This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008R1187
Council Regulation (EC) No 1187/2008 of 27 November 2008 imposing a definitive anti-dumping duty and collecting definitively the provisional duty imposed on imports of monosodium glutamate originating in the People’s Republic of China
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 tas- 27 Novembru 2008 li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 tas- 27 Novembru 2008 li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
ĠU L 322, 2.12.2008, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
2.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 322/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1187/2008
tas-27 Novembru 2008
li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Miżuri provviżorji
(1) |
Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 492/2008 (2) (ir-“Regolament provviżorju”) imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”) li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”). |
1.2. Proċedura sussegwenti
(2) |
Sussegwentament għall-iżvelar tal-fatt u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri anti-dumping provviżorji (“żvelar provviżorju”), diversi partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu talba ngħataw iċ-ċans li jinstemgħu. Il-Kummissjoni baqgħet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet definittivi tagħha. |
(3) |
Il-Kummissjoni baqgħet għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-aspetti ta’ interess għall-Komunità u wettqet analiżi tal-informazzjoni provduta minn xi utenti u fornituri fil-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping provviżorji. |
(4) |
Tqiesu l-kummenti orali u bil-miktub ppreżentati mill-partijiet interessati u fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew modifikati kif meħtieġ. |
(5) |
Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-MSG li joriġina fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju. Huma ngħataw ukoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar. |
(6) |
Qed jitfakkar li l-investigazzjoni tad-dumping u d-danni kienet tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2007 (“perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). Fir-rigward tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-danni, il-Kummissjoni analizzat data li tkopri l-perijodu minn April 2004 sal-aħħar tal-PI (“perijodu kkunsidrat”). |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
(7) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (12) sa (14) tar-Regolament provviżorju qed jiġu b’dan ikkonfermati. |
3. DUMPING
3.1. Applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku
(8) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għal produttur esportatur wieħed fir-RPĊ, il-premessi (15) sa (18) tar-Regolament provviżorju qed jiġu b’dan ikkonfermati. |
3.2. Trattament fl-ekonomija tas-suq (“TES”)
(9) |
Wara l-iżvelar provviżorju, iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx it-TES ikkuntestaw is-sejbiet provviżorji. |
(10) |
Fil-każ tal-ewwel kumpanija ġie sottomess li, fl-opinjoni tagħha, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) jirrikjedu biss il-preparazzjoni ta’ kontijiet konsolidati u ma jirrikjedux li l-kontijiet konsolidati jkunu verifikati skont l-IAS. |
(11) |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja diversi rikjesti, din il-kumpanija ma pprovditx id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati rilevanti, inkluż ir-rapport tal-awdituri la fil-formola għat-talba għat-TES u lanqas waqt iż-żjara fuq il-post fir-RPĊ. L-IAS jiddikjaraw u jispjegaw prinċipji tal-kontabilità miftiehma internazzjonalment u jipprovdu direzzjoni ta’ kif għandhom jiġu applikati. It-twettiq ta’ verifika tar-rekords tal-kontabilità skont l-IAS ikun ifisser li l-verifika tassigura li r-rekords tal-kontabilità kienu preparati u ppreżentati skont l-IAS u li jikkonformaw magħhom. F’każ ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji, ir-rapport tal-verifika għandu jsemmi l-impatt tan-nuqqas ta’ konformità u r-raġunijiet għala l-prinċipji IAS ma kinux ġew applikati. L-IAS 27, b’mod partikolari, jispjega b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpaniji għandhom jippreparaw u jippreżentaw il-kontijiet konsolidati tagħhom. Il-kumpanija ma tikkontendix li dawn il-kondizzjonijiet kienu applikabbli għaliha fil-kuntest tal-investigazzjoni tat-TES. |
(12) |
