EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0848

2008/848/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Lulju 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 14/07 (ex NN 15/07) mogħtija mill-Italja lil NGP/SIMPE (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3528) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 301, 12.11.2008, p. 14–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/848/oj

12.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 301/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Lulju 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 14/07 (ex NN 15/07) mogħtija mill-Italja lil NGP/SIMPE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3528)

(Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/848/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti (1) tagħhom skont dawn l-Artikoli, u wara li kkunsidrat l-kummenti mibgħuta,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-14 ta’ Lulju 2006 l-Italja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturar ta’ NGP S.p.A. (“NGP”). L-annessi neqsin ġew mibgħuta permezz ta’ ittra fit-28 ta’ Lulju 2006. Iktar kmieni l-Kummissjoni kienet irċeviet tliet ilmenti li jsostnu li l-għajnuna li l-Italja kellha l-intenzjoni li tagħti lil NGP kienet se taffettwa s-suq tal-fibri sintetiċi.

(2)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fit-22 ta’ Awwissu 2006, li l-Italja bagħtet permezz ta’ ittra fl-14 ta’ Diċembru 2006. Il-Kummissjoni talbet dejta addizzjonali fit-12 ta’ Frar 2007, li l-Italja bagħtet permezz ta’ ittra fis-7 ta’ Marzu 2007, reġistrata fit-8 ta’ Marzu 2007.

(3)

Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni informat lill-Italja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna.

(4)

Permezz ta’ ittra fis-16 ta’ Lulju 2007 l-Italja ressqet il-kummenti tagħha dwar il-proċedura msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni fil-25 ta’ Ottubru 2007, li l-Italja bagħtet permezz ta’ ittra fit-23 ta’ Novembru 2007. Fit-13 ta’ Diċembru 2007, saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Taljani u s-servizzi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni bl-ittra tat-8 ta’ Frar 2008, bit-tweġiba tal-Italja tasal permezz ta’ ittra fil-25 ta’ Frar 2008. L-Italja bagħtet kummenti addizzjonali finali permezz ta’ messaġġ bil-posta elettronika fit-22 ta’ Mejju 2008.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni bagħtithom lill-Italja biex din ikollha l-opportunità li tagħti l-kummenti tagħha u rċeviet dawn il-kummenti permezz ta’ ittra fil-21 ta’ Settembru 2007.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-benefiċjarju

(7)

In-notifika turi li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa NGP, impriża li tinsab f’Acerra, fir-reġjun ta’ Campania. NGP nħolqot fi Frar 2003 permezz tas-separazzjoni tal-attività għall-produzzjoni tal-polimeru tal-polijester (polimerizzazzjoni) minn Montefibre, produttur tal-fibra tal-polijester li jinsab ukoll f’Acerra. Il-polimeru tal-polijester huwa prodott intermedjarju użat, fost l-oħrajn, għall-produzzjoni tal-fibra tal-polijester.

(8)

L-assi ta’ NGP kienu jikkonsistu minn żewġ impjanti ta’ produzzjoni u impjant ta’ qawwa termali, xi impjanti sekondarji u ċentru ta’ riċerka. L-ewwel impjant kien jipproduċi l-intermedju, id-dimetiltereftalat (DMT). Id-DMT kien il-materja prima għat-tieni impjant ta’ produzzjoni, l-impjant ta’ polimerizzazzjoni, li kien jipproduċi l-polimeru likwidu għall-impjant ta’ produzzjoni ta’ Montefibre, jew il-polimeru solidu f’forma ta’ chips għas-suq estern.

(9)

L-impjant ta’ polimerizzazzjoni kien jaħdem bi tliet linji ta’ produzzjoni, CP1, CP2 u CP3, din tal-aħħar maħluqa fl-2003. L-Italja kienet tat għajnuna reġjonali ta’ EUR 13,7 miljun għall-investimenti tal-impjant ta’ polimerizzazzjoni CP3. L-għajnuna kienet mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali approvata mill-Kummissjoni (3).

2.2.   Id-diffikultajiet finanzjarji ta’ NGP

(10)

NGP kellha diffikultajiet minn meta nħolqot għal ħafna raġunijiet. Fl-2003, ħsara fis-sistema li tkessaħ wasslet għal waqfa fil-produzzjoni. Għalkemm it-tagħmir bil-ħsara ġie mibdul ma’ wieħed proviżorju, l-impjant ta’ produzzjoni qatt ma rkupra l-funzjonalità sħiħa tiegħu. Is-sitwazzjoni ta’ NGP marret għall-agħar minħabba l-pressjonijiet qawwija fuq il-prezzijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fatt li ddgħajfet ir-rata tal-kambju tad-dollaru, li għamlet lill-produtturi fiż-żona fejn m’hemmx l-ewro iktar kompetittivi.

