Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0130

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 130/2009 tat- 13 ta’ Frar 2009 li jeskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28 tal-ICES minn ċerti limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd u minn xi obbligi tar-reġistrazzjoni għall-2009, b’segwitu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    ĠU L 44, 14.2.2009, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/130/oj

    14.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 44/4


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 130/2009

    tat-13 ta’ Frar 2009

    li jeskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28 tal-ICES minn ċerti limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd u minn xi obbligi tar-reġistrazzjoni għall-2009, b’segwitu għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-rapporti mressqa mid-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Isvezja,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 jistipula dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ limitazzjonijiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dejta dwar l-isforz tas-sajd.

    (2)

    Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, l-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1322/2008 (2) stabbilixxa limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-2009 fil-Baħar Baltiku.

    (3)

    Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, il-Kummissjoni tista’ teskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 mill-ambitu ta’ ċerti limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd u minn obbligi tar-reġistrazzjoni tas-sajd meta l-qabdiet tal-merluzz kienu taħt ċertu livell fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar.

    (4)

    Fid-dawl tar-rapporti mressqa mill-Istati Membri u l-parir tal-STECF, is-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 għandhom ikunu esklużi, fl-2009, mill-ambitu ta’ dawk il-limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd u minn dawk l-obbligi tar-reġistrazzjoni.

    (5)

    Minħabba li kellu jiġi żgurat li setgħet titqies l-aħħar informazzjoni disponibbli mingħand l-Istati Membri, u biex il-parir xjentifiku jitħalla jissejjes fuq l-aktar tagħrif preċiż, ma setgħetx tintlaħaq l-iskadenza aħħarija stipulata fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 għall-konklużjoni finali rigward il-ħtieġa tal-esklużjoni tas-Subdiviżjonijiet rispettivi.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1322/2008 japplika mill-1 ta’ Jannar 2009. Biex tkun żgurata l-koerenza ma’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika retroattivament minn dik id-data.

    (7)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 8(1)(b), (3), (4) u (5) u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 ma għandhomx japplikaw għas-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Frar 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Joe BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 1.


    Top