L-Artikolu 2(7)(c) it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku b’mod ċar jipprevedi li l-kumpaniji li japplikaw għal TES għandu jkollhom rekords tal-kontabilità bażiċi li huma vverifikati b’mod indipendenti skont l-IAS u applikati għall-għanijiet kollha. Għaldaqstant jidher ċar li l-kontijiet mhux biss għandhom jiġu preparati iżda wkoll vverifikati skont l-IAS. In-nuqqas ta’ verifika skont l-IAS ma jħallix lill-Kummissjoni tistabilixxi jekk il-kontijiet kinux preparati skont l-IAS. Fuq din il-bażi biss ma setax jiġi konkluż li t-tieni kriterju kien intlaħaq. |
(13) |
L-istess produttur esportatur barra minn hekk afferma li fil-fehma tiegħu it-tpaċija tad-dħul mal-ispejjeż ma kinitx ta’ natura materjali u li n-nuqqas ta’ żvelar ma setax jinfluwenza d-deċiżjoni ekonomika tal-utenti meħuda fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant ma kienx hemm ksur tal-IAS. |
(14) |
Din l-affermazzjoni madankollu tidher li tikkontradixxi l-ewwel waħda li l-kontijiet għandhom jiġu preparati iżda mhux ivverifikati skont l-IAS. Kieku dan kien il-każ, il-kumpaniji nnifishom, u mhux awdituri kompetenti u indipendenti kif meħtieġa skont l-Artikolu 2(7)(c), jagħmlu valutazzjoni ta’ jekk it-tpaċija tista’ jew ma tistax tkun projbita, jekk id-dħul u l-ispejjeż kinux ta’ natura materjali, jekk din it-tpaċija tistax tinfluwenza d-deċiżjoni ekonomika tal-utenti u jekk din it-tpaċija tnaqqasx mill-abbiltà tal-utenti li jifhmu t-transazzjonijiet li jkunu ttieħdu. |
(15) |
Barra minn dan, filwaqt li għandu jiġi aċċettat li l-kunċett tal-“materjalità” jħalli lok għall-interpretazzjoni, il-paragrafu 30 tal-IAS 1 jipprovdi li oġġetti li m’huwiex materjali b’mod sodisfaċenti li jistħoqqlu preżentazzjoni separata fejn jidħlu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, jistgħu madankollu jitqiesu li huma materjali suffiċjenti li għandhom jiġu preżentati b’mod separat fin-noti. Għaldaqstant, minħabba l-fatt li t-tpaċija ma kinitx imsemmija fir-rapport tal-verifika u lanqas fin-noti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija, qed jiġi kkonfermat li l-kontijiet tal-kumpanija ma kinux verifikati skont l-IAS. |
(16) |
Barra minn hekk, it-tpaċija in kwistjoni kienet dik li nstabet mill-investigaturi tal-Kummissjoni. Verifika fil-fond biss setgħet tiżvela jekk kienx hemm każijiet oħra fejn il-kontijiet ma kinux preparati u vverifikati skont l-IAS. Fin-nuqqas ta’ verifika ta’ din ix-xorta, il-Kummissjoni m’għandhiex iż-żmien materjali, u lanqas m’hu l-iskop taż-żjara fuq il-post, li jiġu vverifikati l-kontijiet u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-kumpaniji. Għaldaqstant, is-sejbiet tal-Kummissjoni li juru li l-kumpaniji, li jitolbu t-TES, jonqsu milli joneraw ir-rekwiżiti tar-Regolamenti bażiċi li jippreparaw rekords tal-kontabilità u jiżguraw li l-kontijiet huma preparati u vverifikati skont l-IAS iwasslu għall-konklużjoni li t-tieni kriterju ma ġiex onerat. |
(17) |
Fl-aħħar, l-istess kumpanija ma taqbilx mal-konklużjoni li kapital tan-negozju negattiv flimkien ma’ self mingħajr interessi għandhom jitqiesu bħala tagħwiġ li ġej mis-sistema mhux tal-ekonomija tas-suq li kien hemm qabel iżda minflok sinjal ta’ effiċjenza maniġerjali. |
(18) |
Għandu l-ewwelnett jiġi nnutat li s-sejbiet relatati mal-kapital tan-negozju negattiv kienu sejbiet sussidjarji u ma kinux dawk ewlenin li wasslu għall-konklużjoni li l-applikant ma kienx jissodisfa l-kriterju tat-TES. It-tieni, kapital tan-negozju negattiv waħdu jista’ jkun sinjal ta’ effiċjenza maniġerjali iżda biss f’negozju b’inventarju baxx u kontijiet riċevibbli mnaqqsa, li bażikament jistgħu jinstabu biss f’intrapriżi li joperaw kważi fuq bażi ta’ flus kontanti biss, bħal stabbilimenti tal-ħwienet u supermarkits. L-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ dan il-prodottur esportatur Ċiniż, madankollu, kienet totalment differenti. Kapital tan-negozju negattiv għandu jitqies aktar bħala sinjal li l-kumpanija tista’ tkun qed taffaċċja l-falliment jew periklu finanzjarju serju. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, li tkun kapaċi tirċievi ammonti kbar ta’ “krediti tal-kummerċ” mingħajr spejjeż finanzjarji tkun xi ħaġa improbabbli ħafna taħt kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, is-self mingħajr interessi sinifikanti tal-kumpanija li kien jirrapreżenta porzjon sinifikanti tad-djun totali tagħħa f’perijodu qasir (dan tal-aħħar jirrapreżenta 80 % tad-djun totali) u li kienu jirriżultaw għal livell sinifikanti ta’ kapital negozju negattiv għandu jitqies li mhux konformi mal-imġiba tal-ekonomija tas-suq. |
(19) |
Fil-każ tat-tieni kumpanija, ma ġewx provduti argumenti oħra li jibdlu s-sejbiet provviżorji dwar it-TES. B’mod partikolari, ġie kkonfermat li l-influwenza tal-azzjonist ikkontrollat mill-Istat fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija kien sproporzjonatament għoli u li l-Istat qabel li jnaqqas il-valur stabbilit tad-drittijiet tal-użu tal-art b’50 % mingħajr kumpens. Ġie kkonfermat ukoll li l-kontijiet tal-kumpanija ma ġewx ivverifikati skont l-IAS. |