(11)

Barra minn dan, l-ispejjeż tal-produzzjoni tad-DMT kienu prinċipalment spejjeż fissi, li ma jiddependux fuq il-volum prodott. It-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ taċ-chips u l-polimeru likwidu wasslu għall-produzzjoni ta’ volumi mnaqqsa fl-impjant tad-DMT. Dan it-tnaqqis fil-produzzjoni, madanakollu, wassal għal tnaqqis żgħir ħafna fl-ispejjeż tal-produzzjoni totali minħabba l-proporzjon għoli ta’ spejjeż fissi. Minn naħa l-oħra, b’hekk l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ kull unità tal-impjant tad-DMT żdiedu b’mod konsiderevoli.

(12)

NGP irreġistrat telf ta’ EUR 29,68 miljun fl-2003, l-aħħar sena ta’ produzzjoni sħiħa, u telf ta’ EUR 17,87 miljun fl-2004. Fl-2005, l-impriża madanakollu rreġistrat qligħ ta’ EUR 5,27 miljun, prinċiparjament minħabba dħul straordinarju.

2.3.   Il-pjan ta’ ristrutturar

(13)

F’Jannar 2004, il-bord tad-diretturi tal-impriża ħa deċiżjoni li jwaqqaf l-attività produttiva u li jibda bi proġett ta’ konverżjoni tal-impjanti industrijali attwali. L-għan kien li tinbidel il-materja prima li tintuża fl-impjant ta’ polimerizzazzjoni u li ma tibqax issir produzzjoni tad-DMT iżda tintuża materja prima oħra, l-aċtu tereftalku ppurifikat (PTA), biex ikun hemm struttura tal-ispejjeż iktar flessibbli. Kien stmat li biex tgħaddi għal materja prima oħra kien għad hemm bżonn ta’ EUR 22 miljun. Minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, NGP ma setgħatx tidħol għall-investiment kollu.

(14)

F’Mejju 2004, ġie konkluż Memorandum ta’ ftehim (Protocollo di intesa) bejn numru ta’ awtoritajiet pubbliċi, Montefibre, NGP u impriżi oħra, fejn il-partijiet kollha qablu dwar il-bżonn li l-investimenti li saru fuq l-impjant CP3 jkunu protetti u jitlestew.

(15)

F’Lulju 2005 ġie ffirmat ftehim (accordo di programma) mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, NGP, Montefibre u Edison (kumpanija oħra li tinsab f’Acerra) rigward is-sit ta’ NGP kif ukoll attivitajiet oħra fis-sit ta’ Acerra. L-elementi prinċipali ta’ dan il-ftehim fir-rigward ta’ NGP kienu dawn li ġejjin:

(16)

Il-ħolqien ta’ impriża ġdida, SIMPE S.p.A. fl-Lulju 2005, li fiha NGP għandha l-ikbar sehem azzjonarju u sehem minoritarju ta’ Montefibre (b’9,1 % tal-kapital) u l-aġenzija nazzjonali Sviluppo Italia (b’9,8 % tal-kapital). SIMPE kellha tieħu f’idejha l-attività ta’ polimerizzazzjoni ta’ NGP (jiġifieri l-assi fissi u r-responsabbilitajiet relativi) u parti mill-personal. NGP kellha tibqa’ topera biss bħala fornitur ta’ utilitajiet (4).

(17)

L-għeluq tal-impjant ta’ produzzjoni tad-DMT u t-twettiq, mill-impriża ġdida SIMPE, tal-investimenti previsti għal-linja CP3 bil-għan li l-produzzjoni oriġinali tad-DMT tinbidel f’dik ta’ materja prima ġdida, l-aċtu tereftalku purifikat (PTA), li jkun mixtri minn barra (5);

(18)

L-għotja mill-Italja, ta’ miżuri ta’ għajnuna finanzjarja għal total ta’ EUR 20,87 miljun, biex ikunu ta’ appoġġ għall-investimenti li għandhom x’jaqsmu mal-bidla għall-materja prima l-ġdida. Dawn il-miżuri huma deskritti hawn taħt.

2.4.   L-appoġġ finanzjarju

(19)

L-ewwel miżura tikkonsisti minn għotja ta’ EUR 10,75 miljun, li minnhom EUR 5 miljun pprovduti mir-Reġjun ta’ Campania u l-bqija mill-Ministeru tal-Industrija (Ministero delle Attività Produttive). Il-miżura ngħatat fit-18 ta’ Mejju 2006.

