2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill -Lejn Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (COM/2007/0317 finali). Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.

    (4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-istabbiliment tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17).

    (5)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5).

    (6)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/554/PESK tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istabbiliment tal-Istitut tal-Unjoni Ewropea għall-Istudji fuq is-Sigurtà (ĠU L 200, 25.7.2001, p. 1).

    (7)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/550/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) (ĠU L 176, 4.7.2008, p. 20).

    (8)  Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 45, 14.6.1962, p. 1387/62).

    (9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1). (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 03 p. 91).

    (11)  ĠU L 322, 9.12.2009, p. 28.

    (12)  ĠU L 160, 28.6.2003, p. 72.

    (13)  Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

    (14)  Regolament tal-Kunsill Nru 5 li jistabbilixxi regoli rigward sejħiet għal u trasferimenti ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji, arranġamenti baġitarji u amministrazzjoni tar-riżorsi tal-Fond tal-Iżvilupp tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (ĠU 33, 31.12.1958, p. 681/58).

    (15)  Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1).

    (16)  Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1).

    (17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 382/2001 tas-26 ta' Frar 2001 rigward l-implimentazzjoni ta' proġetti li jippromwovu koperazzjoni u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati tal-Amerka ta' Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralasja (ĠU L 57, 27.2.2001, p. 10). (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11 Volum 36 p. 208).

    (18)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 300/2007 tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1).

    (19)  Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1).

    (20)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

    (21)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.

    (22)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

    (23)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS

    DIPARTIMENTI U FUNZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU TRASFERITI GĦAS-SEAE  (1)

    Din li ġejja hija lista tal-entitajiet amministrattivi kollha li għandhom jiġu trasferiti en bloc għas-SEAE. Dan ma jippreġudikax la l-ħtiġijiet addizjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi li għandhom jiġu ddeterminati fin-negozjati tal-baġit ġenerali li jistabbilixxi s-SEAE, u lanqas id-deċiżjonijiet dwar il-proviżjoni ta' persunal adegwat responsabbli għall-funzjonijiet ta' appoġġ, u lanqas l-ħtieġa korrelatata għal arranġamenti fuq livell ta' servizz bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni u s-SEAE.

    1.   SEGRETARJAT ĠENERALI TAL-KUNSILL

    Il-persunal kollu fid-dipartimenti u l-funzjonijiet elenkati hawn taħt għandhom jiġu trasferiti en bloc għas-SEAE, ħlief għal numru limitat ħafna ta' persunal biex iwettaq il-kompiti normali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill f'konformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1) , u ħlief għal ċerti funzjonijiet speċifiċi li huma indikati hawn taħt:

    Unità ta' Politika

    Strutturi tal-PSDK u għall-maniġġar ta' kriżijiet

    Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD)

    Il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC)

    Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS)

    Dipartimenti taħt l-awtorità diretta tad-DGEUMS

    Direttorat tal-Kunċetti u l-Kapaċità

    Direttorat tal-Intelligence

    Direttorat tal-Operazzjonijiet

    Direttorat tal-Loġistika

    Direttorat tas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni

    Iċ-Ċentru ta' Sitwazzjonijiet tal-UE (SITCEN)

    L-eċċezzjoni:

    Persunal fis-SITCEN li jappoġġa l-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà

    Direttorat Ġenerali E

    Entitajiet taħt l-awtorità diretta tad-Direttur Ġenerali

    Direttorat għall-Ameriki u n-Nazzjonijiet Uniti

    Direttorat għall-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali

    Direttorat għan-Non-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

    Direttorat għall-affarijiet Parlamentari fil-qasam tal-PESK

    L-Uffiċju ta' Kollegament ta' New York

    L-Uffiċju ta' Kollegament ta' Ġinevra

    Uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill issekondati lir-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea u l-missjonijiet ta' PSDK

    2.   KUMMISSJONI (INKLUŻI D-DELEGAZZJONIJIET)

    Il-persunal kollu fid-dipartimenti u l-funzjonijiet elenkati hawn taħt għandu jiġi trasferit en bloc lis-SEAE, ħlief għal numru limitat ta' persunal imsemmi hawn taħt bħala eċċezzjonijiet.

    Direttorat-Ġenerali Relazzjonijiet Esterni

    Il-karigi kollha tal-ġerarkija u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom

    Direttorat A (Pjattaforma ta' Kriżi u Koordinazzjoni Politika fil-PESK)

    Direttorat B (Relazzjonijiet Multilaterali u Drittijiet tal-Bniedem)

    Direttorat C (l-Amerika ta' Fuq, l-Asja tal-Lvant, l-Awstralja, in-New Zealand, iż-ŻEE, l-EFTA, San Marino, l-Andorra, Monako)

    Direttorat D (Koordinazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat)

    Direttorat E (l-Ewropa Orjentali, il-Kawkasu t'Isfel, ir-Repubbliki tal-Asja Ċentrali)

    Direttorat F (il-Lvant Nofsani, in-Nofsinhar tal-Mediterran)

    Direttorat G (Amerika Latina)

    Directorate H (l-Asja, minbarra l-Ġappun u l-Korea)

    Direttorat I (Riżorsi tal-kwartieri ġenerali, informazzjoni, relazzjonijiet interistituzzjonali)

    Direttorat K (Servizz Estern)

    Directorate L (Strateġija, Koordinazzjoni u Analiżi)

    Task Force għas-Sħubija tal-Lvant

    Unità Relex-01 (verifika)

    Eċċezzjonijiet:

    Persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji

    Persunal responsabbli għall-ħlas tal-pagi u l-allowances għall-persunal fid-delegazzjonijiet

    Servizz Estern

    Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet u l-Viċi Kapijiet tad-Delegazzjonijiet kollha u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom

    It-Taqsimiet tal-Politika jew iċ-ċelluli u l-persunal kollha

    It-taqsimiet tal-informazzjoni u d-diplomazija pubblika u l-persunal kollha

    It-taqsimiet amministrattivi kollha

    Eċċezzjonijiet

    Persunal responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji

    Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp

    Direttorat D (AKP II – Afrika tal-Punent u Ċentrali, il-Karibew u l-OCT) minbarra t-task force għall-OCT

    Direttorat E (Il-Qarn tal-Afrika, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika, l-Oċean Indjan u l-Paċifiku)

    Unità CI (AKP I: Programmazzjoni u ġestjoni tal-għajnuna): Persunal responsabbli għall-ipprogrammar

    Unità C2 (Kwistjonijiet u Istituzzjonijiet Pan-Afrikani, Governanza u Migrazzjoni): Persunal responsabbli għar-relazzjonijiet Pan-Afrikani

    Il-karigi tal-ġerarkija applikabbli u l-persunal ta' appoġġ marbut direttament magħhom


    (1)  Ir-riżorsi umani li għandhom jiġu trasferiti huma kollha ffinanzjati mill-intestatura tan-nefqa 5 (Amministrazzjoni) tal-qafas finanzjarju multiannwali.


    Top