This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008H0390
Council Recommendation of 14 May 2008 on the broad economic policy guidelines for the Member States and the Community (2008-2010)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008 Dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-istati membri u l-komunità (2008-2010)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008 Dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-istati membri u l-komunità (2008-2010)
ĠU L 137, 27.5.2008, p. 13–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
27.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 137/13 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
ta’ l-14 ta’ Mejju 2008
Dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-istati membri u l-komunità (2008-2010)
(2008/390/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 99(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra d-diskussjoni mill-Kunsill Ewropew fit-13 u l-14 ta’ Marzu 2008,
Billi ġiet adottata Riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew dwar ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
JIRRAKKOMANDA:
TAQSIMA A
POLITIKA MAKROEKONOMIKA GĦAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI
A.1 Politika makroekonomika li toħloq il-kondizzjonijiet għal aktar tkabbir u għal aktar impjiegi
Biex tiġi assigurata stabbiltà ekonomika biex jiżdied il-potenzjal għall-impjiegi u għat-tkabbir
Politika makroekonomika soda u riformi strutturali dwar is-swieq tal-prodotti, tax-xogħol u tal-kapital huma essenzjali biex jappoġġjaw espansjoni ekonomika bbilanċjata kif ukoll ir-realizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal tat-tkabbir. Il-politika monetarja tista’ tagħti kontribut billi ssegwi l-istabbiltà fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, billi tappoġġja politika ekonomika ġenerali oħra fir-rigward tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi. Għall-Istati Membri l-ġodda, ser ikun importanti li l-linji ta’ politika monetarji u tar-rati tal-kambju jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-konverġenza. Ir-reġimi tar-rati tal-kambju jikkostitwixxu parti importanti tal-qafas ġenerali tal-linji ta’ politika ekonomiċi u monetarji u għandhom ikunu orjentati lejn il-kisba ta’ konverġenza nominali reali u sostenibbli. Il-parteċipazzjoni fl-ERM II, fi stadju adattat wara l-adeżjoni, għandu jkunu ta’ għajnuna għal dawk l-isforzi.
L-assigurazzjoni ta’ pożizzjoni baġitarja soda ser tippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa u simetrika ta’ l-istabilizzaturi baġitarji awtomatiċi matul iċ-ċiklu biex jistabbilizzaw il-produzzjoni madwar il-potenzjal. Għal dawk l-Istati Membri li diġà kisbu pożizzjonijiet baġitarji sodi, l-isfida hija li jżommu dik il-pożizzjoni. Għall-Istati Membri l-oħra, huwa vitali li jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa kollha biex jilħqu l-għanijiet baġitarji fuq perijodu medju tagħhom, b’mod partikolari jekk jitjiebu l-kondizzjonijiet ekonomiċi, biex b’hekk jevitaw politika pro-ċiklika u jqiegħdu lilhom infushom f’pożizzjoni fejn jiġi assigurat spazju biżżejjed għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ l-istabilizzaturi awtomatiċi matul iċ-ċiklu qabel it-tnaqqis ekonomiku li jmiss. B’mod partikolari, skond ir-rapport dwar ir-riforma tal-PST (Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) approvat mill-Kunsill ta’ l-Ewropa fit-22 ta’ Marzu 2005, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-Euro u dawk ta’ l-ERM II li għadhom ma laħqux l-għanijiet baġitarji fuq perijodu medju (MTOs) għandhom jiksbu aġġustament annwali f’termini ta’ aġġustament ċikliku, wara miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, ta’ 0,5 % tal-PGD bħala punt ta’ referenza.
Għall-Istati Membri individwali l-MTOs ikunu differenzjati skond id-diversità tal-pożizzjonijiet u ta’ l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji. F’konformità mar-riforma tal-PST 2005, l-MTOs ser jiġu riveduti biex jieħdu kont aħjar tal-piż fiskali kkawżat mit-tixjiħ. Barra minn hekk, ukoll skond ir-riforma ta’ l-2005, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ tar-regoli u l-istituzzjonijiet fiskali nazzjonali, inklużi l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ jistgħu jikkomplementaw b’mod utli l-Patt u jappoġġjaw l-għanijiet tiegħu.
Sfida addizzjonali tal-politika makroekonomika għal uħud mill-Istati Membri hija li joperaw f’ambjent fejn isiru sforzi kbar biex ilaħħqu, li jkun akkumpanjat, fi gradi differenti, minn defiċits esterni, espansjoni mgħaġġla tal-kreditu u titjib finanzjarju. Ir-restrizzjoni fiskali, is-superviżjoni finanzjarja effettiva u l-promozzjoni tal-kompetittività huma essenzjali sabiex jitrażżnu l-iżbilanċi esterni u interni. Attitudni fiskali prudenti hija mezz importanti sabiex id-defiċits esterni jinżammu fil-medda fejn jista’ jiġi assigurat finanzjament estern sod. Minbarra l-kontribuzzjoni għal pożizzjonijiet baġitarji sodi, ir-restrizzjoni fiskali jista’ jillimita wkoll ir-riskju ta’ żieda f’daqqa fid-domanda domestika li tikkawża inflazzjoni persistentement ogħla u l-okkorrenza ta’ riskji makrofinanzjarji li jistgħu jikkawżaw varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju reali u telf fit-tul tal-kompetittività. Riformi strutturali u koordinazzjoni adatta tal-linji ta’ politika għandhom rwol essenzjali biex jgħinu lill-ekonomiji biex jirreżistu żviluppi negattivi possibbli fl-ekonomija globali.
Linja gwida 1. Biex tiġi assigurata l-istabbiltà ekonomika għal tkabbir sostenibbli
(1) |
Skond il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet baġitarji fuq perijodu medju tagħhom. Sakemm dan l-għan ma jkunx għadu ntlaħaq, għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa sabiex jilħquh. L-Istati Membri għandhom jevitaw politika fiskali pro-ċiklika. Barra dan, jeħtieġ li dawk l-Istati Membri li jkollhom defiċit eċċessiv jieħdu azzjoni effettiva sabiex jassiguraw korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi. |
(2) |
L-Istati Membri li jkollhom żbilanċi finanzjarji attwali li jkollhom riskju li ma jibqgħux sostenibbli aktar, għandhom jaħdmu biex jikkoreġuhom billi jimplimentaw riformi strutturali, jkabbru l-kompetittività barranija u, fejn xieraq, jikkontribwixxu għall-korrezzjoni tagħhom permezz tal-politika fiskali. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Sabiex tikkontribwixxi għad-dinamiżmu u l-funzjonament tajjeb ta’ l-EMU” (Nru 6). |
Biex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal żieda fl-impjiegi
Mingħajr tibdil fil-politika u tibdil fl-imġieba aktar wiesgħin, il-popolazzjoni li qed tixjiħ ta’ l-Ewropa tippreżenta riskji għas-sostenibbiltà fuq perijodu twil ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea minn produzzjoni potenzjali per capita aktar baxxa minħabba tnaqqis fis-sehem tal-popolazzjoni ta’ dawk li għandhom l-età biex jaħdmu, u żieda fl-infiq fuq il-pensjonijiet, l-assigurazzjoni soċjali, is-sistemi tas-saħħa u tal-kura fuq perijodu twil. Jekk ma jiġux indirizzati f’waqthom, dawn l-iżviluppi potenzjali jistgħu jwasslu għal żieda sostanzjali fil-piż tad-dejn. Kif ġie ddokumentat fir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-Kummissjoni, diversi Stati Membri huma esposti għal riskju għoli ta’ sostenibbiltà, u numru minnhom għal riskju medju.
L-Istati Membri għandhom jindirizzaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tat-tixjiħ, skond l-istrateġija fuq tliet linji stabbilita sew sabiex jiġu indirizzati implikazzjonijiet baġitarji tat-tixjiħ. Dan jinkludi l-kombinazzjoni xierqa ta’ linji ta’ politika biex jinkiseb pass sodisfaċenti fit-tnaqqis tad-dejn, inkluż billi jinkisbu l-MTOs, u biex jiġu pprovduti inċentivi biex jiżdiedu r-rati ta’ l-impjieg u l-provvista tax-xogħol, biex b’hekk jittaffa l-impatt futur tan-nuqqas fis-sehem tal-persuni ta’ età biex jaħdmu, kif ukoll ir-riformi għas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa. Huwa wkoll essenzjali li s-sistemi ta’ ħarsien soċjali jiġu modernizzati sabiex jiġi assigurat li jkunu finanzjarjament vijabbli, jipprovdu inċentivi għall-popolazzjoni ta’ dawk li għandhom l-età biex jaħdmu biex jipparteċipaw attivament fis-suq tax-xogħol, waqt li fl-istess ħin jiġu appoġġjati l-miri tagħhom f’termini ta’ aċċess u ta’ adegwatezza. Interazzjoni mtejba bejn is-sistemi ta’ ħarsien soċjali u s-swieq tax-xogħol tista’ tneħħi d-distorsjonijiet u tinkoraġġixxi l-estensjoni tal-ħajjiet tax-xogħol fi sfond ta’ stennija ta’ ħajja itwal. Politika dwar il-promozzjoni tas-saħħa, inkluża l-kura tas-saħħa preventiva, tista’ tgħin biex jiżdied is-sehem tal-ħajja li wieħed jgħaddi b’saħħtu u b’hekk tappoġġa s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa.