(20) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar it-TES, il-premessi (19) sa (26) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.3. Trattament individwali (“TI”)
(21) |
Parti interessata affermat li l-prattiki anti-kompetittivi u l-interferenza tal-Istat jinkoraġġixxu l-evitar tal-miżuri u għaldaqstant l-ebda mill-prodotturi Ċiniżi m’għandhom jingħataw it-TI. |
(22) |
Madankollu, din il-parti interessata ma pprovdietx evidenza ta’ kif dawn il-prattiki anti-kompetittivi u l-interferenza allegata mill-Istat jippermettu l-evitar ta’ dawn il-miżuri. Barra dan, l-investigazzjoni żvelat li kwalunkwe interferenza teoretika mill-Istat tkun possibbli biss permezz taċ-China Fermentation Industry Association li tagħha ż-żewġ produtturi esportaturi huma membri. Madankollu, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha meħuda minn din l-Assoċjazzjoni kienu ta’ natura mhux vinkolanti. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni kellha tiġi rrifjutata. |
(23) |
Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra fir-rigward tat-TI, il-premessi (27) sa (29) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.4. Valur normali
3.4.1. Pajjiż analogu
(24) |
Parti interessata kkontestat l-għażla magħmula mill-Kummissjoni biex tuża t-Tajlandja bħala pajjiż analogu u, b’mod partikolari, il-produttur Ajinomoto Thailand, li għandu x’jaqsam mal-prodottur tal-Komunità. Madankollu, l-argumenti u l-kummenti minn din il-parti ġew ippreżentati wara l-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit għall-preżentazzjoni tal-kummenti (3), iżda b’mod iżjed importanti ġew provduti mingħajr ma ġew sostanzjati. Għaldaqstant, dawn il-kummenti kellhom jiġu miċħuda. |
(25) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-pajjiż analogu, il-premessi (30) sa (34) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.4.2. Metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali
(26) |
Prodottur esportatur Ċiniż afferma li għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż tal-materja prima. B’mod partikolari dan il-prodottur esportatur allega li l-MSG prodott mill-ġulepp magħqud kif inhu l-każ fil-pajjżi analogu kien jiswa iżjed mill-MSG prodott mil-lamtu tal-qamħirrum jew tar-ross. |
(27) |
Madankollu, jidher li l-prodottur esportatur Ċiniż esaġera b’mod sinifikanti il-proporzjon bejn id-dħul tal-ġulepp magħqud u l-produzzjoni tal-MSG meta mqabbel ma’ dak li nstab u ġie vverifikat fil-produttur li kkopera fil-pajjiż analogu. Għaldaqstant, l-affermazzjoni li kien jiswa iżjed li jiġi prodott l-MSG fil-pajjiż analogu kellha tiġi miċħuda. |
(28) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra li jikkonċernaw il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-premessa (35) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
3.5. Prezz tal-esportazzjoni
(29) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezz tal-esportazzjoni, li kienu jibdlu s-sejbiet fl-istadju provviżorju, il-premessi (36) sa (37) tar-Regolament provviżorju qed huma b’dan ikkonfermati. |
3.6. Tqabbil
(30) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar it-tqabbil, il-premessi (38) sa (39) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
3.7. Marġini tad-dumping
(31) |
Għall-kumpaniji li jingħataw it-TI, il-valur normali medju kwalifikat tqabbel mal-prezz medju kwalifikat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, kif prevdist fl-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(32) |
Fuq din il-bażi, il-marġini tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-fruntiera tal-Komunità CIF, dazju mhux imħallas, huma:
|
(33) |
Il-bażi biex jiġu stabbiliti l-marġini tad-dumping fil-pajjiż ġiet stabbilita fil-paragrafu (42) tar-Regolament provviżorju, li, fin-nuqqas ta’ kummenti, qed tiġi hawnhekk ikkonfermata. Fuq din il-bażi il-livell ta’ dumping fil-pajjiż ġie stabbilit bħala 39,7 % tal-prezz CIF tal-fruntiera Komunitarja, dazju mhux imħallas. |
4. DANNI
4.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Komunità
(34) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Komnunità, il-premessi (44) sa (46) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
4.2. Konsum fil-Komunità
(35) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum fil-Komunità, il-premessa (47) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. |
4.3. Importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ
(36) |
