Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009A1013(03)

Opinjoni tal-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( Id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol ) – Estensjoni tal-arranġamenti tranżitorji għall-ħin tax-xogħol tat-tobba f’taħriġ fl-Ungerija

ĠU C 245, 13.10.2009, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/10


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol”)

Estensjoni tal-arranġamenti tranżitorji għall-ħin tax-xogħol tat-tobba f’taħriġ fl-Ungerija

2009/C 245/03

1.   Introduzzjoni

Din l-Opinjoni hija msejsa fuq l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol”). Din tikkonċerna notifika mill-Ungerija, skont dan l-Artikolu, fir-rigward tax-xewqa tagħha li tkompli għaddejja bl-arranġamenti tranżitorji sal-31 ta’ Lulju 2011 f’dak li jirrigwarda l-limiti tal-ħin tax-xogħol għat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu.

It-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu ġew esklużi mill-ambitu tal-ewwel Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol fl-1993. Dan inbidel fl-2000 permezz ta’ Direttiva emendarja, u t-tobba li qegħdin jitħarrġu issa huma koperti minn Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol konsolidata, bl-istess mod bħal ħaddiema oħra (2). Normalment, l-Artikolu 6 tad-Direttiva jillimita l-ħin tax-xogħol għal massimu ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja (3), inkluża kwalunkwe sahra. Madankollu, l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol jippermetti arranġamenti tranżitorji biex jiġu applikati dawn il-limiti għall-ħin tax-xogħol ta’ ġimgħa fil-każ ta' tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu.

Il-partijiet relevanti tal-Artikolu 17(5) huma kif ġej:

“…Fir-rigward tal-Artikolu 6 (limitu ta’ 48 siegħa għall-ħin tax-xogħol medju ta' kull ġimgħa) id-derogi (fir-rigward tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu) għandhom jinżammu għal perjodu tranżitorju ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2004.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom sa sentejn oħrajn (mill-1 ta’ Awwissu 2009), jekk meħtieġ, sabiex iqisu d-diffikultajiet ħalli jilħqu d-disposizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Mill-anqas sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummisjoni bir-raġunijiet tiegħu, hekk li l-Kummissjoni tkun tista' tagħti opinjoni, wara konsultazzjonijiet xierqa, fi żmien tliet xhur wara l-wasla tal-informazzjoni bħal dik. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, dan għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni tal-Istat Membru u tal-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mgħoddija lill-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom perjodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont ta' diffikultajiet speċjali ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mar-responsabbiltajiet li hemm referenza għalihom fit-tielet subparagrafu. Huma għandhom isegwu l-proċedura stabbilita f'dak is-subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fl-ebda każ m'għandu n-numru ta' sigħat ta' xogħol matul kull ġimgħa jeċċedi l-medja ta' 58 siegħa għall-ewwel tliet snin tal-perjodu transitorju, medja ta' 56 għas-sentejn li jsegwu u medja ta' 52 għal xi perjodu jeħor…

Fir-rigward tal-Artikolu 16(b) (perjodu referenzjarju għall-kalkolu tal-ħin tax-xogħol medju ta’ kull ġimgħa) id-derogi (fir-rigward tat-tobba li qegħdin jitħarrġu) għandhom ikunu mħollija basta li l-perjodu ta' referenza ma jeċċedix 12-il xahar, matul l-ewwel parti tal-perjodu tranżitorju (2004-2007), u sitt xhur wara dan.”

L-Artikolu 17(5) jistipula wkoll konsultazzjoni bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-impjegati dwar l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe arranġamenti tranżitorji: “Dak li jimpjega għandu jikkonsulta r-rappreżentanti tal-impjegati fi żmien xieraq bil-għan li jilħaq ftehim, kull meta jkun possibbli, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-perjodu tranżitorju.” Ftehim bħal dan għandu jirrispetta l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 17(5), iżda jista’ jistipula, b’mod partikolari, il-miżuri li għandhom jiġu adottati biex jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol ta’ kull ġimgħa għal medja ta’ 48 sa tmiem il-perjodu tranżitorju.

Dawn l-arranġamenti tranżitorji qed jingħata sommarju tagħhom fit-tabella ta' hawn taħt.

Tabella: Sommmarju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu, skont l-Artikolu 17(5)

Perjodu

Deroga possibbli

Kundizzjonijiet

1 ta’ Awwissu 2004–31 ta' Lulju 2009

Deroga mil-limitu ta’ 48 siegħa għall-medja ta’ ħinijiet tax-xogħol ta’ kull ġimgħa

Il-limiti tranżitorji se japplikaw għall-ħin tax-xogħol medju ta’ kull ġimgħa:

 

1 ta’ Awwissu 2004–31 ta’ Lulju 2007:

Ma tistax tinqabeż il-medja ta' 58 siegħa/ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza (4)m'għandux jaqbeż it-12-il xahar.

