Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1190

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1190/2008 tat- 28 ta’ Novembru 2008 li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

    ĠU L 322, 2.12.2008, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1190/oj

    2.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 322/25


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1190/2008

    tat-28 ta’ Novembru 2008

    li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (1), u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar tal-fondi u riżorsi ekonomiċi skond dak ir-Regolament.

    (2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fit-3 ta’ Settembru 2008 (2) li tannulla r-Regolament (KE) Nru 881/2002 safejn jikkonċerna lil Yassin Abdullah Kadi u l-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat. Fl-istess ħin il-Qorti ordnat li l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jinżammu, safejn jikkonċernaw lis-Sur Kadi u lill-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat, għal perjodu mhux itwal minn tliet xhur li jibda mid-data li fiha tingħata s-sentenza. Dan il-perjodu ngħata sabiex titħalla l-possibbiltà li l-ksur misjub jissewwa.

    (3)

    Sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkomunikat is-sommarji narrattivi tar-raġunijiet mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-Al Qaida u t-Taliban tan-NU, lis-Sur Kadi u lill-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat u tathom l-opportunità li jikkummentaw dwar dawn ir-raġunijiet sabiex ikunu jistgħu jistqarru l-fehma tagħhom.

    (4)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mis-Sur Kadi u mill-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat, u eżaminat dawn il-kummenti.

    (5)

    Il-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom għandu japplika l-iffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, imfassla mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar Al Qaida u t-Taliban tan-NU, tinkludi lis-Sur Kadi u lill-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat.

    (6)

    Wara li eżaminat bir-reqqa l-kummenti li rċeviet mingħand is-Sur Kadi f’ittra tal-10 ta’ Novembru 2008, u meta wieħed iqis in-natura preventiva tal-iffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, il-Kummissjoni tqis li l-elenkar tas-Sur Kadi huwa ġġustifikat minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu man-netwerk ta’ Al Qaida.

    (7)

    Wara li eżaminat bir-reqqa l-kummenti li rċeviet mingħand il-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat f’ittra tad-9 ta’ Novembru 2008, u meta wieħed iqis in-natura preventiva tal-iffriżar tal-fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, il-Kummissjoni tqis li l-elenkar tal-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat huwa ġġustifikat minħabba l-assoċjazzjoni tagħha man-netwerk ta’ Al Qaida.

    (8)

    Fid-dwal ta’ dan, is-Sur Kadi u l-Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat għandhom jiżdiedu fl-Anness I.

    (9)

    Dan ir-Regolament għandu japplika mit-30 ta’ Mejju 2002, meta wieħed iqis in-natura preventiva u l-għanijiet tal-iffirżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 u l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, li kienu qed jistrieħu fuq il-legalità tar-Regolament annullat.

    ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2008. Għandu jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mit-30 ta’ Mejju 2002.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Benita FERRERO-WALDNER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

    (2)  Sentenza fil-Kawzi Konġunti C-402/05 P u C-415/05 P, Yassin Abdullah Kadi u Fundazzjoni Internazzjonali Al Barakaat v. Il-Kunsill, Rapporti tal-Qorti Ewropea 2008, p. I-… (għadhom mhux ippubblikati).


    ANNESS

    L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l-intestatura “Persuni legali, gruppi u entitajiet”:

    Fundazzjoni Internazzjonali Barakaat. Indirizz: (a) Box 4036, Spånga, Stokkolma, l-Iżvezja; (b) Rinkebytorget 1, 04, Spånga, l-Iżvezja.

    (2)

    L-annotazzjoni li ġejja għandha tiżdied taħt l-intestatura “Persuni naturali”:

    Yasin Abdullah Ezzedine Qadi (magħruf ukoll bħala (a) Kadi, Shaykh Yassin Abdullah, (b) Kahdi, Yasin; (c) Yasin Al-Qadi). Data tat-twelid: 23.2.1955. Post tat-twelid: Il-Kajr, l-Eġittu. Ċittadinanza: Tal-Għarabja Sawdija. Numru tal-passaport: (a) B 751550, (b) E 976177 (maħruġ fis-6.3.2004, jiskadi fil-11.1.2009). Informazzjoni oħra: Ġedda, l-Għarabja Sawdija.


    Top