Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0825

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 825/2009 tas- 7 ta’ Settembru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 240, 11.9.2009, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/10/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/825/oj

    11.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 825/2009

    tas-7 ta’ Settembru 2009

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri eżistenti

    (1)

    Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1659/2005 (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Regolament oriġinali”), impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Il-miżuri jikkonsistu f’rata tad-dazju ad valorem ta’ 39,9 %, bl-eċċezzjoni ta’ sitt kumpaniji msemmija espliċitament fir-Regolament oriġinali li huma soġġetti għal rati ta’ dazju individwali.

    1.2.   It-talba għal reviżjoni

    (2)

    Wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni biex tiftaħ reviżjoni interim parzjali tar-Regolament oriġinali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “reviżjoni interim”), skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, minn produttur esportatur Ċiniż, Bayuquan Refractories Company Limited (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-applikant” jew “BRC”). L-applikant ma pparteċipax fl-investigazzjoni li wasslet għas-sejbiet u l-konklużjonijiet stabbiliti fir-Regolament oriġinali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-investigazzjoni oriġinali”) u għalhekk, għall-kumpanija kien applikabbli d-dazju anti-dumping residwali.

    (3)

    Fl-applikazzjoni tagħha għar-reviżjoni interim, BRC saħqet li hija tissodisfa l-kriterji għat-trattament ta’ ekonomija tas-suq (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “TES”) u t-trattament individwali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “TI”). BRC inxtrat mill-Vesuvius Group u dan irriżulta f’tibdiliet fl-istruttura korporattiva tal-kumpanija. L-applikant argumenta li l-paragun tal-prezzijiet domestiċi tiegħu u l-ispiża tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni lejn il-Komunità, jindika li l-marġni ta’ dumping huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura. Għalhekk, il-kumpanija allegat li l-issuktar tal-impożizzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kenitx aktar meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

    1.3.   Il-ftuħ ta’ reviżjoni interim parzjali

    (4)

    Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni interim, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping sa fejn għandha x’taqsam il-BRC. Il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu fit-12 ta’ Ġunju 2008 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3) u tat bidu għal investigazzjoni.

    1.4.   Il-prodott ikkonċernat u prodotti tal-istess tip

    (5)

    Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni interim hu l-istess wieħed deskritt fir-Regolament oriġinali, jiġifieri briks tal-manjeżja, magħquda kimikament u mhux ittrattati bin-nar, li l-komponent tagħhom tal-manjeżja fih mill-inqas 80 % MgO, kemm jekk fihom il-magnesite u kemm jekk le, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”), u li bħalissa jinsab ikklassifikat bil-kodiċijiet tan-NM ex 6815 91 00, ex 6815 99 10 u ex 6815 99 90 (kodiċijiet TARIC 6815910010, 6815991020u 6815999020).

    (6)

    Il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u dak esportat lejn il-Komunità, kif ukoll dak immanifatturat u mibjugħ fl-Istati Uniti, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi, u għalhekk meqjusa li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    1.5.   Il-partijiet ikkonċernati

    (7)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-industrija Komunitarja, l-applikant u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kien ingħata bidu għal reviżjoni interim. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

    (8)

    Il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba TES flimkien ma’ kwestjonarju lill-applikant u rċeviet risposta qabel l-iskadenza stabbilita għal dak il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping u għamlet żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-kumpaniji li ġejjin:

    Bayuquan Refractories Co. Ltd. (l-applikant), RPĊ,

    Vesuvius UK Co. Ltd. (importatur relatat), ir-Renju Unit,

    Vesuvius Iberica Refractories S.A. (importatur relatat), Spanja,

    Vesuvius Deutschland GmbH (importatur relatat), il-Ġermanja,

    Vesuvius Italia S.P.A. (importatur relatat), l-Italja.

    1.6.   Il-Perjodu tal-investigazzjoni

    (9)

    L-investigazzjoni dwar id-dumping tkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ April 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “perjodu tal-investigazzjoni”, jew il-“PI”).