(20)

It-tieni miżura tikkonsisti f’self b’rata ta’ imgħax baxxa ta’ EUR 6,523 miljun mogħti mill-Ministeru tal-Industrija b’rata ta’ imgħax imnaqqsa għal 36 % tar-rata ta’ riferiment. Is-self ingħata fit-18 ta’ Mejju 2006.

(21)

It-tielet miżura tikkonsisti minn sehem temporanju fil-kapital ta’ riskju tas-SIMPE minn naħa ta’ Sviluppo Italia ta’ EUR 3,6 miljun (9,8 % tal-kapital tal-impriża). Dan sar fil-5 ta’ Mejju 2006. Iż-żewġ azzjonisti l-oħra ta’ Simpe, jiġifieri NGP u Montefibre, kienu marbuta li jixtru l-kwota ta’ Sviluppo Italia fi żmien tlieta sa ħames snin bi preżż daqs il-valur nominali kif ukoll l-imgħax annwali fuq ir-rata ta’ referenza uffiċjali għall-operazzjonijiet ta’ żmien medju jew twil miżjud b’mill-inqas żewġ punti perċentwali.

(22)

Dawn it-tliet miżuri ġew mogħtija lil Simpe.

2.5.   Żviluppi ġodda

(23)

Fi Frar 2007, il-kumpanija multinazzjonali Spanjola fis-setter tal-kimiki, La Seda de Barcelona akkwistat il-kwota ta’ Montefibre f’SIMPE u investiet kapital addizzjonali ta’ EUR 20,7 miljun fl-impriża, biex b’hekk saret l-azzjonista b’maġġoranza bil-50,1 % tal-ishma. L-azzjonisti l-oħra ta’ SIMPE huma NGP bit-43,6 % u Sviluppo Italia bis-6,3 %.

(24)

L-akkwist ta’ SIMPE minn La Seda de Barcelona fisser ukoll tibdil fil-pjan ta’ ristrutturar oriġinali. Jekk fil-fatt, skond il-pjan miftiehem fl-Lulju 2005 (ara hawn fuq), SIMPE kellha tkompli l-istess attività ta’ NGP, jiġifieri prinċipalment il-produzzjoni ta’ polimeri għall-applikazzjoni tat-tessili, il-proġett issa sar iffukat fuq il-produzzjoni prinċiparjament fis-settur tal-polimeri għas-suq tal-PET (polietilen tereftalat), materjal plastiku, li tiegħu La Seda de Barcelona hija waħda mill-produtturi prinċipali fl-UE.

3.   RAĠUNIJIET TAL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Għajnuna għar-ristrutturar

(25)

L-Italja nnotifikat l-għajnuna fuq il-bażi tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriża f’diffikultà (6). Fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fit-tifsira tal-Artikolu 88, paragrafu 2, tat-Trattat, il-Kummissjoni wriet li għandha dubji dwar jekk kienux sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida.

(26)

Il-Kummissjoni għandha d-dubji dwar il-benefiċjarju veru tal-għajnuna u dwar l-eliġibilità tagħha. L-Italja kienet innotifikat lil NGP bħala benefiċjarju tal-għajnuna. Madanakollu, it-tliet miżuri, kienu mogħtija lil SIMPE, impriża maħluqa riċentament, li b’hekk, m’għandhiex dritt għall-għajnuna għar-ristrutturar (il-punt 12 tal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriża f’diffikultà). Il-Kummissjoni wriet id-dubji tagħha dwar il-fatt li NGP u SIMPE, bħala grupp, setgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. SIMPE nħolqot minn NGP fil-kuntest tar-ristrutturar tal-impjanti ta’ polimerizzazzjoni li għalihom ingħataw il-miżuri ta’ għajnuna fil-kwestjoni. Minn naħa l-oħra, NGP ma kienitx impriża maħluqa riċentament skond il-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar, u kienet tirriżulta bħala impriża f’diffikultà u b’hekk eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

(27)

