Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0862

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 862/2009 tal- 15 ta’ Settembru 2009 li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 248, 22.9.2009, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/862/oj

    22.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 862/2009

    tal-15 ta’ Settembru 2009

    li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 dwar importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1487/2005 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester (“TFP” jew “il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Il-perjodu tal-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament imsemmi qabel (“l-investigazzjoni oriġinali”) kien il-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (“il-PI oriġinali”).

    (2)

    Wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ kontra l-assorbiment, dawn il-miżuri ġew emendati permezz tar-Regolament (KE) Nru 1087/2007 (3). Ir-rati ta’ dazju li bħalissa huma fis-seħħ jifirxu minn 14,1 % għal 74,8 %.

    2.   IL-PROĊEDURA

    2.1.   It-talba għal reviżjoni

    (3)

    Fl-1 ta’ April 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku biex tibda reviżjoni parzjali interim biex tinvestiga jekk ċerti tipi ta’ prodotti kinux jaqgħu fl-ambitu tal-miżuri antidumping attwali.

    (4)

    It-talba tressqet minn Hüpeden GmbH & Co. KG (“l-applikant”), importatur li jinsab il-Ġermanja.

    (5)

    L-applikant allega li l-prodott li jimporta jintuża biss biex jipproduċi tejp speċjali li jwaħħal għall-iżolazzjoni ta’ kejbils li jinsabu ġewwa l-unità tal-wajers tal-elettriku tal-magni, fil-biċċa l-kbira magni ta’ karozzi (minn hawn ‘il quddiem “Tape grade”), u li l-karatteristiċi tekniċi u kimiċi ta’ dan it-Tape grade huma differenti minn dawk tal-prodott ikkonċernat kif definit fl-investigazzjoni oriġinali. B’mod partikolari, it-tensjoni li jiflaħ it-Tape grade kif ukoll il-kulur tiegħu jidhru li huma differenti. L-applikant allega li t-Tape grade għandu għalhekk jitqies bħala li jaqa’ lil hinn mill-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali u b’hekk ma għandux ikun soġġett għall-miżuri msemmija hawn fuq.

    2.2.   Il-bidu

    (6)

    Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat fis-26 ta’ Ġunju 2008 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata għall-investigazzjoni tal-ambitu tal-prodott. B’mod partikolari, ir-reviżjoni kellha tiddetermina jewkk it-Tape grade kienx jagħmel parti mill-prodott ikkonċernat jew le kif definit fl-investigazzjoni oriġinali.

    2.3.   L-investigazzjoni ta’ reviżjoni

    (7)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, u l-partijiet l-oħra kollha magħrufa li huma kkonċernati, jiġifieri produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, produtturi kif ukoll utenti u importaturi fil-Komunità, dwar it-tnedija tal-investigazzjoni tar-reviżjoni parzjali interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ tnedija. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari li għalihom għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

    (8)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati, u lill-partijiet l-oħra kollha li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż ta’ tnedija.

    (9)

    Fid-dawl tal-ambitu tar-reviżjoni, ma ġie stabbilit l-ebda perjodu ta’ investigazzjoni għall-għan ta’ din ir-reviżjoni. L-informazzjoni li waslet fit-tweġibiet tal-kwestjonarju kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (“il-perjodu kkunsidrat”). Għall-perjodu kkunsidrat, intalbet informazzjoni dwar volum u valur ta’ bejgħ/xiri, volum u kapaċità ta’ produzzjoni għat-Tape grade u t-tipi ta’ TFP kollha. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati ntalbu jikkummentaw dwar kwalunkwe differenza jew similarità bejn it-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP fir-rigward tal-proċess ta’ produzzjoni tagħhom, il-karatteristiċi tekniċi, l-użu finali, interkambjabilità, eċċ.

    (10)

    Waslu lura tweġibiet għall-kwestjonarji mill-applikant, produttur esportatur Ċiniż wieħed tat-Tape grade, produttur tal-Komunità tat-Tape grade, żewġ produtturi tal-Komunità ta’ tipi oħra ta’ TFP u utent wieħed tat-Tape grade.

    (11)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu meqjus neċessarju għall-għan ta’ valutazzjoni dwar jekk kienx hemm ħtieġa għal emenda tal-ambitu tal-miżuri antidumping eżistenti u wettqet żjarat ta’ verifika fuq il-post fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

    Hüpeden GmbH & Co. KG, Hamburg, il-Ġermanja,

    TFE Textil, Nüziders, l-Awstrija,

    Wujiang Glacier Fabrics, Wujiang, ir-RPĊ.

    (12)

    Il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li bihom waslu għall-konklużjoni tal-investigazzjoni attwali ta’ reviżjoni (“l-iżvelar finali”). Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

    (13)

    Il-kummenti orali u dawk bil-miktub imressqa mill-partijiet ġew ikkunsidrati kif xieraq u twieġbu fil-premessi li ġejjin.

    3.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (14)

    Il-prodott ikkonċernat huwa, kif definit fir-Regolament oriġinali, tessuti minsuġa minn ħajt sintetiku mibrum li fihom piż ta’ 85 % jew aktar ta’ ħajt ta’ polyester tessili u/jew ta’ ħajt ta’ polyester mhux tessili, miżbugħa (inklużi miżbugħa abjad) jew stampati li joriġinaw mir-RPĊ, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM attwalment klassifikabbli fil-kodiċi NM ex 5407 51 00, 5407 52 00, 5407 54 00, ex 5407 61 10, 5407 61 30, 5407 61 90, ex 5407 69 10, u ex 5407 69 90.

