Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1124

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1124/2008 tat- 12 ta’ Novembru 2008 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 795/2004, (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004, fir-rigward tal-varjetajiet ta' qanneb eliġibbli għall-ħlasijiet diretti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003

    ĠU L 303, 14.11.2008, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1124/oj

    14.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 303/7


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1124/2008

    tat-12 ta’ Novembru 2008

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 795/2004, (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004, fir-rigward tal-varjetajiet ta' qanneb eliġibbli għall-ħlasijiet diretti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [għajnuna] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ [għajnuna] għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 145(c) u (g) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jipprovdi li sabiex ikunu eleġibbli għall-ħlasijiet diretti il-varjetajiet tal-qanneb għandu jkollhom kontenut ta' tetrahydrocannabinol (THC) li ma jaqbiżx iż-0.2 % u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema biex jivverifikaw il-kontenut tat-THC tal-qanneb.

    (2)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta' sostenn [għajnuna] dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn [għajnuna] għall-bdiewa (2), (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta' sostenn [għajnuna] dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn [għajnuna] għall-bdiewa (3), u (KE) Nru 1973/2004 tad-29 ta' Ottubru 2004 li jistabbilxxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 dwar l-iskemi ta’ sostenn [għajnuna] previsti fit-Titoli IV u IVa ta' dak ir-Regolament u l-użu tal-art mwarrba għall-produzzjoni tal-materja prima (4), jistipulaw regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 dwar il-produzzjoni tal-qanneb.

    (3)

    Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalogu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċijiet tal-pjanti agrikoli (il-katalogu komuni) (5), il-Kummissjoni għandha, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri, tippubblika lista tal-varjetajiet kollha li ż-żerriegħa u l-materjal tat-tnissil tagħhom mhuma soġġetti għal ebda restrizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' varjetà.

    (4)

    Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE l-Istati Membri jistgħu jkunu awtorizzati li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa u l-materjal tat-tnissil tal-varjetà f'parti jew fit-territorju kollu tagħhom, jekk jiġi stabbilit li l-koltivazzjoni ta' dik il-varjetà tista' tkun ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem.

    (5)

    Abbażi tal-komunikazzjonijiet tal-Istati Membri u r-riżultati annwali tal-verifika tal-kontenut tat-THC fil-qanneb, bl-eċċezzjoni ta' żewġ varjetajiet, il-varjetajiet kollha elenkati fil-katalogu komuni jistgħu jitqiesu li ma jaqbżux iż-0.2 % THC f'kontenut, f'konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    (6)

    Sabiex jiġu simplifikati l-proċeduri, huwa f'waqtu li jintuża l-katalogu komuni bħala għodda ta' referenza għall-varjetajiet ta' qanneb eliġibbli għall-ħlasijiet diretti u biex tiġi stabbilita l-proċedura li skontha kull Stat Membru jkun responsabbli biex jevalwa l-analiżi annwali tal-kontenut tat-THC fil-qanneb u jadotta miżuri xierqa.

    (7)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 795/2004, (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Ħlasijiet Diretti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 795/2004 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 29

    Produzzjoni tal-qanneb

    Għall-finijiet tal-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-ħlas tad-drittijiet għaż-żoni tal-qanneb għandu jiġi soġġett għall-użu ta' żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-‘Katologu Komuni tal-Ispeċijiet tal-Pjanti Agrikoli’ fil-15 ta' Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-ħlas u ppubblikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, bl-eċċezzjoni tal-varjetajiet Finola u Tiborszallasi. Iż-żerriegħa għandha tkun iċċertifikata skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (*).

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 33 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 33

    1.   Il-varjetajiet ta' qanneb eliġibbli għall-ħlas dirett huma dawk elenkati fil-‘Katologu Komuni tal-Ispeċijiet tal-Pjanti Agrikoli’ fil-15 ta' Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-ħlas u ppubblikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/53/KE, bl-eċċezzjoni tal-varjetajiet Finola u Tiborszallasi.

