EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0324

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 tad- 9 ta’ April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 98, 10.4.2008, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/04/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/324/oj

10.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 98/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 324/2008

tad-9 ta’ April 2008

li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 725/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil portijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet (2), u b’mod partikolari l Artikolu 13(2) u 13(3) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex tkun immonitorjata l-applikazzjoni mill-Istati Membri tar Regolament (KE) Nru 725/2004, il-Kummissjoni għandha tmexxi spezzjonijiet li jibdew minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir Regolament. L-organizzazzjoni ta' spezzjonijiet taħt is-superviżjoni tal Kummissjoni hija meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-effettività ta' sistemi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità kif ukoll ta’ miżuri, proċeduri u strutturi ta' sigurtà marittima.

(2)

Skond l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2005/65/KE, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva msemmija, b'mod konġunt ma' l-ispezzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 725/2004.

(3)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima mwaqqfa mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'assistenza teknika fit-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ bastimenti, ta’ kumpaniji rilevanti u ta’ organizzazzjoniet ta’ sigurtà rikonoxxuti.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tikkoordina ma' l-Istati Membri l-iskeda u t-tħejjija ta' l-ispezzjonijiet. Il-gruppi ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni għandu jkollhom is-setgħa li jsejħu għal spetturi nazzjonali kkwalifikati, fejn ikunu disponibbli.

(5)

L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom isiru skond proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard.

(6)

L-informazzjoni sensittiva li għandha x'taqsam ma' l-ispezzjonijiet għandha tkun meqjusa bħala informazzjoni klassifikata.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2005 ta' l-10 ta’ Ġunju 2005 li jistabbilixxi proċeduri għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima (4) għandu jitħassar.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabilixxi proċeduri għat-tmexxija ta’ spezzjonijiet mill-Kummissjoni għall-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 mill-Istati Membri kif ukoll minn faċilitajiet ta’ portijiet individwali u kumpaniji rilevanti.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll proċeduri għall-monitoraġġ mill-Kummissjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/65/KE, b'mod konġunt ma' l-ispezzjonijiet fuq il-livell ta’ l-Istati Membri u tal-faċilitajiet tal-portijiet fir-rigward ta’ portijiet kif imfissra fl-Artikolu 2(11) ta' dan ir-Regolament.

L-ispezzjonijiet għandhom jitmexxew b'mod trasparenti, effettiv, armonizzat u konsistenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“spezzjoni mill-Kummissjoni” tfisser eżaminazzjoni minn spetturi tal-Kummissjoni tas-sistemi ta' kontroll tal-kwalità, il-miżuri, il-proċeduri u l-istrutturi nazzjonali ta' protezzjoni marittima, bil-għan li jiġu vverifikati l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/65/KE;

(2)

“spettur tal-Kummissjoni” tfisser persuna li tilħaq il-kriterji stipulati fl Artikolu 7, impjegata mill-Kummissjoni, mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima jew minn spettur nazzjonali, u kkummissjonata mill-Kummissjoni biex tieħu sehem fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni;

(3)

“spettur nazzjonali” tfisser persuna impjegata minn Stat Membru bħala spettur tas-sigurtà marittima, u kkwalifikata skond ir-rekwiżiti ta' dak l-Istat Membru;

(4)

“evidenza oġġettiva” tfisser informazzjoni, reġistri jew riżultati kwantitattivi jew kwalitattivi marbutin mas-sigurtà jew ma' l-eżistenza u l-implimentazzjoni ta' rekwiżit stipulat fir-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew fid-Direttiva 2005/65/KE, li huma msejsa fuq l-osservazzjoni, il-kejl jew l-eżaminar, u li jistgħu jkunu vverifikati;

(5)

“osservazzjoni” tfisser sejba li ssir waqt spezzjoni tal-Kummissjoni, u sostanzjata minn evidenza oġġettiva;

(6)

“nuqqas ta' konformità” tfisser sitwazzjoni osservata li fiha hemm evidenza oġġettiva li tindika li ma jkunx intlaħaq rekwiżit stipulat fir-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew fid-Direttiva 2005/65/KE, u li tirrekjedi azzjoni korrettiva;

(7)

“nuqqas maġġuri ta' konformità” tfisser devjazzjoni identifikabbli li tikkostitwixxi theddida serja għas-sigurtà marittima u tirrekjedi azzjoni korrettiva minnufih, u tinkludi n-nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva u sistematika ta' rekwiżit stipulat fir-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew fid-Direttiva 2005/65/KE;

(8)