    4.   IS-SEJBIET TAL-INVESTIGAZZJONI

    (15)

    L-ewwel ġie investigat li t-Tape grade jaqa’ fl-ambitu tal-miżuri imposti fuq ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-RPĊ kif deskritt fir-Regolament oriġinali. Imbagħad ġie investigat jekk l-ambitu tal-prodott setax jiġi emendat għar-raġuni li t-Tape grade u tipi oħra tat-TFP ma jiffurmawx prodott uniku.

    4.1.   L-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali

    (16)

    Qed jitfakkar li t-TFP jiġu prodotti billi l-ħajt tal-polyester jintiseġ f’tessut u billi tiġi applikata rfinitura lil dan it-tessut. Il-ħajt jista’ jinżebagħ minn qabel jew le. L-irfinitura ġeneralment tikkonsisti f’li jiġu stampati jew jinżebgħu t-tessuti iżda tista’ tiġi applikata rfinitura ulterjuri biex tipproduċi effett bellusi jew biex tagħmel it-tessut, pereżempju, wieħed li ma jgħaddix l-ilma minnu.

    (17)

    Fil-premessa 8 tar-Regolament oriġinali jissemma li għandha ssir distinzjoni bejn il-prodott ikkonċernat u TFP ta’ ħjut ta’ lwien differenti, li għalihom il-ħjut miżbugħa minn qabel jintisġu fi drapp, u d-disinn jinħoloq billi jintiseġ l-ornament. Dawn it-tessuti jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 5407 53 00 u 5407 61 50 u huma esklużi mill-ambitu tal-prodott u għalhekk mill-miżuri antidumping fis-seħħ.

    (18)

    L-applikant allega fit-talba tiegħu għal reviżjoni li t-Tape grade ma jaqax fl-ambitu tal-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament oriġinali għaliex huwa magħmul minn ħjut miżbugħa minn qabel u għalhekk jikkorrispondi għall-prodott deskritt fil-premessa 17 hawn fuq. L-applikant spjega wkoll li huwa kien konsistentement jiddikjara l-importazzjonijiet tiegħu tat-tape grade li joriġina fir-RPĊ taħt il-kodiċi NM 5407 53 00, anke qabel ma saret l-impożizzjoni tal-miżuri antidumping fl-2005. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ din it-talba, għandu jiġi nnutat li Regolament antidumping bħal dan mhuwiex l-istrument legali adattat biex jiddefinixxi taħt liema kodiċi kellhom jiġu kklasifikati kunsinji partikolari bil-baħar. Din hija primarjament kwistjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, u jekk hemm bżonn billi jużaw informazzjoni li torbot ta’ tariffi u/jew bl-għajnuna ta’ talba għal sentenza preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Minkejja dan, jekk l-ebda wieħed mill-prodotti importati mill-applikant ma jista’ jiġi kopert mid-dazju antidumping impost mir-Regolament oriġinali, din ir-reviżjoni tidher li ma għandha l-ebda sens prattiku. L-investigazzjoni żvelat f’dan ir-rigward li t-Tape grade huwa magħmul minn ħjut li nżebgħu minn qabel iżda li dawn il-ħjut mhumiex ta’ lewn differenti u li ma jinħoloq l-ebda disinn meta jintisġu dawn il-ħjut. Għalhekk, għall-iskop ta’ din l-investigazzjoni, qed jitqies li t-Tape grade huwa distingwibbli mill-prodott deskritt fil-premessa 17 hawn fuq.

    (19)

    Wara l-iżvelar finali, l-applikant iddikjara li t-Tape grade għandu jitqies bħala li huwa magħmul minn ħjut ta’ lwien differenti, minħabba li l-karbonju li ma jiddewwibx b’mod uniformi fil-ħjut tal-polyester, joħloq tonalitajiet tal-lewn iswed fil-ħjut. L-applikant iġġustifika din it-talba permezz ta’ referenza għas-subtitolu tat-Taqsima XI tal-Parti tnejn fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (5), li fih id-definizzjoni ta’ tessut minsuġ ta’ ħajt ta’ lwien differenti tinkludi tessut minsuġ magħmul minn ħjut ta’ tonalitajiet differenti tal-istess lewn u permezz ta’ referenza għall-opinjonijiet ta’ esperti indipendenti.

    (20)

    Bi tweġiba għal din it-talba, qed jitfakkar li dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jiddefinixxi taħt liema kodiċi NM għandhom jiġu ddikjarati l-importazzjonijiet tat-Tape grade. Għalhekk, din it-talba tqieset irrilevanti għall-iskopijiet ta’ din l-investigazzjoni minħabba li, kif issemma hawn fuq, mistoqsijiet dwar il-klassifiki doganali huma primarjament għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (21)

    Fit-talba tiegħu għal reviżjoni, l-applikant iddikjara wkoll li fl-istadju tal-bidu u fl-istadji provviżorji, l-investigazzjoni oriġinali ffukat fuq TFP għal applikazzjonijiet ta’ lbies biss, u li dawn it-tipi ta’ tessuti biss kellhom suppost jiġu inklużi fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u mmirati mill-miżuri antidumping. L-applikant sostna wkoll li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni oriġinali twessa’ biss fir-Regolament oriġinali li impona miżuri antidumping definittivi biex ikopru t-tipi kollha ta’ użu. Huwa sostna wkoll li t-Tape grade jintuża għal applikazzjoni speċifika ħafna mill-industrija tal-karozzi u għalhekk ma għandux jitqies bħala li jagħmel parti mill-prodott ikkonċernat.