    2.1   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    1.7.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

    (10)

    Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet tal-anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru f’kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

    id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għal sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti tal-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq,

    id-ditti kummerċjali għandhom sett ċar ta’ reġistri tal-kontabilità bażika li huma vverifikati indipendentement skont Standards ta’ Kontabilità Internazzjonali (IAS) u applikati għall-għanijiet kollha,

    ma hemmx tagħwiġ trasferit mis-sistema ekonomika preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq is-suq,

    il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika,

    l-iskambji tal-valuta jsiru bir-rati tas-suq.

    (11)

    L-applikant talab TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku billi ressaq formola ta’ talba għal TES sostanzjata kif suppost qabel l-iskadenzi mogħtija. L-informazzjoni u d-dejta li ngħataw fiha ġew imbagħad soġġetti għal investigazzjoni fuq il-post.

    (12)

    L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant ma kienx jissodisfa kriterji TES imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija ma ssostanzjatx li kellha sett wieħed ċar ta’ rekords tal-kontabilità bażika ppreparati u vverifikati f’konformità mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità. Fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet individwali kien hemm evidenza ta’ ksur tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità u l-prinċipji tal-kontabilità, bħal reġistrazzjoni ħażina, deprezzament tal-assi fissi u reġistrazzjoni ħażina tal-kontijiet “pagabbli” u “ħlasijiet bil-quddiem”. L-awditur ma semmihomx dawn l-irregolaritajiet u għalhekk ġie konkluż li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma ġewx ivverifikati f’konformità mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità. Barra minn hekk, il-kumpanija ma wrietx li kienet ħielsa minn distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema ekonomika preċedenti li ma kinitx ibbażata fuq is-suq, b’mod partikolari minħabba li d-drittijiet tal-użu tal-art inkisbu bi prezz ferm inqas mill-prezz tas-suq tagħhom.

    (13)

    Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-applikant ma setax jingħata TES.

    (14)

    L-industrija tal-Komunità, l-applikant u l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ingħataw l-opportunità biex jikkummentaw fuq is-sejbiet li jikkonċernaw it-TES. L-applikant u l-industrija Komunitarja wara ressqu l-kummenti tagħhom.

    (15)

    L-applikant argumenta li l-kwistjonijiet imqajma dwar il-kontijiet tiegħu ma kinux materjali u/jew ġew sussegwentement ikkoreġuti fl-2008. Ta’ min issemmi li l-inkonsistenzi misjuba fil-kontijiet tal-applikant għall-2007 wasslu għal stampa iktar distorta tal-qagħda finanzjarja tal-applikant. L-ispezzjoni tal-kontijiet għall-PI żvelat li l-problemi tal-2007 għadhom relevanti fil-kontijet tal-2008. L-istqarrija li għamel l-applikant li l-prattiki tagħha fil-kontabilità nbiddlu fi tmiem l-2008 ma setgħetx tiġi aċċettata billi dawn il-bidliet seħħu disa’ xhur wara l-PI u, barra minn hekk, ma setgħux jiġu vverifikati matul il-verifika fuq il-post.

    (16)

    L-industrija tal-Komunità argumentat li l-applikant naqas fl-ewwel kriterju billi r-restrizzjonijiet varji fuq l-esportazzjoni imposti mill-Gvern Ċiniż fuq il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat wasslu għal prezzijiet distorti ta’ dik il-materja prima fis-suq domestiku. B’riżultat ta’ dan, il-produtturi Ċiniżi tal-briks tal-manjeżja setgħu jiksbu l-materja prima b’kundizzjonijiet aħjar meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f’pajjiżi oħra.

    (17)

    Għall-investigazzjoni ta’ din l-istqarrija, ġew eżaminati l-prezzijiet tax-xiri tal-materja prima ewlenija, il-manjeżja, mill-BRC u l-prezzijiet ikkwotati pubblikament għall-manjeżja Ċiniża (sors: Price Watch/minerali industrijali) ipprovduta mill-industrija Komunitarja. It-tqabbil wera li d-differenza fil-prezz fil-PI ma setgħetx titqies bħala waħda sinifikanti. Barra min nhekk, matul l-investigazzjoni ġie vverifikat li BRC setgħet tixtri manjeżja minn fornituri vajri, u li l-prezzijiet ġew negozjati mingħajr interferenza mill-Istat. Fuq din il-bażi jidher li kull distorsjoni marbuta mal-prezzijiet tal-materja prima ma kellhiex impatt sinifikanti fuq BRC speċifika matul il-PI.