Madanakollu, ukoll fil-każ li NGP u SIMPE jistgħu jkunu kkunsidrati grupp wieħed eliġibbli għall-għajnuna, il-Kummissjoni wriet dubji dwar jekk kienux sodisfatti il-kriterji l-oħra stabbiliti fil-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà. Partikularment, l-Italja ma ppreżentat ebda pjan ta’ ristutturar li jissodisfa l-kriterji kollha fis-sezzjoni 3.2.2 ta’ dawn il-linji gwida, la għal SIMPE u lanqas għal NGP. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ SIMPE, il-pjan tal-impriża ppreżentat mill-Italja ma kellux studju tas-suq dettaljat u lanqas analiżi tal-punti ta’ qawwa u ta’ dgħufija speċifiċi tal-impriża. Mandanakollu, il–Kummissjoni osservat li SIMPE sadanittant kienet trasferita lill-impriża oħra, u f’dak l-istadju ma setgħatx tagħmel valutazzjoni tal-konsegwenzi ta’ din l-operazzjoni. Fir-rigward ta’ NGP, l-Italja ma kienet tat ebda indikazzjoni dwar l-ispejjeż tal-miżuri ta’ ristrutturar li kellhom isiru jew dwar kif kellhom ikunu ffinanzjati eżatt. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kellha dubji jekk il-kundizzjonijiet dwar ir-restawr tal-vijabilità kienux sodisfatti.

(28)

L-Italja ma kienet indikat ebda miżuri ta’ kumpens, la fuq il-livell ta’ SIMPE u lanqas ta’ NGP, u b’hekk żammet lill-Kummissjoni fid-dubju dwar ir-rispett tal-kundizzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni mhux dovut. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni dwar l-ispejjeż totali tar-ristrutturar u dwar il-kontribut tal-benefiċjarju, li huma bżonnjużi biex ikun aċċertat jekk l-għajnuna kienitx limitata għal mimimu skond il-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikoltà.

(29)

Fl-aħħar nett, l-Italja l-ewwel innotifikat il-kapital mogħti minn Sviluppo Italia bħala għajnuna, iżda iktar tard iddikjarat li kien f’konformità mas-suq u ma kienx għajnuna. Madanakollu, il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar din il-kwestjoni.

3.2.   Il-linji gwida għall-għajnuna reġjonali mill-Istat

(30)

Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni wkoll tal-kompatibilità tal-għajnuna fuq il-bażi tal-linji gwida għall-għajnuna reġjonali mill-Istat (7). SIMPE tinsab f’żona eliġibbli għall-għajnuna reġjonali fit-tifsira tal-Artikolu 87, paragrafu 3, ittra a) tat-Trattat, fejn l-ammont massimu ta’ għajnuna reġjonali huwa ta’ 35 % NGE (ekwivalenti ta’ għotja netta) tal-investimenti eliġibbli. Il-miżuri fil-kwestjoni kellhom iwasslu biex SIMPE twettaq il-proġetti ta’ investiment fuq il-linja CP3. Il-Kummissjoni madankollu, ma kellhiex informazzjoni li bihom setgħet tagħmel valutazzjoni dwar jekk l-ispejjeż għall-investimenti fuq il-linja CP3 setgħux ikunu kkunidsrati eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment, u jekk l-ammont massimu ta’ għajnuna reġjonali tal-35 % kienx rispettat.

4.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(31)

L-Italja tenniet li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ għajnuna, is-sehem temporanju ta’ Sviluppo Italia fil-kapital ta’ SIMPE mhuwiex għajnuna mill-Istat billi huma konformi mal-prinċipju tal-investitur privat. L-Italja ddikjarat li ż-żewġ azzjonisti l-oħra ta’ SIMPE, (NGP u La Seda de Barcelona), kienu marbuta li jixtru il-kwota ta’ Sviluppo Italia fi żmien tlieta sa ħames snin bi preżż daqs il-valur nominali kif ukoll l-imgħax annwali fuq ir-rata ta’ referenza uffiċjali għall-operazzjonijiet ta’ żmien medju jew twil miżjud b’mill-inqas żewġ punti perċentwali. Barra minn hekk, dan l-impenn huwa kopert b’garanzija minn NGP fuq il-beni immobbli tagħha. Skond l-Italja, kull investitur privat kien jagħmel investiment bħal dan, b’garanzija bħal din ta’ qligħ fuq il-kapital.

(32)

Barra minn hekk, l-Italja sostniet ukoll li ż-żewġ miżuri l-oħra kienu mogħtija lil SIMPE fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna prevista mill-liġi Taljna nru 181/89, awtorizzata mill-Kummissjoni (Nru 214/2003) (8), u li kemm l-ispejjeż eliġibbli kif ukoll l-intensità ta’ l-għajnuna huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-iskema, jiġifieri intensità massima ta’ għajnuna reġjonali tal-35 % (NGE –ekwivalenti tal-għotja netta). L-Italja targumenta li, għalkemm hija nnotifikat l-għajnuna bħala għajnuna għar-ristrutturar ta’ NGP, hija tqis li tista’ tkun ikkunsidrata bħala għajnuna reġjonali lil SIMPE fl-ambitu ta’ din l-iskema.