“punt ta’ kuntatt” tfisser l-entità maħtura minn kull Stat Membru biex isservi ta' punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri l-oħra, u biex tiffaċilita, issegwi u tinforma dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà marittima stipulati fir-Regolament (KE) Nru 725/2004, kif ukoll tal-miżuri ta' sigurtà tal-portijiet stipulati fid-Direttiva 2005/65/KE;

(9)

“kumpanija rilevanti” tfisser entità li għandha taħtar uffiċjal tal-kumpanija għas-sigurtà, uffiċjal għas-sigurtà tal-bastimenti jew uffiċjal għas-sigurtà tal faċilità tal-port, jew li tkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' pjan ta' sigurtà tal-bastimenti jew pjan ta' sigurtà tal-faċilità tal-port, jew li tkun inħatret minn Stat Membru bħala organizzazzjoni ta' sigurtà rikonoxxuta;

(10)

“eżami” tfisser prova ta' miżuri ta’ sigurtà marittima, fejn l-intenzjoni li tiġi kommessa azzjoni kontra l-liġi tigi simulata sabiex tkun eżaminata l effiċjenza fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà eżistenti;

(11)

“port” tfisser iż-żona ġewwa l-fruntieri ddefiniti mill-Istati Membri skond l Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2005/65/KE, u nnotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 12 tagħha.

KAPITOLU II

REKWIŻITI ĠENERALI

Artikolu 3

Il-kooperazzjoni ta’ l-Istati Membri

Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tax-xogħlijiet tagħha ta' spezzjoni. Din il-kooperazzjoni għandha tapplika matul il-fażijiet ta' tħejjija, kontroll u rappurtar.

Artikolu 4

Eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu kapaċi jeżerċitaw l-awtorità tagħhom li jispezzjonaw l-attivitajiet ta' sigurtà marittima ta' kwalunkwe awtorità kompetenti skond ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew id-Direttiva 2005/65/KE, kif ukoll ta’ kwalunkwe kumpanija rilevanti.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fuq talba, spetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għad-dokumentazzjoni kollha rilevanti marbuta mas-sigurtà, u b'mod partikolari:

(a)

il-programm nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 msemmi fl-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

dejta pprovduta mill-punt ta’ kuntatt u rapporti tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004;

(ċ)

ir-riżultati tal-monitoraġġ mill-Istati Membri ta’ l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ sigurtà tal-portijiet.

3.   Kull fejn spetturi tal-Kummissjoni jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jużaw kwalunkwe mezz fil-limiti tas-setgħat ġuridiċi tagħhom biex jassistu lill Kummissjoni fit-twettiq tal-kompitu kollu tagħha.

Artikolu 5

Is-sehem ta’ spetturi nazzjonali fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iqiegħdu għad dispożizzjoni tal-Kummissjoni spetturi nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem fi spezzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż fil-fażijiet relatati ta’ tħejjija u rappurtar.

2.   Spettur nazzjonali m'għandux jipparteċipa fi spezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istat Membru fejn hu impjegat.

3.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'lista ta' spetturi nazzjonali li l-Kummissjoni tista' ssejħilhom biex jieħdu sehem fi spezzjoni mmexxija minnha.

Din il-lista għandha tiġi aġġornata talanqas sa tmiem Ġunju ta’ kull sena.

4.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 (minn hawn 'il quddiem “il-Kumitat”) il listi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tá dan l-Artikolu.

5.   Fejn il-Kummissjoni tqis li s-sehem ta’ spettur nazzjonali huwa meħtieġa fi spezzjoni partikolari tal-Kummissjoni, għandha titlob informazzjoni mill-Istati Membri rigward id-disponibbiltà ta’ spetturi nazzjonali għat-twettiq ta’ dik l-ispezzjoni. Dawn it-talbiet normalment għandhom isiru tmien ġimgħat qabel l-ispezzjoni.

6.   Skond ir-regoli tal-Komunità, l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta' l-ispetturi nazzjonali fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Assistenza teknika mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni

Fil-qafas ta’ l-assistenza teknika lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2(b)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima għandha tqiegħed esperti tekniċi għad-dispożizzjoni fi spezzjonijiet mill-Kummissjoni, inkluż fil-fażijiet relatati ta’ tħejjija u rappurtar.

Artikolu 7

Kriterji ta' kwalifika u taħriġ għal spetturi tal-Kummissjoni

1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom kwalifiki xierqa, inklużi esperjenza teorika u prattika biżżejjed fis-sigurtà marittima. Dawn il-kwalifiki għandhom jinkludu normalment:

(a)

fehim tajjeb tas-sigurtà marittima u ta’ kif tiġi applikata għall-operazzjonijiet soġġetti għal eżami;

(b)

għarfien prattiku tajjeb tat-teknoloġiji u t-tekniki tas-sigurtà;

(ċ)

għarfien tal-prinċipji, il-proċeduri u t-tekniki ta' l-ispezzjonar;

(d)

għarfien prattiku ta’ l-operazzjonijiet soġġetti għal eżami.