Linja gwida 2. Biex tkun salvagwardjata s-sostenibbiltà ekonomika u fiskali bħala bażi għal żieda fl-impjiegi
Meta jitqiesu l-ispejjeż projettati tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, l-Istati Membri,
(1) |
għandu jkollhom pass sodisfaċenti ta’ tnaqqis tad-dejn tal-gvern biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi; |
(2) |
għandhom jirriformaw u jsaħħu mill-ġdid is-sistemi tal-pensjonijiet, ta’ l-assigurazzjoni soċjali u tal-kura tas-saħħa biex jassiguraw li dawn ikunu finanzjarjament vijabbli, adegwati u aċċessibbli soċjalment; |
(3) |
għandhom jieħdu miżuri biex iżidu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, b’mod speċjali fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien, u għandhom jippromowvu approċċ tul ċiklu ta’ ħajja għax-xogħol sabiex jiżdiedu s-sigħat maħduma fl-ekonomija. |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Tippromwovi approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja għax-xogħol” (Nru 18, u 4, 19, 21).
Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi
Sistemi fiskali u ta’ nfiq imfassla sew li jippromwovu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi huma ħtieġa għas-settur pubbliku biex dan jagħti kontribut sħiħ lejn it-tkabbir u l-impjiegi. Dan jista’ jintlaħaq billi n-nefqa tingħata direzzjoni ġdida lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir bħalma huma r-Riċerka u l-Iżvilupp (R & Ż), l-infrastruttura fiżika, it-teknoloġiji li jiffavorixxu l-ambjent, il-kapital uman u l-konoxxenza, mingħajr ma jqiegħed f’riskju l-għanijiet ta’ l-istabbiltà u s-sostenibbiltà ekonomika. Ir-riżorsi pubbliċi għandhom jiġu wżati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv. L-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jiġu kkontrollati l-kategoriji ta’ l-infiq permezz ta’ istituzzjonijiet baġitarji adegwati u oqsfa fiskali bħall-użu tar-regoli ta’ l-infiq u l-ibbaġittjar ibbażat fuq il-prestazzjoni, li jressaq l-attenzjoni ’l bogħod mill-infiq u lejn kisbiet reali u billi jistabbilixxu l-mekkaniżmi tal-valutazzjoni biex jiġi assigurat li l-miżuri tar-riforma individwali u l-pakketti tar-riforma ġenerali jkunu mfassla sew. Il-prijoritajiet ewlenin għall-ekonomija ta’ l-UE għandhom jassiguraw li l-istrutturi tat-taxxa u l-interazzjoni tagħhom ma’ sistemi ta’ benefiċċju jżidu l-inċentivi għax-xogħol u għall-investiment, jippromwovu aktar tkabbir permezz ta’ aktar impjiegi u investiment u jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa sabiex titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi.
Linja gwida 3. Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi
Mingħajr preġudizzju għal-linji gwida għall-istabbiltà u għas-sostenibbiltà ekonomika, l-Istati Membri għandhom jagħtu direzzjoni ġdida lill-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika lejn kategoriji li jtejbu t-tkabbir skond l-Istrateġija ta’ Liżbona, jadattaw l-istrutturi fiskali biex isaħħu l-potenzjal għat-tkabbir, jassiguraw irwieħhom li ġew stabbiliti mekkaniżmi ħalli tkun ivvalutata r-relazzjoni bejn in-nefqa pubblika u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ politika, u jassiguraw irwieħhom mill-koerenza ġenerali tal-pakketti ta’ riforma.
Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-ħarsien ta’ l-ambjent u t-tkabbir” (Nru 11).
Biex jiġi assigurat li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għall-istabbiltà u għat-tkabbir u jikkomplementaw ir-riformi strutturali
L-iżviluppi fil-pagi jistgħu jikkontribwixxu għal kondizzjonijiet makroekonomiċi stabbli u għal taħlita ta’ linji ta’ politika li jiffavorixxu l-impjiegi. Dan jeħtieġ li ż-żidiet reali fil-pagi jkunu skond ir-rata sottostanti tat-tkabbir fil-produttività fuq perijodu medju u konsistenti ma’ rata ta’ qligħ li tagħti spazju lil investiment li jtejjeb il-produttività, il-kapaċitajiet u l-impjiegi. Dan jeħtieġ li fatturi temporanji, bħall-varjazzjoni fil-produttività, ikkawżati minn fatturi ċikliċi jew żidiet ta’ darba fir-rata ewlenija ta’ l-inflazzjoni ma jikkawżawx xejra mhux sostenibbli fit-tkabbir tal-pagi u li l-iżviluppi fil-pagi jirriflettu l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali. F’pajjiżi f’ishma tas-suq f’deklin, il-moderazzjoni fil-pagi flimkien ma’ riformi li jagħtu spinta lill-produttività huma meħtieġa biex jiġi assigurat li l-ispejjeż ta’ l-unità tax-xogħol jiġu aġġustati sabiex jerġa’ jkun hemm il-kompetittività. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jitqiesu fid-djalogu u fl-iskambju ta’ l-informazzjoni kontinwi bejn l-awtoritajiet monetarji u fiskali u l-imsieħba soċjali permezz tad-Djalogu Makroenomiku.
Linja gwida 4. Biex jassiguraw li l-iżviluppi fil-pagi jikkontribwixxu għall-istabilità u t-tkabbir makroekonomiku u tiżdied l-adattabbiltà, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istrutturi ta’ kondizzjonijiet tajbin għal sistemi ta’ negozjar ta’ pagi, filwaqt li jiġi rispettat b’mod sħiħ ir-rwol ta’ l-imsieħba soċjali, bil-għan li jippromwovu żviluppi ta’ pagi nominali u spiża ta’ xogħol li jkunu konsistenti ma’ l-istabbiltà fil-prezz u x-xejra fil-produttività fuq il-perijodu medju, b’kont meħud tad-differenzi fuq is-snajja’ u l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali.
Ara wkoll il-linja ta’ gwida integrata “Biex jiġu assigurati żviluppi fl-ispejjeż tax-xogħol u mekkaniżmi ta’ l-iffissar tal-pagi li jkunu favorevoli għall-impjiegi” (Nru 22).
Biex ikunu promossi linji ta’ politika makroenomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi koerenti
Ir-rwol ta’ politika makroekonomika soda huwa li jipprovdi kondizzjonijiet li jwasslu għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għat-tkabbir. Ir-riformi strutturali, konsistenti ma’ pożizzjonijiet fiskali sodi tul perijodu qasir u medju ta’ żmien, huma essenzjali sabiex jiżdiedu l-produttività u l-impjiegi fuq il-perijodu medju, biex b’hekk iwasslu għar-realizzazzjoni sħiħa u għat-tisħiħ tal-potenzjal għat-tkabbir. Huma jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà fiskali, għall-istabbiltà makroenomika u għal reżistenza għax-xokkijiet. Fl-istess waqt, politika makroekonomika adattata hija importanti ħafna sabiex jitgawdew il-benefiċċji sħaħ ta’ tkabbir u ta’ impjiegi tar-riformi strutturali. Karatteristika ewlenija ta’ l-istrateġija ekonomika ġenerali ta’ l-Istati Membri hija li jiġi assigurat li dawn ikollhom sett konsistenti ta’ linji ta’ politika strutturali li jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku u viċi versa. B’mod partikolari, ir-riformi tas-suq u l-investiment fil-kapital uman jeħtieġ li jtejbu l-adattabilità u l-kapaċità għal aġġustament ġenerali ta’ l-ekonomiji b’reazzjoni għall-bidliet kemm fil-kondizzjonijiet ekonomiċi ċikliċi kif ukoll f’xejriet fuq perijodu itwal bħalma huma l-globalizzazzjoni u t-teknoloġija. F’dan ir-rigward, ir-riforma tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji huma importanti sabiex ix-xogħol ikun irendi u jkun minimizzat kwalunkwe diżinċentiv għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.
Linja gwida 5. Biex tkun promossa koerenza akbar bejn linji ta’ politika makro-ekonomiċi, strutturali u dwar l-impjiegi
L-Istati Membri għandhom isegwu r-riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti li fl-istess ħin iżidu l-potenzjal għat-tkabbir u jappoġġjaw il-qafas makroekonomiku billi jżidu l-flessibilità, il-mobbiltà tal-fatturi u l-kapaċità għal aġġustament fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti b’reazzjoni għall-globalizzazzjoni, għall-avvanzi teknoloġiċi, għaċ-ċaqliq fid-domanda u għall-bidliet ċikliċi. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom: iġeddu l-impetu tar-riformi tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex itejbu l-inċentivi u sabiex ix-xogħol ikun irendi; iżidu l-adattabbiltà tas-swieq tax-xogħol billi jikkombinaw il-flessibbiltà u s-sigurtà u jtejbu l-impjegabbiltà billi jsir investiment fil-kapital uman.