    (22)

    Fir-rigward ta’ din it-talba, qed jiġi nnutat li l-avviż ta’ tnedija tal-investigazzjoni oriġinali (6) għamel referenza għal TFP “normalment użati għal applikazzjonijiet ta’ lbies” u mhux għal TFP esklussivament użati għal applikazzjonijiet ta’ lbies. Dan ifisser li ma kien hemm l-ebda espansjoni tal-prodott ikkonċernat bejn l-istadju tal-bidu u l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, kif allegat mill-applikant. Barra dan, apparti minn kjarifika dwar l-ambitu tal-prodott fir-rigward tal-inklużjoni tat-TFP “miżbugħin abjad”, ma hemm l-ebda differenza oħra bejn il-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament tal;-Kummissjoni (KE) Nru 426/2005 (7) (“ir-Regolament provviżorju”) u r-Regolament definittiv tal-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri r-Regolament oriġinali). Fiż-żewġ Regolamenti, la l-parti operattiva (l-Artikolu 1(1)) u lanqas il-premessi fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma jeskludu mid-dazju TFP impurtati għal użu finali speċifiku. Fir-Regolament provviżorju, b’mod partikolar fl-ewwel sentenza tal-premessa 11 tiegħu, il-prodott ikkonċernat huwa deskritt mil-lat ta’ karatteristiċi fiżiċi tiegħu. Għal darb’oħra, huwa sempliċiment iddikjarat li TFP huma “normalment” użati għal applikazzjonijiet ta’ lbies, mingħajr ma din hija fl-ebda mod kundizzjoni li huma jiġu koperti mill-investigazzjoni u/jew mid-dazju (provviżorju). Aktar tard, fid-dawl tal-applikazzjonijiet numerużi possibbli li ġew skoperti fl-andament tal-investigazzjoni oriġinali, bħalma huma għamara jew tiżjin tad-dar, tfakkar b’mod espliċitu, fil-premessa 6 tar-Regolament oriġinali, li t-TFP kollha kienu koperti mid-definizzjoni tal-prodott, irrispettivament mill-użu finali. Għalhekk, it-Tape grade u t-TFP l-oħra kollha, inklużi t-TFP għal applikazzjonijiet tal-karozzi, ġew inklużi fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali.

    (23)

    L-applikant iddikjara wkoll, fuq l-istess fil ta’ argumenti użat hawn fuq, li ma setax jeżerċita kif suppost id-dritt tiegħu ta’ difiża fl-investigazzjoni oriġinali minħabba li l-ambitu tal-prodott ikkonċernat twessa bejn l-istadju provviżorju u dak definittiv filwaqt li ma ntbagħtet l-ebda informazzjoni speċifika dwar din il-bidla lill-partijiet possibbilment interessati. L-applikant iddikjara li din kienet ir-raġuni għaliex la l-applikant u lanqas il-fornitur Ċiniż tiegħu ma kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali.

    (24)

    Qed jitfakkar li, kif imsemmi fil-premessa 22, id-definizzjoni tal-prodott ma twessgħetx matul l-investigazzjoni oriġinali, minħabba li użi oħra possibbli apparti l-ilbies kienu diġà tqiesu mill-istadju tat-tnedija. Barra minn dan, l-applikant huwa importatur kummerċjali esperjenzat li kkoopera f’investigazzjonijiet oħra antidumping u għalhekk jaf tajjeb il-proċeduri u s-sorsi ta’ informazzjoni (bħalma huwa Il-Ġurnal Uffiċjali) fir-rigward tal-investigazzjonijiet. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi nnutat li, kif muri fil-premessi 9 u 10 tar-Regolament oriġinali, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, kien hemm bosta partijiet interessati li ressqu talbiet kontra l-impożizzjoni tal-miżuri fuq it-TFP għal applikazzjonijiet mhux ta’ lbies (pereżempju għamara, tiżjin għad-djar, umbrelel). Dan juri li partijiet interessati fehmu li l-investigazzjoni qatt ma kienet ristretta għal TFP użati għal applikazzjonijiet ta’ lbies. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, din it-talba kellha tiġi rifjutata.

    (25)

    Wara l-iżvelar finali, l-applikant iddikjara b’mod ulterjuri li huwa kien ippreżenta kummenti fl-andament tal-investigazzjoni oriġinali u li b’mod parallel huwa ddiskuta b’mod attiv il-każ ma’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet tat-tessuti involuti fl-investigazzjoni. Skont l-applikant, fl-ebda mument ma kien hemm xi indikazzjoni mill-Kummissjoni li t-tessut tat-Tape grade jista’ jaqa’ fl-ambitu tal-investigazzjoni jew il-miżuri.

    (26)

    L-ewwel qed jiġi nnutat li, jidher ċar li l-applikant kien kompletament konxju mill-eżistenza tal-investigazzjoni oriġinali. Barra dan, kif spjegat hawn fuq, dik l-investigazzjoni ma koprietx it-TFP mill-bidu nett. Addizzjonalment, l-applikant ma ressaq l-ebda evidenza li l-Kummissjoni xi darba eskludiet it-Tape grade mill-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali jew li qatt kien hemm parti li ssuġġeritilha li l-Kummissjoni għandha tagħmel dan. Fil-fatt, il-kummenti mressqa mill-applikant matul l-investigazzjoni oriġinali kienu jikkonċernaw aspetti ta’ interess ġenerali tal-Komunità tal-proċediment u l-kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni possibbli ta’ tessuti bbliċjati jew mhux ibbliċjati fl-ambitu tal-miżuri antidumping. Jista’ jkun li l-applikant ma kkunsidrax lilu nnifsu bħala kkonċernat mill-investigazzjoni oriġinali fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-Tape grade. Jekk dan kien tassew il-każ, jidher li dan kien minħabba li l-applikant kien qed jiddikjara l-importazzjonijiet tiegħu ta’ Tape grade taħt il-kodiċi NM 5407 53 00, kodiċi li ma kenitx fil-mira tal-investigazzjoni oriġinali. Minkejja dan, l-ambitu ta’ investigazzjoni mhuwiex limitat mill-fatt li operatur wieħed jista’ jkollu l-oġġetti dikjarati li jaqgħu fl-ambitu ta’ kodiċi tan-NM żbaljata. Fuq din il-bażi, t-talba tal-applikant kellha tiġi rrifjutata.

