This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009D0380
2009/380/EC: Commission Decision of 13 January 2009 on State aid C 22/07 (ex N 43/07) as regards the extension to dredging and cable-laying activities of the regime exempting maritime transport companies from the payment of the income tax and social contributions of seafarers in Denmark (notified under document number C(2008) 8886) (Text with EEA relevance )
2009/380/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuniet mill-Istat C 22/07 (ex N 43/07) rigward l-estensjoni għal ċerti attivitajiet ta’ tħammil u tqegħid ta’ kejbils tar-reġim li jeżonera l-kumpaniji tat-trasport marittimu mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħrin fid-Danimarka (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8886) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )
2009/380/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Jannar 2009 dwar l-għajnuniet mill-Istat C 22/07 (ex N 43/07) rigward l-estensjoni għal ċerti attivitajiet ta’ tħammil u tqegħid ta’ kejbils tar-reġim li jeżonera l-kumpaniji tat-trasport marittimu mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħrin fid-Danimarka (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8886) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )
ĠU L 119, 14.5.2009, p. 23–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.5.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 119/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Jannar 2009
dwar l-għajnuniet mill-Istat C 22/07 (ex N 43/07) rigward l-estensjoni għal ċerti attivitajiet ta’ tħammil u tqegħid ta’ kejbils tar-reġim li jeżonera l-kumpaniji tat-trasport marittimu mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħrin fid-Danimarka
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8886)
(It-test Daniż biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/380/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Jannar 2007 (2), id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni dwar emenda għar-reġim li jeżonera lis-sidien tal-bastimenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tal-baħrin tagħhom fid-Danimarka (l-hekk imsejjaħ reġim DIS. Ir-reġim DIS ġie awtorizzat permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2002 (3). |
(2) |
L-emenda notifikata ġiet irreġistrata bin-numru N 43/07. Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Marzu 2007 (4), id-Danimarka bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni ġdida li kienet talbet bl-ittra tal-20 ta’ Marzu 2007 (5). |
(3) |
Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2007 (6), il-Kummissjoni għarrfet lid-Danimarka dwar il-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (minn hawn ‘il quddiem ir-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat) (7). Id-Danimarka ppreżentat il-kummenti tagħha bl-ittra tal-5 ta’ Settembru 2007 (8). |
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9). B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri kkunsidrati. |
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand dawn il-partijiet interessati: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Bastimenti tat-Tħammil (European Dredgers’ Association), l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tal-Komunità Ewropea (European Community Ship-owners Association), il-Kamra tat-Tbaħħir tar-Renju Unit (Chamber of British Shipping), l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja (Norwegian Ship-owner Association), Armateurs de France, Alcatel-Lucent u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka (Danish Shipowners’ Association). Il-Kummissjoni għaddiet il-kummenti rispettivi tagħhom lid-Danimarka, li ngħatat l-opportunità twieġeb. Id-Danimarka bagħtet il-kummenti tagħha permezz tal-ittra tad-9 ta’ Jannar 2008 (10). |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI NOTIFIKATI
(6) |
Id-deskrizzjoni tal-miżuri notifikati kienet diġà ġiet stabbilita fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 li ssemmiet qabel. |
2.1. Deskrizzjoni tal-emenda notifikata tar-reġim DIS
(7) |
L-għan ewlieni tal-miżuri notifikati (L-Abbozz Nru L 110 (2006-07), it-Taqsima 11) huwa li jiġi estiż l-hekk imsejjaħ reġim DIS għall-baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils u dawk tat-tħammil. |
(8) |
Fil-każ tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils, sa issa, l-attivitajiet tagħhom għad ma kinux eliġibbli għar-reġim DIS, minkejja li dawn il-bastimenti setgħu jirreġistraw fir-reġistru DIS skont il-liġi Daniża. |
(9) |
Id-Danimarka tixtieq li minn issa ‘l quddiem anke l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tar-reġim DIS. |
(10) |
Rigward il-bastimenti tat-tħammil, Ordni Eżekuttiva tas-27 ta’ Mejju 2005 li timplimenta r-reġim DIS (minn hawn ‘il quddiem l-Ordni Eżekuttiva) tispeċifika x’jista’ jitqies bħala trasport marittimu għall-industrija tat-tħammil, bl-għan li jiġu stabbiliti regoli għall-eliġibbiltà tal-attivitajiet ta’ tħammil. Skont it-Taqsima 13 tal-Ordni Eżekuttiva, dawn l-attivitajiet ta’ bastimenti tat-tħammil jitqiesu bħala trasport marittimu:
|
(11) |