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Biex ikunu promossi l-flessibilità flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg u titnaqqas is-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol, waqt li jitqies kif inhu xieraq ir-rwol ta’ l-imsieħba soċjali” (Nru 21, Nru 19).
A.2 Biex tiġi assigurata żona ta’ l-ewro dinamika u li taħdem sew
Sa mill-ħolqien taż-żona ta’ l-ewro, kważi għaxar snin ilu ssieħbu fiż-żona ta’ l-ewro erba’ pajjiżi oħra. L-ewro għenet biex tiġi ssodata l-istabbiltà ekonomika fil-pajjiżi taż-żona ta’ l-ewro, biex konsegwentement il-pajjiżi taż-żona ta’ l-ewro jiġu pprovduti b’kondizzjonijiet finanzjarji favorevoli u jitnaqqsu l-effetti ta’ ċaqliq estern fir-rati tal-kambju. Tkabbir ekonomiku mrażżan f’xi partijiet taż-żona ta’ l-ewro u diverġenzi persistenti fit-tkabbir u fl-inflazzjoni bejn il-pajjiżi taż-żona ta’ l-ewro jqajmu mistoqsijiet dwar jekk l-aġġustament intern fiż-żona ta’ l-ewro huwiex qed jaħdem mingħajr xkiel, li jissuġġerixxu li l-politika ekonomika u l-istrutturi ta’ governanza jistgħu għadhom ma ġewx aġġustati bis-sħiħ biex jittieħed benefiċċju sħiħ mill-unjoni monetarja. Billi l-pajjiżi taż-żona ta’ l-ewro ma jistgħux jagħmlu iktar użu indipendenti minn linji ta’ politika monetarja jew dwar ir-rati tal-kambju, huma vitali li jsiru aktar riformi strutturali biex jitrawwem aġġustament bla xkiel għax-xokkijiet ekonomiċi u biex terġa’ tiġi akkwistata l-kompetittività, biex b’hekk it-tkabbir ekonomiku jerġa’ jitpoġġa fuq bażi sostenibbli.
It-taħlita ta’ politika fiż-żona ta’ l-ewro jeħtieġ li tappoġġja t-tkabbir ekonomiku filwaqt li tissalvagwardja s-sostenibbilita u l-istabbiltà fuq perijodu twil. Bħalissa, huwa importanti li t-taħlita ta’ politika ssaħħaħ il-kunfidenza fost il-konsumaturi u l-investituri, li jimplika wkoll impenn lejn stabbiltà fuq perijodu medju. Il-politika baġitarja trid tassigura pożizzjoni fiskali li tista’ tappoġġja l-istabbiltà fil-prezzijiet, u li tkun konsistenti mal-ħtieġa li jsiru tħejjijiet għall-impatt ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu, min-naħa waħda, u li titwettaq kompożizzjoni tan-nefqa pubblika u tad-dħul pubbliku li trawwem it-tkabbir ekonomiku, min-naħa l-oħra. F’April 2007, il-Grupp ta’ l-Ewro qabel li “billi jittieħed vantaġġ mill-kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli, il-biċċa l-kbira mill-membri taż-żona ewro jistgħu jiksbu l-MTOs tagħhom fl-2008 jew l-2009 u kollha kemm huma għandhom jimmiraw għal mhux aktar tard mill-2010.” Minħabba s-sehem kbir tas-settur pubbliku fl-attività ekonomika fiż-żona ta’ l-ewro, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi għandha influwenza kunsiderevoli fuq il-prestazzjoni ekonomika. Huwa wkoll kruċjali li r-riżorsi jintefqu b’mod effiċjenti u effettiv, bil-ħsieb li jitjieb il-potenzjal għat-tkabbir, u jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet li joħorġu mill-finanzjament ta’ l-attività pubblika. Riformi strutturali komprensivi ser jippermettu li, maż-żmien, iż-żona ta’ l-ewro żżid il-potenzjal għat-tkabbir tagħha u jassiguraw li tkabbir iktar b’saħħtu ma jibnix il-potenzjal għal livell ogħla ta’ inflazzjoni. Ir-riformi li jaħsbu għal swieq tax-xogħol aktar adattabbli, inklussivi u integrati, għal iktar kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u għal integrazzjoni tas-swieq finanzjarji aktar approfondita akkumpanjati minn politika makroenomika orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà huma partikolarment importanti għall-Istati Membri taż-żona ta’ l-ewro minħabba li għandhom impatt importanti fuq il-kapaċità tagħhom li jaġġustaw b’mod adegwat għax-xokkijiet.
Biex jingħata kontribut għall-istabbiltà ekonomika internazzjonali u biex l-interessi ekonomiċi tagħha jkunu rappreżentati aħjar, huwa kritiku li ż-żona ta’ l-ewro taqdi r-rwol sħiħ tagħha fil-kooperazzjoni bejn il-linji ta’ politika monetarji u ekonomiċi internazzjonali. Waqt li l-ħatra ta’ President għall-Grupp ta’ l-Ewro għal mandat ta’ sentejn mill-2005 ġabet aktar stabbiltà lir-rappreżentanza esterna taż-żona ta’ l-ewro, ir-rappreżentanza esterna taż-żona ta’ l-ewro għandha titjieb aktar f’konformità mal-ftehim eżistenti, biex iż-żona ta’ l-ewro jkun jista’ jkollha rwol strateġiku ewlieni fl-iżvilupp tas-sistema ekonomika globali li jkun proporzjonat għall-piż ekonomiku tagħha.
L-effetti ta’ tixrid huma l-aktar qawwija u l-ħtieġa għal aġenda komuni hija l-aktar b’saħħitha fiż-żona ta’ l-ewro. Il-kondiviżjoni ta’ munita komuni u ta’ politika monetarja komuni toffri dimensjoni ulterjuri għal koordinazzjoni li tista’ ssaħħaħ ir-rwol taż-żona ta’ l-ewro biex dan jirriżulta fi tkabbir u f’impjiegi għall-UE kollha.
Linja gwida 6. Biex jingħata kontribut għal EMU dinamika u li taħdem sew, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-ewro jeħtieġ li jassiguraw koordinazzjoni aħjar tal-linji ta’ politika ekonomiċi u baġitarji tagħhom, b’mod partikolari:
(1) |
joqogħdu partikolarment attenti għas-sostenibbiltà fiskali tal-finanzi pubbliċi tagħhom b’konformità sħiħa mal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir; |
(2) |
jikkontribwixxu għal taħlita ta’ linji ta’ politika li tappoġġja l-irkupru ekonomiku u li tkun kompatibbli ma’ l-istabbilità tal-prezzijiet, u b’hekk ittejjeb il-kunfidenza fost in-negozji u l-konsumaturi fuq perijodu qasir, filwaqt li tkun kompatibbli ma’ tkabbir sostenibbli tul perijodu twil ta’ żmien; |
(3) |
jagħtu spinta lir-riformi strutturali li ser iżidu t-tkabbir potenzjali fuq perijodu twil taż-żona ta’ l-ewro u li ser itejbu l-produttività, il-kompetittività, u l-aġġustament ekonomiku tagħha għal xokkijiet asimetriċi, b’attenzjoni partikolari għall-politika dwar l-impjiegi; u |
(4) |
jassiguraw li l-influwenza taż-żona ta’ l-ewro fuq is-sistema ekonomika globali tkun proporzjonata għall-piż ekonomiku tagħha. |
TAQSIMA B
RIFORMI MIKRO EKONOMIĊI BIEX JIŻDIED IL-POTENZJAL TAT-TKABBIR TA’ L-EWROPA
Ir-riformi strutturali huma essenzjali biex jiżdied il-potenzjal għat-tkabbir ta’ l-UE u tkun appoġġata l-istabbiltà makroenomika, għaliex dawn iżidu l-effiċjenza u l-adattabilità ta’ l-ekonomija Ewropea. Il-qligħ mill-produttività huwa mgħejun bil-kompetizzjoni, il-kapital uman, l-investiment u l-innovazzjoni. Iż-żieda tal-potenzjal għat-tkabbir ta’ l-Ewropa jitlob li jsir progress kemm fil-ħolqien ta’ l-impjiegi kif ukoll fit-tkabbir fil-produttività. Wara li kien ilu iktar minn għaxar snin f’livell iżjed baxx mit-tkabbir fil-produttività ta’ l-Istati Uniti, minn nofs l-2005 t-tkabbir fil-produttività fl-UE aċċellera, għalkemm it-tkabbir fil-produttività f’bosta setturi tas-servizzi waqaf. Li jiġi sostnut dan it-titjib hija sfida ewlenija li qed tiffaċċja l-Unjoni, b’mod speċjali fid-dawl tal-popolazzjoni tagħha li qed tixjieħ. It-tixjiħ tal-popolazzjoni waħdu huwa stmat li jnaqqas kważi bin-nofs ir-rata preżenti tat-tkabbir potenzjali. Għalhekk, kontinwazzjoni taż-żieda fil-produttività, forza tax-xogħol iżjed edukata, imħarrġa u motivata u żieda fl-għadd ta’ sigħat ta’ xogħol huma indispensabbli biex jinżammu u jiżdiedu l-istandards futuri ta’ l-għajxien u biex jiġi assigurat livell għoli ta’ ħarsien soċjali. Apparti dan, kooperazzjoni akbar bejn il-livelli differenti tal-gvern ser tippermetti tfassil ta’ politika iżjed koerenti, koordinat u effettiv.
