Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0826

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009 tas- 7 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 240, 11.9.2009, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/10/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/826/oj

    11.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/7


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 826/2009

    tas-7 ta’ Settembru 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Il-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1659/2005 (2) (“Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. (“RPĊ”). Il-miżuri jikkonsistu f’rata tad-dazju ad valorem ta’ 39,9 %, bl-eċċezzjoni ta’ sitt kumpaniji msemmija espressament fir-Regolament oriġinali li huma suġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    2.   It-talba għal reviżjoni

    (2)

    Fl-2008, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (“reviżjoni interim”). It-talba, li kienet limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping, tressqet minn produttur esportatur Ċiniż, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Company Limited (“DSRM” jew “l-applikant”). Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti mmanifatturi minn DSRM hija ta’ 27,7 %.

    (3)

    Fit-talba tiegħu għal reviżjoni interim l-applikant saħaq li ċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom kienet ġiet imposta l-miżura kienu nbidlu u li dawn il-bidliet kienu ta’ natura dejjiema. L-applikant argumenta li l-paragun tal-prezzijiet domestiċi tiegħu u l-ispiża tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni lejn il-Komunità, jindika li l-marġni ta’ dumping huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura. Għalhekk, saħaq li l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha mhux meħtieġ aktar biex din tagħmel tajjeb għad-dumping. B’mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li ssodisfa l-kriterji għat-trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”).

    3.   Il-bidu

    (4)

    Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping sa fejn għandha x’taqsam il-DSRM. Il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu fit-12 ta’ Ġunju 2008 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) u nediet investigazzjoni.

    4.   Il-prodott ikkonċernat u prodotti tal-istess tip

    (5)

    Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni interim hu l-istess wieħed deskritt fir-Regolament oriġinali, jiġifieri briks tal-manjeżja, magħquda kimikament u mhux ittrattati bin-nar, li l-komponent tagħhom tal-manjeżja fih mill-inqas 80 % MgO, kemm jekk fihom il-magnesite u kemm jekk le, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”), u li bħalissa jinsab ikklassifikat bil-kodiċijiet tan-NM ex 6815 91 00, ex 6815 99 10 u ex 6815 99 90 (kodiċijiet TARIC 6815910010, 6815910010 u 6815999020).

    (6)

    Il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u dak esportat lejn il-Komunità, kif ukoll dak immanifatturat u mibjugħ fl-Istati Uniti, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għalhekk meqjusa li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    5.   Il-partijiet ikkonċernati

    (7)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-industrija Komunitarja, l-applikant u l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur li kien ingħata bidu għal din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehma tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż ta’ bidu. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari li għalihom għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

    (8)

    Kwestjonarju u formola ta’ dikjarazzjoni ta’ trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) intbagħtu lil DSRM u lill-kumpaniji relatati tagħha, u lkoll wieġbu fil-limitu taż-żmien stabbilit għal dan il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għall-analiżi tagħha u wettqet żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Ir-RPĊ

    Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Limited (l-applikant), Dashiqiao, Liaoning Province

    (b)

    L-Italja

    Duferco Commerciale S.p.A., Genova

    (ċ)

    Franza

    Duferco, Aubervilliers

    (d)

    L-Iżvizzera

    Duferco SA, Lugano

    6.   Il-Perjodu tal-investigazzjoni

    (9)

    L-investigazzjoni dwar id-dumping kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008 (“perjodu tal-investigazzjoni”, jew “PI”).

    B.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    1.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

    (10)

    Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet tal-anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi (1) sa (6) tal-imsemmi Artikolu għal dawk il-produtturi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru f’kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

    id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għal sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti tal-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq,

    id-ditti kummerċjali għandhom sett ċar ta’ reġistri tal-kontabilità bażika li huma vverifikati indipendentement skont Standards ta’ Kontabilità Internazzjonali (“IAS”) u applikati għall-għanijiet kollha,

    ma hemmx tagħwiġ trasferit mis-sistema ekonomika preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq is-suq,

    il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika,

    l-iskambji tal-valuta jsiru bir-rati tas-suq.

    (11)

    L-applikant talab TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku billi ressaq formola ta’ talba għal TES sostanzjata kif suppost qabel l-iskadenzi mogħtija. It-tagħrif u d-dejta mressqa fiha ġew aktar tard suġġetti għal investigazzjoni fuq il-post.