Skont il-liġi attwali tad-Danimarka, il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel ma jistgħux jiddaħħlu fir-reġistru DIS. Għaldaqstant, il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet bażiċi biex japplikaw għar-reġim DIS. Barra minn hekk, minħabba li sa ċertu punt il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel jintużaw għal, pereżempju, xogħol ta’ kostruzzjoni f’ilmijiet territorjali – id-Danimarka sabitha bi tqila biex tinkludi l-bastimenti tat-tħammil tar-ramel fl-iskema ġenerali ta’ pagi netti. Minflok, id-Danimarka ddeċidiet li tintaxxa lill-persuni li jaħdmu abbord il-bastimenti tat-tħammil tar-ramel skont ir-regoli ġenerali tat-tassazzjoni, u sussegwentement tagħti rifużjoni tat-taxxa lis-sidien tal-bastimenti hekk kif il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati. |
(12) |
B’hekk, it-tħammil huwa kopert indirettament bir-reġim DIS u jgawdi l-istess vantaġġi bħal dawk li jgawdu l-kumpaniji tat-trasport marittimu li joperaw bastimenti reġistrati fir-reġistru DIS. |
2.2. Deskrizzjoni tar-reġim DIS eżistenti
(13) |
Ir-reġim DIS ġie deskritt fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 li ssemmiet qabel (11). |
(14) |
Ir-reġim eżistenti jikkonsisti f’eżenzjoni – favur is-sidien tal-bastimenti – mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxa fuq id-dħul tal-baħrin li jaħdmu abbord bastimenti reġistrati fid-Dansk Internationalt Skibsregister, ir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti Daniż (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-reġistru DIS”) meta l-bastimenti jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija. |
(15) |
Il-Kummissjoni tfakkar li r-reġistru DIS ġie introdott permezz tal-Liġi Nru 408 tal-1 ta’ Lulju 1988 u daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 1988. Dan ir-reġim kien maħsub biex jikkumbatti l-bdil tal-istat tal-bandiera minn dak tar-reġistru nazzjonali Daniż għal wieħed ta’ pajjiż terz. |
(16) |
Waħda mill-kundizzjonijiet hija li l-eżenjoni mit-taxxa tiġi kkunsidrata meta l-pagi jiġu ffissati. B’hekk, tkun il-kumpanija tat-tbaħħir li tgawdi l-benefiċċju fiskali u mhux il-baħrin b’mod individwali. |
(17) |
Madankollu, fit-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni approvat ir-reġim DIS. |
(18) |
Bħalissa, id-Danimarka tapplika wkoll skema oħra li tiffavorixxi lill-operaturi tat-trasport marittimu: skema ta’ taxxa fuq it-tunnellaġġ (12). |
2.3. Baġit
(19) |
Il-baġit totali tar-reġim DIS jammonta għal madwar DKK 600 miljun. |
3. RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI
3.1. Dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri li jikkonċernaw it-tqegħid ta’ kejbils
(20) |
Meta ħadet id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni kkunsidrat li għandha teżamina l-effetti ekonomiċi potenzjali li din l-estensjoni tista’ tħalli fuq is-settur konċernat. Is-settur konċernat huwa dak tat-tqegħid ta’ kejbils tat-telekomunikazzjoni jew tal-enerġija f’qiegħ il-baħar. |
(21) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li hu impossibbli tifred attività marittima partikolari fi tnejn, parti meqjusa bħala trasport marittimu u l-oħra le. Minflok hi tal-fehma li jeħtieġ li ssir valutazzjoni globali tat-tipi kollha tal-attivitajiet marittimi biex jiġi ddeterminat jekk il-vjaġġ bil-baħar partikolari li jiġi eżaminat jistax jitqies totalment bħala trasport marittimu. |
(22) |
B’konsegwenza ta’ dan, fid-deċiżjoni li ħadet biex tinbeda proċedura b’mod formali l-Kummissjoni esprimiet il-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils fil-baħar ma jistax jitqies bħala superpożizzjoni ta’ servizz ta’ trasport marittimu u tat-tqegħid effettiv ta’ kejbils fil-baħar. |
(23) |
Normalment, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jittrasportawx irkiekel tal-kejbils minn port għall-ieħor, jew minn port għal installazzjoni offshore, peress li din hi d-definizzjoni tat-trasport marittimu stabbilita fir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (13) u (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (14). Minflok dawn il-bastimenti jqiegħdu l-kejbils, fuq talba ta’ klijent, minn punt partikolari li jinsab fuq kosta sa punt partikolari ieħor li jinsab fuq kosta oħra. Għaldaqstant, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jidhirx li jagħtu servizzi ta’ trasport marittimu diretti fis-sens ta’ dawn ir-Regolamenti tal-KE, jiġifieri l-ġarr ta’ merkanzija bil-baħar bejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru u kwalunkwe port jew installazzjoni off-shore ta’ Stat Membru ieħor. Anke jekk xi drabi dawn il-bastimenti jistgħu jintużaw għat-trasport ta’ merkanzija bil-baħar, kif previst fir-Regolamenti (KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92, din l-attività li taqbel mad-definizzjoni ta’ trasport marittimu jidher li hija biss ta’ natura anċillari għall-attività prinċipali tagħhom, li hija t-tqegħid ta’ kejbils. |
(24) |
Barra minn hekk, f’dak l-istadju, il-Kummissjoni nnotat li kien għadu ma ġiex ippruvat jekk il-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils stabbiliti fil-Komunità jġarrbux l-istess problemi ta’ kompetizzjoni fis-suq dinji bħal dawk li jġarrbu l-operaturi tat-trasport marittimu. Skont il-Kummissjoni, għadu mhuwiex ċar jekk l-operaturi tal-Komunità li jqiegħdu l-kejbils jiffaċċawx il-kompetizzjoni minn bastimenti b’bandiera ta’ konvenjenza bl-istess intensità bħal fil-każ tat-trasport marittimu. |
(25) |
Għalhekk, il-Kummissjoni, meta ddeċidiet li tinbeda l-proċedura, ikkunsidrat li t-tqegħid ta’ kejbils jista’ ma jiġix meqjus li jikkostitwixxi trasport marittimu u konsegwentement jista’ ma jkunx eliġibbli għall-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu fis-sens tal-linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu (minn hawn ‘il quddiem il-Linji Gwida) (15). |