B.1 Konoxxenza u innovazzjoni – magni ta’ tkabbir sostenibbli
Il-konoxxenza akkumulata permezz ta’ l-investiment fir-R & Ż, fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fit-tagħlim tul il-ħajja, hija stimulazzjoni ewlenija għat-tkabbir fuq perijodu twil. Linji politiċi li għandhom l-għan li jżidu l-investiment fil-konoxxenza u li jsaħħu l-kapaċità għall-innovazzjoni ta’ l-ekonomija ta’ l-UE jinsabu fiċ-ċentru ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg. Din hija r-raġuni għaliex programmi nazzjonali u reġjonali għall-perijodu 2007-2013 kienu dejjem aktar mmirati lejn investimenti f’dawn l-oqsma, skond l-objettivi ta’ Liżbona.
Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fir-R & Ż, bil-għan li tiġi stabbilita ż-Żona Ewropea tal-Konoxxenza
Livell għoli ta’ R & Ż huwa input kruċjali għall-proċess innovattiv u għalhekk jagħmel kontribut importanti għal kompetittività futura tagħna. L-R & Ż jaffettwa t-tkabbir ekonomiku permezz ta’ diversi oqsma: l-ewwelnett, huwa jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ swieq jew ta’ proċessi ta’ produzzjoni ġodda; it-tieninett, huwa jista’ jwassal għal titjib inkrementali fi prodotti u fi proċessi ta’ produzzjoni diġà eżistenti; u t-tieletnett, huwa jżid il-kapaċità ta’ pajjiż biex jassorbi teknoloġiji ġodda; u r-raba’, huwa jippromwovi l-potenzjal innovattiv. Fil-kisba ta’ tkabbir sostenibbli, teknoloġiji ambjentali u eko-innovazzjoni għandhom rwol importanti.
Bħalissa l-UE qed tonfoq madwar 1,85 % tal-PGD fuq R & Ż (għalkemm l-infiq ivarja minn taħt iż-0,5 % tal-PGD għal kważi l-4 % tal-PGD minn Stat Membru għall-ieħor). Il-livell ta’ nfiq fuq R & Ż meta mqabbel mal-PGD naqas ftit mis-sena 2000 lil hawn. Barra minn hekk, fl-UE madwar 55 % biss tan-nefqa fuq ir-riċerka qed tkun iffinanzjata mis-settur tan-negozju. Il-livelli baxxi ta’ investimenti privati fir-R & Ż huma identifikati bħala waħda mill-ispjegazzjonijiet ewlenin għad-differenza fl-innovazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Huwa meħtieġ progress iktar mgħaġġel biex tiġi stabbilita ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, inkluż li tintlaħaq il-mira kollettiva ta’ l-UE li l-investiment fir-riċerka jiżdied għal 3 % tal-PGD sa l-2010. L-Istati Membri huma mistiedna jirrapportaw dwar il-miri ta’ nfiq tagħhom fir-R & Ż u l-miżuri biex dawn jintlaħqu fil-programmi tagħhom ta’ Riforma Nazzjonali u r-Rapporti ta’ Implimentazzjoni b’attenzjoni partikolari mogħtija għall-integrazzjoni tad-dimensjoni Ewropea fi ħdan il-politika nazzjonali tagħhom dwar l-R & Ż. L-isfida ewlenija hija li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet, strumenti u inċentivi ta’ qafas għall-kumpanniji biex dawn jinvestu aktar fir-riċerka.
In-nefqa pubblika għar-riċerka trid issir aktar effettiva u r-rabtiet bejn ir-riċerka pubblika u s-settur privat iridu jittejbu. Poli u networks ta’ eċċellenza għandhom jissaħħu u għandha tiġi żviluppata infrastruttura moderna ta’ riċerka b’mod koordinat, għandu jsir użu ġenerali aħjar mill-mekkaniżmi ta’ sostenn pubbliku biex tiżdied l-innovazzjoni fis-settur privat, u għandu jiġi assigurat effett ta’ lieva aħjar fir-rigward ta’ l-investimenti pubbliċi u amministrazzjoni modernizzata ta’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet. Huwa wkoll essenzjali li jiġi assigurat li kumpanniji joperaw f’ambjent kompetittiv ladarba l-kompetizzjoni tipprovdi inċentiv importanti għan-nefqa privata fuq l-innovazzjoni. Barra minn hekk, irid isir sforz determinat biex jiżdiedu n-numru u l-kwalità tar-riċerkaturi attivi fl-Ewropa, partikolarment billi jiġu attratti aktar studenti fid-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta’ l-inġinerija, jittejjeb l-iżvilupp fil-karrieri u jitnaqqsu l-ostakoli għal mobilità internazzjonali, Ewropea u intersettorjali ta’ riċerkaturi, inkluż ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ riċerkaturi expatriate u barranin, u studenti eċċellenti. Id-dimensjoni Ewropea tar-R & Ż għandha tissaħħaħ f’termini ta’ finanzjament konġunt, żvilupp ta’ massa kritika ta’ riċerkaturi u numru ottimu ta’ infrastrutturi ta’ riċerka fil-livell ta’ l-UE f’oqsma ta’ prijorità li jeħtieġu fondi kbar, u billi jitnaqqsu ostakoli għall-mobbiltà ta’ riċerkaturi, persunal li jgħallem ta’ l-università u studenti. Biex tittejjeb il-kapaċità tal-ħolqien u l-adozzjoni ta’ konoxxenza ġdida, hemm bżonn iżjed sforzi fit-titjib u l-manteniment tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni, partikolarment ta’ edukazzjoni ogħla.
Linja gwida 7. Biex jiżdied u jittejjeb l-investiment fir-R & Ż, b’mod partikolari minn negozji privati, ġie kkonfermat l-objettiv ġenerali għall-2010 ta’ 3 % tal-PGD b’qasma adegwata bejn l-investiment privat u ta’ dak pubbliku, l-Istati Membri ser jiddefinixxu livelli intermedjarji speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw aktar taħlita ta’ miżuri xierqa sabiex titrawwem ir-R & Ż, partikolarment ir-R & Ż relatat man-negozju, billi:
(1) |
itejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas u jassiguraw li l-kumpanniji joperaw f’ambjent kompetittiv u attraenti biżżejjed; |
(2) |
nefqa pubblika aktar effettiva u effiċjenti fuq ir-R & Ż, u l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (PPPs); |
(3) |
jiżviluppaw u jsaħħu ċentri ta’ eċċellenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka fl-Istati Membri, kif ukoll joħolqu oħrajn ġodda, fejn ikun xieraq, u jtejbu l-kooperazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġiji bejn l-istituti pubbliċi ta’ riċerka u l-intrapriżi privati; |
(4) |
jiżviluppaw u jagħmlu użu aħjar mill-inċentivi biex jinfluwenzaw ir-R & Ż privat; |
(5) |
jimmodernizzaw il-ġestjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet; |
(6) |
jassiguraw provvista biżżejjed ta’ riċerkaturi kwalifikati billi jiġbdu aktar studenti fid-dixxiplini xjentifiċi, tekniċi u ta’ l-inġinerija u jkabbru l-iżvilupp fil-karriera u l-mobilità Ewropea, internazzjonali kif ukoll intersettorjali ta’ riċerkaturi u persunal ta’ żvilupp. |
Biex l-innovazzjoni tiġi ffaċilitata
Id-dinamiżmu ta’ l-ekonomija Ewropea huwa dipendenti fuq il-kapaċità tagħha għall-kreattività u l-innovazjoni. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet ekonomiċi ta’ qafas għall-innovazzjoni. Dan jimplika swieq finanzjarji u tal-prodotti li jaħdmu sew kif ukoll mezzi effiċjenti u għall-bwiet ta’ kulħadd biex ikunu infurzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ħafna drabi l-innovazzjonijiet ikunu introdotti fis-suq minn intrapriżi ġodda, li jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari biex jiksbu l-finanzi. Miżuri li jinkoraġġixxu l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi innovattivi, inkluż l-aċċess imtejjeb għall-finanzi, għandhom għalhekk isaħħu l-attività innovattiva. It-tixrid tat-teknoloġija, u politika biex is-sistemi nazzjonali ta’ innovazzjoni u ta’ edukazzjoni jiġu integrati aħjar, jistgħu jitrawmu bl-iżvilupp ta’ poli u ta’ networks ta’ innovazzjoni kif ukoll b’servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni mmirati għall-SMEs. It-trasferiment tal-konoxxenza permezz tal-mobilità tar-riċerkatur, l-investiment barrani dirett (FDI) jew it-teknoloġija importata huwa partikolarment ta’ ġid għal pajjiżi u reġjuni li waqgħu lura. Huwa wkoll kruċjali li tkompli tissaħħaħ l-integrazzjoni tat-trijangolu tal-konoxxenza ta’ R & Ż, edukazzjoni u innovazzjoni. B’mod partikolari, edukazzjoni ta’ kwalità għolja u sistemi ta’ taħriġ huma fost il-prerekwiżiti għal eċċellenza u innovazzjoni.
