Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0020

    Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/20/oj

    28.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 131/128


    DIRETTIVA 2009/20/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ April 2009

    dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta' vapuri għal pretensjonijiet marittimi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Wieħed mill-elementi tal-politika Komunitarja dwar it-trasport marittimu hu li tittejjeb il-kwalità tat-trasport merkantili billi ġġiegħel lill-operaturi ekonomiċi kollha jaġixxu b'mod aktar responsabbli.

    (2)

    Diġà ġew adottati miżuri disważivi skont id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur (4).

    (3)

    Fid-9 ta' Ottubru 2008, l-Istati Membri addottaw dikjarazzjoni li fiha huma rrikonoxxew unanimament l-importanza tal-applikazzjoni tal-Protokoll tal-1996 għall-Konvenzjoni tal-1976 dwar il-Limiti ta' Responsabbiltà għall-Pretensjonijiet Marittimi mill-Istati Membri kollha.

    (4)

    L-obbligu li jkun hemm assigurazzjoni għandu jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni aħjar għall-vittmi. Dan għandu jgħin ukoll biex jiġu eliminati vapuri substandard u jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni bejn l-operaturi. Barra minn hekk, fir-Riżoluzzjoni A898(21), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali stiednet lill-Istati biex iħeġġu lis-sidien ta' vapuri biex ikunu assigurati sew.

    (5)

    In-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandu jiġi rettifikat. Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (tfassil mill-ġdid) (5) diġà tipprovdi għad-detenzjoni tal-vapuri fil-każ ta' nuqqas ta' ċertifikati li għandhom jinġarru abbord. Madankollu, huwa xieraq li tiġi provduta l-possibbiltà ta' espulsjoni ta' vapur li ma jġorrx ċertifikat ta' assigurazzjoni. Il-modalitajiet tal-espulsjoni għandhom jippermettu li s-sitwazzjoni tiġi rettifikata f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

    (6)

    Ladarba l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa fil-qasam tal-politika tat-trasport marittimu, ma jistgħux jinksibu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tistà tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal- proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli applikabbli għal ċerti aspetti tal-obbligi tas-sidien ta' vapuri rigward l-assigurazzjoni tagħhom għal pretensjonijiet marittimi.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal vapuri ta' tunellaġġ gross ta' 300 jew aktar.

    2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal vapuri tal-gwerra, vapuri awżiljari tal-gwerra jew vapuri li huma proprjeta' ta' jew operati mill-Istat użati għal servizz pubbliku mhux kummerċjali.

    3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-reġimi stabbiliti permezz ta' strumenti fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u elenkati fl-Anness.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “sid ta' vapur” tfisser is-sid reġistrat ta' vapur li jbaħħar, jew kwalunkwe persuna oħra bħall-bareboat charterer li jkun responsabbli mill-operazzjoni tal-vapur;

    (b)

    “assigurazzjoni” tfisser assigurazzjoni bi jew mingħajr tnaqqis, u tinkludi, pereżempju, assigurazzjoni ta' indennità tat-tip ipprovdut attwalment mill-International Group of P&I Clubs, u forom effettivi oħra ta' assigurazzjoni (inkluż auto-assigurazzjoni pprovata) u sigurtà finanzjarja li joffru kondizzjonijiet ta' kopertura simili;

    (ċ)

    “Il-Konvenzjoni tal-1996” tfisser it-test konsolidat tal-Konvenzjoni tal-1976 dwar il-Limitazzjoni ta' Responsabbiltà Ċivili għal Pretensjonijiet Marittimi, addottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif emendata bil-Protokoll tal-1996.

    Artikolu 4

    Assigurazzjoni għal pretensjonijiet marittimi

    1.   Kull Stat Membru għandu jirrikjedi li s-sidien ta' vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, ikollhom assigurazzjoni li tkopri tali vapuri.

    2.   Kull Stat Membru għandu jirrikjedi minn sidien ta' vapuri li jtajru bandiera oħra li mhix tiegħu, sabiex ikollhom assigurazzjoni meta tali vapuri jidħlu f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru. Dan m' għandux jimpedixxi lil-Istati Membri, jekk f'konformità mal-liġi internazzjonali, milli jirrikjedu konformità ma' dak l-obbligu meta tali vapuri jkunu qed joperaw fl-ilmijiet territorjali tagħhom.

    3.   L-assigurazzjoni msemmija hawn fuq għandha tkopri pretensjonijiet marittimi soġġetti għal limiti taħt il-Konvenzjoni tal-1996. L-ammont tal-assigurazzjoni għal kull vapur għal kull inċident għandu jkun daqs l-ammont massimu rilevanti għal-limitazzjoni ta' responsabbiltà kif stabbilit fil-Konvenzjoni tal-1996.

    Artikolu 5

    Spezzjonijiet, konformità, espulsjoni minn portijiet u ċaħda ta' aċċess għal portijiet

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe spezzjoni ta' vapur f'port li jkun taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu f'konformità mad-Direttiva 2009/16/KE, tinkludi verifika li abbord ikun qed jinġarr iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.

    2.   Jekk iċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 6 ma jinġarrx abbord, u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/16/KE li tipprevedi għad-detenzjoni tal-vapuri meta jkun hemm kwistjonijiet ta' sigurtà, l-awtorità kompetenti tista' toħroġ ordni ta' espulsjoni għall-vapur li għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. Bħala riżultat tal-ħruġ ta' tali ordni ta' espulsjoni, kull Stat Membru għandu jirrifjuta d-dħul ta' dan il-vapur fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sakemm is-sid tal-vapur jipprovdi ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.

    Artikolu 6

    Ċertifikati ta' assigurazzjoni

    1.   L-eżistenza tal-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandha tiġi pruvata b'ċertifikat wieħed jew aktar maħruġa mill-fornitur tagħha u li jinġarru abbord il-vapur.

    2.   Iċ-ċertifikati maħruġa mill-fornitur tal-assigurazzjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem tal-vapur, in-numru IMO tiegħu, u l-port ta' reġistrazzjoni;

    (b)

    l-isem u l-post ewlieni tan-negozju ta' sid il-vapur;

    (ċ)

    it-tip u t-tul tal-assigurazzjoni;

    (d)

    l-isem u l-post ewlieni tan-negozju tal-fornitur tal-assigurazzjoni u, fejn xieraq, il-post tan-negozju fejn tkun stabbilita l-assigurazzjoni;

    3.   Jekk il-lingwa użata fiċ-ċertifikati m'hijiex la l-Ingliż, la l-Franċiż u lanqas l-Ispanjol, it-test għandu jinkludi traduzzjoni f’waħda minn dawn il-lingwi.

    Artikolu 7

    Penali

    Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1), l-Istati Membri għandhom jistabilixxu sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 8

    Rapporti

    Kull tliet snin, u għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 2012. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnifih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 11

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NEČAS


    (1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

    (2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

    (3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2007 (ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 166), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2008 (ĠU C 330 E, 30.12.2008, p. 7) u il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.

    (5)  Ara paġna 57 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni mit-Tniġġis biż-Żejt, 1992.

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1996 dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għal Ħsara Kkaġunata mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u li Jagħmlu l-Ħsara.

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-bunker, 2001.

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Nairobi dwar it-Tneħħija ta' Fdalijiet ta' Bastimenti, 2007.

    Ir-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi ta' passiġġieri fuq il-baħar fil-każ ta' inċidenti.


    Top