3.2. Dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri li jikkonċernaw it-tħammil
(26) |
Fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura, il-Kummissjoni wriet dubji serji dwar jekk l-attivitajiet ta’ tħammil kollha koperti bl-iskema jikkostitwixxux trasport marittimu fis-sens tal-Linji Gwida. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li mhux l-attivitajiet ta’ tħammil kollha jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu. |
4. KUMMENTI MID-DANIMARKA DWAR ID-DEĊIŻJONI LI JINBEDA PROĊESS TA’ INVESTIGAZZJONI
4.1. Kummenti dwar it-tqegħid ta’ kejbils
(27) |
Fir-rigward ta’ bastimenti li jqiegħdu l-kejbils, id-Danimarka enfasizzat li s-servizzi tal-Kummissjoni, f’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006 (16), żguraw lid-Danimarka li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jkunu koperti bil-miżuri ta’ għajnuniet mill-Istat konċernati sakemm jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ 50 % ta’ trasport marittimu. |
(28) |
Skont id-Danimarka, il-Kummissjoni ddikjarat li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jistgħu jitqiesu bħala trasport marittimu fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet li jinvolvu t-trasport ta’ rkiekel ta’ kejbils mill-port tat-tagħbija għal post f’ibħra miftuħa fejn ikun se jinbeda t-tqegħid ta’ kejbils, li jimplika li l-proporzjon ta’ attivitajiet marittimi mal-ammont totali ta’ attivitajiet għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-distanza li l-bastiment ibaħħar mingħajr ma jqiegħed kejbils. |
(29) |
Barra minn hekk, id-Danimarka tenfasizza li ma fehmitx għalfejn il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007, kienet tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils ma jistax ikun taħlita ta’ trasport marittimu u attivitajiet oħrajn u tinsisti li din il-fehma tikkontradixxi l-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Awwissu 2006. |
4.2. Kummenti dwar it-tħammil
(30) |
Skont id-Danimarka, il-Linji Gwida jippermettu li l-attività ġenerali tal-bastimenti tat-tħammil titqassam bejn trasport marittimu u attivitajiet oħra. Għaldaqstant, id-Danimarka ma tarax għalfejn ma jistax isir l-istess tip ta’ tqassim fil-każ tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils. |
(31) |
Id-Danimarka tenfasizza li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-251/04, li ssemmiet mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura, ma tibdilx il-bażi tal-garanzija li l-Kummissjoni tat lid-Danimarka permezz tal-ittra tal-11 ta’ Awwissu 2006 li ssemmiet qabel. Skont id-Danimarka, il-Qorti ċċarat il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet tat-tug boats humiex koperti bir-Regolament 3577/92, fejn ikkonkludiet li mhumiex koperti. Id-Danimarka hi tal-fehma li din id-deċiżjoni mhix rilevanti għall-applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils. |
(32) |
L-awtoritajiet Daniżi jindikaw li l-Linji Gwida ma jittrattawx biss it-trasport marittimu kif iddefinit fir-Regolamenti (KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92 iżda, “… anke, f’partijiet speċifiċi, jittrattaw l-irmonk u t-tħammil.” |
(33) |
Skont il-Linji Gwida, mill-inqas 50 % tal-attivitajiet kollha jikkostitwixxu trasport marittimu li, għall-bastimenti tat-tħammil, huwa ddefinit fil-Linji Gwida, skont l-awtoritajiet Daniżi, bħala “… trasport bil-baħar ta’ materjal estratt …”. Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-Linji Gwida għandhom jiġu interpretati li jikkwalifikaw it-trasport bil-baħar ta’ materjal estratt bħala trasport marittimu. |
(34) |
Barra minn hekk, id-Danimarka ma taqbilx mal-inizjattiva tal-Kummissjoni li testendi b’mod unilaterali l-ambitu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni biex ikopri l-oqsma li mhumiex inklużi fin-notifika li hija s-suġġett tal-investigazzjoni, kif jidher li qed tagħmel il-Kummissjoni (17). Skont id-Danimarka, fil-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat ma hemm l-ebda dispożizzjoni dwar għajnuniet notifikati li tippermetti lill-Kummissjoni tinkludi fl-investigazzjoni miżuri ta’ għajnuniet mill-Istat li jkunu diġà eżistenti. Meta l-Kummissjoni tkun tixtieq tinvestiga miżuri eżistenti ta’ għajnuniet mill-Istat, skont id-Danimarka, din għandha tagħmel hekk skont il-Kapitolu V dwar il-proċedura relatata mal-iskemi tal-għajnuna eżistenti tar-Regolament imsemmi. |
(35) |
Id-Danimarka tiddikjara li nnotifikat l-emendi fil-21 ta’ Jannar 2005 permezz ta’ żewġ abbozzi li l-Gvern kien ippreżenta lill-Parlament fit-12 ta’ Jannar 2005 (Abbozz dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin u Abbozz li jemenda l-Att tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ). Skont id-Danimarka, iż-żewġ abbozzi konċernati jistgħu jitqiesu bħala approvati mill-Kummissjoni minħabba dawn iż-żewġ raġunijiet:
|
(36) |
Għaldaqstant, id-Danimarka tallega li l-Att dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin fil-verżjoni oriġinali tagħha tar-rebbiegħa 2005 tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuniet mill-Istat approvata skont il-liġijiet tal-UE. |
(37) |
Għalhekk, id-Danimarka tikkonkludi li l-proċedura ta’ investigazzjoni tista’ tkopri biss l-allegata miżura unika notifikata, jiġifieri l-possibbiltà tal-inklużjoni, fl-iskema DIS, ta’ baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils. |
(38) |
