Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0588

2009/588/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Lulju 2009 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Litwanja

ĠU L 202, 4.8.2009, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/07/2013; Imħassar b' 32013D0316

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/588/oj

4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Lulju 2009

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fil-Litwanja

(2009/588/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mil-Litwanja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, kif iċċarata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1), li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat iniżżel aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistabbilixxi regoli u definizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir kellha l-għan li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Din kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jitqies kompletament fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn pożizzjonijiet baġitarji sodi fid-dawl tal-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew li jista’ jseħħ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat u b’kunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4), ikkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Litwanja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tal-Litwanja fl-24 ta’ Ġunju 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tal-Litwanja, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjoni mniżżla f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont in-notifika tal-PŻE mill-awtoritajiet Litwani, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fil-Litwanja laħaq it-3,2 % tal-PDG fl-2008, u b’hekk eċċeda l-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG. L-iżbilanċ kien qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG iżda l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Partikolarment, dan ma rriżultax minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fl-2008, meta t-tkabbir tal-PDG naqas għal 3,0 % fl-2008 minn 8,9 % fl-2007. Din iċ-ċifra annwali medja għat-tkabbir waħidha ma tippermettix li l-iżbilanċ eċċessiv tal-2008 jiġi kklassifikat bħala eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, meta wieħed iqis il-miżuri għas-sena attwali fil-baġit għall-2009 u fil-baġit supplimentari adottat mill-Parlament f’Mejju, l-iżbilanċ għandu jikber għal 5,4 % tal-PDG fl-2009, u fuq suppożizzjoni li ma jkunx hemm tibdil fil-politika, li jkompli jaggrava għal 8,0 % tal-PDG fl-2010. Għalhekk, il-kriterju ta’ żbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Id-dejn gross ġenerali tal-gvern għadu inqas ferm mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG u fl-2008 kien ta’ 15,6 % tal-PDG. Madankollu, skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huwa stmat li jiżdied malajr għal 22,6 % tal-PDG fl-2009 u għal 31,9 % fl-2010 l-iktar minħabba l-iżbilanċi primarji kbar mistennija.

(9)

Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, għandhom jitqiesu r-riformi sistemiċi tal-pensjonijiet li introduċew sistemi b’diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kompletament. Filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi twassal għal deterjorament temporanju tal-pożizzjoni baġitarja, huwa ċar li s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi titjieb. Fuq il-bażi tal-estimi tal-awtoritajiet Litwani, l-ispejjeż netti ta’ din ir-riforma jammontaw għal 1,0 % tal-PDG fl-2008 u, minħabba t-tnaqqis temporanju tal-kontributi minn 5,5 % għal 2,0 %, 0,5 % fl-2009 u 0,4 % fl-2010. Skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dawn jistgħu jitqiesu fuq bażi degressiva lineari għal perijodu transitorju u biss fejn l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza. Għall-2008, li hija l-unika sena fejn l-iżbilanċ jista’ jitqies qrib il-valur ta’ referenza, jekk titqies l-ispiża netta tar-riforma, ikun hemm żbilanċ aġġustat ta’ 2,6 % tal-PDG. Għall-2009 u l-2010, min-naħa l-oħra, il-previżjoni tal-iżbilanċ mis-servizzi tal-Kummissjoni m’għadhiex qrib il-valur ta’ referenza u, għalhekk, l-ispiża tar-riforma tal-pensjonijiet ma tistax titqies.

(10)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 104(6) tat-Trattat jekk il-kondizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ′l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tal-Litwanja, din il-kondizzjoni doppja mhijiex sodisfatta. Għalhekk, il-fatturi rilevanti ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni ġenerali, jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Litwanja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għal-Litwanja jinsabu fis-sit elettroniku li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2


Top