Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0301

    2009/301/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Marzu 2009 li tistabilixxi Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali

    ĠU L 82, 28.3.2009, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/301/oj

    28.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 82/9


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta’ Marzu 2009

    li tistabilixxi Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali

    (2009/301/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 157 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistipula li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Komunità. L-Artikolu 151 jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni.

    (2)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “i2010 – Soċjetà tal-Informatika Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi” (1), ħabbret inizjattiva prominenti dwar il-libreriji diġitali.

    (3)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “i2010: Libreriji Diġitali” (2) ħabbret il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali li għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tindirizza bl-aħjar mod l-isfidi organizzattivi, legali u tekniċi fil-livell Ewropew.

    (4)

    Dak il-grupp ta’ esperti kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/178/KE (3) li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2008. Minħabba ħtiġijiet ulterjuri, din id-Deċiżjoni għandha tawtorizza l-grupp biex ikompli ħidmietu fl-2009.

    (5)

    Il-grupp għandu jikkontribwixxi għal viżjoni strateġika komuni għal-libreriji diġitali Ewropej.

    (6)

    Il-grupp għandu jkun magħmul minn esperti bi kwalifiki ta’ livell għoli b’kompetenza fil-libreriji diġitali, maħtura f’kapaċità personali.

    (7)

    Fl-2009, il-grupp għandu jindirizza l-mistoqsijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u il-konservazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-libreriji dġitali u mal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, ftehimiet volontarji għat-titjib fl-aċċessibilità onlajn ta’ kontenut bi drittijiet tal-awtur, kontenut iġġenerat mill-utenti, aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika u aċċess għal dejta ta’ riċerka u l-konservazzjoni tagħha.

    (8)

    Il-grupp għandu wkoll jissorvelja l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ippreżentati f’rapporti adottati qabel, b’mod partikolari fil-qasam ta’ xogħlijiet orfni u li ma għadhomx fl-istampa.

    (9)

    Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-membri tal-grupp għandhom jiġu pprovduti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stipulat fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (4).

    (10)

    Id-dejta personali relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (5).

    (11)

    Huwa xieraq li jiġi ffissat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali

    Il-grupp ta’ esperti “Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Libreriji Diġitali”, minn hawn ‘il-quddiem “il-grupp” huwa b’dan stabbilit.

    Artikolu 2

    Kompitu

    Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

    (a)

    li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif l-aħjar tindirizza l-isfidi organizzattivi, legali u tekniċi f’livell Ewropew;

    (b)

    li jikkontribwixxi għal viżjoni strateġika komuni għal-libreriji diġitali Ewropej.

    Artikolu 3

    Konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe suġġett li jirrelata mal-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-libreriji diġitali.

    Artikolu 4

    Sħubija – Ħatra

    1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 20 membru.

    2.   Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Soċjetà tal-Informatika u l-Midja” għandu jaħtar il-membri tal-grupp minn fost speċjalisti b’kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

    3.   Il-membri għandhom jinħatru f’kapaċità personali bħala esperti ta’ livell għoli dwar il-libreriji diġitali u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

    4.   Il-Membri għandhom jinħatru biex jiżguraw, kemm jista’ jkun, bilanċ adegwat f’termini ta’ firxa ta’ kompetenzi, oriġini ġeografika u sess.

    5.   Il-Grupp għandu jinkludi esperti mill-kategoriji li ġejjin:

    organizzazzjonijiet ta’ memorja (libreriji, arkivji, mużewijiet);

    awturi, pubblikaturi u fornituri tal-kontenut;

    l-industrija tal-ICT (pereżempju għodod għat-tiftix, fornituri tat-teknoloġija);

    organizzazzjonijiet ta’ xjenza u riċerka, l-akkademja.

    6.   Il-membri jistgħu ma jaħtrux persuna oħra biex tieħu posthom.

    7.   Il-membri huma maħtura għal mandat li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2009.

    8.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu effettivament fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat jistgħu jiġu ssostitwiti għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom.

    9.   Il-membri għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni fejn jistqarru li huma jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll dikjarazzjoni li tikkonferma n-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess li jista’ jaffettwa l-oġġettività tagħhom.

    10.   L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001. L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Libreriji Diġitali i2010.

    Artikolu 5

    L-operazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tal-grupp.

    2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

    3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni lill-osservaturi jew lill-esperti li għandhom kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda jista’ jitlobhom jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp jekk dan ikun ta’ siwi u/jew meħtieġ.

    4.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonjiet tal-grupp jew is-sottogrupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni għandha x’taqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

    5.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

    6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika kwalunkwe sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp fl-ilsien oriġinali tad-dokument ikkonċernat.

    Artikolu 6

    L-Ispejjeż tal-laqgħat

    Il-Kummissjoni għandha tħallas rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tal-għajxien għall-membri, l-esperti u l-osservaturi konnessi mal-attivitajiet tal-grupp f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti esterni.

    Il-membri, l-esperti u l-osservaturi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

    Artikolu 7

    Skadenza

    Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2009.

    Magħmula fi Brussell, 25 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  COM(2005) 229 finali

    (2)  COM(2005) 465 finali

    (3)  ĠU L 63, 4.3.2006, p. 25.

    (4)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top