Wara l-iżvelar provviżorju, wieħed mill-importaturi tal-Komunità afferma li s-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tibdil fil-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż fil-perijodu kkunsidrat kienu mgħawġa minħabba li ntużaw snin finanzjarji minflok snin kalendarji. Il-perijodu kkunsidrat beda fl-1 ta’ April 2004 filwaqt li l-użu tas-snin kalendarji kien ifisser li l-perijodu kien jibda fl-1 ta’ Jannar 2004. Skont id-data preżentata mill-kumpanija, din il-bidla fil-punt tal-bidu kienet turi żieda ta’ 12 % fil-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi bejn is-sena kalendarja 2004 u l-PI meta mqabbla mat-tnaqqis żgħir rappurtat fil-premessa (50) tar-Regolament provviżorju. Madankollu, għandu jiġi nnutata li d-data preżentata mill-importatur kienet ibbażata fuq il-prezzijiet tal-xiri totali tiegħu li naturalment kienu jkopru biss parti mill-esportazzjonijiet Ċiniżi fil-Komunità. Wara li ġiet eżaminata d-data fir-rigward tal-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet kollha tal-MSG mir-RPĊ, ibbażati fuq l-Eurostat, instab li l-prezzijiet Ċiniżi rilevanti żdiedu biss b’0,5 % minn Jannar 2004 sal-aħħar tal-PI u mhux bi 12 % kif affermat mill-importatur. Id-differenza fit-tendenzi tal-prezzijiet bejn dak li nstab għall-perijodu kkunsidrat (tnaqqis ta’ 2 %) u dak għall-perijodu minn Jannar 2004 sal-aħħar tal-PI (żieda ta’ 0,5 %) m’hijiex tali li tibdel il-konklużjonijiet mislta fir-rigward tal-effett ta’ dawn il-prezzijiet fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant din l-affermazzjoni kellha tiġi miċħuda. |
(37) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ, il-premessi (48) sa (52) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
4.4. Sitwazzjoni ekonomika tal-Industrija tal-Komunità
(38) |
Ċerti partijiet interessati esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-analiżi tat-tendenzi tal-indikaturi tad-danni. Huma affermaw li l-użu tal-perijodu ta’ 12-il xahar li jikkoinċidu mas-sena finanzjarja ta’ min għamel l-ilment minflok snin kalendari effettivament qassru l-perijodu li ġie kkunsidrat għal tliet snin peress li s-sena finanzjarja 2007, fil-biċċa l-kbira tagħha, tisporġi mal-IP. Dawn il-partijiet affermaw li sabiex issir stima adatta tat-tendenzi tal-indikaturi tad-dannu, il-perijodu kkunsidrat għandu jiġi prolongat sabiex ikopri s-sena kalendarja sħiħa 2004. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li r-Regolament bażiku ma jipprovdix għal skeda stretta dwar id-definizzjoni tal-perijodu kkunsidrat. Barra minn dan, ir-Rakkomandazzjoni tad-WTO dwar il-perijodi tal-ġbir tad-data għal investigazzjonijiet anti-dumping tipprevedi li “Bħala regola ġenerali, […] il-perijodu għall-ġbir tad-data għal investigazzjonijiet tad-danni normalment għandu jkun mill-inqas ta’ tliet snin […].” (4) Madankollu, saret analiżi komparattiva tal-indikaturi tad-dannu bażiċi fuq bażi ta’ sena kalendarja, jiġifieri billi ġie kkunsidrat perijodu magħmul mill-2004, l-2005, l-2006 u l-PI, sabiex jiġi vverifikat jekk konklużjonijiet differenti għandhomx isiru fir-rigward tad-danni. L-analiżi wriet li t-tendenzi tal-indikaturi tad-danni ewlenin ma jinbidlux b'mod sinifikanti. Għalkemm ċerti tendenzi fosthom it-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ ikunu inqas jolqtu l-għajn meta mqabbla mal-konklużjonijiet fir-Regolament provviżorju, sejbiet oħra relatati mal-profittabilità negattiva tal-industrija tal-Komunità, iż-żieda kbira fl-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-qtugħ qawwi fil-prezzijiet jibqgħu mhux mibdula. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-perijodu kkunsidrat iservi bħala indikatur tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità sabiex jiġi determinat jekk tistax titqies li qed issofri minn dannu materjali waqt il-PI. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-argument tal-partijiet hu miċħud fuq il-bażi li l-istampa tad-dannu kienet tibqa’ turi dannu materjali anke jekk il-perijodu kkunsidrat kien ġie estiż bl-ewwel trimestru tal-2004. |
(39) |
Barra dan, min għamel l-iment ikkumenta fuq il-formulazzjoni tal-premessa (60) tar-Regolament provviżorju. Min għamel l-ilment indika li s-sentenza “l-akkwist ta’ Orsan SA minn Ajinomoto Foods Europe” ma kinitx korretta peress li Orsan SA kienet ġiet akkwistata minn Ajinomoto Group u sussegwentament mogħtija l-isem ġdid Ajinomoto Foods Europe. |
(40) |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet, il-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità sofriet danni materjali, kif stabbilit fil-premessi (70) sa (72) tar-Regolament provviżorju huwa b’dan ikkonfermat. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Effetti ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping
(41) |
Parti interessata qalet li waqt il-perijodu kkunsidrat ma kienx hemm koinċidenza fiż-żmien bejn it-tendenza negattiva fil-profittabilità osservata għall-industrija tal-Komunità u l-iżvilupp fil-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ. Għaldaqstant, ġie affermat li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma setgħux jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Komunità. Għalkemm din il-kwistjoni kienet spjegata fid-dettall fil-premessi (60) u (61) tar-Regolament provviżorju, qed jiġi barra minn hekk innutat, skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, li m’humiex biss il-volumi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li jistgħu jkunu fattur rilevanti fil-valutazzjoni ta’ jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping kinux il-kawża tad-dannu materjali lill-industrija tal-Komunità, iżda wkoll, b’mod alternattiv, il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet. Fil-premessa (76) tar-Regolament provviżorju ġie konkluż li “[…] l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mir-RPĊ li b’mod sinifikattiv waqqa’ l-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità waqt il-PI, u li żied b’mod sinifikattiv il-volum, kellhom rwol determinanti fid-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità”. Meta wieħed iqis l-iżvilupp tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping waqt il-perijodu kkunsidrat, għandu jitqies li din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda. |
(42) |
Parti interessata oħra qalet li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-MSG mir-RPĊ fil-perijodu kkunsidrat ma affetwatx is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità peress li dawn l-importazzjonijiet kienu qegħdin primarjament jissostitwixxu importazzjonijiet minn sorsi oħra. |
(43) |
F’dan ir-rigward qed jipi mfakkar li, għalkemm l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-MSG fil-fatt ħadu post l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra sa ċertu punt, kif spjegat fil-ppremessa (57) tar-Regolament provviżorju, importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mir-RPĊ b’mod konsistenti rnexxielhom jiggwadanjaw is-sehem fis-suq anke a spejjeż tal-industrija tal-Komunità anke meta l-konsum fil-Komunità kien qed jonqos. Barra minn dan, din l-affermazzjoni mhix appoġġjata mis-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni li wriet li l-mewġa ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mir-RPĊ li b’mod sinifikanti waqqa’ l-prezz tal-industrija tal-Komunità wassal għal sitwazzjoni ta’ dannu materjali soffrut mill-industrija tal-Komunità waqt il-perijodu kkunsidrat. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda. |
(44) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar dan, il-premessi (74) sa (76) tar-Regolament provviżorju hmua b’dan ikkonfermati. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħra
(45) |
Diversi partijiet interessati tennew l-affermazzjonijiet li nġiebu qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji li d-dannu materjali soffrut mill-industrija tal-Komunità kien ikkawżat minn fatturi oħra apparti l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Dawn l-affermazzjonijiet, li jirrigwardaw speċifikament l-ispejjeż tar-ristrutturar u ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima li allegatament taffetwa l-industrija tal-Komunità, kienu diġà ġew debitament indirizzati fil-premessi (60) u (61) tar-Regolament provviżorju. |
(46) |
Parti interessata tenniet l-affermazzjonijiet magħmula qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji li kwalunkwe dannu materjali soffrut mill-industrija tal-Komunità jista’ wkoll jiġi kkawżat mill-esportazzjonijiet tal-MSG mir-RPĊ magħmula minn kumpaniji relatati mal-industrija tal-Komunità. Barra minn hekk, din il-parti affermat li min għamel l-ilment kien żgwida lill-Kummissjoni billi ma żvelax l-eżistenza ta’ kumpaniji relatati fir-RPĊ u billi ħeba l-fatt li dawn il-kumpaniji relatati fiċ-Ċina kienu jesportaw l-MSG lill-Komunità. Fuq din il-bażi, din il-parti qieset li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għandu jiġi applikat għal min għamel l-ilment. L-istess parti barra minn hekk qalet li kien hemm ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża peress li l-verżjonijiet tal-ilment u t-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ min għamel l-ilment għall-ispezzjoni minn partijiet interessati (“verżjoni miftuħa”) ma żvelax il-fatt li min għamel l-ilment għandu kumpaniji relatati fir-RPĊ li kienu involuti fin-negozju MSG. |
(47) |
Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (94) tar-Regolament provviżorju, il-kwistjoni tal-esportazzjonijiet tal-MSG lill-Komunità minn prodottur wieħed fir-RPĊ li hu magħruf li hu relatat mal-industrija tal-Komunità ma tqisitx li hi rilevanti minħabba fil-volum insinifikanti tagħhom. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ilment ma kienx jipprovdi informazzjoni li tiżgwida lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpaniji relatati magħha fir-RPĊ. Din l-informazzjoni ġiet rappurtata fil-verżjonijiet kunfidenzjali tal-ilment u fit-tweġiba għall-kwestjonarju minn min għamel l-ilment. Huwa fatt li din l-informazzjoni ma kinitx oriġinarjament inkluża fil-verżjoni miftuħa tal-ilment jew fil-verżjoni miftuħa tat-tweġiba tal-kwestjonarju minn min għamel l-ilment. Madankollu, min għamel l-ilment ipprovda verżonijiet miftuħa inkluża informazzjoni dwar il-kumpaniji relatati fir-RPĊ sussegwentement matul il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkostanzi, hu meqjus li ma seħħ l-ebda ksur tad-dritt tad-difiża tal-partijiet. Barra minn dan, ma ġiet preżentata l-ebda evidenza konvinċenti li tista’ tappoġġja l-affermazzjoni li Ajinomoto Group kien konxju tal-allegata attività tal-esportazzjoni indiretta ta’ waħda mill-kumpaniji Ċiniżi relatati. Għaldaqstant, hu meqjus li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ma japplikax f’din is-sitwazzjoni u l-affermazzjoni hi miċħuda. |
(48) |
Waħda mill-partijiet interessati tenniet li l-affermazzjonijiet ippreżentati qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar l-impatt tar-rata tal-kambju tad-dollaru Amerikan kontra l-Ewro dwar il-kalkoli li jwaqqgħu l-prezzijiet u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Madankollu, ma ġiet provduta l-ebda informazzjoni jew evidenza addizzjonali li kienet tibdel il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (84) sa (90) tar-Regolament provviżorju li huma b’dan ikkonfermati. |
(49) |
Parti interessata tenniet l-affermazzjoni tagħha qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji dwar l-impatt tal-istrateġija globali ta’ Ajinomoto Group, b’mod partikolari esportazzjonijiet għas-suq tal-UE mill-prodotturi tal-MSG f’pajjiżi terzi li s-sidien tagħhom huma Ajinomoto, u l-impatt ta’ dawn fuq il-profitti u l-livell tal-istokk ta’ min għamel l-ilment. Fil-premessa (92) tar-Regolament provviżorju ġie ddikjarat li l-bejgħ tal-MSG fuq is-suq tal-Komunità li joriġina minn esportaturi relatati mal-industrija tal-Komunità f’pajjiżi barra mill-Komunità kien qiegħed jonqos b’mod kostanti u sinifikattiv matul il-perijodu kkunsidrat. B’konsegwenza, ġie konkluż fil-premessa (95) ta’ dak ir-regolament li l-importazzjonijiet tal-industrija tal-Komunità minn partijiet relatati minn barra mill-Komunità ma kkontribwewx għad-dannu materjali li nstab. Din il-parti ma pprovdietx iżjed informazzjoni jew evidenza li tista’ tibdel din il-konklużjoni li qed tiġi b’dan ikkonfermata. |
5.3. Konklużjoni dwar il-kawżalità
(50) |
Meta wieħed iqis l-analiżi ta’ hawn fuq li b’mod ċar iddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi l-oħra kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, qed jiġi b’dan ikkonfermat li dawn il-fatturi l-oħra fihom infushom ma jinvalidawx il-fatt li d-dannu materjali għandu jkun attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. |
(51) |
Wara li jitqies dan ta’ hawn fuq, huwa konluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-MSG li joriġina fir-RPĊ ikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. |
(52) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-premessi (99) sa (100) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
6. INTERESS TAL-KOMUNITÀ
6.1. Interess tal-industrija tal-Komunità
(53) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward partikolari, is-sejbiet stabbilit fil-premessi (103) sa (106) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
6.2. Interess tal-importaturi
(54) |
Importatur wieħed qal li l-impatt negattiv li l-miżuri ta’ anti-dumping jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika kien sottovalutat fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju. Skont il-kumpanija, minħabba l-profittabilità baxxa tal-bejgħ tagħha tal-MSG u l-possibilità limitata taż-żieda fil-prezz lill-klijenti tagħha, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping tfisser l-għeluq tan-negozju tagħha fl-MSG. Għandu jiġi nnutat li n-negozju tal-MSG ma jirrapreżentax sehem ewlieni mill-attività tal-importatur imsemmi li hi primarjament il-bejgħ tal-MSG tagħha mir-RPĊ. L-importatur in kwistjoni għandu l-għażla li jaqleb għal sorsi oħra ta’ provvista li m’humiex affettwati mill-miżuri ta’ anti-dumping. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju, l-effett mistenni bl-impożizzjoni tal-miżuri jkun li jerġa’ jkun hemm kondizzjonijiet tan-negozju effettivi fis-suq tal-Komunità, li f’dan il-każ jista’ jwasslu għal prezzijiet miżjuda tal-MSG, b’mod partikolari mill-industrija tal-Komunità u mir-RPĊ. Għaldaqstant, huwa mistenni li l-importaturi kollha għandhom ikunu kapaċi li jgħaddu lil ħaddieħor almenu parti miż-żieda fl-ispejjeż tagħhom li jirriżultaw mill-impożizzjoni tal-miżuri ta’ anti-dumping. Fuq din il-bażi, il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (108) tar-Regolament provviżorju għalhekk hija kkonfermata. |