2.   Biex jikkwalifikaw għall-parteċipazzjoni fi spezzjonijiet mill-Kummissjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni jridu jkunu lestew b'suċċess it-taħriġ meħtieġ.

Fil-każ ta’ spetturi nazzjonali, it-taħriġ meħtieġ biex jaġixxu bħala spetturi tal-Kummissjoni:

(a)

għandu jkun akkreditat mill-Kummissjoni;

(b)

għandu jkun inizjali u rikorrenti;

(ċ)

għandu jiżgura livell ta' prestazzjoni xieraq għall-iskop li jigi kkontrollat jekk miżuri ta' sigurtà jkunux implimentati skond ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 u d-Direttiva 2005/65/KE.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jilħqu l-kriterji stipulati fil-paragrafi 1 u 2.

KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦAT-TMEXXIJA TA’ L-ISPEZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

Artikolu 8

Notifika ta' spezzjonijiet

1.   Meta l-Kummissjoni tkun biħsiebha tagħmel spezzjoni, għandha tavża lill-punt ta’ kuntatt ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se ssir l-ispezzjoni talanqas sitt ġimgħat qabel. F'każijiet eċċezzjonali, dan il-perjodu ta' notifika jista' jitqassar.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li n-notifika ta' spezzjoni tinżamm kunfidenzjali sabiex ikun żgurat li l-proċess ta' spezzjoni ma jkunx kompromess.

2.   Il-punt ta’ kuntatt għandu jkun innotifikat bil-quddiem ta’ l-ambitu previst ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni.

Fejn tkun se tiġi spezzjonata faċilità ta’ port, il-punt ta’ kuntatt għandu jiġi infurmat fin-notifika:

(a)

jekk l-ispezzjoni hijiex se tinkludi bastimenti f'dik il-faċilità tal-port, jew f'parti oħra tal-port matul l-istess spezzjoni, kif ukoll

(b)

jekk l-ispezzjoni hijiex se tinkludi l-monitoraġġ tal-port skond l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/65/KE.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), “monitoraġġ” tfisser il-verifika ta' jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/65/KE ġewx implimentati mill-Istati Membri u mill-portijiet fit-territorju tagħhom li ġew notifikati lill Kummissjoni skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2005/65/KE. B'mod partikolari, “monitoraġġ” tfisser il-verifika li d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2005/65/KE tqiesu fil-valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-port u fit-tfassil tal-pjanijiet ta' sigurtà tal-port, kif ukoll li l-miżuri stabbiliti f'dawn il-pjanijiet huma konsistenzi mad-dispożizzjonijiet adottati skond ir Regolament (KE) Nru 725/2004 għall-faċilitajiet li jinsabu fil-portijiet ikkonċernati.

3.   Il-punt ta’ kuntatt għandu:

(a)

jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fl-Istat Membru bl-ispezzjoni;

(b)

jinnotifika lill-Kummissjoni rigward dawn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

4.   Il-punt ta’ kuntatt għandu jikkomunika lill-Kummissjoni, talanqas 24 siegħa qabel l-ispezzjoni, isem l-Istat tal-bandiera u n-numru IMO ta' bastimenti mistennija li jkunu f'faċilità ta' port jew f'port innotifikati skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 matul l-ispezzjoni.

5.   Fejn l-Istat tal-bandiera huwa Stat Membru, il-Kummissjoni, fejn prattikabbli, għandha tinforma lill-punt ta’ kuntatt ta’ dak l-Istat Membru li l-bastiment jista' jkun soġġett għal spezzjoni meta tkun fil-faċilità tal-port.

6.   Fejn l-ispezzjoni ta' faċilità ta' port fi Stat Membru tkun se tinkludi bastiment ta’ l-istess Stat Membru bħala Stat tal-bandiera, il-punt ta’ kuntatt għandu jżomm kuntatt mal-Kummissjoni biex jikkonferma jekk il-bastiment hux se jinsab fil-faċilità tal-port matul l-ispezzjoni.

7.   Fejn bastiment ikun diġà ġie identifikat biex ikun spezzjonat mhux se jkun irmiġġat fil-port matul l-ispezzjoni tal-faċilità tal-port, il-Kummissjoni u l-koordinatur maħtur skond l-Artikolu 9(3) għandhom jaqblu fuq bastiment alternattiv li għandu jkun soġġett għal spezzjoni. Dan il-bastiment jista' jinsab f'faċilità oħra ta’ l-istess port. F'dawn il-każijiet, il-paragrafi 5 u 8 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu japplikaw.