 

1 ta’ Awwissu 2007–31 ta’ Lulju 2009:

Ma tistax tinqabeż il-medja ta' 56 siegħa kull ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza m'għandux jaqbeż is-6 xhur.

1 ta’ Awwissu 2009–31 ta’ Lulju 2011

Estensjoni tad-deroga ta’ hawn fuq mil-limitu ta' 48 siegħa

Jekk ikun meħtieġ li jitqiesu d-diffikultajiet biex jiġu sodisfatti d-dispożizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol, meta wieħed jikkunsidra r-responsabbiltajiet għall-organizzazzjoni u t-twettiq tas-servizzi tas-saħħa/il-kura medika.

Stat Membru li jkun jixtieq juża din id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta’ Jannar 2009. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika.

F’kwalunkwe każ, il-ħin medju tax-xogħol ta’ kull ġimgħa ma jistax jaqbeż it-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza m'għandux jaqbeż is-6 xhur.

1 ta’ Awwissu 2011–31 ta’ Lulju 2012

Estensjoni possibbli itwal tad-deroga ta’ hawn fuq

Jekk ikun meħtieġ, sabiex jitqiesu diffikultajiet speċjali biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet ta' hawn fuq.

Stat Membru li jkun jixtieq juża din id-deroga għandu jinnotifika lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta’ Jannar 2011. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika.

F’kwalunkwe każ, il-ħin medju tax-xogħol ta’ kull ġimgħa ma jistax jaqbeż it-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza m'għandux jaqbeż is-6 xhur.

2.   In-notifika mill-istat membru

B’ittra bid-data tat-28 ta’ Jannar 2009, u rreġistrata fit-3 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet nazzjonali Ungeriżi nnotifikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li kienu jixtiequ jużaw l-possibbiltà skont l-Artikolu 17(5) ħalli jinżammu regoli tranżitorji speċjali, biex jippermettu ħin tax-xogħol medju ta' kull ġimgħa sa 52 siegħa għat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu, għall-perjodu ta' sentejn li jibda fl-1 ta' Awwissu 2009.

In-notifika tagħmel il-punti li ġejjin:

Skont il-liġi nazzjonali (5), il-ħin tax-xogħol tat-tobba li jibdew jitħarrġu għall-ewwel speċjalizzazzjoni tagħhom huwa diġà limitat sa medja ta’ 56 siegħa fil-ġimgħa sal-31 ta’ Lulju 2009, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva.

Madankollu, l-Ungerija għadha mhix f’pożizzjoni li tnaqqas il-ħin tax-xogħol medju ta’ kull ġimgħa tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu sa 48 siegħa mill-1 ta’ Awwissu 2009 ′l hinn. L-awtoritajiet nazzjonali jistqarru li l-organizzazzjoni tal-ħin on-call fis-servizzi tas-saħħa sar aktar diffiċli, minħabba xi verdetti tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), li saħqet li d-doveri kollha on-call fil-post tax-xogħol, u f'perjodi li jsir xogħol fihom b'rispons għal sejħa matul dover on-call 'l hinn mill-post tax-xogħol, għandhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol. L-Ungerija trasponiet dan ir-rekwiżit fil-liġi nazzjonali.

Hemm ukoll il-ħtieġa li tinbidel is-sistema tat-taħriġ speċjalista għat-tobba sabiex jitqiesu dawn l-iżviluppi ta' dan l-aħħar. Id-dover on-call jitqies bħala parti essenzjali tat-taħriġ u, fil-preżent, sigħat ta' xogħol li jisbqu l-massimu ta' 48 siegħa xorta jkunu meħtieġa sabiex dawk li qegħdin jitħarrġu jkunu jistgħu jsegwu ċerti każijiet b'mod sistematiku, biex jiksbu mill-aktar fis possibbli l-għarfien u l-ħiliet li jippermettulhom jaħdmu waħedhom. Il-perjodi ta' serħan neċessarji huma assigurati.

Bħalissa tinsab għaddejja reviżjoni tat-taħriġ. Madankollu, huwa meħtieġ perjodu tranżitorju itwal ħalli jitbiddlu r-regoli għal dawk li diġà bdew it-taħriġ matul il-perjodu tranżitorju, b’mod partikolari bil-ħsieb tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ddeterminati għar-riżorsi umani, l-aspetti finanzjarji, is-sistema ta’ forniment u l-kontenut professjonali tat-taħriġ.