Il-pjan ta’ ristrutturar

(33)

L-Italja affermat li, fil-każ li l-Kummissjoni ma taqbilx mal-fatt li l-għajnuna tidħol fl-iskema Nru 214/2003, din għandha tikkunsidra l-għajnuna kompatibbli bħala għajnuna għar-ristrutturar.

(34)

L-Italja ssostni li l-benefiċjarju tal-għajnuna hija NGP, li tista’ tkun ikkunsidrata bħala impriża f’diffikultà.

(35)

L-Italja ppreżentat ukoll pjan ta’ ristrutturar mibdul kemm għal NGP kif ukoll għal SIMPE meta kkunsidrat l-istrateġija ġdida ta’ La Seda de Barcelona.

(36)

Kif spjegat hawn fuq, fuq il-bażi ta’ dan il-pjan, SIMPE għandha tipproduċi prinċipalment il-polimeru poljester tal-linja CP3 għas-suq tal-PET. L-Italja ppreżentat studju tas-suq li juri kif is-suq tal-materjal tal-plastik għall-ippakkjar qiegħed jespandi dejjem iktar, b’żieda fir-rikjesta ta’ 7 % fis-sena (9). Barra minn hekk, SIMPE għandha tkompli tipproduċi l-polimeru polijestser tal-linja CP1 u CP2 bħala forniment għal Fidion, impriża fejn Montefibre ttrasferiet il-produzzjoni tagħha ta’ fibri tal-polijester.

(37)

NGP se tibqa’ tagħti l-utilitajiet u servizzi oħra, bħar-riċerka, il-laboratorju u t-trattament tad-drenaġġ tal-impriżi industrijali ta’ Acerra, iżda se tabbanduna l-attivitajiet l-oħra kollha ta’ produzzjoni industrijali. L-impriża se żżomm 54 mill-270 impjegat tagħha oriġinali u 76 se jkunu ttrasferiti lil SIMPE.

(38)

Il-pjan ta’ ristrutturar ġdid jipprevedi investiment ta’ EUR 8,5 miljun minn naħa ta’ NGP biex timmodernizza l-infrastruttura tal-utilitajiet. Fil-każ ta’ SIMPE, l-impriża se tkompli tinvesti EUR 40,4 miljun, li minnhom 22 miljun minħabba l-bdil tal-materja prima (PTA) tal-linja CP3 kif previst fil-pjan oriġinali, u l-bqija biex tiżviluppa proċess ta’ postpolimerizzazzjoni ġdid bżonnjuż biex jitlesta ċ-ċiklu ta’ produzzjoni tal-PET u biex jaddatta l-linji CP1 u CP2 ukoll għall-użu tal-PTA.

(39)

L-Italja tat tabella bid-dettalji tal-ispejjeż ta’ ristrutturar u s-sorsi ta’ finanzjament kemm għal NGP kif ukoll għal SIMPE. Skond din it-tabella, l-ispejjeż ta’ ristrutturar iwasslu għal EUR 103,5 miljun.

(40)

Il-pjan il-ġdid juri firxa ta’ previżjonijiet – ottimisti, moderati u pessimisti – għal NGP u SIMPE. NGP għandha tibda tagħmel il-qligħ – ukoll skont il-previżjoni pessimista – diġà mill-2009. Filwaqt li SIMPE, skond il-previżjoni pessimista, għandu jkollha riżultati pożittivi mill-2011; skond il-previżjoni moderata, fl-2010, u skont dik ottimsita diġà fl-2009.

5.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(41)

NGP tappoġġja l-kummenti magħmula mill-Italja. Il-Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques (CIRFS), wieħed minn dawk li għamlu d-denunzja oriġinali, u rappreżentant tal-industrija tal-fibri sintetiċi, osserva li, jekk l-għanuna kienet prinċipalment għas-suq tal-PET, mhix ta’ rilevanza għas-settur tal-produzzjoni tal-fibri sintetiċi.