    (27)

    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, qed jiġi konfermat li l-importazzjonijiet ta’ Tape grade li joriġinaw fir-RPĊ jaqgħu fiil-limitu tal-miżuri deskritti fir-Regolament oriġinali.

    4.2.   It-tqabbil bejn it-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP

    (28)

    Biex jiġi investigat jekk it-Tape grade u t-tipi l-oħra tat-TFP jiffurmaw prodott uniku, it-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP tqabblu mil-lat tal-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u/jew kiniki bażiċi. Ġew investigati wkoll kriterji oħra bħalma huma proċess tal-produzzjoni, prezzijiet, użi finali u interkambjabilità.

    4.2.1.   Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tat-Tape grade

    (29)

    L-investigazzjoni wriet li l-ħjut mibrum użati biex jipprepara l-ħjut qabel jintiseġ it-Tape grade fihom proporzjon żgħir ta’ karbonju (taħt it-3 %). Biex jiġu prodotti dawn il-ħjut, frammenti li fihom il-karbonju jiddewbu ma’ frammenti ta’ polyester pur, u d-dewba tiġi sfurzata minn ġo toqob żgħar biex tipproduċi filamenti suwed. Dawk il-filamenti mbagħad jinbarmu f’ħajt iswed.

    (30)

    Iż-żieda tal-karbonju fil-materja prima tagħti lit-Tape grade lewn iswed li jirreżisti bosta trattamenti li jtellfu l-lewn, kemm jekk ikunu kimiċi (ħasil fis-sapun jew tgħaddis f’banju b’solvent) kif ukoll jekk ikunu mekkaniċi (togħrik niexef jew imxarrab). L-użu ta’ din il-materja prima wkoll tnaqqas it-tensjoni li jiflaħ għaliha t-tessut tat-Tape grade meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TFP magħmula mill-istess għadd ta’ ħajt.

    (31)

    L-applikant iddikjara li t-Tape grade jista’ jingħaraf b’mod ulterjuri minn tipi oħra tat-TFP minħabba li billi għandu reżistenza minima iżgħar għal tensjoni din jippermetti li jista’ jinqata’ bl-idejn. Din il-proprjetà tat-Tape grade hija rekwiżit speċifiku mill-industrija tal-karozzi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaqtgħu malajr it-tejp li jwaħħal meta jkunu qed jippreparaw il-kejbils iżolati.

    (32)

    Minkejja dan, produttur tal-Komunità tat-Tape grade bħalissa qed jipproduċi tip ieħor ta’ Tape grade, ukoll użat mill-industrija tal-karozzi, li ma jistax jinqata’ bl-idejn. Dan it-tessut huwa wkoll magħmul minn ħjut miżjuda bil-karbonju iżda l-proporzjon ta’ karbonju fil-ħajt huwa inqas minn dak tat-tape grade manifatturat mill-produttur esportatur Ċiniż u impurtat mill-applikant. L-attività tal-produzzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott mibjugħ mill-produttur tal-Komunità ġew osservati waqt iż-żjara ta’ verifika mill-Kummissjoni. Instab ukoll li tipi oħra ta’ TFP jistgħu wkoll jinqatgħu bl-idejn jekk l-għadd ta’ ħajt fit-tessut ikun baxx. Għalhekk din il-proprjetà ma tistax titqies bħala karatteristika ġenwina tat-tape grade meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TFP jew karatteristika li għandha tippermetti l-esklużjoni tat-Tape grade mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-istess japplika għat-tqabbil li sar dwar is-saħħa ta’ tensjoni li jiflaħ għaliha t-tessut.

    (33)

    Wara l-iżvelar finali l-applikant insista li t-Tape grade għandu reżistenza għat-tensjoni li tista’ titkejjel u li hija iktar baxxa mit-TFP, minħabba li r-reżistenza għat-tensjoni tat-tape grade hija 20 % inqas mir-reżistenza għat-tensjoni tat-TFP bl-istess għadd ta’ ħajt. Huwa rrikonoxxa li t-TFP b’ammont ċkejken ta’ ħajt jista’ jinqata’ bl-idejn, iżda li ma huwiex adattat għal kisi bil-kolla minħabba li l-kolla xxarrab u tibqa’ ħierġa minn ġot-tessut minħabba d-densità iċken tiegħu.

    (34)

    Fir-rigward ta’ din it-talba, qed jiġi nnutat li l-ebda parti interessata ma setgħet tidentifika limitu massimu li huwa ċar u oġġettiv f’dak li għandu x’jaqsam mat-tensjoni li jiflaħ għaliha t-Tape grade li jiddistingwih minn tipi oħra ta’ TFP bl-istess għadd ta’ ħajt. Barra dan, l-investigazzjoni sabet li t-Tape grade li kapaċi jiflaħ iktar għat-tensjoni jista’ jiġi prodott skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba mill-konsumaturi ta’ dan il-prodott. Fl-aħħarnett, l-applikant ma ta l-ebda limitu massimu assolut għat-tensjoni li jiflaħ għaliha t-tessut u għad-densità li fiha l-kolla xxarrab u tibqa’ ħierġa mit-tessut. Għalhekk dawn it-talbiet kellhom jiġu rrifjutati.

