Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0306

    2009/306/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Marzu 2009 dwar l-estensjoni u l-modifikazzjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU L 90, 2.4.2009, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/306/oj

    2.4.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Marzu 2009

    dwar l-estensjoni u l-modifikazzjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika

    (2009/306/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 170 tiegħu flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 98/591/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”), li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Ottubru 1998.

    (2)

    L-Artikolu 12(b) tal-Ftehim jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Ftehim jista’ jiġi estiz, b'emendi possibbli, għal perijodi addizzjonali ta' ħames snin bi ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

    (3)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2004/756/KE (3), il-Kunsill ġedded il-Ftehim għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin b'effett mill-14 ta' Ottubru 2003.

    (4)

    L-Istati Uniti tal-Amerika infurmaw lill-Kummissjoni li se jilqgħu l-estensjoni tal-Ftehim għal ħames snin oħra. Estensjoni rapida għandha fuq kollox tkun fl-aqwa interessi taż-żewġ partijiet.

    (5)

    Il-kontenut materjali tal-Ftehim estiż se jkun identiku għall-kontenut materjali tal-Ftehim li skada fit-13 ta’ Ottubru 2008, bl-eċċezzjoni ta’ emenda teknika li tikkonsisti l-iktar fiż-żieda ta’ riċerka dwar is-sigurtà u l-ispazju fil-lista ta’ setturi għall-attivitajiet ta' kooperazzjoni, f’konformità mal-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru ta' Riċerka tal-Komunità.

    (6)

    L-estensjoni tal-Ftehim għandha tiġi approvata f'isem il-Komunità,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-estensjoni, għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin, tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”), suġġett għall-emendi stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, hija b'din approvata f’isem il-Komunità.

    Artikolu 2

    Konformement mal-Artikolu 12 tal-Ftehim, il-President tal-Kunsill għandu f'isem il-Komunità, jinnotifika lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-twettiq mill-Komunità tal-proċeduri interni neċessarji għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim (*).

    Artikolu 3

    Id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. BENDL


    (1)  L-Opinjoni tal-5 ta' Frar 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 284, 22.10.1998, p. 35.

    (3)  ĠU L 335, 11.11.2004, p. 5.

    (*)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-ħila tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    ANNESS

    It-test emendat tal-Artikolu 4 tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika

    “Artikolu 4

    Żoni ta' attivitajiet ta' koperazzjoni

    a)

    Is-setturi għall-attivitajiet ta' koperazzjoni jistgħu jinkludu:

    ambjent (inkluża riċerka dwar il-klima),

    biomediċina u saħħa (inkluża riċerka dwar l-AIDS, mard li jittieħed u abbuż mid-droga),

    agrikoltura,

    xjenza dwar is-sajd,

    riċerka dwar l-inġinerija,

    enerġija mhux nukleari,

    riżorsi naturali,

    xjenzi dwar il-materjali (inkluż in-nanoteknoloġija) u l-metroloġija,

    teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni,

    telematika,

    bioteknoloġija,

    xjenzi u teknoloġiji tal-baħar,

    riċerka dwar xjenzi soċjali,

    trasport,

    riċerka dwar is-sigurtà

    riċerka dwar l-ispazju

    linja politika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, ġestjoni, taħriġ u mobbiltà ta' xjenzjati.

    b)

    Il-Partijiet jistgħu jimmodifikaw din il-lista fuq rakkomandazzjoni tal-Grupp Konġunt Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 6, skont il-proċeduri fis-seħħ għal kull Parti.

    ċ)

    Il-Partijiet jistgħu konġuntement jsegwu attivitajiet ta’ koperazzjoni ma' partijiet terzi.”.


    Top