EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0768

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2009 tas- 17 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1890/2005 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel li joriġinaw, inter alia , mill-Vjetnam

ĠU L 221, 25.8.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/11/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/768/oj

25.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 768/2009

tas-17 ta’ Awwissu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1890/2005 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel li joriġinaw, inter alia, mill-Vjetnam

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1890/2005 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indoneżja, it-Tajwan, it-Tajlandja u l-Vjetnam u li jtemm il-proċediment fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw fil-Malażja u l-Filippini (2), il-Kunsill impona dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom (QSS) li joriġinaw, inter alia, fil-Vjetnam. Dan ir-Regolament minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ “ir-Regolament oriġinali” u l-investigazzjoni li wasslet li jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn issa “l quddiem se tissejjaħ ‘l-investigazzjoni oriġinali”.

2.   It-talba għal reviżjoni

(2)

Talba għal reviżjoni parzjali interim (ir-reviżjoni attwali’) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku tressqet minn Header Plan Co., Ltd, produttur esportatur Vjetnamiż tal-QSS (“l-applikant” jew “HPV”). It-talba kienet limitata fl-ambitu għal dumping u għall-kumpanija li applikat.

(3)

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-issoktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx aktar meħtieġ biex jitpatta għad-dumping. B’mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li jissodisfa l-kriterji għal trattament abbażi tal-ekonomija tas-suq (“TES”) u għal trattament individwali (“TI”). Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ bejgħ domestiku, paragun tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni lill-Komunità wera li l-marġni ta’ dumping deher li kien sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura.

3.   L-investiġazzjoni

(4)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv, li t-talba kien fiha evidenza prima facie suffiċjenti, il-Kummissjoni ћabbret fit-13 ta’ Awwissu 2008 l-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż ta’ bidu ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(5)

Ir-reviżjoni kienet limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping fir-rigward tal-applikant. L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (’il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni’ jew “PIR”).

(6)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Komunità dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

(7)

Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari li għalihom għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

(8)

Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba għal TES u TI u kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġibiet skont il-limiti ta’ żmien stipulati għal dan il-għan.

(9)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Il-Kummissjoni għamlet żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-applikant u l-kumpanija relatata:

Header Plan Co. Ltd (“Header Plan”), Binh Hoa County, Vjetnam,

Header Plan Inc., Taipei, Tajwan.

(10)

Fid-dawl tal-ħtieġa possibbli li jiġu stabbiliti xi elementi (rata ta’ qligħ u spejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u ta’ amministrazzjoni) tal-valur normali kif spjegat fil-premessi (22) sa (25), saru żjarat ta’ kontroll biex jiġu stabbiliti dawn ir-rati fuq il-bażi tad-dejta minn pajjiż ieħor, f’dan il-każ it-Tajwan, fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Jin Shing Stainless Ind. Co. Ltd, Taoyuan,

Yi Tai Shen Co. Ltd, Tainan.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(11)

Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri ċerti QSS (“il-prodott ikkonċernat”). Bħalissa dan huwa klassifikabbli skont il-kodiċi NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70. Hemm ħafna tipi ta’ QSS (l-iktar komuni huma boltijiet u viti), u kull wieħed minnhom huwa ddefinit mill-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi speċifiċi tiegħu u mill-grad ta’ stainless steel li minnhu huwa magħmul.

2.   Il-prodott simili

(12)

L-investigazzjoni wriet li l-applikant ma biegħx il-prodott ikkonċernat fis-suq domestiku Vjetnamiż. Hija wriet ukoll li l-QSS prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku tat-Tajwan u dawk esportati lejn il-Komunità mill-Vjetnam għandhom l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi. Għaldaqstant il-konklużjoni hi li huma kollha prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Bażiku. Billi r-reviżjoni attwali kienet limitata għad-determinazzjoni tad-dumping sa fejn huwa kkonċernat l-applikant, ma ntlaħqu l-ebda konklużjonijiet fir-rigward tal-prodott magħmul u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju.

C.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

1.   Trattament abbażi tal-ekonomija tas-suq (“TES”)

(13)

Fl-investigazzjonijiet anti-dumping dwar importazzjonijiet li joriġinaw fil-Vjetnam, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tiegħu.