L-Ungerija tqis li l-problemi tar-riżorsi umani fis-settur tas-saħħa jiġġustifika wkoll l-applikazzjoni tal-perjodu tranżitorju ta’ sentejn. Matul dan il-perjodu l-fornituri tas-servizzi tas-saħħa jistgħu jħejju għall-applikazzjoni tar-regoli ġenerali fir-rigward tat-tobba li qegħdin jitħarrġu.

3.   l-eżitu tal-konsultazzjonijiet dwar in-notifika

Meta ġie adottat l-Artikolu 17(5) preżenti, il-Kummissjoni stqarret li kienet se tinterpreta l-espressjoni “wara konsultazzjonijiet xierqa”, fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni bit-tifsira li l-Kummissjoni għandha, “tikkonsulta l-maniġment u l-ħaddiema fil-livell Ewropew u r-rappreżentanti tal-Istati Membri…” qabel ma tagħti Opinjoni fir-rigward tal-arranġamenti tranżitorji estiżi għall-ħin tax-xogħol tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu. (7)

Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw kif għandu jkun mal-Istati Membri kollha u l-imsieħba soċjali Ewropej fir-rigward tan-notifika li waslitilhom mingħand l-Ungerija.

Waslu risposti minn tmien Stati Membri (il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, Spanja u l-Iżvezja). L-ebda Stat Membru ma indika xi oġġezzjoni li l-Ungerija tutilizza perjodu tranżitorju estiż.

Ma waslet l-ebda risposta rigward l-Ungerija mingħand l-imsieħba soċjali Ewropej li jirrappreżentaw lill-management.

L-ETUC irrispondiet għall-konsultazzjoni, u indikat li t-trejdjunjin relevanti Ungeriża li tirrappreżenta lit-tobba u lit-tobba li qegħdin jitħarrġu (l-Assoċjazzjoni Medika Ungeriża) aċċettat il-ħtieġa għal arranġamenti tranżitorji għal sentejn oħra, kif mitlub mill-awtoritajiet nazzjonali. Din appoġġat ukoll il-ħtieġa li jingħata żmien sabiex isiru l-bidliet neċessarji għall-organizzazzjoni tat-taħriġ mediku. Madankollu, l-unjin qieset li l-awtoritajiet nazzjonali ma infurmawhiex u ma kkonsultawhiex biżżejjed, u lanqas lill-Kamra Medika Ungeriża, dwar l-arranġamenti għall-perjodu tranżitorju estiż, jew dwar ir-reviżjoni tat-taħriġ mediku.

4.   Valutazzjoni tan-notifika fil-kuntest tad-direttiva

Id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat tal-KE, li jistipula li jittieħdu miżuri Komunitarji ħalli jittejjeb l-ambjent tax-xogħol billi jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi tas-sikurezza u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

Mill-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni jidher li l-pożizzjoni skont il-liġi nazzjonali fl-Ungerija hija kif ġej:

L-Ungerija diġà kkonformat mal-limiti tranżitorji mitluba mill-Artikolu 17(5) sal-31 ta’ Lulju 2009, billi ttrasponiet il-limitu rekwiżit ta’ 58 siegħa fil-ġimgħa (bħala medja) sal-1 ta’ Awwissu 2007, u ta’ 56 siegħa fil-ġimgħa (bħala medja) sal-1 ta' Awwissu 2009. Digriet ministerjali jistipula l-kundizzjonijiet sabiex jintużaw dawn is-sigħat żejda, li (fi kliem l-awtoritajiet nazzjonali) huma mmirati lejn l-assigurazzjoni li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ tobba biex jitħaddmu s-servizzi ta' emerġenza u ta’ on-call.

Qabel, fis-settur tas-saħħa, il-ħin on-call fil-post tax-xogħol jew ma kienx jingħadd, jew kien jingħadd biss parzjalment, meta kien jiġi kkalkulat l-ħin tax-xogħol ta' ġimgħa. Madankollu, il-qrati nazzjonali saħqu fl-2005 li l-ħin on-call għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol, skont il-verdetti relevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (8). L-Ungerija emendat il-liġi nazzjonali tagħha fl-2007 (9), biex tipprevedi li kull ħin on-call fil-post tax-xogħol għandu jingħadd bħala ħin tax-xogħol sħiħ, b'effett mill-1 ta' Jannar 2008.