Għalhekk, l-istrateġija ta’ l-UE għall-innovazzjoni fuq bażi ġenerali tindirizza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-istandardizzazzjoni, l-użu ta’ l-akkwist pubbliku biex tkun stimulata l-innovazzjoni, l-inizjattivi konġunti tat-teknoloġija, l-ispinta lill-innovazzjoni fi swieq ewlenin, il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u n-negozji, inkluż l-innovazzjoni tat-tip open source, l-inkoraġġiment ta’ l-innovazzjoni fir-reġjuni, l-innovazzjoni fis-servizzi u l-innovazzjoni mhux teknoloġika, u t-titjib ta’ l-aċċess tan-negozji għall-kapital ta’ riskju.
Huwa meħtieġ għall-UE li jinstabu soluzzjonijiet għal sistema ta’ litigazzjoni dwar il-privattivi u privattiva Komunitarja.
Linja gwida 8. Biex jiġu ffaċilitati l-forom kollha ta’ innovazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq:
(1) |
titjib fis-servizzi ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, b’mod partikolari għat-tixrid u għat-trasferiment tat-teknoloġija; |
(2) |
il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ poli, networks u inkubaturi ta’ innovazzjoni li jlaqqgħu flimkien universitajiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka u intrapriżi, inkluż fuq il-livell reġjonali u fuq il-livell lokali, li jgħinu biex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku bejn ir-reġjuni; |
(3) |
l-inkoraġġiment għat-trasferiment transkonfinali tal-konoxxenza, inkluż minn investiment barrani dirett; |
(4) |
l-inkoraġġiment ta’ l-akkwist pubbliku ta’ prodotti u ta’ servizzi innovattivi; |
(5) |
aċċess aħjar għal finanzjament domestiku u internazzjonali; |
(6) |
mezzi effiċjenti u għall-bwiet ta’ kulħadd biex jiġu infurzati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. |
It-tixrid tat-teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (ICT), skond l-objettivi u l-azzjonijiet ta’ l-inizjattiva i2010, huwa wkoll mod importanti biex tittejjeb il-produttività u, konsegwentement, it-tkabbir ekonomiku. L-UE ma setgħetx tgawdi l-benefiċċji kollha tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ investiment li għad hemm fl-ICT, l-innovazzjoni organizzazzjonali u l-ħiliet diġitali. Użu usa’ u aktar effettiv ta’ l-ICT u l-istabbiliment ta’ Suq Uniku mingħajr qasmiet fis-servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni huma essenzjali għall-kompetittività futura tan-negozji ta’ l-Ewropa. Huwa wkoll importanti li titnaqqas u li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-“Suq Intern elettroniku” billi jkun hemm servizzi elettroniċi interoperabbli bejn l-Istati Membri fis-setturi kollha. Standards ta’ l-ICT miftuħa huma utli bħala bażi għall-interoperabbiltà u l-innovazzjoni. Għandha tiġi assigurata s-sigurtà ta’ newerks, is-sigurtà u l-privatezza ta’ informazzjoni, kif ukoll il-konverġenzi. Stati Membri għandhom jinkoraġġixxu d-diffużjoni ta’ newerks broadband, inkluż għar-reġjuni l-iżjed servuti ħażin, sabiex jiżviluppaw l-ekonomija tal-konoxxenza u jnaqqsu disparitajiet reġjonali f’termini ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali, u jrawmu tkabbir u innovazzjoni f’servizzi ġodda billi jippromwovu d-diffużjoni ta’ newerks broadband b’veloċità għolja.
Linja gwida 9. Biex jiġu ffaċilitati l-firxa u l-użu effettiv ta’ l-ICT u biex tinbena soċjetà ta’ l-informazzjoni kompletament inklussiva, l-Istati Membri għandhom:
(1) |
jinkoraġġixxu l-użu mifrux ta’ l-ICT fis-servizzi pubbliċi, fl-SMEs u fid-djar; |
(2) |
jistabbilixxu l-qafas meħtieġ għall-bidliet relatati fl-organizzazzjoni tax-xogħol fl-ekonomija; |
(3) |
jippromwovu preżenza industrijali Ewropea b’saħħitha fis-setturi ewlenin ta’ l-ICT; |
(4) |
jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ICT u ta’ industriji tal-kontenut b’saħħithom, u ta’ swieq li jaħdmu sew; |
(5) |
jassiguraw is-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni, kif ukoll il-konverġenza u l-interoperabbiltà sabiex tiġi stabbilita żona ta’ informazzjoni mingħajr fruntieri; |
(6) |
jinkoraġġixxu d-diffużjoni ta’ networks broadband inkluż għall-iżjed reġjuni servuti ħażin, sabiex jiżviluppaw l-ekonomija tal-konoxxenza. Ara wkoll il-linja gwida integrata “Biex ikunu promossi l-flessibilità flimkien mas-sigurtà ta’ l-impjieg u titnaqqas is-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol, waqt li jitqies kif inhu xieraq ir-rwol ta’ l-imsieħba soċjali” (Nru 21). |
Biex jissaħħu l-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali Ewropea
Bazi industrijali b’saħħitha għandha importanza ċentrali fl-ekonomija ta’ l-Ewropa. Il-kompetittività ta’ l-UE tiddependi mill-kapaċità ta’ l-ekonomija li torjenta mill-ġdid l-attivitajiet lejn setturi b’livell ogħla ta’ produttività. Approċċ fejn il-politika pubblika twassal għall-innovazzjoni, l-impjiegi, u politika reġjonali u politika oħra jikkontribwixxi għall-aġġornament tal-bażi industrijali ta’ l-UE. Flimkien ma’ dan, sabiex tittejjeb u tkun sostnuta t-tmexxija ekonomika u teknoloġika, l-Ewropa trid tkabbar il-kapaċità tagħha li tiżviluppa u tikkummerċjalizza teknoloġiji ġodda, inklużi l-ICT u t-teknoloġiji ambjentali. Is-sinerġiji minn sfidi ta’ riċerka, regolatorji u ta’ finanzjament li jindirizzaw b’mod konġunt fuq il-livell Ewropew, fejn minħabba raġunijiet ta’ skala jew ta’ ambitu, Stati Membri individwali ma jistgħux jegħlbu b’suċċess in-nuqqasijiet tas-swieq f’iżolament, għandhom jiġu analizzati u esplojtati. L-UE għadha ma rnexxilhiex tirrealizza b’mod sħiħ il-potenzjal teknoloġiku tagħha. Il-politika industrijali Ewropea għandha taħdem biex toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti għal negozji bbażati fuq kompetizzjoni ġusta. Il-ġbir flimkien ta’ l-eċċellenza Ewropea u l-iżvilupp tas-sħubiji pubbliċi-privati u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fejn il-benefiċċji għal soċjetà huma akbar minn dawk għas-settur privat ser jgħinu biex isir użu minn dan il-potenzjal teknoloġiku.
Linja gwida 10. Biex jissaħħu l-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali tagħha, l-Ewropa teħtieġ struttura industrijali b’saħħitha fit-territorju kollu tagħha. Is-segwitu meħtieġ ta’ politika industrijali moderna u attiva jfisser it-tisħiħ tal-vantaġġi kompetittivi tal-bażi industrijali, inkluż billi jingħata kontribut għal kondizzjonijiet ta’ qafas attraenti kemm għall-manifattura kif ukoll għas-servizzi, filwaqt li tiġi assigurata l-komplementarjetà ta’ l-azzjoni fuq livell nazzjonali, transnazzjonali u Ewropew. L-Istati Membri għandhom:
(1) |
jibdew billi jidentifikaw il-fatturi tal-valur miżjud u tal-kompetittività fis-setturi industrijali ewlenin, u jindirizzaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni. |
(2) |
jiffukaw ukoll fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u ta’ swieq ġodda.
|
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Biex jitjieb it-tqabbil tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol” (Nru 20).
Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi
Is-suċċess fit-tul għall-Unjoni jiddependi wkoll mill-indirizzar ta’ firxa ta’ riżorsi u sfidi ambjentali li, jekk jibqgħu mhux ivverifikati jew iffaċċjati b’mod li mhux kost effettiv, ser jaġixxu bħala ostakolu għat-tkabbir futur. Żviluppi reċenti enfasizzaw l-importanza ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà ta’ l-ekonomija Ewropea għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt. Huwa meħtieġ approċċ integrat rigward il-linji ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, jiġu assigurati l-kompetittività ta’ l-ekonomija ta’ l-UE u d-disponibbiltà ta’ enerġija għall-bwiet ta’ kulħadd, u tkun miġġielda l-bidla fil-klima. L-Istati Membri u l-Komunità għandhom it-tnejn jikkontribwixxu biex jilħqu miri ta’ l-UE ta’ almenu 20 % tnaqqis f’emissjonijiet tal-gassijiet serra, sehem ta’ 20 % ta’ enerġiji rinnovabli, kif ukoll titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza ta’ l-enerġija sa l-2020, kif ukoll it-tħejjija ta’ 30 % tnaqqis f’emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 bħala l-kontribut ta’ l-UE għal ftehim globali u komprensiv għall-perijodu lil hinn mill-2012, sakemm pajjiżi oħra żviluppati jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli ta’ emissjonijiet u pajjiżi iżjed eknomikament żviluppati biex jikkontribwixxu adegwatament. Għandha tiġi żviluppata politika biex tassigura li l-miri jintlaħqu bl-iżjed mod ekonomikament effiċjenti possibbli u fuq bażi ta’ l-iżjed spiża baxxa. Sfida ewlenija ser tkun li jiġi assigurat li t-transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju tiġi ttrattata b’mod li huwa konsistenti ma’ kompetittività ta’ l-UE, tappoġġa ġestjoni soda u sostenibbli ta’ finanzi pubbliċi u li tikkontribwixxi għal objettivi usa’ ta’ tkabbir konsistenti ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjieg. Huwa ta’ importanza vitali li l-Istati Membri jibqgħu jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima sabiex iż-żieda fit-temperatura globali ma teċċedix it-2 °C ’il fuq mil-livelli pre-industrijali, u jkomplu jimplimentaw il-miri ta’ Kyoto b’mod kost-effettiv. L-Istati Membri għandhom iwaqqfu t-telf tad-diversità bijoloġika bejn issa u l-2010, u jippriservaw servizzi ta’ ekosistema, b’mod partikolari billi jinkorporaw dan ir-rekwiżit f’politika oħra, minħabba l-importanza li l-bijodiversità għandha għal ċerti setturi ekonomiċi.
L-iżvilupp ta’ politika ta’ trasport effiċjenti u sostenibbli inkluż billi tiġi permessa internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni, hija ta’ importanza kruċjali. L-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq, sabiex il-prezzijiet jirriflettu aħjar id-dannu ambjentali u l-ispejjeż soċjali, għandu rwol ewlieni f’dan il-kuntest, u huwa importanti li sinjali ta’ prezzijiet xierqa jitħallew jiżviluppaw bis-sħiħ. Għandu jkun hemm ukoll tisħiħ ta’ l-iskema tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet Ewropea. Il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp u ta’ l-użu ta’ teknoloġiji li jiffavorixxu l-ambjent u l-eko-innovazzjonijiet, l-iżvilupp ekoloġiku ta’ l-akkwist pubbliku b’attenzjoni partikolari għall-SMEs, u t-tneħħija ta’ sussidji dannużi għall-ambjent flimkien ma’strumenti ta’ politika oħra fosthom it-tassazzjoni, is-sussidji ambjentali u l-ħlasijiet jistgħu jtejbu ir-rendiment innovattiv u jkabbru l-kontribut għal żvilupp sostenibbli. Pereżempju, kumpanniji ta’ l-UE huma fost dawk il-kumpanniji fid-dinja li qegħdin fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ta’ enerġija rinnovabbli. F’kuntest ta’ pressjoni kontinwa ’l fuq fuq il-prezzijiet ta’ l-enerġija u theddid għall-klima li qed dejjem jinġema’, huwa importanti li t-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija jingħata spinta bħala kontribut kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli.
Linja gwida 11. Biex ikun inkoraġġit l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ta l-ambjent u t-tkabbir, l-Istati Membri għandhom:
(1) |
jagħtu prijorità lill-effiċjenza ta’ l-enerġija u lill-ko-ġenerazzjoni, lill-iżvilupp ta’ enerġiji sostenibbli u rinnovabbli u t-tixrid b’pass mgħaġġel ta’ teknoloġiji li jiffavorixxu l-ambjent u teknoloġiji eko-effiċjenti, (a) minn naħa fis-suq intern, b’mod partikolari fit-trasport u fl-enerġija, inter alia sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà ta’ l-ekonomija Ewropea fil-konfront tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet taż-żejt, u (b) min-naħa l-oħra, lejn il-bqija tad-dinja bħala settur b’potenzjal konsiderevoli għall-esportazzjoni; |
(2) |
jippromwovu l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ambjentali esterni u l-firda tat-tkabbir ekonomiku mid-degradazzjonijiet ambjentali. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet għandha tkun f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti u skond l-azzjonijiet u l-istrumenti proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP), inter alia, permezz ta’ (a) l-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-swieq, (b) fondi ta’ riskju u fondi għar-R & Ż, (c) il-promozzjoni ta’ produzzjoni u ta’ xejriet ta’ konsum sostenibbli, inkluż l-iżvilupp ekoloġiku ta’ l-akkwist pubbliku, (d) attenzjoni partikolari għall-SMEs, u (e) riforma tas-sussidji li għandhom effetti negattivi konsiderevoli fuq l-ambjent u huma inkompatibbli ma’ l-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jiġu eliminati b’mod gradwali; |
(3) |
isegwu l-objettiv li jwaqqfu t-telf tad-diversità bijoloġika bejn issa u l-2010, b’mod partikolari billi jinkorporaw dan ir-rekwiżit f’politika oħra, minħabba l-importanza tal-bijodiversità għal ċerti setturi ekonomiċi; |
(4) |
ikomplu l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, waqt li jimplimentaw il-miri ta’ Kyoto b’mod kost-effettiv, b’mod partikolari fir-rigward ta’ SMEs. |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi” (Nru 3).
B.2 Biex l-Ewropa ssir post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol
L-attrazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea bħala lok għal investiment jiddependi, inter alia, fuq id-daqs u l-ftuħ tas-swieq tagħha, fuq l-ambjent regolatorju tagħha, fuq il-kwalità tal-forza tax-xogħol tagħha u fuq l-infrastruttura tagħha.
Biex is-suq intern ikun estiż u approfondit
Filwaqt li s-suq intern għall-oġġetti huwa relattivament integrat tajjeb, is-swieq tas-servizzi jibqgħu, legalment u de facto, pjuttost frammentati. L-implimentazzjoni kompleta u f’waqtha tad-Direttiva dwar is-Servizzi ser tkun pass sinifikanti ’l quddiem lejn Suq Intern operattiv bis-sħiħ għas-servizzi. L-eliminazzjoni ta’ l-ostakoli kollha inkluż permezz ta’ tnaqqis fil-piż amministrattiv għal attivitajiet transkonfini ser jgħin jeħles il-potenzjal mhux sfruttat tas-settur tas-servizzi fl-Ewropa. It-titjib ta’ l-ambjent fiskali huwa importanti. Il-funzjonament tas-Suq Uniku jista’ jitjieb billi jitkomplew l-isforzi biex jiġu ttrattati l-frodi fiskali, tiġi eliminata kompetizzjoni fiskali dannuża u billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar it-tassazzjoni bejn l-Istati Membri u, fejn xieraq, fil-livell Ewropew, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali. Ħidma f’dan il-qasam ser tkompli, inkluż l-indirizzar ta’ ostakoli għas-Suq Intern. Fl-aħħarnett, l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji bl-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija mniżżla fil-White Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji 2005-2010 tgħolli l-output u x-xogħol billi tippermetti allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital u billi toħloq kondizzjonijiet aħjar għall-finanzjament tal-kummerċ.
L-Istati Membri għamlu progress fit-traspożizzjoni tad-direttivi tas-suq intern. Madankollu, titjib ulterjuri għandu jibqa’ prijorità sabiex jinkisbu l-benefiċċji ta’ Suq Uniku Ewropew. Barra minn hekk, id-direttivi ħafna drabi ma jkunux implimentati jew applikati b’mod korrett, kif juri n-numru kbir ta’ proċeduri ta’ ksur li nediet il-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-aqwa prattiki ma’ xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jassiguraw li huma jagħtu l-benefiċċji sħaħ tal-leġislazzjoni tas-suq intern liċ-ċittadini tagħhom u lin-negozji tagħhom. Per eżempju, hemm skop sostanzjali għal aktar titjib fil-prattika ta’ l-akkwist pubbliku. Titjib bħal dan għandu jkun rifless f’żieda fis-sehem ta’ l-akkwist pubbliku li jkun ġie rreklamat pubblikament. Barra minn hekk, akkwist aktar miftuħ għandu jwassal għal tifdil baġitarju sinifikanti għall-Istati Membri.