6.   EVALWAZZJONI

6.1.   Għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87, il-paragrafu 1, tat-Trattat tal-KE

(42)

Fit-tifsira tal-Artikolu 87, il-paragrafu 1 tat-Trattat jingħad li kull għajnuna mogħtija minn Stati Membri jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’kull għamla tkun xi tkun li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti titqies, minħabba li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, bħala inkompatibbli mas-suq komuni. F’konformità mal-każistika stabbilita mill-Qrati Ewropej, il-kriterju dwar l-għajnuna li għandu effett fuq il-kummerċ jintlaħaq jekk l-impriża benefiċjarja twettaq attività ekonomika li twassal għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(43)

Żewġ awtoritajiet pubbliċi, il-Ministeru tal-Industrija u r-Reġjun tal-Campania taw l-għotja u s-self. Għalhekk, il-miżuri kienu ffinanzjati minn riżorsi statali u huma attribwiti lill-Istat. Kemm l-għotja kif ukoll is-self, li huwa mogħti b’rata ta’ imgħax inqas mir-rata ta’ referenza għall-impriżi b’saħħithom, u ebda investitur fis-suq ma kien jaqbel ma’ dawn il-kundizzjonijiet, jagħtu vantaġġ lill-impriżi.

(44)

Rigward il-kontribut ta’ kapital li Sviluppo Italia tat lil SIMPE, l-Italja l-ewwel innotifikatu bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat, iżda wara ddikjarat li ma kienx għajnuna billi kien konformi mal-prinċipju tal-investitur fis-suq u ma ta ebda vantaġġ lill-impriża.

(45)

Madanakollu, kuntrarju għal dak li qegħdin isostnu l-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni temmen li l-intervent temporanju minn Sviluppo Italia fil-kapital ta’ SIMPE jidher li hu għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 87, il-paragrafu 1 tat-Trattat. Sviluppo Italia hija aġenzija pubblika u għalhekk il-kontributi finanzjarji tagħha huma attribwiti lill-Istat u huma għajnuna mill-Istat, sakemm ma jkunx muri li Sviluppo Italia aġixxiet bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

(46)

Rigward dan il-kontribut ta’ Sviluppo Italia għall-kapital ta’ SIMPE, il-Kummissjoni tosserva li dan kien parti mill-pjan ta’ ristrutturar ta’ NGP. Billi NGP kienet impriża f’diffikultà u SIMPE kienet maħluqa biss minħabba r-ristrutturar ta’ NGP, jista’ jitqies li Sviluppo Italia ddeċidiet li takkwista kwoti ta’ impriża f’diffikultà. Minbarra hekk, il-kontribut ta’ kapital ta’ Sviluppo Italia kien marbut, bħal ma kienet parti mill-operazzjoni stess, ma’ żewġ miżuri oħra kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87, paragrafu 1 tat-Trattat, jiġifieri għotja diretta mir-Reġjun Campania u mill-Ministeru tal-Industrija, u self aġevolat mogħti mill-Ministeru tal-Industrija.

(47)

F’deċiżjonijiet preċedenti (10), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prinċipju tal-investitur privat kien rispettat fil-kaz fejn il-kontribut ta’ kapital pubbliku kien għall-impriża b’saħħitha. Il-prinċipju tal-investitur privat jista’ jkun sodisfatt ukoll jekk l-impriża tkun f’diffikultà: madanakollu, f’każ bħal dan, il-kontribut ta’ kapital mill-Istat għandu jsir bl-istess kundizzjonijiet li kieku investitur privat jagħmel għal impriża b’riskju daqshekk għoli – jiġifieri rata ta’ imgħax ħafna ogħla minn dik applikabbli għall-impriża b’saħħitha, u bi prospetti ċari ta’ restawr ta’ vijabilità.

(48)

L-awtoritajiet Taljani ma wrewx li investitur privat kien ikun lest li jakkwista kwoti fl-istess ċirkustanzi. Fil-fatt, m’hemm ebda evidenza li l-qligħ fuq il-kapital bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn Sviluppo Italia (jiġifieri żewġ punti perċentwali ogħla mir-rata ta’ riferiment) kienet tkun biżżejjed biex tqajjem l-interess ta’ investitur privat, meta jkun ikkunsidrat li NGP kienet waqqfet l-attività tagħha u li ma kien hemm ebda ċertezza (minbarra l-fatt li l-investiment kien megħjun minn għajnuna mill-Istat) tar-restwar tal-vijabilità. F’dan ir-rigward, għandu jkun osservat ukoll li La Seda de Barcelona xtrat is-sehem ta’ SIMPE biss disa’ xhur wara l-intervent ta’ Sviluppo Italia, u wara li kienu ngħataw it-tipi l-oħra ta’ għajnuna.

(49)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkunkludiet li l-kontribut ta’ kapital ta’ Sviluppo Italia wassal għal vantaġġi għall-impriża.

