Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008H0295

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ April 2008 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ servizzi għall-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) fil-Komunità Ewropea (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1257) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 98, 10.4.2008, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2008/295/oj

10.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 98/24


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ April 2008

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ servizzi għall-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) fil-Komunità Ewropea

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1257)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/295/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għal netwerks u servizzi elettroniċi tal-komunikazzjonijiet (Direttiva Kwadru) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-politika ta’ l-UE dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-inizjattiva i2010 jenfasizzaw il-benefiċċji ta’ aċċess faċli għar-riżorsi ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-aspetti kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Approċċ koordinat biex jiġu rregolati s-servizzi għall-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) jgħin biex dawn il-benefiċċji jinkisbu u jiffaċilità s-servizzi transkonfinali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi madwar il-Komunità.

(2)

Huma u jawtorizzaw servizzi MCA, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-Direttiva Kwadru u mad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (2).

(3)

Skond id-Direttiva Kwadru, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fl-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi, inter alia, ineħħu l-ostakli li fadal għall-forniment ta’ netwerks għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet u servizzi assoċjati u servizzi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fuq livell Ewropew u jħeġġu l-istabbiliment u l-iżvilupp tan-netwerks transEwropej u l-interoperabilità ta’ servizzi pan-Ewropej u konnettività minn tarf sa ieħor.

(4)

Skond id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni l-anqas oneruża possibbli għandha tintuża biex tippermetti l-forniment ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi sabiex tistimula l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u netwerks u servizzi pan-Ewropej ta’ komunikazzjonijiet u biex tippermetti li l-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ l-iskala tas-suq uniku. Dawk l-għanijiet ġeneralment jistgħu jintlaħqu bl-aħjar mod permezz ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali tan-netwerks u s-servizzi kollha tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(5)

Il-kundizzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jitnaqqas ir-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara fin-netwerks terrestri tal-komunikazzjoni mobbli mill-operat ta’ l-MCA huma ttrattati individwalment fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/294/KE (3).

(6)

Il-bażi teknika għad-Deċiżjoni 2008/294/KE hija r-Rapport 016 tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjoni Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) li tħejja bi tweġiba għall-mandat tal-KE li ngħata lis-CEPT dwar l-MCA tat-12 ta’ Ottubru 2006.

(7)

L-Istandard Armonizzat ta’ l-ETSI, EN 302 480, jipprovdi għall-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (4) għal tagħmir użat għas-servizzi MCA fl-Unjoni Ewropea.

(8)

Kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza ta’ l-ajru huma ta’ importanza ewlenija u s-servizzi MCA jistgħu jingħataw biss bil-kundizzjoni li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza ta’ l-ajru permezz taċ-ċertifikazzjoni xierqa għat-tajran u ftehimiet ajrunawtiċi rilevanti oħra, flimkien mar-rekwiżiti dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi. Iċ-ċertifikati għat-tajran validi għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi jinħarġu mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni (EASA).

(9)

Jekk il-kundizzjonijiet tekniċi speċifikati fid-Deċiżjoni 2008/294/KE u fl-Istandard Armonizzat EN 302 480 jew standards ekwivalenti u ċertifikati ta’ tajran rilevanti jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti, ir-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara tkun negliġibbli u għalhekk għandhom jitqiesu awtorizzazzjonijiet ġenerali għas-servizzi MCA.

(10)

Ir-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzi MCA għandha taqa’ fuq il-pajjiż li fih ikun irreġistrat l-inġenju ta’ l-ajru, skond is-sistema ta’ awtorizzazzjoni ta’ dak il-pajjiż.

(11)

Id-disponibbiltà u l-qsim ta’ informazzjoni suffiċjenti għandha tgħin biex jissolvew kwistjonijiet transkonfinali possibbli ta’ interferenza, ikkawżati mis-servizzi MCA.