    (12)

    L-investigazzjoni żvelat li l-applikant jissodisfa l-ħames kriterji kollha għal TES. Instab li matul il-PI, id-DSRM ħadet id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha mingħajr ebda interferenza jew distorzjonijiet mill-Istat marbuta ma’ kundizzjonijiet ekonomiċi mhux tas-suq. Id-DSRM hija suġġetta għal-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà bla ebda deroga. Il-kumpanija għandha ġabra waħda ta’ dokumentazzjoni tal-kontabilità vverifikata minn awdituri indipendenti u sistema waħda ta’ verifika u l-prattika waħda nstabet li kienet kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment u mal-IAS. Instab li l-ispejjeż u l-prezzijiet jirriflettu l-valuri tas-suq u li konverżjoni tar-rati tal-kambju jsiru bir-rati tas-suq.

    (13)

    Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-applikant jista’ jingħata TES.

    (14)

    L-industrija tal-Komunità, l-applikant u l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ingħataw opportunità biex jikkummentaw fuq il-konklużjonijiet li jikkonċernaw it-TES. Wara dan, l-applikant u l-industrija tal-Komunità ressqu l-kummenti tagħhom.

    (15)

    L-industrija tal-Komunità argumentat li l-applikant naqas fl-ewwel kriterju billi r-restrizzjonijiet varji fuq l-esportazzjoni imposti mill-Gvern Ċiniż fuq il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat wasslu għal prezzijiet distorti ta’ dik il-materja prima fis-suq domestiku. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi Ċiniżi tal-briks tal-manjeżja setgħu jiksbu l-materja prima b’kundizzjonijiet aħjar meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f’pajjiżi oħra.

    (16)

    Għall-investigazzjoni ta’ din it-talba, ġew investigati l-prezzijiet tax-xiri tal-materja prima ewlenija, jiġifieri. il-manjeżja, minn DSRM u l-prezzijiet ikkwotati pubblikament tal-manjeżja Ċiniża (sors: Price Watch/minerali industrijali) ipprovduta mill-industrija Komunitarja. It-tqabbil wera li d-differenza fil-prezz fil-PI ma setgħetx titqies bħala waħda sinifikanti. Barra min nhekk, matul l-investigazzjoni ġie vverifikat li DSRM setgħet tixtri manjeżja minn fornituri vajri, u li l-prezzijiet ġew negozjati mingħajr interferenza mill-Istat. Fuq din il-bażi, jidher li kull distorsjoni marbuta mal-prezzijiet tal-materja prima ma kellhiex impatt sinifikanti fuq din il-kumpanija speċifika matul il-PI.

    (17)

    Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, is-sejbiet u l-konklużjoni li għandu jingħata TES lil DSRM huma kkonfermati.

    2.   Il-Valur normali

    (18)

    Għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta’ DSRM tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni lejn il-Komunità. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku hu kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku ikun mill-anqas 5 % tal-volum totali tagħha tal-bejgħ rispettiv tal-esportazzjoni lejn il-Komunità. Instab li l-bejgħ kollu ta’ DSRM fis-suq domestiku sar f’volumi rappreżentattivi.

    (19)

    Għaldaqstant, dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa domestikament minn DSRM li kienu identiċi jew li jitqabblu b’mod dirett mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, ġew identifikati.

    (20)

    Għal kull tip mibjugħ minn DSRM fis-suq domestiku u li nstab li jitqabbel b’mod dirett mat-tip mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku sarx f’volum rappreżentattiv għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgћ domestiku ta’ tip partikolari tqies bћala rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum tal-bejgћ domestiku totali ta’ dak it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iktar tal-volum totali ta’ bejgћ tat-tip komparabbli esportat lejn il-Komunità.

    (21)

    Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip setax ikun ikkunsidrat bħala magħmul fl-andament normali tal-kummerċ, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgћ profittabbli lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat esportat matul il-PI.

    (22)

    Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew iktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju mwieżen differenzjat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dan it-tip matul il-PI, sew jekk dan il-bejgħ kienx bi profitt u sew jekk le.

    (23)

    Meta l-ammont ta’ bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum ta’ bejgħ totali ta’ dak it-tip, jew meta l-prezz medju differenzjat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-prezz medju differenzjat tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tip inkwisjoni magħmul matul il-PI.