    (18)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet u l-konklużjoni li BRC ma għandux jingħata TES, huma kkonfermati.

    1.8.   Trattament Individwali (TI)

    (19)

    Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jekk ikun il-każ, jiġi stabbilit dazju għal-pajjiż sħiħ għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha għat- TI stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

    fil-każ ta’ kumpaniji li huma kompletament jew parzjalment ta’ sidien jew intrapriżi konġunti barranin, l-esportaturi jkunu liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti,

    il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-esportazzjoni, u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu determinati liberament,

    il-maġġoranza tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati, u għandu jintwera li BRC hi indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat,

    il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rata tas-suq,

    l-indħil mill-Istat mhux tali li l-esportaturi individwali jkunu jistgħu ma jimxux mal-miżuri jekk jingħatawlhom rati differenti ta’ dazju.

    (20)

    Minbarra li talab għat-TES, l-applikant talab ukoll it-TI kemm-il darba ma jingħatax it-TES.

    (21)

    L-investigazzjoni wriet li l-applikant issodisfa l-kriterji ta’ hawn fuq kollha. Ma ġew stabbiliti ebda fatti matul l-investigazzjoni li setgħu jwasslu għaċ-ċaħda tat-TI lill-applikant. Għaldaqstant, ġie konkluż li BRC seta’ jingħata t-TI.

    1.9.   Il-Valur normali

    (22)

    Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’ekonomija mhux tas-suq u sakemm it-TES ma setax jingħata, għall-pajjiżi speċifikati fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu.

    (23)

    Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat il-ħsieb tagħha li tuża lill-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti) bħala pajjiż analogu xieraq sabiex jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ, billi dan il-pajjiż analogu ntuża fl-investigazzjoni oriġinali. Produttur wieħed fl-Istati Uniti qabel li jikkoopera fl-investigazzjoni bl-iskop li jiġi stabbilit valur normali għal BRC. Ma waslux kummenti mill-partijiet interessati dwar din il-proposta.

    (24)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali tal-applikant ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata mogħtija mill-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu.

    (25)

    Biex ikun żgurat li l-valuri normali jkunu stabbiliti għall-maġġoranza kbira tat-tipi esportati mir-RPĊ, partikolarment billi kienet intużat id-dejta tal-pajjiż analogu, tqies xieraq li l-kriterji użati għall-identifikazzjoni tat-tipi differenti tal-prodott jiġu aġġustati. Għalhekk, il-kalkoli tad-dumping ġew riveduti skont il-kriterji aġġustati.

    (26)

    Għad-determinazzjoni tal-valur normali, l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili mill-produttur li kkoopera fl-Istati Uniti, kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali tal-bejgħ tiegħu f’esportazzjoni lejn il-Komunità. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku kien ikkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku kien mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ rispettiv tal-esportazzjoni lejn il-Komunità. Instab li l-bejgħ kollu tal-produttur tal-Istati Uniti sar fis-suq domestiku sar f’volumi rappreżentattivi.

    (27)

    Sussegwentement, ġew identifikati dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa fis-suq domestiku li kienu identiċi u direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

    (28)

    Għal kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-produttur li kkoopera fl-Istati Uniti fis-suq domestiku tiegħu u li kien misjub li huwa direttament komparabbli mat-tip ta’ briks tal-manjeża mibjugħa minn BRC lill-Komunità, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku tal-Istati Uniti kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip partikolari ta’ briks tal-manjeżja tqies li kien rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku fl-Istati Uniti ta’ dak it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iktar tal-volum totali tal-bejgħ tat-tip ta’ briks tal-manjeżja komparabbli esportat minn BRC lejn il-Komunità. Instab li t-tipi kollha tal-prodott ġew mibjugħa fi kwantitajiet suffiċjenti fis-suq domestiku biex jitqiesu rappreżentattivi.

