This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0110
2010/110/CFSP: Council Decision 2010/110/CFSP of 22 February 2010 extending the mandate of the European Union Special Representative for Sudan
2010/110/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/110/PESK tat- 22 ta’ Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan
2010/110/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/110/PESK tat- 22 ta’ Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan
ĠU L 46, 23.2.2010, p. 20–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Extended validity | 32009E0134 | 31/08/2010 |
23.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/110/PESK
tat-22 ta’ Frar 2010
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Sudan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi
(1) |
Fid-19 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/238/PESK (1) li tappunta lis-Sur Torben BRYLLE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan. |
(2) |
Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/134/PESK (2) li temenda u testendi li l-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2010. |
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
(4) |
Ir-RSUE se jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Torben BRYLLE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Sudan huwa b’dan estiż sal-31 ta’ Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-Sudan, notevolent fir-rigward tal-isforzi, bħala parti mill-komunità internazzjonali u b’appoġġ għall-Unjoni Afrikana (UA) u għan-Nazzjonijiet Uniti (NU), sabiex il-partijiet Sudaniżi, l-UA u n-NU jiġu megħjuna jiksbu riżoluzzjoni politika tal-kunflitt fid-Darfur, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi fid-Darfur (FPD) u sabiex tkun faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (FKP) u jiġi promoss id-djalogu Nofsinhar-Nofsinhar, kif ukoll tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Paċi fil-Lvant tas-Sudan (FPLS), b’kont debitament meħud tar-ramifikazzjonijiet reġjonali ta dawn il-kwistjonijiet u tal-prinċipju ta’ appartenenza Afrikana.
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jaħdem mal-UA, il-Gvern tas-Sudan, il-Gvern tas-Sudan tan-Nofsinhar, il-movimenti armati tad-Darfur u partiti Sudaniżi oħra kif ukoll mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet non-governattivi tad-Darfur u jżomm kollaborazzjoni mill-qrib man-NU u ma’ atturi internazzjonali rilevanti oħra, bil-għan li jitwettqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni; |
(b) |
jirrappreżenta lill-Unjoni fid-djalogu Darfur-Darfur, fil-laqgħat ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Konġunta, kif ukoll laqgħat oħra rilevanti kif mitlub; |
(c) |
jirrappreżenta lill-Unjoni, kull meta jkun possibbli, fil-Kummissjonijiet ta’ Valutazzjoni u Evalwazzjoni tal-FKP u l-FPD; |
(d) |
isegwi l-iżviluppi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-FPLS; |
(e) |
jiżgura koerenza bejn il-kontribut tal-Unjoni għall-maniġġar tal-kriżi fid-Darfur u r-relazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni mas-Sudan; |
(f) |
fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, u l-ġlieda kontra l-impunità fis-Sudan, isegwi s-sitwazzjoni u jżomm kuntatti regolari mal-awtoritajiet Sudaniżi, l-UA u n-NU, b’mod partikolari mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservaturi għad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun, u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. |
2. Bil-għan li jwettaq il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:
(a) |
ikollu idea ġenerali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni; |
(b) |
jappoġġa l-proċess politiku u l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-FPK, l-FPD u l-FPLS; u |
(c) |
isegwi u jirrapporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, notevolment il-1556 (2004), 1564 (2004), 1591 (2005), 1593 (2005), 1672 (2006), 1679 (2006), 1706 (2006), 1769 (2007) u 1778 (2007). |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2010 sal-31 ta’ Awwissu 2010 għandu jkun ta’ EUR 1 410 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli sa mill-1 ta’ Marzu 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.
Artikolu 6
Struttura u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernati rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu jiġu stazzjonati wkoll mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Għandhom jinżammu l-uffiċċji tar-RSUE f’Khartoum u f’Juba, li jinkludu Konsulent Politiku u l-persunal ta’ appoġġ amministrattiv u loġistiku meħtieġ. Skont il-mandat tar-RSUE kif imfisser fl-Artikolu 3, jista’ jiġi stabbilit ukoll sub-uffiċċju f’Darfur jekk l-Uffiċċji eżistenti f’Khartoum u Juba ma jkunux jistgħu jipprovdu s-sostenn kollu meħtieġ lill-persunal tar-RSUE skjerat fir-reġjun tad-Darfur.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet ospitanti kif ikun jeħtieġ il-każ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (3), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni ibbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, dwar il-ġestjoni tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u fiż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tiegħu li jridu jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal kkuntrattat lokalment, ikunu ħadu taħriġ ta’ sigurtà xieraq qabel u mal-wasla fiż-żona tal-missjoni, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ riskju mogħtija liż-żona ta’ missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta’ sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ nofs it-term u ta’ implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
1. Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b’rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jippreżenta rapport ukoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.
2. Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan kollu kemm hu.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b’aġġornamenti ta’ informazzjoni regolari.
2. Fil-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.
Artikolu 13
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fi tmiem il-mandat.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2010.
Artikolu 15
Pubblikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.
Ghall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 103, 20.4.2007, p. 52.
(2) ĠU L 46, 17.2.2009, p. 57.
(3) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.