(12)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu ċerti elementi ta’ informazzjoni meħtieġa lis-Sistema ERO ta’ Informazzjoni dwar il-Frekwenzi (EFIS) skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/344/KE tas-16 ta’ Mejju 2007 dwar id-disponibbiltà armonizzata ta’ l-informazzjoni dwar l-użu ta’ l-ispektrum fil-Komunità (5). Informazzjoni rilevanti oħra tista’ tinkiseb minn operaturi tas-servizzi MCA jew mill-amministrazzjonijiet ta’ l-avjazzjoni ċivili.

(13)

Reġistru dedikat ta’ dejta rilevanti għall-inġenji ta’ l-ajru kollha li jġorru abbord MCA fl-Unjoni Ewropea, u wkoll 'il ġewwa u 'l barra mill-Unjoni Ewropea, jista’ jgħin biex tissolva l-problema ta’ l-interferenza billi tinġabar l-informazzjoni kollha regolarment u f’format komuni. Għall-bidu, u soġġett għal analiżi perjodika, reġistru komuni bħal dan jinżamm mill-operaturi rilevanti ta’ l-MCA u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri.

(14)

Id-dispożizzjonijiet tat-trattat internazzjonali dwar ir-Regolamenti tar-Radju ITU u r-reġistrar ta’ l-allokazzjoniijiet tal-frekwenzi kif ukoll dwar ir-rappurtar ta’ interferenzi ta’ ħsara, ukoll jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta’ interferenza bejn l-Istati Membri.

(15)

L-awtorizzazzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru li jġorru abbord MCA, u li jtiru fis-smewwiet ta’ l-Istati Membri iżda li huma rreġistrati barra l-Unjoni Ewropea tkun appoġġata mill-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-industrija fir-reġistru dedikat ta’ l-MCA u permezz ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolamenti tar-Radju ITU. Approċċ komuni dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ l-awtorizzazzjonijiet MCA ma’ pajjiżi fejn ikunu rreġistrati inġenji ta’ l-ajru mhux ta’ l-UE jista’ jkun ta’ għajnuna.

(16)

L-Istati Membri diġà taw drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi lil operaturi terrestri tas-servizzi mobbli. Awtorizzazzjonijiet bħal dawn ma jkoprux servizzi MCA u ġeneralment huma limitati għal servizzi mobbli terrestri.

(17)

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-ispazju tal-kabina ta’ l-inġenju ta’ l-ajru jitqies li huwa taħt il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tal-pajjiż fejn l-inġenju ta’ l-ajru huwa rreġistrat.

(18)

L-użu ta’ servizzi MCA jista’ jkollu wkoll implikazzjonijiet għas-sigurtà pubblika. Miżuri xierqa li jistgħu jittieħdu nazzjonalment jew skond ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (6) sabiex jiġi żgurat li t-telefowns ċellulari fuq l-inġenji ta’ l-ajru ma jintużawx għal skopijiet illegali.

(19)

L-elementi regolatorji u tekniċi ta’ l-approċċ komuni għall-awtorizzazzjoni tas-servizzi MCA fl-Unjoni Ewropea għandhom jinżammu taħt skrutinju sabiex jiġi żgurat li jibqgħu sodisfaċenti għall-iskop aħħari li tiġi evitata l-interferenza ta’ ħsara, u fin-nuqqas ta’ dan se jitqiesu miżuri xierqa ta’ rimedju.

(20)

Il-miżuri pprovduti f’din ir-Rakkomandazzjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet,

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

(1)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mmirata biex tikkoordina l-kundizzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali ta’ l-awtorizzazzjoni marbuta ma’ l-użu ta’ l-ispektrum tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA) sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità u sabiex tiġi evitata interferenza ta’ ħsara kkawżata minn servizzi MCA fuq titjiriet transkonfinali.

Kwistjonijiet marbuta mal-fattur uman u l-użu tas-servizzi MCA u l-komunikazzjonijiet satellitari bejn l-inġenji ta’ l-ajru u l-istazzjonijiet spazjali ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

Il-kundizzjonijiet u r-regoli għall-awtorizzazzjoni nazzjonali msemmija f’dan ir-Regolament se japplikaw mingħajr preġudizzju għall-obbligi legali li jikkonċernaw is-sikurezza ta’ l-ajru u s-sigurtà pubblika.

