EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0096

2010/96/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal- 15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja

ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 12/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/96(1)/oj

19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/96/PESK

tal-15 ta’ Frar 2010

dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ),

Billi:

(1)

Fir-Riżoluzzjoni 1872 (2009) dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, adottata fis-26 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) saħaq dwar l-importanza tal-istabbiliment mill-ġdid, it-taħriġ, l-attrezzar u ż-żamma tal-forzi tas-sigurtà Somali, u ħeġġeġ lill-Istati Membri u l-orgaizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali biex joffru għajnuna teknika għat-taħriġ u l-attrezzar tal-forzi tas-sigurtà Somali. Fir-Riżoluzzjoni 1897 (2009) tiegħu, adottata fit-30 ta’ Novembru 2009, il-KSNU fakkar ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u afferma mill-ġdid ir-rispett tiegħu għas-sovranità, l-integrità territorjali, l-indipendenza politika u l-unità tas-Somalja.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda li jżid l-impenn għall-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fis-Somalja. Għal dan il-għan, il-Kunsill studja possibbiltajiet għall-Unjoni biex tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali, inkluż fil-qasam tas-sigurtà.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill iddikjara li aktar appoġġ mill-Unjoni għas-settur tas-sigurtà fis-Somalja għandu jiġi kkunsidrat fi ħdan approċċ komprensiv tal-UE għas-sitwazzjoni fis-Somalja, u li dan l-appoġġ għandu jagħmel parti minn qafas akbar u koerenti li jinvolvi kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib tal-UE mal-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u sħab rilevanti oħrajn, partikolarment l-Istati Uniti tal-Amerika. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Unjoni Afrikana, il-Kunsill issottolinja l-importanza tar-rwol tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM).

(4)

Fis-17 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar tal-Kriżijiet dwar missjoni possibbli tas-Sigurtà u Difiża Ewropea li tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali Tranżizzjonali Somalu (TFG) u talab għal aktar ħidma ta’ ppjanar. Sussegwentement, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) ħatar Awtorità tal-Ippjanar.

(5)

Permezz ta’ ittri datati t-18 ta’ Novembru 2009 u t-23 ta’ Jannar 2010 rispettivament, it-TFG esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi tal-UE għall-koordinazzjoni tat-taħriġ tal-Forzi Nazzjonali Somali u l-isforzi tagħha lejn il-paċi u l-istabbiltà fis-Somalja; u assigura lill-Unjoni bl-impenn tiegħu sabiex jassumi r-responsabbilitajiet tiegħu fir-rigward tar-reklutaġġ, it-taħriġ u ż-żamma tar-rekluti; hu enfasizza wkoll l-impenn tiegħu lejn politika tas-settur tas-sigurtà usa’ fis-Somalja.

(6)

Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Novembru 2009, il-Viċi Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja, f’isem il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, laqa’ r-riflessjoni pożittiva tal-UE dwar it-taħriġ ta’ madwar 2 000 forzi tas-sigurtà Somali.

(7)

Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill għażel opzjoni militari strateġika għall-missjoni militari tal-UE potenzjali.

(8)

Fir-rapport tiegħu lill-KSNU tal-31 ta’ Diċembru 2009, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrefera għall-Kunċett ta’ Maniġġar tal-Kriżijiet dwar missjoni possibbli tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża li tappoġġa t-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali u ssottolinja li meta l-ippjanar tal-UE għat-twettiq tat-taħriġ jiġi implimentat, il-ħarrieġa tal-UE ikunu mistennija jsegwu kurrikuli armonizzati u approvati.

(9)

Permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Jannar 2010, il-Ministru tad-Difiża tal-Uganda laqa’ l-missjoni prevista tal-Unjoni b’appoġġ għas-Settur tas-Sigurtà fis-Somalja u stieden lill-Unjoni biex tipparteċipa fit-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali ġewwa l-Uganda għal perijodu ta’ mill-inqas sena.

(10)

Fl-20 ta’ Jannar 2010, l-Unjoni għamlet offerta lit-TFG biex jikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi ta’ Sigurtà Somali.

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill qabel li jistabbilixxi missjoni militari tal-UE biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà Somali fl-Uganda, fejn il-forzi Somali diġà qed jiġu mħarrġa. Il-Missjoni tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-UE mal-AMISOM. Barra dan, il-Kunsill qabel li l-missjoni militari tal-UE tiġi mnedija mad-dħul li jmiss ta’ persuni għat-taħriġ, li huwa skedat li jibda fir-rebbiegħa 2010, u tkun immexxija b’koordinazzjoni mill-qrib mal-imsieħba, inkluż it-TFG, l-Uganda, l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-Kunsill għaraf il-ħtieġa li jitwettaq dan it-taħriġ bħala parti minn sforz internazzjonali usa’ u li jinkludi fost l-oħrajn, l-eżami tal-persuni għat-taħriġ, il-monitoraġġ u l-iggwidar tal-forzi ladarba jmorru lura l-Mogadixu u l-finanzjament u l-ħlas tas-salarji tas-suldati.

(12)

Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, kontroll politiku fuq il-missjoni militari tal-UE, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(13)

Huwa meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali relatati mal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’missjonijiet tal-UE u mal-istatus ta’ unitajiet u persunal tal-UE.

(14)

In-nefqa operattiva li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri skont l-Artikolu 41(2) tat-TUE u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (1) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ATHENA”).