(50)

NGP u s-suċċessur tagħha SIMPE jipproduċu polimeri tal-polijestser. Minħabba li dan il-prodott huwa kummerċjalizzat fuq firxa kbira fl-Unjoni Ewropea, il-miżura thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-għotja, is-self u l-kontribut ta’ kapital minn Sviluppo Italia jidher li huwa għajnuna mill-Istat skond it-tifsira tal-Artikolu 87, il-paragrafu 1 tat-Trattat tal-KE, u li l-kompatibilità tagħha għandu b’hekk ikun valutat.

6.2.   Bażi legali

(51)

Fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni uriet id-dubji tagħha dwar il-kompatibiltà tal-għajnuna mal-linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà u mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali.

(52)

Fuq il-bażi tal-kummenti mressqa mill-Italja, il-Kummissjoni madankollu osservat li l-elementi kollha dwar il-pjan ta’ ristrutturar jidhru preżenti f’dan il-każ. Fiż-żmien li kienet mogħtija l-għajnuna, NGP kienet impriża f’diffikultà. L-għajnuna kienet mogħtija biex terġa’ ġġib qligħ għall-impriża, fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar li l-awtoritajiet Taljani kienu impenjaw ruħhom li jwettqu (ara l-kundizzjonijiet tal-Ftehim, fil-punt 15 hawn fuq). Barra minn hekk, għalkemm skond l-awtoritajiet Taljani l-għajnuna kienet mogħtija lil SIMPE (u mhux lil NGP), SIMPE kienet maħluqa biss minħabba r-ristrutturar ta’ NGP u b’hekk hija parti mill-pjan ta’ ristrutturar. Fl-aħħar mill-aħħar, kemm NGP kif ukoll SIMPE bbenefikaw mill-għajnuna.

(53)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, minħabba l-effett potenzjali ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fl-għajnuna għar-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà, il-linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà fihom kriterji speċifiċi biex jiggarantixxu li l-għotja ta’ din l-għajnuna tkun limitata għal-minimu indispensabbli biex terġa’ ġġib qligħ għall-impriża, u tillimita t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni b’obbligu biex taddotta miżuri ta’ kumpens impost fuq il- benefiċjarju. Dawn il-kriterji setgħu jkunu evitati fil-każ li l-miżuri kienu valutati skond il-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat reġjonali, li f’kull każ, ma japplikawx għall-impriżi f’diffikultà (11).

(54)

Għar-raġunijiet miġjuba hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kompatibiltà tal-għajnuna għandha tkun valutata skond il-linji gwida komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà (“il-linji gwida komunitarji”)

6.3.   L-eliġibilità tal-impriża

(55)

F’konformità mas-sezzjoni 2.1 tal-linji gwida, il-Kummissjoni tikkunsidra li impriża hija f’diffikultà meta ma jirnexxilhiex, bir-riżorsi tagħha jew minn riżorsi li tista’ tieħu mill-proprjetarji/azzjonisti u mill-kredituri, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha kważi żgur għall-falliment ekonomiku, f’qasir żmien jew fi żmien medju. Is-sintomi karatteristiċi ta’ impriża f’diffikultà huwa l-livell ta’ telf dejjem jikber, it-tnaqqis fit-turnover, iż-żieda fil-ħażna, l-eċċess fil-kapaċità, it-tnaqqis fil-likwidità, iż-żieda fid-dejn u fil-piż tal-imgħax, kif ukoll it-tnaqqis jew it-telf totali tal-valur nett tal-assi. Fl-iktar każi gravi l-impriża tista’ diġà tkun falliet jew inbdiet il-proċedura ta’ falliment kontriha.

(56)

Impriża li nħolqot riċentament ma tistax tibbenefika mill-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, ukoll jekk għandha sitwazzjoni finanzjarja prekarja. Normalment, impriża tiġi kkunsidrata maħluqa riċentament fl-ewwel tliet snin mill-bidu tal-attività fis-settur relevanti.

(57)

Minn naħa l-oħra, il-punt 13 tal-linji gwida jistabbilixxi li “fil-każ li impriża f’diffikultà toħloq sussidjarja, is-sussidjarja u l-impriża f’diffikultà li qegħdha tikkontrollha jiġu kkunsidrati bħala grupp u għandhom id-dritt jirċievu għajnuna bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt”.