Rigward il-bastimenti tat-tħammil, il-gvern Daniż jindika li fit-13 ta’ Diċembru 2006 kien adotta l-Att li jemenda l-Att dwar it-tassazzjoni tal-baħrin. L-emenda tal-Att dwar it-tassazzjoni ta’ baħrin konċernata ġiet innotifikata fil-15 ta’ Jannar 2007. |
(39) |
Għall-fini tal-Linji Gwida, id-Danimarka tqis it-trasport ta’ materjal estratt f’ibħra fondi bħala trasport marittimu. Għalhekk, il-bastimenti tat-tħammil jaqgħu taħt l-ambitu tal-Linji Gwida, indipendentement mill-kontenut tar-Regolamenti(KEE) Nru 4055/86 u (KEE) Nru 3577/92 li l-attivitajiet tagħhom jinkludu t-trasport marittimu (iddefinit, skont id-Danimarka, bħala “trasport bil-baħar ta’ materjal estratt”) għal mill-inqas 50 % tal-ħin operattiv tagħhom. |
(40) |
L-awtoritajiet Daniżi jiddikjaraw ukoll li l-attivitajiet fi “traffiku marittimu limitat” mhumiex koperti mill-iskemi Daniżi ta’ għajnuniet mill-Istat. “Traffiku marittimu limitat” jinftiehem bħala pereżempju, l-attivitajiet fil-portijiet u l-fjordi. Għaldaqstant, ix-xogħol ta’ tħaffir u tħammil fil-portijiet u l-fjordi u madwarhom dejjem jaqa’ lil hinn mill-ambitu tar-reġim DIS. Dan japplika wkoll għall-bastimenti li jkunu weqfin. |
(41) |
L-awtoritajiet Daniżi jispjegaw li, fil-prattika, ix-xogħol ta’ tħaffir u tħammil (spiss) jitwettaq bl-użu ta’ bastimenti tat-tħammil tat-tip “bucket chain” li ma jkollhomx il-magni tagħhom stess u għal din ir-raġuni wkoll ma jaqgħux fl-ambitu tar-reġim DIS. Il-bastimenti li jkollhom il-magni tagħhom stess jistgħu jiġu koperti bir-reġim. Madankollu, il-bastimenti li jintużaw għal attivitajiet kuntrattwali fuq il-baħar huma esklużi mir-reġim DIS. B’attivitajiet kuntrattwali, wieħed jifhem li huma x-xogħol ta’ kostruzzjoni u tiswija ta’ portijiet, mollijiet, pontijiet, rigs taż-żejt, impjanti ta’ mtieħen tar-riħ u installazzjonijiet oħrajn fuq il-baħar. |
5. OSSERVAZZJONIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI
5.1. L-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tħammil (European Dredging Association), minn hawn ‘il quddiem (EUDA)
(42) |
Skont l-EUDA, il-Kummissjoni introduċiet reġim ferm aktar strett għall-għajnuniet mill-Istat għall-attivitajiet ta’ tħammil minn dak stabbilit permezz tal-Linji Gwida tal-1997. Filwaqt li tappoġġa l-għan li tinżamm flotta ta’ bastimenti tat-tħammil fil-Komunità, l-EUDA tesprimi żewġ preokkupazzjoniet ġenerali:
|
5.2. L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA)
(43) |
L-ECSA tqis l-approċċ tal-Kummissjoni bħala wieħed teoretiku ħafna u li ma jqisx l-għanijiet u l-kontenut tal-Linji Gwida. |
(44) |
Skont l-ECSA, fil-Linji Gwida diġà hemm prekondizzjoni li parti sostanzjali mill-attività ta’ tħammil tkun magħmula minn trasport marittimu. L-ECSA hi tal-fehma li l-bastimenti tat-tħammil u dawk li jqiegħdu l-kejbils rispettivament jittrasportaw il-materjal estratt u l-kejbils minn punt A għal punt B. F’dan ir-rigward, il-punt tat-tagħbija u l-punt tal-ħatt, skont l-ECSA, mhux rilevanti. |
(45) |
L-ECSA tenfasizza li l-ambitu li jkopri l-attivitajiet ta’ trasport tal-bastimenti tat-tħammil u ta’ dawk li jqiegħdu l-kejbils permezz tal-Linji Gwida huwa konformi għal kollox mal-għanijiet tal-Linji Gwida peress li dawn il-bastimenti speċjalizzati joperaw ukoll f’suq globali li jiffaċċa kompetizzjoni globali ħarxa u f’suq tax-xogħol dinji. |
5.3. Il-Kamra tat-Tbaħħir tar-Renju Unit (Chamber of British Shipping)
(46) |
Iċ-Chamber of British Shipping tenfasizza li l-Linji Gwida jirrikonoxxu li l-attivitajiet eliġibbli u mhux eliġibbli ta’ bastimenti tat-tħammil tassew jistgħu jitwettqu mill-istess bastiment u għaldaqstant għandhom jiġu ddifferenzjati. Għalhekk, iċ-Chamber of British Shipping tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha għad-dikjarazzjoni li “l-Kummissjoni tqis li hu impossibbli taqsam attività partikolari fi tnejn, parti meqjusa bħala trasport marittimu u l-oħra le”. |
(47) |
Skont il-fehma taċ-Chamber of British Shipping, mhemmx għalfejn issir distinzjoni bejn it-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri li jitwettaq lejn jew minn post li jidher f’lista ta’ portijiet u installazzjonijiet u t-tali trasport lejn xi punti oħrajn speċifiċi fil-baħar. Iċ-Chamber hija preokkupata li jidher li se jiġi introdott test ġdid, li jkun marbut mar-raġuni għalfejn il-merkanzija jew il-passiġġieri jkunu qed jiġu ttrasportati. Għaldaqstant, hija tal-fehma li l-motiv tal-klijent mhux rilevanti għall-eliġibilità tal-operazzjoni tat-tbaħħir. Iċ-Chamber of British Shipping tiċċara li d-destinazzjoni speċifika tal-materjal trasportat tiġi ddeterminata fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mill-klijent skont l-użu futur tiegħu u/jew skont il-liċenzji ambjentali u liċenzji oħrajn tiegħu. |
(48) |
Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-operat normali tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils kif tidher fl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iċ-Chamber of British Shipping ma taqbilx mal-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni: skont iċ-Chamber, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jgħabbu l-merkanzija ta’ kejbils tal-klijenti tagħhom fil-faċilitajiet ta’ portijiet u jittrasportawha għal serje ta’ postijiet oħrajn, li jistgħu jinkludu portijiet oħrajn, fejn tiġi kkonsenjata permezz ta’ tqegħid progressiv fuq jew f’qiegħ il-baħar. |
5.4. L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja (Norwegian Shipowner Association)
(49) |
Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja, il-Kummissjoni għandha tinterpreta l-kunċett tat-“trasport marittimu” b’mod flessibbli, peress li l-kumpaniji tat-tqegħid tal-kejbils u tat-tħammil għandhom l-istess mobbiltà internazzjonali u huma soġġetti għall-istess forzi ta’ kompetizzjoni globali bħal dawk tat-“trasport marittimu” klassiku. |
(50) |
Fil-fehma tagħhom, it-trasport u t-tqegħid ta’ kejbil minn punt A sa punt B hija operazzjoni simultanja u integrata, li fiha, il-kejbil “jinħatt” gradwalment f’qiegħ il-baħar. |
(51) |
Bl-istess mod, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tan-Norveġja hi tal-fehma li t-trasportazzjoni għall-fini tar-rimi ta’ ħama li jiġi minn tħammil għandha titqies bħala trasportazzjoni, anke meta is-sit tat-tħammil u/jew tal-ħatt la jkun port u lanqas installazzjoni offshore. |
5.5. L-Armateurs de France
(52) |
Skont l-Armateurs de France, it-trasport marittimu mhux definit b’mod identiku fir-Regolamenti (KEE) Nru 3577/92 u (KEE) Nru 4055/86, kif imsemmi fil-Linji Gwida. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ trasport marittimu fir-rigward tal-għajnuniet mill-Istat ma għandhiex għalfejn tkun l-istess bħad-definizzjoni stabbilita fir-Regolamenti. L-Armateurs de France hija tal-fehma li minkejja dan, id-definizzjoni li jipprovdi r-Regolament (KEE) Nru 3577/92 għandha tiġi interpretata li mhix eżawrjenti. Skont l-Armateurs de France, għalhekk, il-Linji Gwida ma jeskludux l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils u ta’ tħammil. |
(53) |
Fil-fehma tal-Armateurs de France, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, mhix rilevanti għall-attivitajiet inkwistjoni peress li ma teskludix l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jew ta’ tħammil tat-trasport marittimu. L-Armateurs de France tenfasizza li dawn l-attivitajiet mhumiex servizzi “relatati, inċidentali jew anċillari għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport marittimu”, fis-sens tad-deċiżjoni, iżda pjuttost jikkostitwixxu trasport ta’ merkanzija fuq il-baħar lejn jew minn installazzjonijiet offshore. |
(54) |
L-Armateurs de France issostni li, jekk il-Linji Gwida jiġu interpretati fis-sens li t-trasport purament marittimu biss jista’ jkun eliġibbli għall-għajnuna għat-trasport marittimu, din l-interpretazzjoni, fit-teorija, teskludi wkoll mill-ambitu tal-Linji Gwida lil dawk il-bastimenti li jbaħħru bla tagħbija fi triqthom lura wara li jkunu ttrasportaw il-merkanzija. Peress li l-Linji Gwida diġà jkopru l-bastimenti tal-irmonk u tat-tħammil f’każ li aktar minn 50 % tal-attività li tkun twettqet mill-bastiment tal-irmonk matul sena speċifika jkun jikkostitwixxi trasport marittimu, skont l-Armateurs de France, dan il-kunċett għandu jiġi estiż għall-bastimenti kollha tas-servizz, bħal mhuma l-bastimenti tat-tħammil u tat-tqegħid ta’ kejbils. |
5.6. Alcatel-Lucent
(55) |
L-Alcatel-Lucent tenfasizza l-importanza li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils għandhom fis-suq tax-xogħol marittimu, speċjalment meta wieħed iqis il-livell għoli ta’ għarfien teknoloġiku meħtieġ f’dak il-qasam. Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jimpjegaw l-aktar ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol marittimu. Għalhekk, l-estensjoni tar-reġim DIS għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils tissodisfa l-għan tal-għajnuniet mill-Istat għat-trasport marittimu kif definit fil-Linji Gwida peress li tissalvagwardja l-impjieg ta’ kwalità għolja fl-Ewropa għall-impjegati marittimi Ewropej. Minħabba l-kriżi tas-suq tat-telekomunikazzjoni, il-flotta tal-bastimenti bil-bandiera Komunitarja li jqiegħdu l-kejbils tat-telekomunikazzjoni naqset minn 80 għal 35 bastiment, li jikkompetu ma’ bastimenti reġistrati taħt bnadar ta’ konvenjenza. |
(56) |
Is-suq għandu dimensjoni globali. Fl-aqwa tal-introduzzjoni tal-Internet laħaq il-100 000 km fis-sena, imbagħad, bejn l-2003 u l-2006 naqas għal 20 000 km fis-sena u bħalissa jinsab bejn 50 000 u 70 000 km fis-sena. |
(57) |
Meta wieħed iqis li l-konnessjonijiet permezz tal-kejbils jinkludu vjaġġi transoċeaniċi u li l-akbar bastimenti li jqiegħdu l-kejbils ma jesgħux aktar minn 3 000 km ta’ kejbils fuq l-irkiekel, l-Alcatel-Lucent hi tal-fehma li l-aktar attività sinifikanti tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils hi li jittrasportaw l-irkiekel tal-kejbils mill-fabbrika li tipproduċi l-irkiekel tal-kejbils sal-punt fil-baħar fejn il-kejbil għandu jiġi konness u fejn ikun se jitqiegħed f’qiegħ il-baħar. Skont l-Alcatel, il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jaqgħu fl-ambitu tat-trasport marittimu, minħabba l-ħatt kostanti ta’ tagħbija minn fuq il-bastiment waqt li jkun qed ibaħħar. Għalhekk, l-attività tat-tqegħid tal-kejbils għandha titqies bħala trasport tat-tagħbija. |
(58) |
Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, ir-Regolamenti 3577/92 u 4055/86 ma jillimitawx b’mod strett it-tipi ta’ destinazzjonijiet fil-baħar (bejn żewġ portijiet jew bejn port u installazzjoni offshore). Fil-fehma tagħha, punt speċifiku fil-baħar għandu jitqies bħala destinazzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-Linji Gwida. Barra minn hekk, jista’ jitqies li mal-ewwel metru ta’ tqegħid ta’ kejbil f’qiegħ il-baħar, l-attività ta’ tqegħid ta’ kejbils tinbidel f’installazzjoni offshore u għaldaqstant, it-tqegħid ta’ kejbils li jsir wara ma jkun xejn għajr operazzjoni ta’ trasport għal din l-installazzjoni offshore. |