(14)

Fil-qosor, u għall-ħeffa tar-referenza biss, il-kriterji fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, li l-kumpaniji applikanti jridu juru li jissodisfaw, huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-swieq u mingħajr interferenza sinifikanti min-naħa tal-Istat;

ir-reġistri ta’ kontabbiltà huma vverifikati indipendentement skont standards ta’ kontabbiltà internazzjonali u applikati għall-għanijiet kollha;

ma hemmx tgħawwiġ sinifikanti li ġej mis-sistema ta’ qabel ta’ ekonomija mhux tas-suq;

iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà huma ggarantiti mil-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà;

il-kambju tal-valuta jitwettaq bir-rata tas-suq.

(15)

L-applikant talab MET taħt l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u bagħat formola ta’ talba għall-produtturi esportaturi. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat fil-bini tal-applikant it-tagħrif kollu li tressaq fit-talba tal-kumpanija skont kif tqies meћtieġ.

(16)

L-investigazzjoni preżenti wriet li l-qagħda tal-applikant inbidlet mill-investigazzjoni oriġinali lilhawn. Instab li l-applikant issa jissodisfa l-ħames kriterji kollha għal TES. B’mod partikolari, ir-raġunijiet l-għala ġie miċħud it-TES fl-investigazzjoni oriġinali nstabu li ma kinux aktar applikabbli u ma nstabu ebda ċirkustanzi oħra li setgħu jwasslu għal ċaħda tat-talba għat-TES. Għalhekk, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, l-applikant ingħata TES.

(17)

Kemm l-applikant u kemm l-industrija Komunitarja ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew hawn fuq.

(18)

L-industrija tal-Komunità oġġezzjonat għas-sejbiet ta’ hawn fuq billi stqarret li jkun hemm riskju ta’ tidwir b’qerq billi l-esportazzjonijiet jgħaddu mit-Tajwan permezz tal-Vjetnam.

(19)

L-ewwelnett ta’ min jinnota li ma hemm ebda rabta bejn l-għoti ta’ TES lill-applikant u xi tidwir potenzjali b’qerq mit-Tajwan, billi dan jista’ jkun possibbli wkoll jekk ebda TES ma jingħata lill-applikant. It-tieni, l-industrija tal-Komunità ma ppreżentatx xi evidenza ta’ bażi biex tirfed l-allegazzjonijiet magħmula. Fl-aħħarnett, ta’ min jenfasizza li l-industrija tal-Komunità ma oġġezzjonatx għas-sejbiet ta’ hawn fuq, jiġifieri li l-applikant issodisfa l-kriterji elenkati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, li huma l-uniċi kriterji rilevanti biex jiġi vvalutat jekk il-kumpanija ssodisfatx il-kundizzjonijiet biex tingħata TES. It-talbiet tal-industrija tal-Komunità għalhekk kellhom jiġu miċħuda.

2.   Id-dumping

2.1.   Il-Valur normali

(20)

L-applikant ma kellu ebda bejgħ domestiku fil-Vjetnam tal-prodott ikkonċernat. Kulmeta ma jistgħux jintużaw il-prezzijiet domestiċi biex ikun stabbilit il-valur normali, irid jiġi applikat metodu ieħor. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, minflok, ikkalkulat valur normali kompost, kif ġej:

(21)

Il-valur normali nbena billi mal-ispejjeż ta’ manifattura tal-applikant żdied ammont raġonevoli ta’ spejjeż ta’ bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta’ qligħ.

(22)

Billi l-applikant ma kellu ebda bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat jew tal-istess kategorija ġenerali tal-prodott, u billi l-investigazzjoni kienet limitata għal kumpanija waħda, l-ispejjeż u l-profitti SG&A ma setgħux jiġu stabbiliti skont il-metodi stipulati fl-Artikolu 2(6)(a) u l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku. Minflok, kellu jinstab metodu raġonevoli ieħor ibbażat fuq l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku.

(23)

F’każ li l-applikant jingħata MET, kien previst fil-punt 5(d) tal-avviż ta’ bidu li jintużaw ukoll sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f’pajjiż xieraq b’ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li tinbidel kull spiża jew elementi ta’ prezz li mhumiex affidabbli fil-Vjetnam meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk dejta kredibbli meħtieġa mhijiex disponibbli fil-Vjetnam. Instab raġonevoli li jintużaw ir-rati ta’ spejjeż u qligħ SG&A ta’ produtturi esportaturi tal-prodott simili f’pajjiż ieħor, f’dan il-każ it-Tajwan, skont l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku.