    2.   Is-sistema li għandha tintuża mill-Istati Membri skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tat-tetrahydrocannabinol (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘THC’) tal-uċuħ mkabbra għandha tkun kif stipulat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha żżomm ir-reġistri relatati mas-sejbiet dwar it-THC. Tal-anqas dawk ir-reġistri għandu jkun fihom, għal kull varjetà, ir-riżultati f'termini ta' kontenut ta' THC għal kull kampjun, imniżżel f'perċentwali sa żewġ ċifri deċimali, il-proċedura użata, l-għadd ta' eżamijiet imwettqa, indikazzjoni ta' meta ttieħed il-kampjun u l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.

    Jekk madanakollu r-riżultat tal-kontenut tat-THC ta' kwalunkwe kampjun jaqbeż dak stipulat fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) 1782/2003, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru tas-sena tas-suq inkwistjoni, rapport dwar is-sejbiet kollha tal-kontenut tat-THC f'dik il-varjetà. Dan ir-rapport għandu jindika r-riżultati f'termini ta' kontenut ta' THC għal kull kampjun, imniżżel f'perċentwali sa żewġ ċifri deċimali, il-proċedura użata, l-għadd ta' eżamijiet imwettqa, indikazzjoni ta' meta ttieħed il-kampjun u l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.

    4.   Jekk il-medja tal-kampjuni kollha tal-varjetà involuta taqbeż il-kontenut tat-THC kif stipulat fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istat Membru għandu juża l-proċedura B tal-Anness I għal dan ir-Regolament għall-varjetà kkonċernata matul is-sena sussegwenti tas-suq. Din il-proċedura għandha tintuża matul is-sena sussegwenti tas-suq sakemm ir-riżultati tal-analiżi tal-varjetà involuta jkunu inqas mill-kontenut tat-THC kif stipulat fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

    Jekk għat-tieni sena l-medja tal-kampjuni kollha tal-varjetà involuta taqbeż il-kontenut tat-THC kif stipulat fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istat Membru għandu jitlob awtorizzazzjoni biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' din il-varjetà skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE. Din it-talba għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, l-aktar tard sal-15 ta' Novembru tas-sena tas-suq inkwistjoni. Mis-sena ta' wara, il-varjetà soġġetta għal din it-talba ma tkunx eliġibbli għall-ħlasijiet diretti fl-Istat Membru kkonċernat.

    5.   L-uċuħ tal-qanneb għandhom jibqgħu jitkabbru skont il-kundizzjonijiet normali tal-koltivazzjoni skont il-prattika lokali sa għall-anqas għaxart ijiem wara li jintemm it-twarrid sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-verifiki previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-qanneb jinħasad wara li t-twarrid ikun beda imma sa għaxart ijiem minn meta tintemm il-fjoritura, sakemm l-ispetturi jindikaw liema partijiet rappreżentattivi ta' kull biċċa art ikkonċernata għandhom jibqgħu kkoltivati sa għall-anqas għaxart ijiem wara li tintemm il-fjoritura għal raġunijet ta' spezzjoni, skont il-metodi stabbiliti fl-Anness I.”

    (2)

    L-Anness II huwa mħassar.

    Artikolu 3

    Ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 50 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 50

    Varjetajiet ta' cannabis sativa L.

    Il-varjetajiet ta' Cannabis sativa L. eliġibbli għal għajnuna skont l-Artikolu 99(4) tar-Regolament(KE) Nru 1782/2003 għandhom ikunu dawk elenkati fil-‘Katologu Komuni tal-Ispeċijiet tal-Pjanti Agrikoli’ fil-15 ta' Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-ħlas u ppubblikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/53/KE, bl-eċċezzjoni tal-varjetajiet Finola u Tiborszallasi.”

    (2)

    Fl-Artikolu 56(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'li ġej:

    “(b)

    għall-qanneb li jitkabbar għall-fibra, l-użu tal-varjetajiet taż-żerriegħa elenkati fil-‘Katologu Komuni tal-Ispeċijiet tal-Pjanti Agrikoli’ fil-15 ta' Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-ħlas u ppubblikat skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/53/KE, bl-eċċezzjoni tal-varjetajiet Finola u Tiborszallasi, u ċċertifikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE.”

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrigwardaw is-sena li tibda fl-1 ta' Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.

    (4)  ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1.

    (5)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1.


    Top