8.   L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom isiru taħt l-awspiċju ta’ l-Istat Membru tal-faċilità tal-port li jwettaq miżuri ta’ kontroll u konformità, skond ir-Regolament 9 tal-miżuri speċjali għat-tisħiħ tas-sigurtà marittima tal-Konvenzjoni SOLAS (1974 International Convention for the Safety of Life at Sea) kif emendata, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-Istat tal-bandiera tal-bastiment mhuwiex Stat Membru; jew

(b)

meta l-bastiment mhuwiex inkluż fl-informazzjoni pprovduta skond il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

9.   Meta tingħata notifika ta’ spezzjoni lill-punt ta' kuntatt, jista' jintbagħat magħha kwestjonarju għal qabel l-ispezzjoni, u li għandu jimtela mill-awtorità jew mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, flimkien ma' talba għad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2).

In-notifika għandha tispeċifika wkoll sa liema data għandhom jintraddu lura lill-Kummissjoni l-kwestjonarju mimli u d-dokumenti msemmija fl Artikolu 4(2).

Artikolu 9

It-tħejjija ta' spezzjonijiet

1.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu attivitajiet ta' tħejjija sabiex jiżguraw l-effiċjenza, il-preċiżjoni u l-konsistenza fl-ispezzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-punt ta’ kuntatt bl-ismijiet ta' l-ispetturi tal-Kummissjoni li jkunu kummissjonati biex iwettqu l-ispezzjoni, u dettalji oħra kif xieraq. Dawn l-ismijiet għandhom jinkludu isem il-mexxej tal-grupp ta’ spezzjoni, li għandu jkun spettur impjegat mill-Kummissjoni.

3.   Għal kull spezzjoni, il-punt ta’ kuntatt għandu jiżgura li jinħatar koordinatur biex jieħu ħsieb l-arranġamenti prattiċi marbutin ma' l-attività ta' spezzjoni li tkun ser issir. Matul l-ispezzjoni, il-mexxej tal-grupp għandu jkun il-kuntatt ewlieni għall-koordinatur.

Artikolu 10

It-tmexxija ta' spezzjonijiet

1.   Għandha tintuża metodoloġija standard għall-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni mill-Isati Membri tar-rekwiżiti ta’ sigurtà marittima stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 725/2004.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu akkumpanjati l-ħin kollu matul l-ispezzjoni.

3.   Fejn bastiment f'faċilità ta’ port ikun se jiġi spezzjonat u l-Istat tal-bandiera tal-bastiment mhuwiex l-Istat Membru tal-faċilità tal-port, l-Istat Membru tal faċilità tal-port għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu akkumpanjati minn uffiċjal ta’ awtorità msemmija fl-Artikolu 8(2) tar Regolament (KE) Nru 725/2004 matul l-ispezzjoni tal-bastiment.

4.   L-ispetturi tal-Kummissjoni għandu jkollhom fuqhom karta ta’ l-identità li tawtorizzahom biex iwettqu spezzjonijiet f'isem il-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ l-ispezzjoni.

5.   Eżami għandu jsir biss wara notifika lill-punt ta’ kuntatt u wara li jintlaħaq qbil mal-punt ta’ kuntatt dwar l-ambitu u l-għan ta' l-eżami. Il-punt ta’ kuntatt għandu jieħu ħsieb il-kompiti kollha ta’ koordinazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

6.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 11, l-ispetturi tal-Kummissjoni, kull fejn ikun xieraq u prattikabbli, għandhom jagħtu sinteżi informali orali tas-sejbiet tagħhom fuq il-post.

Il-punt ta’ kuntatt rilevanti għandu jiġi infurmat mill-ewwel dwar kull nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad Deċiżjoni 2005/65/KE identifikat minn spezzjoni mill-Kummissjoni, qabel il-kompletar ta' rapport ta' spezzjoni skond l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Madankollu, f'każijiet fejn spettur tal-Kummissjoni li jkun qed iwettaq l ispezzjoni ta’ bastiment isib nuqqas maġġuri ta’ konformità li jeħtieġ azzjoni skond l-Artikolu 16, il-mexxej tal-grupp għandu jgħarraf b'dan minnufih lill-punt ta’ kuntatt ta’ l-Istat Membru bħala l-Istat tal-port.

