Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0495

    2009/495/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta' Ġunju 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4994) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 166, 27.6.2009, p. 77–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/495/oj

    27.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 166/77


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-26 ta' Ġunju 2009

    li temenda d-Deċiżjoni 2006/415/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4994)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/495/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza avjarja u li tirrevoka d-Direttiva 92/40/KEE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula ċerti miżuri preventivi dwar is-sorveljanza u l-iskoperta minn kmieni tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ li din il-marda tfaqqa’ fit-tjur jew f’għasafar tal-gaġġa oħrajn. Din tipprevedi li jridu jiġu stipulati regoli dettaljati, hekk kif meħtieġ mill-qagħda epidemjoloġika sabiex tissupplimenta l-miżuri minimi ta’ kontroll previsti f’din id-Direttiva.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità (4) tistipula ċerti miżuri ta’ protezzjoni biex ikunu applikati sabiex tkun evitata l-firxa ta’ dik il-marda, fosthom it-twaqqif ta’ żoni A u B wara tifqigħa suspettata jew konfermata tal-marda. Dawn iż-żoni huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/415/KE. Dan l-Anness, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/812/KE (5) jinkludi partijiet mill-Ġermanja u mill-Polonja. Id-Deċiżjoni 2006/415/KE tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2009.

    (3)

    Minħabba li jeżisti riskju kontinwu ta’ tifqigħat tal-influwenza avjarja tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fil-Komunità, il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2006/415/KE għandhom jibqgħu sabiex jintużaw fejn dan il-virus jinstab fit-tjur, biex b’hekk jissuplimentaw il-miżuri stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE.

    (4)

    Meta titqies il-qagħda epidemjoloġika attwali b’rabta mal-influwenza avjarja fil-Komunità, huwa xieraq li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/415/KE jiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2010.

    (5)

    Il-Ġermanja u l-Polonja għarrfu lill-Kummissjoni li, minħabba l-qagħda favorevoli tal-marda fit-territorju tagħhom, ma għadhomx japplikaw il-miżuri ta’ protezzjoni b’rabta ma’ tifqigħat kontra l-influwenza avjarja tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna. Għaldaqstant, il-miżuri stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2006/415/KE għaż-żoni A u B f’dawn l-Istati Membri ma għandhomx jibqgħu japplikaw u dawn iż-żoni għandhom jitneħħew mill-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2006/415/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/415/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 12, id-data “30 ta’ Ġunju 2009” tinbidel għal “31 ta’ Diċembru 2010”.

    (2)

    Fil-Partijiet A u B tal-Anness, jitneħħew l-entrati għall-Ġermanja u l-Polonja.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2009.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (4)  ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 5.

    (5)  ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 894.


    Top