6.3. Interess tal-utenti
(55) |
Wara l-kummenti li saru minn partijiet interessati dwar l-impatt possibbli tal-miżuri proposti fuq l-industrija tal-utenti, saret iżjed analiżi fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-utenti ewlenin tal-MSG fil-Komunità, jiġiferi Nestle u Unilever. L-investigazzjoni wriet li l-MSG tirrapreżenta inqas minn 3 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodotti li kollha li fihom l-MSG prodotti miż-żewġ kumpaniji. Għaldaqstant, wara li ġew ikkunsidrati l-indikazzjonijiet dwar ir-rati tal-profitt medji li huma relattivament għolja li ż-żewġ kumpaniji laħqu waqt il-PI b’mod partikolari minn dawn il-prodotti, jista’ jiġi kkonfermat li l-impatt possibbli tal-miżura proposta fuq l-attività tagħhom mhux ser ikun sinifikanti. |
6.4. Interess tal-fornituri tal-materja prima
(56) |
B’segwitu għall-premessa (115) tar-Regolament povviżorju, l-analiżi fir-rigward tal-interessi tal-fornitur upstream tal-industrija tal-Komunità ġiet estiża biex tinkludi d-data provduta mit-tieni fornitur. Fuq il-bażi tat-tweġibiet fil-kwestjonarju provduti miż-żewġ fornituri, instab li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji fornituri kienet iddeterjorat ħafna waqt il-perijodu kkunsidrat skont id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità. Il-bejgħ totali tal-fornituri investigati naqas bejn 8 % sa 13 % u l-bejgħ tagħhom lill-industrija tal-Komunità għadda minn tnaqqis sinifikanti ta’ kważi d-doppju (bejn 15 % sa 25 %). Iż-żewġ kumpaniji esperjenzaw ukoll tnaqqis fir-rati tal-profittabilità tagħhom. |
(57) |
Meta wieħed iqis is-sejbiet ta’ hawn fuq, il-kontenut tal-premessa (116) tar-Regolament provviżorji huwa b’dan kkonfermat. |
6.5. Kompetizzjoni u effetti li jgħawġu n-negozju
(58) |
Uħud mill-partijiet interessati tennew il-kummenti tagħhom dwar l-allegata pożizzjoni dominanti ta’ Ajinomoto Group madwar id-dinja u l-pożizzjoni allegatament monopolistika tagħha fil-Komunità. Dawn l-osservazzjonijiet kienu diġà ġew indirizzati fil-premessa (117) tar-Regolament provviżorju. Ma ġiet preżentata l-ebda evidenza ġdida dwar dawn l-affermazzjonijiet. |
(59) |
Bosta partijiet interessati qajmu argumenti oħra marbuta mal-iżviluppi ta’ wara l-PI fuq is-suq tal-MSG. Huma affermaw li l-volumi tal-importazzjoni naqsu u li l-prezzijiet żdiedu wara l-PI, biex b’hekk ġie eliminat kwalunkwe dannu potenzjali lill-industrija tal-Komunità. F’din is-sitwazzjoni, dawn il-partijiet affermaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping kienu jagħmlu ħsara biss lill-importaturi u lill-utenti fil-Komunità. Il-partijiet qajmu wkoll punt dwar l-allegat nuqqasijiet globali tal-provvisti tal-MSG billi, skont id-data tagħhom, diversi produtturi importanti madwar id-dinja ma baqgħux jipproduċu jew naqqsu l-kapaċità produttiva tagħhom. Madankollu, id-data tal-Eurostat u l-informazzjoni addizzjonali miksuba mill-industrija tal-Komunità ma jappoġġjawx l-affermazzjonijiet ta’ hawn fuq. Għall-kuntrarju, il-prezzijiet tal-importazzjoni baqgħu stabbli fil-perijodu ta’ wara l-PI u f’ċerti xhur naqsu wkoll, filwaqt li l-volumi tal-importazzjoni kemm mill-RPĊ u minn pajjiżi terzi żdiedu. Dan l-iżvilupp aħħari juri li xi kompetituri mhux Ċiniżi għandhom il-kapaċità li jiżviluppaw l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità. |
6.6. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(60) |
Minħabba fir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni tal-aspetti tal-interess fil-Komunità tal-każ deskritt hawn fuq, is-sejbiet u l-konklużjonijiet msemmija fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
7. MIŻURI DEFINITTIVI ANTI-DUMPING
7.1. Livell tal-eliminazzjoni tad-dannu
(61) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati li jibdlu l-konklużjoni dwar il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, il-premessi (120) sa (122) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. |
7.2. Forma u livell tad-dazji
(62) |
Fid-dawl ta’ dak li ssemma hawn fuq u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv f’livell suffiċjenti biex jelimina d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub. |