Artikolu 11

Rapport ta’ l-ispezzjonijiet

1.   Fi żmien sitt ġimgħat mit-tmiem ta' spezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ spezzjoni lill-Istat Membru. Dan ir-rapport ta’ spezzjoni jista’ jinkludi, fejn xieraq, il-konklużjonijiet tal-monitoraġġ tal-port li jkun sar skond l-Artikolu 8(2)(b).

2.   Fejn ikun ġie spezzjonat bastiment waqt spezzjoni ta’ faċilità ta’ port, il-partijiet rilevanti tar-rapport ta’ spezzjoni għandhom jintbagħtu wkoll lill-Istat Membru li huwa l-Istat tal-bandiera, jekk ikun differenti mill-Istat Membru li fih saret l-ispezzjoni.

3.   L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-entitajiet spezzjonijiet bl-osservazzjonijiet rilevanti ta’ l-ispezzjoni. Madankollu, ir-rapport ta' spezzjoni nnifsu ma għandux jintbagħat lill-entitajiet spezzjonati.

4.   Ir-rapport għandu jinkludi l-osservazzjonijiet ta’ l-ispezzjoni fid-detall, u jidentifika kull nuqqas ta’ konformità, jew nuqqas maġġuri ta’ konformità, mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Direttiva 2005/65/KE.

Ir-rapport ma jistax jinkludi rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva.

5.   Fl-analiżi ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u tad-Direttiva 2005/65/KE, għandha tiġi applikata waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin għal kull osservazzjoni tar-rapport:

(a)

konformi;

(b)

konformi, iżda jeħtieġ titjib;

(ċ)

nuqqas ta’ konformità;

(d)

nuqqas maġġuri ta’ konformità;

(e)

mhux applikabbli;

(f)

mhux ikkonfermat.

Artikolu 12

Tweġiba mill-Istat Membru

1.   Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport ta' spezzjoni, l-Istat Membru għandu jressaq lill-Kummissjoni tweġiba għar-rapport, li fiha:

(a)

jikkummenta dwar l-osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet; kif ukoll

(b)

jipprovdi pjan ta’ azzjoni, li jispeċifika azzjonijiet u skadenzi, sabiex jiġi rimedjat kull nuqqas identifikat.

2.   Fejn ir-rapport ta’ spezzjoni ma jidentifika l-ebda nuqqas ta’ konformità jew nuqqas maġġuri ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Direttiva 2005/65/KE, l-ebda tweġiba ma tkun meħtieġa.

Artikolu 13

Azzjoni mill-Kummissjoni

1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew nuqqas maġġuri ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Direttiva 2005/65/KE, u wara li tkun irċeviet it-tweġiba mingħand l-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ tieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

tressaq kummenti lill-Istat Membru jew titolbu aktar spjegazzjoni biex jiċċara t-tweġiba kollha jew parti minnha;

(b)

twettaq spezzjoni jew monitoraġġ ta’ segwiment biex tivverifika l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi; f'dal-każ, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż talanqas ġimagħtejn qabel ma jsir dan is-segwiment;

(ċ)

tibda proċediment ta’ ksur fir-rigward ta' l-Istat Membru kkonċernat.

2.   Fejn tkun se ssir spezzjoni ta’ segwiment ta’ bastiment, l-Istat Membru li huwa l-Istat tal-bandiera għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, fejn possibbli, bil-portijiet li l-bastiment ikun se jżur, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi fejn u meta twettaq l-ispezzjoni ta’ segwiment.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni sensittiva

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 u għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/65/KE, il-Kummissjoni għandha tittratta materjal sensittiv marbut ma' l-ispezzjonijiet bħala informazzjoni klassifikata.

Artikolu 15

Programm ta' spezzjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu parir mill-Kumitat dwar il-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ spezzjoni tagħha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ spezzjoni tagħha, kif ukoll dwar ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet.

Artikolu 16

Notifikar lill-Istati Membri ta’ nuqqas maġġuri ta’ konformità

Jekk spezzjoni tikxef nuqqas maġġuri ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 725/2004 jew mad-Direttiva 2005/65/KE li jitqies li għandu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà marittima fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b'dan lill-Istati Membri l-oħra immedjatament wara li tkun bagħtet ir-rapport ta' spezzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

Ladarba nuqqas maġġuri ta’ konformità nnotifikat lill-Istati Membri l-oħra skond dan l-Artikolu jkun issewwa b'mod sodisfaċenti għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha minnufih tgħarraf b'dan lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 17

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi regolarment is-sistema tagħha ta’ spezzjonijiet, u b'mod partikolari l-effettività ta' dik is-sistema.

Artikolu 18

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 884/2005 huwa b'dan revokat.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6.

(2)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 28.

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2038/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 148, 11.6.2005, p. 25.


Top