    (35)

    F’dak li għandu x’jaqsam man-natura tal-materja prima użata fit-Tape grade, qed jiġi nnutat li l-proporzjon tal-karbonju fil-ħajt huwa baxx ħafna: minn 1 % sa 3 % skont il-prodotti tat-Tape grade eżaminati waqt l-investigazzjoni. L-investigazzjoni wriet ukoll li mhuwiex possibbli li jitkejjel il-proporzjon eżatt ta’ karbonju ladarba l-ħajt ikun tħejja. Għalhekk, huwa diffiċli ħafna li jiġi żvelat il-kontenut ta’ karbonju fit-tessut. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-applikant fil-kummenti tiegħu li ġew ippreżentati wara l-iżvelar finali.

    (36)

    Dwar il-lewn tat-Tape grade, huwa speċifikat li, għal kuntrarju tal-allegazzjonijiet mill-applikant li t-Tape grade jista’ jkun biss iswed, it-tessut lest tat-Tape grade jista’ jkun jew iswed inkella jagħti fil-griż skont il-proporzjon ta’ karbonju fil-ħajt. Qed jiġi enfasizzat li t-TFP miżbugħa lewn iswed jew lewn li jagħti fil-griż wara li jintiseġ jidher l-istess bħal Tape grade u li dawn it-tipi differenti ma jingħarfux minn xulxin meta tħares lejhom.

    (37)

    Fir-rigward tar-reżistenza għal-lewn tat-Tape grade, huwa rikonoxxut li t-tessut tat-Tape grade jirreżisti trattamenti li jtellfu l-lewn, iżda nstab ukoll matul l-investigazzjoni li t-TFP magħmula minn ħajt li ngħatalu lewn minn qabel jista’ wkoll ikun reżistenti għal-lewn. Barra minn hekk, ma seta’ jiġi identifikat l-ebda livell massimu fl-andament tal-investigazzjoni li jiddistingwi bejn tessuti meqjusa “li jitilfu lewnhom” u tessuti meqjusa “li ma jitilfux lewnhom”, speċjalment fir-rigward ta’ TFP magħmula minn ħjut miżbugħa minn qabel. Filfatt, qed jiġi nnutat li, skont in-noti tas-subtitolu għat-Taqsima XI tal-Parti tnejn fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2658/87, id-definizzjoni ta’ “tessuti minsuġa miżbugħa” tinkludi tessuti minsuġa li jikkonsistu minn ħajt ikkulurit ta’ lewn uniformi wieħed. Skont l-istess dokument, id-definizzjoni ta’ “ħajt ikkulurit” jinkludi ħajt li jinżebagħ fil-massa minbarra abjad. Għalhekk, ir-reżistenza għal-lewn ma tistax titqies bħala differenza ewlenija bejn it-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP.

    (38)

    Wara l-iżvelar finali, l-applikant ta rapport minn istitut tekniku speċjalizzat fil-prodotti tat-tessuti u tal-kimika, li għandu l-għan li jagħti prova li r-reżistenza għal-lewn tat-tape grade kienet karatteristika ġenwina tat-Tape grade. Dan ir-rapport kien ibbażat fuq l-hekk imsejjaħ “metodu Baumgarte” li jikkonsisti milli t-tessut jitgħaddas f’banju ta’ solvent bħalma huwa chlorobenzol. It-tessuti tat-Tape grade iżommu l-lewn iswed tagħhom wara test bħal dan, filwaqt li TFP li jinżebagħ iswed fil-wiċċ jitlef lewnu filwaqt li l-banju jippreserva l-lewn.

    (39)

    F’dan ir-rigward, wara l-analiżi tar-rapporti differenti mogħtija mill-applikant fl-andament tal-investigazzjoni, qed jiġi nnutat li l-esperti jiddistingwu żewġ modi kif jinżebagħ TFP: jew billi jitgħaddas il-ħajt jew it-tessut f’banju tal-kulur (żebgħa fil-wiċċ) inkella billi jiddewweb il-kulur ġewwa l-polyester meta jsir il-ħajt (żebgħa fil-massa). Il-metodoloġija proposta fir-rapporti differenti tippermetti li jiġu distinti t-TFP miżbugħa iswed fil-massa minn TFP oħra miżbugħa suwed fil-wiċċ. Minkejja dan, dawn ir-rapporti ma wrewx li t-Tape grade huwa l-uniku tip possibbli ta’ TFP miżbugħ iswed fil-massa. Għalhekk, ir-rapporti ma taw l-ebda mezz biex jiġi distint it-Tape grade minn TFP magħmula minn ħajt miżbugħ iswed fil-massa. Dawn ir-rapporti saħansitra kkonfermaw li t-TFP miżbugħa iswed fil-massa wkoll jirreżistu t-test ta’ tneħħija tal-lewn b’solvent. Bħala konsegwenza, ir-reżistenza għas-solvent ma tistax titqies bħala karatteristika ġenwina tat-Tape grade meta mqabbel ma’ TFP oħra, u din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

    (40)

    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, ġie konkluż li, minkejja xi differenzi, ma hemm l-ebda karatteristika fiżika, teknika u/jew kimika li tippermetti li t-Tape grade jingħaraf b’mod ċar minn tipi oħra ta’ TFP.