(24)

Il-bejgħ domestiku tal-produtturi tat-Tajwan instab li sar fil-kummerċ normali ta’ kuljum. Għaldaqstant, ir-rati ta’ spejjeż u qligħ SG&A ġew ikkalkulati fuq il-proporzjon tagħhom mill-fatturat totali għal kull tip ta’ prodott.

(25)

Il-medja differenzjata tar-rata ta’ spejjeż u qligħ SG&A tal-kumpaniji tat-Tajwan ġew miżjuda mal-ispejjeż ta’ manifattura tal-applikant biex jiġi stabbilit il-valur normali kompost.

2.2.   Il-Prezz ta’ esportazzjoni

(26)

Kull bejgħ tal-prodotti kkonċernati lill-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sar minn kumpanija relatata fit-Tajwan. Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni ġew stabbiliti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jiġifieri bl-użu tal-prezzijiet fil-fatt imħallsa jew pagabbli lill-kumpanija relatata mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità matul il-PIR.

2.3.   It-tqabbil

(27)

It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(28)

Bl-għan li jsir tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saru l-konċessjonijiet dovuti f’forma ta’ aġġustamenti għal differenzi li jaffettwaw il-prezz u l-possibbiltà tat-tqabbil tal-prezz skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Skont dan, saru aġġustamenti għal differenzi fit-trasport, ippakkjar, spejjeż ta’ kreditu, spejjeż tal-bank, kummissjonijiet, roħs u assigurazzjoni fejn applikabbli u sostanzjati b’evidenza vverifikata. Ingħataw aġġustamenti xierqa fil-każijiet kollha fejn instabu li kienu raġonevoli, preċiżi u mirfuda minn xhieda vverifikata.

2.4.   Il-Marġni ta’ dumping

(29)

Il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-medja differenzjata ta’ valur normali mal-medja differenzjata ta’ prezz ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

(30)

It-tqabbil hekk kif deskritt hawn fuq, wera li ma jeżisti ebda dumping.

3.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi prevalenti matul il-PIR

(31)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom ġie msejjes il-marġni ta’ dumping attwali nbidlux u jekk dan it-tibdil huwiex ta’ natura dejjiema.

(32)

L-ewwelnett, ta’ min jinnota li l-applikant kien f’pożizzjoni li jipprova li kellu jingħatalu t-TES, u għalhekk kien eliġibbli għall-marġni ta’ dumping individwali tiegħu. Ma kien hemm xejn x’juri li din il-qagħda kienet se tinbidel fil-futur prevedibbli.

(33)

Il-prezz tal-prodott ikkonċernat mitlub lill-Komunità u lill-pajjiżi terzi ma varjax b’mod sinifikanti u mexa fuq l-istess bixra ta’ bejn l-2005 u l-PI.

(34)

L-investigazzjoni wriet li l-aġir tal-applikant, inklużi ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-inizjazzjoni ta’ din ir-reviżjoni, x’aktarx li ma kinux se jinbidlu fil-futur prevedibbli b’mod li jaffettwa s-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk, dan jissuġġerixxi li l-bidliet ikkonċernati kienu ta’ natura dejjiema u li, għaldaqstant, il-konklużjonijiet tar-reviżjoni kienu se jibqgħu validi fit-tul.

D.   EMENDA TAL-MIŻURI

(35)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ dumping kif ukoll tan-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula, l-impożizzjoni ssoktata tal-miżura fuq l-importazzjonijiet mill-applikant mhiex meqjusa meħtieġa għat-tpattija tad-dumping. Il-miżuri imposti bir-Regolament (KE) Nru 1890/2005 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti QSS li joriġinaw fil-Vjetnam għandhom għalhekk jiġu revokati għal HPV bl-emenda ta’ dan ir-Regolament kif meħtieġ.

(36)

L-applikant kif ukoll il-partijiet ikkonċernati l-oħra ġew infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi proposta r-revoka tal-miżuri. Ma wasal ebda kumment li jiġġustifika tibdil fil-konklużjonijiet ta’ hawn fuq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-parti tal-iskeda tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1890/2005 dwar id-dazju definittiv ta’ anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-istainless steel u partijiet tagħhom li joriġinaw fil-Vjetnam hija sostitwita b’dan li ġej:

Il-pajjiż

Produttur esportatur

Rata ta’ dazju

(%)

Kodiċi addizjonali TARIC

“Vjetnam

Header Plan Co. Ltd.

0

A958

Il-kumpaniji l-oħra kollha

7,7

A999 ”

2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 206, 13.8.2008, p. 12.


Top