(59) |
Fil-fehma tal-Alcatel-Lucent, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, tippermetti indirettament l-estensjoni tad-definizzjoni ta’ trasport marittimu, sakemm tkun koperta mill-għanijiet tal-Linji Gwida. Skont l-Alcatel-Lucent, l-għanijiet ewlenin tagħhom huma li jissalvagwardjaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Komunità u li jsostnu l-preżenza ta’ flotta kompetittiva fis-swieq dinjin. Għaldaqstant, minkejja li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils jistgħu jitqiesu bħala forniment ta’ servizz (inċidentali jew anċillari għall-forniment ta’ servizzi ta’ trasport marittimu), il-Linji Gwida huma applikabbli għall-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils, peress li dawn l-attivitajiet jissodisfaw ukoll l-għanijiet tal-Linji Gwida. |
(60) |
Fl-aħħarnett, l-Alcatel-Lucent hija tal-fehma li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, huwa importanti li tinżamm flotta kbira ta’ bastimenti li jqiegħdu l-kejbils u li jtajru l-bandiera Komunitarja. |
5.7. L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka (Danish Shipowners’ Association)
(61) |
Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka, it-tqegħid ta’ kejbils huwa attività “fiha nfisha” u mhux servizz ta’ assistenza relatat mal-attività ta’ rmonk, li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007, fil-Kawża C-251/04, qieset li ma taqax taħt l-ambitu tar-Regolamenti 3577/92 u 4055/86. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka tagħti aktar importanza li l-għanijiet tal-Linji Gwida jiġu kkunsidrati. Għalhekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka tfakkar li l-industrija Ewropea tat-tqegħid ta’ kejbils timpjega ħafna baħrin fl-Ewropa. Barra minn hekk, it-tqegħid ta’ kejbils jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ regoli u standards ta’ sikurezza, kif ukoll għar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ bastimenti fir-reġistri Komunitarji. |
(62) |
L-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka hija tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils huwa espost għall-istess pressjoni kompetittiva bħal dik li jesperjenzaw l-operaturi tat-trasport marittimu Komunitarji fis-swieq dinjin. It-tbaħħir bejn kontinent u ieħor huwa wieħed mill-funzjonijiet tal-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils. |
(63) |
Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka hija tal-fehma li r-regoli Daniżi dwar it-tħammil tar-ramel jaqgħu fl-ambitu tal-Linji Gwida, minħabba li għandhom l-istess formulazzjoni ta’ kliem. Skont l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta’ Bastimenti tad-Danimarka, it-tħaffir ma jaqax taħt l-ambitu tal-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni. Barra minn hekk, it-tħammil huwa eliġibbli biss meta jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li mill-inqas 50 % tal-attivitajiet konċernati jikkostitwixxu trasport marittimu. |
5.8. Kummenti mid-Danimarka dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati
(64) |
Fil-kummenti tagħhom dwar l-osservazzjonijiet li ressqu l-partijiet interessati, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu l-argumenti li kienu esprimew qabel u jenfasizzaw li l-partijiet interessati kollha wrew l-appoġġ tagħhom biex il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils jiddaħħlu fl-ambitu tal-Linji Gwida. |
6. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI
6.1. Tqegħid ta’ kejbils
(65) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li, bħat-trasport marittimu, l-attivitajiet tat-tqegħid ta’ kejbils jeħtieġ baħrin kwalifikati, bi kwalifiki simili għal ta’ dawk li jaħdmu abbord bastimenti tradizzjonali tat-trasport marittimu. Tinnota wkoll li l-baħrin abbord bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma rregolati bl-istess liġi tax-xogħol u qafas soċjali bħal baħrin oħrajn. |
(66) |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma bastimenti marittimi u li għandhom l-obbligu li jgħaddu mill-istess kontrolli tekniċi u kontrolli tas-sikurezza bħall-bastimenti tat-trasport marittimu. |
(67) |
It-tielet nett, il-Kummissjoni taqbel li hemm ir-riskju li l-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jieħdu l-attivitajiet on-shore tagħhom lil hinn mill-Komunità sabiex isibu ambjenti fiskali aktar favorevoli u sussegwentement jibdlu l-istat tal-bandiera tagħhom għal wieħed ta’ bandiera ta’ konvenjenza. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li t-tqegħid ta’ kejbils huwa, minnu nnifsu, suq globali. |
(68) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-estensjoni tar-reġim DIS għall-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils fil-baħar għandha tgħin biex jinżammu l-impjiegi Komunitarji abbord bastimenti marittimi li jqiegħdu l-kejbils u li jkunu kkontrollati minn interessi Daniżi. |
(69) |
L-isfidi li l-kumpaniji Komunitarji li jqiegħdu l-kejbils ikollhom jiffaċċaw fir-rigward tal-kompetizzjoni globali u l-bdil tal-istat fejn jagħmlu l-attivitajiet on-shore tagħhom huma simili għal dawk tat-trasport marittimu Komunitarju. Bl-istess mod, l-attivitajiet Komunitarji ta’ tqegħid ta’ kejbils huma soġġetti għall-istess ambjent legali fl-oqsma tax-xogħol, tekniċi u dawk tas-sikurezza bħat-trasport marittimu Komunitarju. Fl-aħħar nett, bħal fil-każ tat-trasport marittimu, huma meħtieġa baħrin kwalifikati u mħarrġin. |