(2)

“Servizzi għall-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji ta’ l-ajru (servizzi MCA)” tfisser servizzi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif definiti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Kwadru pprovduti minn impriża sabiex il-passiġġieri ta’ l-ajru jkunu jistgħu jużaw netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi matul it-titjira mingħajr ma jistabbilixxu konnessjonijiet diretti ma’ netwerks terrestri tas-servizzi mobbli.

(3)

Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex ikunu jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’ servizzi MCA fuq inġenji ta’ l-ajru rreġistrati fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw servizzi MCA skond il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.L-ebda dispożizzjoni f’din ir-Rakkomandazzjoni ma għandha tmur kontra ż-żamma ta’ l-aqwa kundizzjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-ajru.

L-Istati Membri ma għandhom jeħtieġu l-ebda awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tħaddim ta’ servizzi MCA fuq it-territorju tagħhom f’ajruplani rreġistrati fi Stati Membri oħra skond il-kundizzjonijiet miftiehma skond il-punt 4.

Servizzi MCA f’inġenji ta’ l-ajru rreġistrati barra l-Komunità wkoll għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni fil-Komunità, bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jkunu konformi mal-kundizzjonijiet miftiehma skond il-punt 4 u rreġistrati skond ir-regoli rilevanti ta’ l-ITU.

(4)

L-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw servizzi MCA sakemm ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/294/KE.

(5)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jirrikjedu li l-provvediment ta’ servizzi MCA f’inġenji ta’ l-ajru rreġistrati fil-ġurisdizzjoni tagħhom ikun soġġett għal awtorizzazzjonijiet ġenerali.

Meta l-użu ta’ l-ispektrum għall-operat ta’ servizzi MCA ikun soġġett għal drittijiet individwali, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid fuq bażi perjodika, il-ħtieġa għal kull dritt individwali fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, bil-għan li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ drittijiet bħal dawn jiġu inkorporati f’awtorizzazzjoni ġenerali.

F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li servizzi MCA u servizzi mobbli terrestri ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-istess meded ta’ frekwenzi jkunu awtorizzati fuq bażijiet distinti.

(6)

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minn qabel, kif xieraq, lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra dwar is-servizzi MCA awtorizzati biex jitħaddmu inġenji ta’ l-ajru rreġistrati fil-ġurisdizzjoni tagħhom u dwar talbiet biex jitħaddmu servizzi MCA fis-smewwiet nazzjonali tagħhom minn inġenji ta’ l-ajru rreġistrati barra l-Unjoni Ewropea.

Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi tas-servizzi MCA biex jipprovdu dejta rilevanti għall-iskopijiet indikati fil-paragrafu preċedenti.

(7)

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw attivament, kostruttivament u fi spirtu ta’ solidarjetà, bl-użu ta’ proċedura eżistenti ta’ ITU fejn xieraq, biex jieħdu ħsieb kwalunkwe kwistjonijiet li jirrigwardaw interferenza ta’ ħsara li allegatament ikunu kkawżati mit-tħaddim ta’ servizzi MCA.

L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien iressqu kwistjonijiet li jirrigwardaw interferenzi ta’ ħsara li allegatament ikunu kkawżati minn servizzi MCA awtorizzati fi Stat Membru ieħor, għall-attenzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli għas-servizz MCA ikkonċernat u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet u lill-Kumitat għall-Ispektrum tar-Radju dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq sabiex ifittxu soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultajiet.

L-Istati Membri li jkunu awtorizzaw servizzi MCA li jkunu suspettati li qed jinterferixxu u jkunu ta’ ħsara għal servizzi fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom jirrispondu u jsolvu minnufih kwalunkwe interferenza bħal din.

(8)

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu ta’ l-ispektrum minn servizzi MCA taħt skrutinju, partikolarment fir-rigward ta’ interferenza li attwalment jew potenzjalment tkun ta’ ħsara, u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni sabiex jippermettu l-analiżi f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jekk meħtieġ.

(9)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 7 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32).

(2)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(3)  Ara p. 19 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 129, 17.5.2007, p. 67.

(6)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).


Top