    4.2.2.   Il-proċess ta’ produzzjoni

    (41)

    L-investigazzjoni wriet li l-istess faċilitajiet ta’ produzzjoni jistgħu jintużaw biex jipproduċu t-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP minħabba li jintużaw l-istess inwiel biex jinsġu t-tipi kollha ta’ TFP u l-proċess ta’ rfinitura jiġi ġeneralment sottokuntrattat għat-Tape grade kif ukoll għal tipi oħra ta’ TFP. Il-produtturi kollha tat-Tape grade li saritilhom żjara matul l-investigazzjoni jipproduċu kemm Tape grade kif ukoll tipi oħra ta’ TFP.

    (42)

    Madankollu, l-investigazzjoni wriet li jeżistu xi differenzi bejn l-irfinitura tat-Tape grade u dik ta’ tipi oħra ta’ TFP. Minħabba li t-Tape grade fl-aħħar mill-aħħar se jinkesa bil-kolla, huwa jiġi ċċattjat minn naħa qabel jinbiegħ ħalli l-kisja tal-kolla teħel biss fuq in-naħa li ma ġietx iċċattjata (il-proċess imsejjaħ “calendering” — proċess għall-illixxar u l-illustrar). Barra dan, it-Tape grade ma għandux bżonn żebgħa jew stampar biex jieħu l-lewn iswed tiegħu għal kuntrarju ta’ tipi oħra ta’ TFP. Minkejja dan, teżisti varjetà kbira ta’ rfinitura possibbli fost it-tipi l-oħra tat-TFP wkoll u dawk it-tipi kollha tqiesu minkejja kollox bħala prodott uniku fl-investigazzjoni oriġinali.

    (43)

    Wara l-iżvelar finali, l-applikant iddikjara li l-faċilitajiet komuni ta’ produzzjoni ma joffrux bażi għal sejba li t-TFP minsuġa minn ħajt miżbugħ minn qabel għandu jitqies bħala prodott uniku.

    (44)

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ din it-talba, kif imsemmi fil-premessa 28, qed jitfakkar li l-bażi ewlenija biex jiġi ddeterminat jekk it-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP għandhomx jitqiesu bħala prodott uniku jew żewġ prodotti differenti huma fil-fatt il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u/jew kimiki tal-prodott. Minkejja dan, kriterji oħra sussidjarji bħalma huwa l-proċess tal-produzzjoni u jew l-interkambjabilità bejn it-tipi varji tal-prodott jistgħu jiġu investigati. Qed jiġi nnutat ukoll li fir-rigward ta’ din it-talba li l-għan ta’ din l-investigazzjoni mhijiex li tinvestiga jekk it-TFP minsuġa minn ħajt miżbugħ minn qabel humiex parti mill-prodott ikkonċernat, iżda b’mod aktar speċifiku jekk it-Tape grade jagħmilx parti mill-prodott ikkonċernat. Fuq din il-bażi, it-talba tal-applikant kellha tiġi rrifjutata.

    (45)

    L-applikant iddikjara wkoll li hemm differenzi fil-proċess tal-produzzjoni minħabba li tintuża materja prima differenti u ma jinħtieġ l-ebda żebgħa jew stampar ulterjuri biex jiġi prodott it-Tape grade, meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TFP.

    (46)

    Fir-rigward tat-talba dwar id-differenza fil-materja prima użata, diġà ġie ammess fil-premessa 29 li l-materja prima użata għat-Tape grade hija daqsxejn differenti minn ħjut oħra miżbugħa minn qabel użati biex jinsġu t-TFP, minħabba li fiha proporzjon żgħir ta’ karbonju. Minkejja dan, qed jitfakkar li l-partijiet kollha, inkluż l-applikant, qablu li huwa impossibbli li jitkejjel il-kontenut ta’ karbonju fit-tessut finali, u għalhekk din il-materja prima kemxejn differenti ma tistax tiġi żvelata fil-prodott finali. Għalhekk, din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

    (47)

    L-applikant iddikjara wkoll li n-nuqqas ta’ żebgħa jew stampar intuża qabel biex jiġu esklużi dawk l-hekk imsejħa “tessuti griżi” mill-ambitu tal-miżuri, u għalhekk l-istess għandu japplika għat-Tape grade.

    (48)

    F’dak li għandu x’jaqsam mat-talba dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe stadju taż-żebgħa jew tal-istampar fil-proċess tal-produzzjoni tat-Tape grade lest, qed jiġi nnutat li l-istess japplika għat-TFP magħmula minn ħjut miżbugħa minn qabel u t-TFP magħmula mill-ħjut miżbugħa minn qabel huma parti mill-prodott ikkonċernat. It-tessut griż kien fil-fatt meqjus prodott differenti mit-TFP iżda t-Tape grade ma jistax jitqies bħala tessut griż minħabba li jiġu applikati bosta attivitajiet ta’ finitura wara l-insiġ, bħalma huma calendaring (spjegat fil-premessa 42) u stentering (attività ta’ tisħin li tipprevjeni li t-tessut jinxtorob mid-daqs) kif ukoll deseizing (attività ta’ ħasil biex jiġi eliminat l-aġent ta’ tisħiħ li jiżdied fil-ħajt qabel jintiseġ). Għalhekk din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

    (49)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li l-proċess ta’ produzzjoni tat-Tape grade huwa simili ħafna għall-proċess tal-produzzjoni ta’ tipi oħra ta’ TFP.