(70) |
Dawn huma l-istess fatturi li jiffurmaw il-bażi tal-Linji Gwida. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tat-Taqsima 2.2 tal-Linji Gwida jsemmi t-titjib tas-sikurezza fuq il-baħar, l-inkoraġġiment biex il-bastimenti jibqgħu jtajru bnadar tal-Istati Membri jew jibdluhom għal dawk fir-reġistri tal-Istati Membri, il-kontribuzzjoni għall-konsolidazzjoni tas-settur marittimu fl-Istati Membri, il-ħarsien u t-titjib tal-għarfien marittimu u l-promozzjoni tal-impjieg ta’ baħrin Ewropew bħala l-għanijiet ewlenin li għandhom jiġu segwiti. Dan japplika, b’mod speċjali, fir-rigward tal-għajnuniet mill-Istat f’għamla ta’ tnaqqis fl-ispejjeż relatati max-xogħol (It-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida) li jitqiesu bħala “miżuri soċjali biex tissaħħaħ il-kompetittività” (ara t-titlu tat-Taqsima 3 tal-Linji Gwida). |
(71) |
Konsegwentement, minkejja li l-Kummissjoni għadha tinsisti li l-attivitajiet ta’ tqegħid ta’ kejbils ma jaqgħux fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ trasport marittimu kif stipulata fir-regolamenti msemmijin qabel u fil-Linji Gwida, hi tal-fehma li t-tqegħid ta’ kejbils għandu jiġi assoċjat b’analoġija mat-trasport marittimu sabiex tiġi applikata t-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida u li t-tqegħid ta’ kejbils għandu jiddaħħal fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni. |
(72) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-estensjoni tar-reġim DIS għall-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils tista’ tiġi aċċettata permezz tal-applikazzjoni b’analoġija mat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida, u li b’hekk, din l-estensjoni hija kompatibbli mas-suq komuni. |
6.2. Tħammil
(73) |
Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument li għamlet id-Danimarka dwar l-allegat abbuż ta’ poter mill-parti tal-Kummissjoni meta din bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet tar-reġim DIS li għandhom x’jaqsmu mat-tħammil. L-Ordni Eżekuttiva msemmija qabel ġiet annessa man-notifika: il-Kummissjoni tqis li kellha l-obbligu li teżamina dan l-anness ukoll u li tiddetermina jekk l-Ordni Eżekuttiva kinetx timmodifika r-reġim DIS li kien approvat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2002, fil-Kawża NN 116/98, u l-miżuri li d-Danimarka kkomunikat lill-Kummissjoni fl-2005 sabiex tadatta r-reġim DIS għal-Linji Gwida tal-2004. |
(74) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonfuta l-allegazzjoni li ż-żewġ abbozzi ġew approvati permezz tal-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2005. Din l-ittra ċċarat il-fatt li l-aċċettazzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni permezz tal-Linji Gwida ma għandhiex titqies, mil-lat ta’ proċedura, bħala notifika ta’ għajnuna ġdida jew ta’ emenda għal għajnuna eżistenti. F’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ċċarat ukoll il-fatt li l-miżuri mressqa mill-awtoritajiet Daniżi kienu jikkostitwixxu biss traspożizzjoni tal-miżuri xierqa proposti fil-Linji Gwida u li dawn ma kinux jeħtieġu notifika skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat KE. |
(75) |
Barra minn hekk, l-Ordni Eżekuttiva, li hi mehmuża man-notifika, tvarja b’mod sostanzjali mill-abbozz imressaq permezz tal-ittra tal-21 ta’ Jannar 2008 li ssemmiet qabel, peress li testendi b’mod wiesa’ ħafna l-ambitu ta’ attivitajiet eliġibbli ta’ tħammil lil hinn minn dak previst fl-abbozz li ntbagħat permezz ta’ din l-ittra. Meta ħadet deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ma qisetx id-dispożizzjonijiet tal-Ordni Eżekuttiva bħala għajnuna ġdida (u għajnuna illegali, peress li dawn il-miżuri kienu diġà daħlu fis-seħħ) iżda bħala użu ħażin ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Proċedura dwar l-Għajnuniet mill-Istat. Għalhekk, il-kapitolu rilevanti tar-Regolament mhuwiex il-Kapitolu V tal-proċedura relatata ma’ skemi tal-għajnuna eżistenti, kif assumew l-awtoritajiet Daniżi fil-kummenti tagħhom, iżda l-Kapitolu VI dwar il-proċedura relatata mal-użu ħażin tal-għajnuna. |
(76) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha d-dritt kollu li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-Ordni Eżekuttiva. |
(77) |
Il-ħames subparagrafu tat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jistgħu jingħataw l-għajnuniet mill-Istat f’għamla ta’ tnaqqis fl-ispejjeż relatati max-xogħol għal attivitajiet ta’ tħammil. Il-kundizzjonijiet li l-baħrin għandhom ikunu baħrin Komunitarji li jaħdmu abbord bastimenti fis-sens tat-tielet subparagrafu tat-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida u li l-bastimenti tat-tħammil għandhom ikunu rreġistrati fi Stat Membru huma kundizzjonijiet diġà eżistenti għar-reġim DIS. |
(78) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi, fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni, iċċaraw li l-bastimenti tat-tħammil li jaħdmu bil-magni tagħhom stess biss huma eliġibbli għar-reġim DIS u li, fost ħwejjeġ oħra, l-attivitajiet ta’ tħammil li jitwettqu fil-portijiet u l-fjordi u madwarhom huma esklużi mir-reġim DIS. |