    (29)

    Il-Kummissjoni eżaminat sussegwentement jekk il-bejgħ domestiku fl-Istati Uniti ta’ kull tip ta’ briks tal-manjeżja mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi jistax jitqies li sar fl-andament normali tal-kummerċ, billi stabbilixxiet il-proporzjon ta’ bejgħ bi qligħ lil xerrejja indipendenti tat-tip ta’ briks tal-manjeżja kkonċernat.

    (30)

    It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku tqiesu profittabbli meta l-prezz unitarju ta’ tip speċifiku tal-prodott kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni. B’hekk ġiet determinata l-ispiża tal-produzzjoni ta’ kull tip mibjugħ fis-suq domestiku tal-Istati Uniti matul il-PI.

    (31)

    B’riżultat tal-analiżi ta’ hawn fuq, instab li, ħlief għal tip ta’ prodott wieħed, it-tipi l-oħra kollha nbiegħu fl-andament ordinarju tal-kummerċ fl-Istati Uniti. Għalhekk, il-valur normali għal dawn it-tipi ta’ prodotti ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet kollha li tħallsu jew li huma pagabbli fis-suq domestiku tal-Istati Uniti għat-tipi ta’ prodott komparabbli għal dawk esportati lejn il-Komunità minn BRC. Il-valur normali ġie stabbilit bħala l-medja ddifferenzjata tal-prezz tal-bejgħ domestiku li tħallas mill-klijenti mhux relatati fl-Istati Uniti.

    (32)

    Il-maġġoranza tat-tipi tal-prodott esportati minn BRC lill-Komunità kienu dawk bi trattament addizjonali u ma kinux mibjugħa, jew mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, mill-produttur li koopera fl-Istati Uniti. Għalhekk, il-valur normali għal dawn it-tipi tal-prodott ġie bbażat fuq il-bejgħ fl-Istati Uniti, kif deskritt fil-premessa (31) għal tipi tal-prodott simili mingħajr trattament addizzjonali, u mbagħad aġġustati biex jirriflettu d-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott. Il-livell tal-aġġustament ġie kkalkulat fuq il-bażi tad-dejta pprovduta u vverifikata għall-industrija Komunitarja matul l-investigazzjoni oriġinali.

    (33)

    Għall-uniku tip ta’ prodott fejn il-prezzijiet domestiċi ma setgħux jintużaw kif imsemmi fil-premessa (31) hawn fuq, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat il-valur normali kompost. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali nbena billi mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ġew miżjuda, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta’ profitt. Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għas-SG&A u l-marġni ta’ profitt kienu bbażati fuq il-medja tal-SG&A u l-marġni ta’ profitt tal-bejgħ fl-andament normali tal-kummerċ tal-prodott simili.

    2.4.   Il-Prezz tal-esportazzjoni

    (34)

    Billi l-bejgħ għall-esportazzjoni tal-BRC lill-Komunità sar permezz ta’ importaturi relatati, il-prezz tal-esportazzjoni ex-works inbena skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati ġew mibjugħa l-ewwel darba lill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità, aġġustati kif jixraq għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u kif ukoll għal marġni raġonevoli ta’ SG&A u għall-profitti. F’dan ir-rigward, intużaw l-ispejjeż SG&A tal-importaturi relatati.

    (35)

    Fir-rigward ta’ profitt raġonevoli tal-importatur li għandu jintuża għal dan l-iskop, fin-nuqqas ta’ dejta minn importaturi mhux relatati, billi r-reviżjoni interim attwali hija limitata għall-eżaminazzjoni tad-dumping f’relazzjoni ma’ kumpanija waħda, jiġifieri l-applikant, il-marġni tal-profitt ġie bbażat fuq il-profitt miksub minn importatur mhux relatat li kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali.

    2.5.   It-tqabbil

    (36)

    Il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni għal kull tip tal-prodott ikkonċernat tqabblu fuq bażi ex-works u fl-istess livell ta’ kummerċ u fl-istess livell ta’ tassazzjoni indiretta. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ittieħed kont, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tad-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għal dan l-iskop, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż tal-kreditu u d-dazji attwali anti-dumping fejn applikabbli u ġġustifikati.