    (24)

    Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn DSRM ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat il-valur normali kompost. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien kalkolat billi mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ġew miżjuda, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta’ profitt. Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammont għall-SG&A u l-marġni ta’ profitt kienu bbażati fuq il-medja tal-SG&A u l-marġini ta’ profitt tal-bejgħ fl-andament normali tal-kummerċ tal-prodott simili.

    3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (25)

    Billi l-bejgħ kollu tal-prodotti esportati lejn il-Komunità saru permezz ta’ kumpaniji relatati ma’ DSRM sew fil-Komunità nkella fl-Iżvizzera, il-prezz tal-prodott esportat hekk kif joħroġ mill-fabbrika kellu jinbena skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezz li bih inbiegħu mill-ġdid il-prodotti importati lill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità, aġġustat għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll bħala marġni raġonevoli għall-SG&A u għall-profitti. F’dan ir-rigward, intużaw l-ispejjeż SG&A tal-importaturi relatati.

    (26)

    Fir-rigward ta’ profitt raġonevoli tal-importatur li għandu jintuża għal dan l-iskop, fin-nuqqas ta’ dejta minn importaturi mhux relatati, billi r-reviżjoni interim attwali hija limitata għall-eżaminazzjoni tad-dumping f’relazzjoni ma’ kumpanija waħda, il-marġni tal-profitt ġie bbażat fuq il-profitt miksub minn importatur mhux relatat li koopera fl-investigazzjoni oriġinali.

    (27)

    Fir-rigward tal-iżvelar finali, DSRM allega li l-proporzjon ta’ SG&A użat fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni għal wieħed mill-importaturi relatati tiegħu ma jirriflettix ir-realtà, billi dan kien ikkalkolat bħala proporzjon tal-bejgħ totali mingħajr ma kien ikkunsidrat il-fatt li l-maġġoranza tal-bejgħ minn din il-kumpanija kien fuq bażi ta’ ħlas ta’ perċentwal u li l-ammont ta’ dan il-ħlas biss kien irrappurtat fil-bejgħ.

    (28)

    F’dan ir-rigward, il-Kummisssjoni eżaminat mill-ġdid l-evidenza miġbura matul l-ispezzjoni fl-istabbiliment tal-importatur relatat. Skont dan, l-allegazzjoni ta’ DSRM instabet valida u l-proporzjon ta’ SG&A użat fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni permezz ta’ dan l-importatur relatat kien rivedut. Il-proporzjon rivedut tal-SG&A instab li kien konformi mas-sejbiet fir-rigward tal-importaturi relatati l-oħrajn.

    4.   It-tqabbil

    (29)

    Il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni għal kull tip tal-prodott ikkonċernat tqabblu fuq bażi ex-works u fl-istess livell ta’ kummerċ u fl-istess livell ta’ tassazzjoni indiretta. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ittieħed kont, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tad-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, fejn kienu applikabbli u ġustifikati, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, il-miżati tal-maniġġ u t-tagħbija, l-ispejjeż tal-kreditu, u d-dazji tal-anti-dumping realment imħallsa.

    (30)

    L-investigazzjoni stabbiliet li l-VAT imħallsa fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma kinitx irritornata (l-anqas parzjalment, kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali). Fir-rivelazzjoni pprovduta lill-applikant skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, kien għalhekk indikat li kemm il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali se jkunu stabbiliti fuq bażi ta’ VAT imħallsa jew pagabbli. L-applikant argumenta li dan l-approċċ ikun kontra l-liġi. Fir-rigward tal-argumenti tiegħu, wieħed jista’ jinnota dan li ġej.

    (31)

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li fl-investigazzjoni oriġinali ntużat metodoloġija oħra (jiġifieri t-tnaqqsi tal-VAT kemm mill-valur normali u mill-prezz tal-esportazzjoni), ta’ min jenfasizza li ċ-ċirkostanzi li kienu applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni (“PIR”) ma kinux l-istess bħal dawk applikabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Filwaqt li fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, kif imsemmi hawn fuq, il-VAT kienet parzjalment imħallsa lura, liema ħlas jirrikjedi aġġustament skont l-Artikolu 2(10), matul il-PIR, l-ebda VAT fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma kienet imħallsa lura. Għaldaqstant, ma kien hemm bżonn l-ebda aġġustament fir-rigward ta’ VAT, la fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u lanqas fir-rigward tal-valur normali. Anke jekk dan jista’ jikkwalifika bħala bidla fil-metodoloġija, dan huwa ġġustifikat skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku billi ċ-ċirkostanzi nbidlu.