(63) |
Ir-rata tad-dazji definittivi huma stabbiliti definittivament kif ġej:
|
(64) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet waqt l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju tad-dazju madwar il-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għaldaqstant esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għaldaqstant mill-entitajiet legali speċifikament imsemmija. Il-prodotti importati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. |
(65) |
Kull talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ ġodda) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (5) immedjatament bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessa mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjati ma’, per eżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entità tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk ikun il-każ, ir-Regolament għandu imbagħad jiġu emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li qed jibbenefikaw mir-rati ta’ dazju individwali. |
7.3. Garanziji
(66) |
Produttur esportatur Ċiniż li xtaq jikkoopera offra garanzija fuq il-prezz. |
(67) |
F’dan ir-rigward qed jiġi nnutat li l-prezzijiet MSG huma negozjati globalment ma’ kumpaniji internazzjonali kbar b’faċilitajiet tal-produzzjoni ġewwa u barra mill-Komunità. Qed jiġi nnutat ukoll li l-maġġoranza tal-bejgħ ta’ dan il-produttur esportatur qed isiru primarjament lil kumpaniji barranin bħal dawn. Minħabba dan, ġie meqjus li r-riskju tal-kumpens trasversali tal-prezzijiet bejn il-ftehim tal-bejgħ magħmul ma’ kumpaniji internazzjonali għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħhom fil-Komunità u għall-faċilitajiet tagħhom li jinsabu f’pajjiżi oħra barra mill-Komunità hu għoli ħafna. Ġie meqjus ukoll li dan il-kumpens trasversali jkun diffiċli ħafna li jinkixef fil-kwadru tas-sorveljanza tal-garanzija. Għaldaqstant, l-offerta għall-garanzija ta’ dan il-produttur esportatur, fil-forma attwali tagħha, kellha tiġi miċħuda peress li l-aċċettazzjoni tagħha tqieset li m’hijiex prattika minħabba l-fatt li ma setgħetx tiġi ssorveljata sew mill-Kummissjoni. |
7.4. Ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji u sorveljanza speċjali
(68) |
Minħabba fil-kobor tal-marġini tad-dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, hu meqjus neċessarju li l-ammonti assigurati permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, imposti mir-Regolament provviżorju, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2008, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-limitu tal-ammont ta’ dazju definittiv impost. |
(69) |
huwa mfakkar li jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li qed jistennew li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali iżjed baxxi jżidu b’mod sinifikattiv il-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping, din iż-żieda għandha titqies li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell tan-negozju minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsir tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, u bil-kondizzjoni li jiġu onerati l-kondizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra l-evitar. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-bżonn għat-tneħħija ta’ rati ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju applikabbli mal-pajjiż kollu, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (TARIC 2922420010) u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-rata ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles mill-fruntiera tal-Komunità, qabel it-taxxa, tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
Kumpanija |
Rata tat-taxxa AD (%) |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
Hebei Meihua MSG Group Co., Ltd., u Tongliao Meihua Bio-Tech Co., Ltd. |
33,8 |
A883 |
Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co., Ltd. |
36,5 |
A884 |
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
39,7 |
A999 |
3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.
Artikolu 2
L-ammonti assigurati permezz ta’ dazji anti-dumping provviżorji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 492/2008 fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (TARIC 2922420010) u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru definittivament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ALLIOT-MARIE
(2) ĠU L 144, 4.6.2008, p. 14.
(3) Punt 6 (c) tal-Avviż tal-Bidu (ĠU C 206, 5.9.2007, p. 23).
(4) G/ADP/6 tas-16 ta’ Mejju 2000.
(5) Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N105 04/092, 1049 Brussell, Belġju.