    (37)

    L-investigazzjoni stabbiliet li l-VAT imħallsa fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni ma ġietx rimburżata. Fir-rivelazzjoni pprovduta lill-applikant skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, kien għalhekk indikat li kemm il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali se jkunu stabbiliti fuq bażi ta’ VAT imħallsa jew pagabbli. L-applikant argumenta li dan l-approċċ mhuwiex aċċettabbli billi dan iżid il-valur normali b’ammont ikbar mill-ammont tal-VAT li kellu jkun imnaqqas mill-prezz tal-esportazzjoni.

    (38)

    Fir-rigward ta’ dan l-argument, ta’ min jinnota li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni, ma kienet irritornata l-ebda VAT fuq il-bejgħ bl-esportazzjoni. Għaldaqstant, ma kien hemm bżonn l-ebda aġġustament fir-rigward ta’ VAT, la fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u lanqas fir-rigward tal-valur normali. Barra minn hekk, il-metodu użat huwa newtrali. Fil-fatt, dan għandu l-istess effett, anke jekk, pereżempju għal ċerti prodotti jew tranżazzjonijiet, kumpanija tbiegħ lill-Komunità bi prezz tal-esportazzjoni li ma jirriżultax f’dumping. Fi kliem ieħor, anke jekk wieħed jassumi li l-inklużjoni tal-VAT fuq iż-żewġ naħat iżżid id-differenza bejn iż-żewġ elementi, dan ikun il-każ anke għal dawk il-mudelli li għalihom ma kienx hemm dumping.

    2.6.   Il-marġni tad-dumping

    (39)

    Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali ddifferenzjat skont it-tip tqabbel mal-prezz medju ddifferenzjat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan il-paragun ma wera l-eżistenza tal-ebda dumping.

    3.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

    (40)

    Bi qbil mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura permanenti.

    (41)

    F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li l-applikant biegħ biss kwantità limitata ta’ briks tal-manjeżja fi tmiem il-PI tar-Regolament oriġinali u, għalhekk, ma pparteċipax fl-investigazzjoni oriġinali, u b’hekk għaliha ġie applikat dazju residwali ta’ 39,9 %. Sussegwentement BRC li kienet teżisti matul l-investigazzjoni oriġinali inxtrat mill-Vesuvius Group u dan irriżulta f’tibdiliet fl-istruttura korporattiva ta’ BRC.

    (42)

    L-applikant ta kooperazzjoni sħiħa f’din ir-reviżjoni interim u d-dejta miġbura u vverifikata ppermettiet li jiġi stabbilit marġni tad-dumping ibbażat fuq il-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Komunità. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jindika li l-issuktar tal-impożizzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx għadu ġustifikat.

    (43)

    L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni wriet ukoll li t-tibdiliet fl-istruttura korporattiva tal-applikant għandhom jitqiesu ta’ natura dejjiema. Ma ħareġ l-ebda fatt matul l-investigazzjoni li jista’ jissuġġerixxi mod ieħor. Iċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni interim aktarx li ma jinbidlux fil-futur prevedibbli b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk, il-bidliet qed jitqiesu li huma ta’ natura permanenti.

    4.   IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

    (44)

    Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni għal reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn BRC jiġi emendat għal 0 %.

    (45)

    Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kienet se tiġi rrakkomandata emenda lir-Regolament (KE) Nru 1659/2005 u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti ġew ikkunsidrati fejn xieraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005 għandha tiġi inserita l-entrata li ġejja, wara l-entrata li tikkonċerna lill-Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd.

    Manifattur

    Dazju ‘anti-dumping’

    Kodiċi addizjonali TARIC

    “Bayuquan Refractories Co. Ltd,

    Qinglongshan Street, Bayuquan District,

    Yingkou 115007, Liaoning Province, RPĊ

    0  %

    A960 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. ERLANDSSON


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 146, 12.6.2008, p. 27.


    Top