Linja gwida 12. Biex is-suq intern ikun estiż u approfondit, l-Istati Membri għandhom:
(1) |
iħaffu t-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-suq intern; |
(2) |
jagħtu prijorità lil infurzar aktar strett u aħjar tal-leġislazzjoni dwar is-suq intern; |
(3) |
jeliminaw l-ostakoli rimanenti għall-attività transkonfinali; |
(4) |
japplikaw b’mod effettiv ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku ta’ l-UE; |
(5) |
jippromwovu suq intern tas-servizzi li jkun għal kollox operattiv, filwaqt li jippreservaw il-mudell soċjali Ewropew; |
(6) |
jaċċelleraw l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar konsistenti u koerenti tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji. Ara wkoll il-linji gwida integrati “Sabiex jitjieb it-tlaqqigħ tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol” (Nru 20). |
Biex jiġu assigurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra mill-Ewropa
Sistema miftuħa ta’ kummerċ globali hija ta’ interess essenzjali għall-UE. Bħala n-negozjanta u l-investitriċi ewlenija tad-dinja, il-ftuħ tagħna jippermetti kontributi b’inqas spejjeż għall-industrija, prezzijiet aktar irħas għall-konsumaturi, stimolu kompetittiv għan-negozju, u investiment ġdid. Fl-istess waqt, huwa importanti li l-UE tuża l-influwenza tagħha f’negozjati internazzjonali sabiex tippersisti għal ftuħ ta’ iżjed swieq li jwassal għal benefiċċji reċiproċi. Għalhekk, l-UE tibqa’ impenjata li tkompli tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment filwaqt li ser iżżomm sod kontra prattiċi inġusti fil-kummerċ u fl-investiment u l-kompetizzjoni mxekkla. Huwa wkoll importanti li ssir ħidma ma’ l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħna biex jinħoloq spazju komuni għal dispożizzjonijiet u standards regolatorji kompatibbli, inkluż kooperazzjoni fil-livell internazzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza u l-istabbiltà ta’ swieq finanzjarji internazzjonali.
Il-politika tal-kompetizzjoni kellha rwol ewlieni sabiex jiġu assigurati l-istess kondizzjonijiet għall-kumpanniji kollha fl-UE. Jista’ wkoll ikun ta’ benefiċċju li wieħed iħares lejn qafas regolatorju usa’ madwar is-swieq, sabiex jippromwovi l-kondizzjonijiet li jippermettu lil kumpanniji jikkompetu b’mod effettiv, speċjalment b’kont meħud ta’ aspetti esterni ta’ kompetittività matul l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika interna tagħna stess. Ftuħ ulterjuri ta’ swieq Ewropej għall-kompetizzjoni jista’ jinkiseb bi tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat rimanenti. Dan il-moviment irid ikun akkumpanjat minn użu mill-ġdid ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat rimanenti favur l-appoġġ għal ċerti objettivi orizzontali. Ir-reviżjoni tar-regoli ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat iffaċilitat dan.
Ir-riformi strutturali li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq huma partikolarment effettivi sabiex ikabbru l-kompetizzjoni. Dawn ser ikunu importanti b’mod partikolari fi swieq li qabel kienu mkennija mill-kompetizzjoni minħabba mġiba anti-kompetittiva, l-eżistenza ta’ monopolji, regolamentazzjoni żejda (pereżempju, permessi, liċenzji, rekwiżiti ta’ kapital minimu, ostakoli legali, ħinijiet ta’ ftuħ tal-ħwienet, prezzijiet irregolati, eċċ. jistgħu jfixklu l-iżvilupp ta’ ambjent kompetittiv effettiv), jew minħabba ħarsien tal-kummerċ.
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ miżuri miftiehma sabiex l-industriji f’network jinfetħu għall-kompetizzjoni (fl-oqsma ta’ l-elettriku u tal-gass, tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi postali) għandha tgħin sabiex jiġu assigurati prezzijiet ġeneralment aktar baxxi u aktar għażla waqt li tkun iggarantita l-għotja ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali liċ-ċittadini kollha. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-awtoritajiet regolatorji għandhom jassiguraw irwieħhom li fis-swieq liberalizzati jkun hemm il-kompetizzjoni. Trid tkun garantita l-għotja sodisfaċenti ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità għolja bi prezz għall-bwiet ta’ kulħadd.
Konsumaturi li jkunu ngħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet infurmati ikunu jistgħu jippremjaw operaturi effiċjenti aktar malajr. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jitjieb l-infurzar ta’ leġislazzjoni tal-konsumatur li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi kif ukoll li tiftaħ is-suq intern għal aktar kompetizzjoni qawwija fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.
Il-ftuħ estern għall-kummerċ u għall-investiment, billi jiżdiedu kemm l-esportazzjonijiet kif ukoll l-importazzjonijiet, huwa xprun importanti għat-tkabbir u għall-impjiegi u jista’ jsaħħaħ ir-riforma strutturali. Sistema miftuħa u b’saħħitha ta’ regoli dwar il-kummerċ globali hija ta’ importanza vitali għall-ekonomija Ewropea. L-ikkompletar b’suċċess ta’ ftehim ambizzjuż u bbilanċjat fil-qafas tar-Rawnd ta’ Doha, kif ukoll l-iżvilupp ta’ ftehimiet bilaterali u reġjonali ta’ kummerċ ħieles, għandhom jiftħu aktar is-swieq għall-kummerċ u għall-investiment, biex b’hekk jingħata kontribut ħalli jiżdied it-tkabbir potenzjali. L-UE tibqa’ lesta tassisti l-imsieħba kummerċjali u ta’ investiment tagħha fit-trawwim ta’ standards globali u partikolarment biex tappoġġa l-bini ta’ kapaċità f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.
Linja gwida 13. Biex jiġu assigurati swieq miftuħa u kompetittivi ġewwa u barra l-Ewropa u jitgawdew il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità:
(1) |
lit-tneħħija ta’ ostakoli regolatorji, kummerċjali u ostakoli oħrajn li jfixklu bla ħtieġa l-kompetizzjoni; |
(2) |
lil infurzar aktar effettiv tal-politika tal-kompetizzjoni; |
(3) |
lil eżami selettiv bir-reqqa tas-swieq u tar-regolamenti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u mill-awtoritajiet regolatorji sabiex ikunu identifikati u mneħħija ostakoli għall-kompetizzjoni u għad-dħul fis-suq; |
(4) |
lil tnaqqis fl-għajnuna mill-Istat li tgħawweġ il-kompetizzjoni; |
(5) |
f’konformità mal-Qafas Komunitarju, lill-użu mill-ġdid ta’ għajnuna favur l-appoġġ għal ċerti objettivi orizzontali bħar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman u għal nuqqasijiet tas-swieq li jkunu definiti sew; |
(6) |
lill-promozzjoni tal-ftuħ estern, anki f’kuntest multilaterali; |
(7) |
lill-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri miftiehma biex l-industriji f’network jinfetħu għall-kompetizzjoni sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva fis-swieq integrati ma’ l-Ewropa kollha. Fl-istess waqt, l-għotja, bi prezzijiet għall-bwiet ta’ kulħadd, ta’ servizzi effettivi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandha rwol importanti f’ekonomija kompetittiva u dinamika. |
Biex titjieb ir-regolamentazzjoni Ewropea u nazzjonali
Ir-regolamentazzjoni tas-swieq hija essenzjali biex jinħoloq ambjent fejn it-tranżazzjonijiet kummerċjali jistgħu jsiru bi prezz kompetittiv. Dan iservi wkoll biex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet tas-swieq jew biex jitħarsu l-parteċipanti tas-swieq. Minkejja dan, l-impatt kumulattiv tal-leġislazzjoni u tar-regolamenti jista’ jimponi spejjeż ekonomiċi sostanzjali. Għalhekk, huwa importanti li l-leġislazzjoni tkun imfassla tajjeb, tkun proporzjonata u tiġi riveduta regolarment. Il-kwalità ta’ l-ambjenti regolatorji Ewropej u nazzjonali hija kwistjoni ta’ impenn konġunt u ta’ responsabbiltà kondiviża kemm fil-livell ta’ l-UE kif ukoll f’dak ta’ l-Istati Membri.
Fl-UE bdiet trabbi l-għeruq kultura ta’ regolamentazzjoni aħjar. Fl-approċċ tal-Kummissjoni għal regolazzjoni aħjar, l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ leġislazzjoni ġdida jew riveduta qed ikunu vvalutati sew biex ikunu identifikati t-trade-offs potenzjali u s-sinerġiji bejn objettivi differenti ta’ politika. Barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni eżistenti tiġi eżaminata bir-reqqa għal potenzjal għal simplifikazzjoni, inkluż tal-piżijiet amministrattivi, u jiġi vvalutat l-impatt tagħha fuq il-kompetittività. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni adottat approċċ biex tkejjel l-ispejjeż amministrattivi ta’ leġislazzjoni ta’ l-UE ġdida u eżistenti, u tfasslet mira ambizzjuża biex jinkiseb 25 % tnaqqis fil-piż li jirriżulta minn leġislazzjoni ta’ l-UE u t-traspożizzjoni nazzjonali tagħha sa l-2012.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi ugwalment miri nazzjonali ambizzjużi fl-isferi ta’ kompetenza tagħhom. Sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv, servizzi pubbliċi elettroniċi għandhom jiġu promossi b’mod attiv u għodda ta’ l-ICT għandhom ikunu użati b’mod wiesa’ mill-Istati Membri. B’mod aktar ġenerali, l-Istati Membri għandhom jadottaw strateġija ta’ regolamentazzjoni aħjar komprensiva u espliċita, li tinkludi strutturi istituzzjonali xierqa, għodod u riżorsi ta’ monitoraġġ u bl-involviment ta’ partijiet interessati xierqa. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw b’mod sistematiku l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-iniżjattivi u r-reviżjonijiet leġislattivi. Huma għandhom itejbu l-kwalità tar-regolamentazzjoni, filwaqt li jippreservaw l-objettivi tagħhom, u jissimplifikaw il-leġislazzjoni eżistenti. Għandhom jagħmlu konsultazzjoni wiesgħa dwar il-piżijiet u l-benefiċċji ta’ inizjattivi regolatorji; b’mod partikolari fejn huma implikati trade-offs bejn objettivi differenti ta’ politika. L-Istati Membri iridu wkoll jaraw li jittieħdu f’kunsiderazzjoni sħiħa l-alternattivi xierqa tar-regolamentazzjoni. Dan huwa importanti b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), li s-soltu jkollhom riżorsi limitati biex jilqgħu għall-obbligi regolatorji imposti fuqhom kemm mil-leġislazzjoni tal-Komunità kif ukoll minn dik nazzjonali. Għaldaqstant, trid tingħata kunsiderazzjoni speċjali għal jekk l-SMEs jistgħux ikunu eżenti għal kollox, jew in parti, minn obbligi amministrattivi.