    (32)

    It-tieni argument li qed jagħmel l-applikant huwa li l-metodu użat f’din ir-reviżjoni ikabbar il-marġni ta’ dumping b’mod artifiċjali. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Il-metodu użat huwa newtrali. Dan għandu l-istess effett, anke jekk, pereżempju għal ċerti prodotti jew tranżazzjonijiet, il-kumpanija tbiegħ lill-Komunità bi prezz tal-esportazzjoni li ma jirriżultax f’dumping. Fi kliem ieħor, anke jekk wieħed jassumi li l-inklużjoni tal-VAT fuq iż-żewġ naħat iżżid id-differenza bejn iż-żewġ elementi, dan ikun il-każ anke għal dawk il-mudelli li għalihom ma kienx hemm dumping.

    5.   Il-marġni tad-dumping

    (33)

    Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali differenzjat skont it-tip tqabbel mal-prezz medju differenzjat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan il-paragun wera l-eżistenza ta’ dumping.

    (34)

    Il-marġni tad-dumping ta’ DSRM espress bħala perċentwali tal-prezz nett, bla ħlas fil-fruntieri tal-Komunità, id-dazju mhux imħallas, kien ta’ iktar minn 14,4 %.

    C.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

    (35)

    Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk jistax jitqies b’mod raġonevoli li ċ-ċirkostanzi mibdula li nstabu li jeżistu huma ta’ natura permanenti.

    (36)

    F’dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, DSRM ma kisbitx TES minħabba li l-kontabilità tagħha ma kinitx konformi mal-prinċipji tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment u mal-IAS. Madankollu, kienet ingħatat trattament individwali.

    (37)

    Fit-8 ta’ Diċembru 2006, jiġifieri wara li saret l-investigazzjoni oriġinali, DSRM saret kumpanija bi sħab Sino-barranija, bil-grupp Duferco bħala l-parti barranija involuta, bi proprjetà ta’ 25 % tal-ishma. L-investigazzjoni attwali wriet li din il-proprjetà ta’ ishma wasslet għal bidliet fundamentali fl-amministrazzjoni ta’ DSRM u fil-prattiċi tal-kontabilità mħaddna minnha. Tabilħaqq, DSRM kisbet l-għarfien u l-appoġġ ta’ Duferco fir-rigward tal-kontabilità amministrattiva u l-kontroll finanzjarju u ssawret f’parti min-netwerk internazzjonali tal-bejgħ ta’ Duferco. L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni wriet ukoll li dawn il-bidliet fl-istruttura korporattiva tal-applikant huma ta’ natura dejjiema.

    (38)

    B’kuntrast għall-investigazzjoni oriġinali, fejn il-valur normali ssejjes fuq id-dejta miksuba mill-pajjiż analogu, id-dejta miġbura u vverifikata matul r-reviżjoni preżenti wriet li DSRM tista’ tingħata TES u konsegwentement il-kalkolu tad-dumping jista’ jissejjes fuq id-dejta tagħha nfisha. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jindika li l-issuktar tal-impożizzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx għadu ġustifikat.

    (39)

    Għalhekk, fid-dawl ta’ kulma ntqal hawn fuq, qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni aktarx li mhumiex se jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk, huwa konkluż li l-bidliet qed jitqiesu li huma ta’ natura dejjiema.

    D.   IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

    (40)

    Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn DSRM jiġi emendat għal 14,4 %.

    (41)

    Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet se tiġi rrakkomandata emenda lir-Regolament (KE) Nru 1659/2005 u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti ttieħdu inkonsiderazzjoni fejn xieraq,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-entrata li tikkonċerna lil Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd. fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej u emendata kif ġej:

    Manifattur

    Dazju anti-dumping

    Kodiċi addizjonali TARIC

    “Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd., Biangan Village, Iż-Żona tal-Iżvilupp Ekonomiku ta’ Nanlou, Dashiqiao City, Provinċja ta’ Liaoning, 115100, RPĊ

    14,4  %

    A638 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ERLANDSSON


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 146, 12.6.2008, p. 30.


    Top