    4.2.3.   Id-differenzi fil-prezz

    (50)

    Skont l-informazzjoni verifikata li nġabret matul l-investigazzjoni, ma teżisti l-ebda differenza ċara fil-prezz bejn it-Tape grade u TFP li ngħatalu żebgħa sewda: l-ispiża ogħla tal-materja prima użata għat-Tape grade tidher li tagħmel tajjeb għaliha n-nuqqas ta’ spiża għaż-żebgħa jew l-istampar. Għalhekk, għal kuntrarju tal-allegazzjoni tal-applikant fit-talba tiegħu għal reviżjoni, it-Tape grade ma jistax jitqies bħala prodott ta’ valur miżjud għoli meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ TFP.

    4.2.4.   L-użi finali u l-interkambjabilità

    (51)

    Huwa rikonoxxut li t-Tape grade fil-biċċa l-kbira jituża biex jipproduċi tejp li jwaħħal għal-iżolazzjoni tal-kejbils fl-industrija tal-karozzi. It-Tape grade huwa pjuttost komuni għal dan it-tip ta’ użu, kif konfermat mill-katalgi tal-produtturi ewlenin tat-tejp li jwaħħal għal applikazzjonijiet ta’ karozzi fil-Komunità. Tipi oħra ta’ TFP jistgħu jintużaw biex jipproduċu tejp ikkulurit li jwaħħal għall-industrija tal-karozzi, iżda għal applikazzjoni differenti, pereżempju biex jimmarka.

    (52)

    Minkejja dan, ġie osservat mill-inqas użu possibbli ieħor għat-Tape grade matul l-investigazzjoni: It-Tape grade jista’ jkun miksi bil-fidda biex isiru purtelli tat-twieqi opaki għal djar mobbli u l-investigazzjoni stabbilixxiet li bħalissa qed isir il-bejgħ tat-Tape grade għal din ir-raġuni speċifika. Qed jitfakkar li t-TFP jistgħu jintużaw għal bosta tipi ta’ applikazzjonijet apparti l-ilbies, inkluż tessut tal-purtieri għalll-oskurità, boroż, tapizzerija, għamara għall-uffiċċji, eċċ hekk kif turi l-informazzjoni pubblika disponibbli. Barra dan, parti interessata waħda ddikjarat li t-Tape grade jista’ jintuża għal applikazzjonijiet ta’ lbies, pereżempju biex issir l-inforra. Flimkien ma’ dan, fid-dawl tal-kooperazzjoni baxxa mill-produtturi tat-Tape grade fir-RPĊ, ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jeżistu użi possibbli oħra tat-Tape grade.

    (53)

    Għandu jiġi nnutat ukoll li l-karatteristiċi tekniċi tat-Tape grade jippermettulu li jintuża għat tapizzerija tas-sedili, li jagħmluh interkambjabbli ma’ tipi oħra ta’ TFP użati għal applikazzjoni bħal din u soġġetti għal miżuri antidumping.

    (54)

    Wara l-iżvelar finali, l-applikant iddikjara li l-karatteristiċi tat-Tape grade huma mfassla għal użu speċifiku fl-industrija tal-karozzi u li l-imballaġġ f’rombli industrijali mill-kbarnett ta’ 3 500 metru jagħmluh purament prodott tekniku mhux adattat għall-użu fl-industrija tal-ilbies, fejn jistgħu jiġu ttrattati rombli twal sa 100 m biss. L-applikant iddikjara wkoll li t-tessuti miksija bil-fidda ma jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri antidumping imposti fuq TFP u għalhekk ma għandhomx jitqabblu mat-Tape grade fil-qafas ta’ din ir-reviżjoni tal-ambitu tal-prodott.

    (55)

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ din it-talba, diġà ġie ammess fil-premessa 51 li l-użu ewlieni tat-Tape grade li ġie osservat matul l-investigazzjoni kien għall-iżolazzjoni tal-kejbils fl-industrija tal-karozzi. Minkejja dan, ġie osservat mill-inqas użu ieħor matul l-investigazzjoni, jiġifieri kisi bil-fidda tat-Tape grade biex isiru l-purtelli tat-twieqi għad-djar mobbli. Fil-fatt, kif iddikjara l-applikant, it-tessuti miksija bil-fidda ma jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri antidumping imposti fuq it-TFP bl-istess mod li t-tejp li jwaħħal jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn il-miżuri minħabba li t-tnejn huma prodotti ta’ użu finali tat-tape grade. It-tessut tat-Tape grade huwa fiż-żewġ każijiet il-materjal użat biex isiru l-purtelli tat-twieqi (wara li jinkesa bil-fidda) jew biex isir it-tejp li jwaħħal (wara li jinkesa bil-kolla) u għalhekk huwa konfermat li hemm mill-inqas użu wieħed ieħor possibbli tat-Tape grade minbarra l-iżolazzjoni tal-kejbils fl-industrija tal-karozzi. Fir-rigward tat-talba dwar l-imballaġġ tat-Tape grade, qed jiġi nnutat li huwa possibbli wkoll li jsiru rombli iżgħar ta’ Tape grade, jekk ikun hemm l-għan ta’ użu finali ma jkunx l-industrija tal-karozzi. Għalhekk dawn it-talbiet kellhom jiġu rrifjutati.

    (56)

    L-applikant ikkuntesta wkoll il-possibilità li t-Tape grade jintuża għall-iskop ta’ inforra, u ssuġġerixxa li ssir konsultazzjoni ma’ istitut indipendenti tat-tessuti f’dan ir-rigward. Huwa sfida bl-istess mod il-possibilità li t-Tape grade jintuża għat-tapizzerija tas-sedili minħabba t-tensjoni baxxa li jiflaħ għaliha u l-fatt li jżid l-għaraq tal-persuna li jpoġġi fuq sedil ta’ dan it-tip.