(79) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-bastimenti tat-tħammil għandhom iwettqu attivitajiet ta’ trasport marittimu fuq il-baħar għal mill-inqas 50 % tal-ħin operattiv tagħhom, il-Kummissjoni tinnota li “t-trasport marittimu” fil-każ tat-tħammil huwa ddefinit fis-sittax-il subparagrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Linji Gwida bħala “it-trasport ta’ materjal estratt f’ibħra fondi” u jeskludi “estrazzjoni jew tħammil bħala tali”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li l-estrazzjoni jew it-tħammil bħala tali huma esklużi mid-definizzjoni ta’ attivitajiet eliġibbli ta’ tħammil kif deskritti fl-Ordni Daniża msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tqis ukoll li fil-fatt, “it-tbaħħir bejn il-post tal-estrazzjoni u l-post fejn il-materjal estratt għandu jinħatt” u “t-tbaħħir bejn postijiet ta’ estrazzjoni” jikkostitwixxu trasport tal-materjal estratt. Il-Kummissjoni taċċetta wkoll li fit-trasport marittimu, il-bastimenti mhux dejjem ikollhom tagħbija meta jbaħħru, minħabba l-iżbilanċ ta’ ċerti skambji kummerċjali. Għalhekk, hija ħaġa loġika li, b’analoġija, jiġi kkunsidrat li “t-tbaħħir bejn il-port u s-sit tal-estrazzjoni” u “t-tbaħħir bejn il-post tal-ħatt u l-port” jikkostitwixxu trasport marittimu. B’mod simili, il-“ħatt” huwa inerenti għat-trasport marittimu. Fl-aħħar nett, meta l-bastimenti tat-tħammil jipprovdu assistenza f’ibħra fondi fuq talba tal-awtoritajiet pubbliċi, il-ħin li huma jiddedikaw direttament jew esklussivament għal dik l-attività ikun ta’ benefiċċju għat-trasport marittimu. |
(80) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-attivitajiet ta’ bastimenti tat-tħammil kif definiti mill-Ordni Eżekuttiva jistgħu jibbenifikaw mir-reġim DIS, għajr għal attivitajiet li jikkorrispondu mat-“tbaħħir fil-post tal-estrazzjoni”, li fil-fatt ma jistgħux jiġu distinti mill-estrazzjoni jew it-tħammil bħala tali. |
(81) |
L-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni ta’ bosta mill-attivitajiet iddefiniti mill-awtoritajiet Daniżi fl-Ordni msemmija hawn fuq bħala attivitajiet eliġibbli għar-reġim DIS hija bbażata wkoll fuq dawn l-elementi li ġejjin. |
(82) |
It-tħammil jeħtieġ baħrin li jkunu rregolati bl-istess liġi tax-xogħol u qafas soċjali bħall-baħrin l-oħrajn. |
(83) |
Il-bastimenti li jqiegħdu l-kejbils huma bastimenti marittimi u għandhom l-obbligu li jgħaddu mill-istess kontrolli tekniċi u kontrolli tas-sikurezza bħall-bastimenti tat-trasport marittimu. |
(84) |
Fl-aħħar nett, hemm ir-riskju li l-kumpaniji li jqiegħdu l-kejbils jistgħu jieħdu l-attivitajiet on-shore tagħhom lil hinn mill-Komunità sabiex isibu ambjenti fiskali u reġimi ta’ sigurtà soċjali aktar favorevoli u sussegwentement jibdlu l-istat tal-bandiera tagħhom għal wieħed ta’ bandiera ta’ konvenjenza. |
(85) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-reġim DIS jista’ jiġi applikat għall-attivitajiet ta’ tħammil fil-baħar kif iddefinit mill-Ordni Eżekuttiva, għajr għat-tbaħħir f’postijiet tal-estrazzjoni. |
6.3. Limitazzjoni għall-perjodu ta’ validità ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat
(86) |
Fil-prattika reċenti tagħha, il-Kummissjoni ma għadhiex tapprova reġimi tal-għajnuniet mill-Istat għal perjodi mhux definiti – jew emendi għalihom – u għalhekk, issa qed titlob li l-iskemi għandhom jiġu nnotifikati għal tul ta’ żmien ta’ mhux aktar minn 10 snin. |
(87) |
Din hi r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timponi data ta’ skadenza għall-miżura notifikata, b’konsistenza mal-prattika attwali. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-awtoritajiet Daniżi jerġgħu jinnotifikaw l-emenda għall-iskema DIS kif ġiet ivvalutata f’din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE sa mhux aktar tard minn 10 snin wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-miżuri li d-Danimarka qed tipprevedi li timplimenta favur bastimenti marittimi li jqiegħdu l-kejbils huma kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.
2. Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur bastimenti marittimi tat-tħammil huma kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk it-tbaħħir fil-postijiet tal-estrazzjoni jkun eskluż mill-attivitajiet eliġibbli.
Artikolu 2
Id-Danimarka għandha terġa’ tinnotifika l-emenda għall-iskema DIS kif ivvalutata f’din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE sa mhux aktar tard minn għaxar snin mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Jannar 2009.
Għall-Kummissjoni
Antonio TAJANI
Viċi President
(1) ĠU C 213, 12.9.2007, p. 22.
(2) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/21157.
(3) It-test tad-deċiżjoni fil-Kawża N 116/98 huwa disponibbli fil-lingwa uffiċjali fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/transports-1998/nn116-98.pdf
(4) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/28077.
(5) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) D/306985.
(6) Irreġistrata bir-Referenza C(2007) 3219 finali.
(8) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2007) A/41561.
(9) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(10) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2008) A/80508.
(11) Irreġistrata bir-Referenza C(2007) 3219 finali.
(12) Il-Kawża NN 116/98 approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2002. It-test ta’ din id-deċiżjoni huwa disponibbli fil-lingwa uffiċjali fuq dan l-indirizz tal-Internet: http://europa.eu.int/comm/secretariat_general/sgb/state_aids/transports-1998/nn116-98.pdf
(13) ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1.
(14) ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.
(16) Irreġistrata bir-Referenza TREN(2006) D/212345.
(17) L-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/07/1047 tal-10 ta’ Lulju 2007.