Linja gwida 14. Biex jinħoloq ambjent tan-negozju aktar kompetittiv u tiġi inkoraġġita l-inizjattiva privata permezz ta’ regolamentazzjoni aħjar, l-Istati Membri għandhom:
(1) |
inaqqsu l-piż amministrattiv li għandhom fuqhom l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu; |
(2) |
itejbu l-kwalità tar-regolamenti eżistenti u ta’ dawk ġodda, filwaqt li jippriservaw l-objettivi tagħhom, permezz ta’ valutazzjoni sistematika u rigoruża ta’ l-impatti ekonomiċi, soċjali (inkluża s-saħħa) u ambjentali tagħhom, filwaqt li jqisu u jagħmlu progress fil-kejl tal-piż amministrattiv assoċjat mar-regolamentazzjoni, kif ukoll ta’ l-impatt fuq il-kompetittività, inkluż b’relazzjoni għall-infurzar; |
(3) |
jinkoraġġixxu lill-intrapriżi biex jiżviluppaw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom. |
L-Ewropa jeħtieġ li trawwem l-enerġija intraprenditorjali tagħha b’mod aktar effettiv u teħtieġ aktar kumpanniji ġodda li jkunu lesti jidħlu għal sfidi kreattivi jew innovattivi. Il-politika għandha toħloq qafas għal SMEs innovattivi li għandhom il-potenzjal għal valur għoli miżjud u tkabbir kbir. Għandu jkun hemm appoġġ għal tagħlim dwar l-intraprenditorija permezz tal-forom kollha ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ, u għandhom jiġu pprovduti l-ħiliet rilevanti. Id-dimensjoni ta’ l-intraprenditorija għandha tkun integrata fil-proċess ta’ tagħlim matul il-ħajja sa mill-iskola. Is-sħubijiet ma’ kumpanniji għandhom ikunu inkoraġġiti. Il-ħolqien u t-tkabbir ta’ negozji jistgħu jiġu inkoraġġiti billi jittejbu l-kondizzjonijiet għal aċċess għal finanzi, tiżdied l-effiċjenza fl-intermedjazzjoni finanzjarja, u jissaħħu l-inċentivi ekonomiċi. Dan jista’ jinkludi l-adattament tas-sistemi fiskali sabiex ikun ippremjat is-suċċess, it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għan-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu, notevolment permezz tal-provvista ta’ servizzi rilevanti ta’ appoġġ għan-negozji (b’mod speċjali għall-intraprendituri ż-żgħażagħ) u l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt singoli. Għandha titqiegħed enfasi partikolari fuq il-faċilitazzjoni tat-trasferiment ta’ l-appartenenza inkluż ta’ negozji ta’ familja, u fuq it-titjib tal-proċeduri ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar, b’mod partikolari b’liġijiet dwar il-falliment iktar effiċjenti. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll it-tixrid ta’ ICT għal SMEs sabiex itejbu l-produttività u jrawmu esportazzjoni bit-trawwim ta’ proċeduri amministrattivi online. Attenzjoni xierqa hija meħtieġa għall-ostakoli partikolari esperjenzati minn imprendituri nisa u biex tiġi identifikata u appoġġata ż-żieda fin-numru ta’ nisa imprendituri. Il-proposti li ser ikunu parti mill-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-UE li ser jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni, għandhom ikun iddisinjati biex jassiguraw li jikkontribwixxu biex jinfetaħ il-potenzjal għat-tkabbir u għall-impjiegi ta’ l-SMEs.
Linja gwida 15. Biex tiġi promossa kultura iżjed intraprenditorjali u jinħoloq ambjent ta’ sostenn għal SMEs, l-Istati Membri għandhom:
(1) |
itejbu l-aċċess għall-finanzjament, sabiex jiffavorixxu l-ħolqien u t-tkabbir tagħhom, b’mod partikolari s-self ta’ somom żgħar (microloans) u forom oħra ta’ kapital ta’ riskju; |
(2) |
isaħħu l-inċentivi ekonomiċi, li jinkludu s-simplifikazzjoni tas-sistemi fiskali u t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-pagi; |
(3) |
isaħħu l-potenzjal innovattiv ta’ l-SMEs; |
(4) |
jipprovdu servizzi rilevanti ta’ appoġġ, bħall-ħolqien ta’ one-stop contact points u l-istimolu ta’ networks nazzjonali ta’ appoġġ għall-intrapriżi, sabiex jiffavorixxu l-ħolqien u t-tkabbir tagħhom skond il-Karta għad-Ditti ż-Żgħar. Barra dan, l-Istati Membri għandhom isaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali għall-SMEs. Għandhom ukoll jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ l-appartenenza, fejn ikun meħtieġ jimmodernizzaw il-liġijiet dwar il-falliment tagħhom u jtejbu l-proċeduri ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar tagħhom. |
Ara wkoll il-linji gwida integrati “Biex tkun promossa allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi orjentata lejn it-tkabbir u l-impjiegi” (Nru 3) u “Biex jiġu ffaċilitati l-forom kollha ta’ innovazzjoni” (Nru 8, Nri 23 u 24).
Għal espansjoni u titjib fl-infrastruttura Ewropea
L-infrastruttura moderna (trasport, enerġija u komunikazzjoni diġitali) hija fattur importanti li taffetwa l-attrazzjoni tal-postijiet. Din tiffaċilita l-mobilità tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi ma’ l-Unjoni kollha. Billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u billi jiġu estiżi s-swieq, in-networks trans-Ewropej interkonessi u interoperabbli jgħinu biex jitrawwem il-kummerċ internazzjonali u tiġi alimentata d-dinamika tas-suq intern. Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni li għaddejja ta’ l-industriji f’network Ewropej trawwem il-kompetizzjoni u tagħti spinta lill-kisbiet fl-effiċjenza f’dawn is-setturi.
F’termini ta’ investiment futur fl-infrastruttura Ewropea, l-implimentazzjoni ta’ 30 proġett prijoritarju tat-trasport identifikati mill-Parlament u mill-Kunsill fil-linji gwida għat-trasport tan-network trans-Ewropew (TEN), kif ukoll l-ikkompletar tal-proġetti transkonfini quick-start għat-trasport, għall-enerġija rinnovabbli u għall-komunikazzjonijiet broadband u għar-riċerka (identifikati taħt l-Inizjattiva Ewropea għat-Tkabbir) u l-implimentazzjoni tal-proġetti l-oħra tat-trasport appoġġati mill-Fond ta’ Koeżjoni, għandha tkun prijorità. Id-diffikultajiet infrastrutturali fil-pajjiżi wkoll jeħtieġ li jiġu megħluba. Sistemi adattati għall-ipprezzar ta’ l-infrastrutturi jistgħu jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti ta’ l-infrastruttura u għall-iżvilupp ta’ bilanċ modali sostenibbli.
Linja gwida 16. Biex l-infrastruttura Ewropea tiġi estiża, imtejba u inter-konnessa u biex jiġu kkompletati proġetti prijoritarji transkonfinali bil-għan ewlieni li tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali f’UE mkabbra. L-Istati Membri għandhom:
(1) |
jiżviluppaw kondizzjonijiet adegwati għal trasport u għal infrastrutturi ta’ l-enerġija u ta’ l-ICT li jkun effiċjenti fir-riżorsi, primarjament, dawk inklużi fin-networks TEN, billi jikkomplementaw il-mekkaniżmi Komunitarji, inklużi partikolarment taqsimiet transkonfinali u r-reġjuni periferiċi, bħala kondizzjoni essenzjali biex l-industriji f’network jinfetħu b’suċċess għall-kompetizzjoni; |
(2) |
iqisu l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat; |
(3) |
iqisu l-każ għal sistemi adattati għall-ipprezzar ta’ l-infrastrutturi sabiex jiġi assigurat l-użu effiċjenti ta’ l-infrastrutturi u l-iżvilupp ta’ bilanċ modali sostenibbli, fejn jenfasizzaw il-bidla fit-teknoloġija u l-innovazzjoni u li jqisu kif inhu xieraq l-ispejjeż ambjentali u l-impatt fuq it-tkabbir. |
Ara wkoll il-linja gwida integrata “Biex jiġu faċilitati l-firxa u l-użu effettiv ta’ l-ICT u tinbena soċjetà ta’ l-informazzjoni interament inklussiva” (Nru 9).
Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
A. BAJUK