    (57)

    Qed jiġi nnutat li minħabba li setgħu jinkisbu biss allegazzjonijiet kontradittorji mill-partijiet interessati dwar il-possibilità tal-użu tat-Tape grade għal skopijiet ta’ inforra jew ta’ tapizzerija, il-fatt li t-Tape grade jista’ jintuża għal skopijiet ta’ lbiesi ma ngħatalux biżżejjed provi. Minkejja dan, jibqa’ li ġie osservat mill-inqas użu ieħor tat-Tape grade, jiġifieri purtelli tat-twieqi b’kisja tal-fidda. Qed jitfakkar li l-miżuriantidumping imposti wara l-investigazzjoni oriġinali jkopru TFP maħsuba għat-tipi kollha ta’ użu u mhux għal skopijiet ta’ lbies biss. Għalhekk it-talba kellha tiġi rrifjutata.

    (58)

    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, qed jiġi konkluż li t-Tape grade u tipi oħra tat-TFP huma mill-inqas parzjalment intrerkambjabbli.

    4.2.5.   Il-konklużjoni

    (59)

    Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, huwa meqjus li kwalunkwe differenza bejn it-Tape grade u t-tipi l-oħra tat-TFP mhumiex b’tali mod li jwasslu għall-konklużjoni li t-Tape grade huwa prodott differenti b’karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u/jew kimiċi bażiċi distingwibbli. Għalhekk irid jiġi konkluż li t-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP jikkostitwixxu prodott uniku skont it-tifsira tar-Regolament bażiku.

    5.   IL-KUMMENTI L-OĦRA

    (60)

    Ċerti partijiet iddikjaraw li l-valutazzjoni tal-ħsara u tal-interess Komunitarju ma sarux kif suppost fl-investigazzjoni oriġinali għat-Tape grade, minħabba li ma ġie żvelat l-ebda produttur Komunitarju tat-Tape grade dak iż-żmien u minħabba li l-industrija tal-karozzi ma ngħatatx l-opportunità biex tirreaġixxi għall-proposta ta’ impożizzjoni tal-miżuri fuq it-Tape grade.

    (61)

    B’reazzjoni għal din it-talba, qed jiġi nnutat li ma ntweriex li ma kien hemm l-ebda produttur Komunitarju tat-Tape grade fil-Komunità u li ma jistax jiġi eskluż li t-Tape grade kien investigat fl-investigazzjoni oriġinali mingħajr ma ġie identifikat bħala tali. Fi kwalunkwe każ, qed jiġi enfasizzat li l-miżuri jistgħu jiġu imposti fuq prodott ukoll jekk mhux is-subtipi kollha tal-prodott ma ġew investigati separatament.

    (62)

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-investigazzjoni attwali, qed jitfakkar li l-iskop tal-investigazzjoni huwa li jiġi vverifikat jekk it-Tape grade għandux jitqies bħala prodott differenti minn tipi oħra ta’ TFP u mhux li titwettaq valutazzjoni tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja jew biex issir valutazzjoni tal-interess Komunitarju. Minkejja dan, għandu jiġi enfasizzat li l-investigazzjoni żvelat li jeżisti mill-inqas produttur Komunitarju wieħed tat-Tape grade li ilu jforni s-suq mill-2008 u li ilu involut fil-proċess ta’ produzzjoni tat-Tape grade għal bosta snin. Kien hemm mill-inqas kumpanija waħda oħra involuta fil-produzzjoni tat-Tape grade mhux lest matul il-perjodu kkunsidrat fil-Komunità. Għandu jiġi nnutat ukoll li jekk fl-andament tal-investigazzjoni attwali l-industrija tal-karozzi (L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi) ġiet ikkuntattjata u hi ddikjarat li ma kenitx parti interessata. Għalhekk din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

    6.   IL-KONKLUŻJONIJIET DWAR L-AMBITU TAL-PRODOTT

    (63)

    Is-sejbiet ta’ hawn fuq juru li, minkejja ċerti differenzi, it-Tape grade u tipi oħra ta’ prodott li qegħdin taħt miżuri għandhom inkomuni l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi. Barra minn hekk, ma setax jintwera li t-Tape grade kellu użu possibbli uniku u li t-Tape grade u tipi oħra ta’ prodott li jinsabu taħt miżuri ma kinux interkambjabbli. Fuq din il-bażi, qed jiġi konkluż li t-Tape grade u tipi oħra ta’ TFP għandhom jitqiesu bħala prodott uniku wieħed u li r-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn TFP li joriġinaw fir-RPĊ għandha tintemm bla ma jiġu emendati l-miżuri antidumping fis-seħħ.

    (64)

    Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom intlaħqu l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. Il-partijiet ingħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

    (65)

    Tqiesu l-kummenti orali u dawk bil-miktub li tressqu mill-partijiet, iżda dawn ma biddlux il-konklużjonijiet li ma jiġix emendat l-ambitu tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ TFP,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tessuti lesti magħmulin minn filamenti tal-polyester li joriġinaw fir-RPĊ hija permezz ta’ dan ta’ hawnhekk mitmuma bla ma temenda l-miżuri antidumping fis-seħħ.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Settembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. BILDT


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 240, 16.9.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 246, 21.9.2007, p. 1.

    (4)  ĠU C 163, 26.6.2008, p. 38.

    (5)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (6)  ĠU C 160, 17.6.2004, p. 5.

    (7)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 6.


    Top