(15)

L-Artikolu 28(1) tat-TUE jappella sabiex id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jistabbilixxu l-mezzi li għandhom isiru disponibbli għall-Unjoni. L-ammont ta’ referenza finanzjarja, li jkopri perijodu ta’ tnax-il xahar, għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u huwa mingħajr preġudizzju għall-figuri finali li għandhom jiġu inklużi f’baġit li għandu jiġi approvat skont ir-regoli stabbiliti f’ATHENA.

(16)

Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka, għalhekk ma tipparteċipax fl-iffinanzjar ta’ din il-missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni ser twettaq missjoni ta’ taħriġ militari, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “EUTM Somalja”, sabiex tikkontribwixxi għat-tisħiħ tat-Gvern Federali Tanżizzjonali Somalu (TFG) bħala gvern li jiffunzjona u li jservi liċ-ċittadini Somali. B’mod partikolari, l-objettiv tal-missjoni militari tal-UE għandu jkun li tikkontribwixxi għal perspettiva komprensiva u sostenibbli għall-iżvilupp tas-Settur tas-Sigurtà Somalu billi jissaħħu l-forzi tas-sigurtà Somali permezz tal-provvista ta’ taħriġ militari speċifiku u l-appoġġ għat-taħriġ ipprovdut mill-Uganda, ta’ 2 000 rekluta Somala sa u li jinkludu l-livell ta’ platun, inkluż taħriġ modulari u speċjalizzat adatt għal uffiċjali u għal uffiċjali mhux kummissjonati. Il-missjoni militari tal-UE għandha topera b’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib ma’ atturi oħra fil-komunità internazzjonali, b’mod partikolari, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u l-Istati Uniti tal-Amerika.

2.   It-taħriġ militari tal-UE imwettaq għal dak il-għan għandu jsir prinċipalment fl-Uganda, f’konformità mal-objettiv politiku ta’ missjoni tal-UE li tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi ta’ sigurtà Somali, kif definit fil-Kunċett ta’ Maniġġar tal-Kriżijiet approvat mill-Kunsill fis-17 ta’ Novembru 2009. Element ta’ din il-missjoni militari tal-UE għandu jkun ibbażat ukoll f’ Najrobi.

Artikolu 2

Ħatra tal-Kmandant tal-UE

1.   Il-Kurunell Ricardo GONZÁLEZ ELUL huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Missjoni tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u ta’ Kmandant tal-Forza tal-UE

Artikolu 3

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-UE

Il-Kwartieri Ġenerali tal-missjoni tal-UE għandhom ikunu fl-Uganda. Huma ser jinkludu uffiċċju ta’ kollegament f’Najrobi u ċellola ta’ appoġġ fi Brussell. Huwa ser iwettaq il-funzjonijiet kemm tal-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni kif ukoll tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni

Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija tal-missjoni militari tal-UE għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni.

Artikolu 5

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (ir-“RGħ”), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (il-“KPS”) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni militari tal-UE. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Missjoni u l-Linja tal-Kmand. Hija għandha tinkludi s-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni militari tal-UE għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward it-twettiq tal-missjoni militari tal-UE. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

Artikolu 6

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-missjoni militari tal-UE mwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.

2.   L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Huwa jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.

3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.

Artikolu 7

Implimentazzjoni u konsistenza tar-rispons tal-Unjoni

1.   Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimetazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jiżgura wkoll il-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna fl-intier tagħha tal-Unjoni, inkluż, il-programmi ta’ żvilupp tal-UE.

2.   Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jassisti lir-RGħ fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-missjoni.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE u l-EUMC, id-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   Modalitajiet dettaljati għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-missjoni.

4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-missjoni militari tal-UE għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-missjoni.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet adatti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 9

Status tal-persunal immexxi mill-UE

L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-UE, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 tat- TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) tat-TFEU.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (Athena) (2) (“ATHENA”).

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għandu jkun ta’ EUR 4.8 miljun. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 32(3) ta’ ATHENA għandu jkun ta’ 60 %.

Artikolu 11

Rilaxx ta’ informazzjoni lil partijiet terzi

1.   Ir-RGħ huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU), lill-Unjoni Afrikana (UA, AMISOM), u lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet tal-missjoni militari tal-UE sal-livell ta’ klassifikazzjoni adatt għal kull wieħed minnhom u f’konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill (3).

2.   Ir-RGħ huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lin-NU, lill-UA, lill-AMISOM u lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward il-missjoni, koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (4).

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Il-missjoni militari tal-UE għandha tintemm fl-2011 wara żewġ perijodi konsekuttivi ta’ sitt xhur taħriġ.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħassra mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġnerali tal-UE, l-uffiċċju ta’ kollegament f’Najrobi u ċ-ċellola ta’ appoġġ fi Brussell, f’konformità mal-pjani approvati għat-tmiem tal-missjoni militari tal-UE, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw il-verifika u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-missjoni militari tal-UE, stabbiliti f’ATHENA.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-KPS dwar il-ħatra ta’ Kmandant tal-Missjoni tal-UE u d-deċiżjonijiet tal-KPS dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi tal-Istati terzi, kif ukoll l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri għandhom ukoll jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

Á. GABILONDO


(1)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.

(2)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

(4)  Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top