L-Ungerija tuża l-“opt-out” (deroga skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva) għas-settur tas-saħħa (10) u, skont dan, it-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu jistgħu jaħdmu għal aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa jekk jagħtu l-kunsens tagħhom bil-miktub u bil-quddiem dwar dan. Il-kundizzjonijiet protettivi rikjesti mid-Direttiva għall-użu ta' din id-deroga jidhru li ġew trasposti sew. Madankollu, is-sigħat addizzjonali li jinħadmu jistgħu jilħqu t-12-il siegħa fil-ġimgħa ta' ħin regolari, jew sa 24 siegħa fil-ġimgħa ta' ħin on-call (meta wieħed iqis il-limitu massimu ta' mhux aktar minn 72 siegħa fil-ġimgħa).

Fil-fehma tal-Kummissjoni, ikun partikolarment mixtieq li tkun provduta l-flessibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali sabiex jorganizzaw mill-ġdid is-sistemi kumplessivi tat-taħriġ u x-xogħol, jekk dan ikun jista' jnaqqas id-dipendenza fuq is-sigħat twal maħduma mit-tobba li jaqblu li jużaw l-opt-out.

Fid-dawl tar-rispons li rċeviet il-konsultazzjoni, partikolarment mill-imsieħba soċjali kkonċernati, il-Kummissjoni tqis li l-validità tar-raġunijiet li tressqu mill-awtoritajiet nazzjonali tista' tiġi milqugħha.

5.   Konklużjonijiet

Bħala riżultat ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li:

jista' jiġi aċċettat li l-Ungerija teħtieġ sa sentejn oħra mill-1 ta' Awissu 2009, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, qabel ma tkun tista' tillimita l-ħin tax-xogħol tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu sa massimu ta' 48 siegħa bħala medja. Dan hu meħtieġ biex jitqiesu d-diffikultajiet temporanji ħalli jiġi ssodisfat il-limitu tal-ħin tax-xogħol, wara li jiġu kkunsidrati r-responsabbiltajiet tal-Ungerija għall-organizzazzjoni u t-twettiq tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika,

għandu jiġi enfasizzat li f'kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva, l-Istati Membri f'din is-sitwazzjoni għandhom jiżguraw li s-sigħat tax-xogħol ta' kull ġimgħa fl-ebda każ ma jisbqu t-52 siegħa fil-ġimgħa, bħala medja fuq perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur,

l-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa li jinvolvu rwieħhom fl-informazzjoni u l-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tat-tobba li qegħdin jitħarrġu, skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 17(5), bil-ħsieb li jintlaħaq qbil, fejn ikun possibbli, dwar l-arranġamenti li jkunu japplikaw għall-perjodu tranżitorju estenżiv u dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati biex jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol ta' kull ġimgħa għal medja ta' 48 siegħa ġeneralment sa tmiem il-perjodu tranżitorju.

l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba jiżguraw it-tixrid ta' din l-Opinjoni, sabiex tkun tista' tittieħed inkonsiderazzjoni (fejn relevanti) mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.


(1)  Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 299, tat-18.11.2003, p. 9. Id-Direttiva tikkonsolida u tirrevoka żewġ Direttivi preċedenti, 93/104/KE u 2000/34/KE.

(2)  Id-Direttiva 2000/34/KE kellha tiġi trasposta f’liġi nazzjonali, fir-rigward tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu, sal-1 ta' Awwissu 2004.

(3)  Skont l-Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva, il-medja tista’ tiġi kkalkulata tul “perjodu referenzjarju” li ma jisboqx l-4 xhur (ir-regola bażika), is-6 xhur (permezz ta’ leġiżlazzjoni jew trattattivi kollettivi, f’attivitajiet speċifikati li jinkludu l-attivitajiet tat-tobba li jkunu qegħdin jitħarrġu), jew 12-il xahar (permezz tat-trattattivi kollettivi biss.).

(4)  Il-perjodu ta’ referenza huwa l-perjodu massimu li matulu l-ħin tax-xogħol medju ta' kull ġimgħa jista' jiġi kkalkulat.

(5)  L-Artikolu 28(6) tal-Att LXXXIV tal-2003 dwar ċerti aspetti tal-attivitajiet tal-kura tas-saħħa.

(6)  Ir-referenza hija għall-verdetti tal-Qorti tal-Ġustizzja SIMAP (Il-Każ C-303/98), Jaeger (Il-Każ C-151/02), u Dellas (Il-Każ C-14/04).

(7)  Stqarrija tal-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 1, paragrafu 6 tad-Direttiva 2000/34/KE, ĠU L 195, 1.8.2000, p. 45.

(8)  SIMAP (Każ C-303/98), Jaeger (Każ C-151/02).

(9)  L-Att LXXII tal-2007 li jemenda l-Att dwar il-Kura tas-Saħħa.

(10)  Taqsima 13 tal-Att dwar il-Kura tas-Saħħa 2003, kif emendat fl-2004 u l-2007.


Top