(58)

Fid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji dwar il-fatt li NGP segħet tkun il-benefiċjarja tal-għajnuna, għalkemm l-għajnuna ngħatat lill SIMPE. Barra minn hekk, SIMPE, billi hija impriża maħluqa riċentament, ma setgħetx tibbenifika mill-għajnuna għar-ristrutturar fit-tifsira tas-sezzjoni 2.1 imsemmija hawn fuq. Madanakollu, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żewġ impriżi f’daqqa, setgħux ikunu kkunsidrati bħala grupp u għalhekk eliġibbli għall-għajnuna.

(59)

SIMPE nħolqot minn NGP fil-kuntest tar-ristrutturar tal-impjanti ta’ polimerizzazzjoni, li għaliha ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna fil-kwestjoni, u għalhekk hija parti minn NGP. Minn naħa l-oħra, NGP inħolqot fi Frar 2003 u bdiet l-attività tagħha f’Marzu 2003, jiġifieri iktar minn tliet snin qabel l-għotja tal-miżuri ta’ għajnuna f’Mejju 2006. B’hekk mhix impriża maħluqa riċentament skond il-linji gwida komunitarji. Barra minn hekk, NGP turi s-sinjali karatteritiċi ta’ impriżi f’diffikultà: Kellh telf ta’ EUR 29,68 miljun fl-2003, l-aħħar sena ta’ produzzjoni sħiħa, u telf ta’ EUR 17,87 miljun fl-2004. Fl-2005, madanakollu, l-impriża irreġistrat qligħ ta’ EUR 5,27 miljun, il-parti l-kbira minn dħul straordinarju.

(60)

Minbarra dan, NGP kienet l-azzjonista maġġoritarja ta’ SIMPE fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna. Il-Kummissjoni tikkonkludi għalhekk, li NGP u SIMPE jistgħu kunu kkunsidrati bħala grupp eliġibbli għall-għajnuna skond il-linji gwida.

6.4.   Ir-restawr tal-vijabilità

(61)

L-għotja ta’ għajnuna hija taħt il-kundizzjoni li jitwettaq pjan ta’ ristrutturar, li għandu jieħu l-inqas żmien possibbli. Għandu jerġa’ jġib il-vijabilità tal-impriża għal tul ta’ żmien, fi żmien raġonevoli, u fuq il-bażi ta’ ipoteżi realistiċi dwar il-kundizzjonijiet operattivi futuri. Fost l-oħrajn, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jkollu studju tas-suq, u t-titjib fil-vijabilità għandha tkun fuq kollox riżultat tal-miżuri ta’ tisħiħ intern li hemm fiha (il-punt 35 tal-linji gwida).

(62)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pjan ta’ ristrutturar mibdul, li jirrifletti t-tibdil magħmul minn La Seda de Barcelona, jissodisfa r-rekwiżiti tal-linji gwida. L-Italja pprovdiet analiżi tas-suq, li juri li s-suq tal-polimeri għall-PET qiegħed jespandi sew. Ir-ristrutturar jieħu miżuri adegwati ta’ tisħiħ intern biex jegħleb il-problemi tal-passat (il-passaġġ għall-materja prima ġdida), flimkien ma’ investimenti ġodda sinifikanti minn naħa tal-proprjetarju l-ġdid La Seda de Barcelona, li jħallu lill SIMPE topera fis-suq tal-polimeru għall-PET għalkemm tkompli tipproduċi l-polimeru likwidu għal Fidion għall-użu tessilu. Barra minn hekk, l-Italja ppreżentat previżjonijiet ottimisti, pessimisti u moderati fuq il-bażi ta’ tibdil fil-volum tal-produzzjoni, li juru li r-restawr tal-vijabilità għal NGP u SIMPE huwa previst fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għadaqstant tikkunsidra li l-kundizzjonijiet dwar ir-restawr tal-vijabilità huma milħuqa.

6.5.   Għajnuna limitata għal minimu: kontribut vera, mingħajr elementi ta’ għajnuna

(63)

L-ammont tal-għajnuna għandu jkun illimitat għall-minimu indispensabbli għar-ristrutturar, skond id-disponibilità finanzjarja tal-impriża u tal-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom jagħmlu kontribut sinifikanti għall-ispejjeż tar-ristrutturar, kemm mill-fondi tagħhom stess kif ukoll minn self estern skond il-kondizzjonijiet tas-suq. Fil-każ tal-impriżi l-kbar, normalment il-Kummissjoni tikkunsidra l-kontribut ta’ mill-inqas 50 % bħala adegwat.

(64)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Italja, madwar 80 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar kienu ffinanzjati mill-fondi tal-grupp stess: b’hekk il-kundizzjonijiet tal-punt 44 tal-linji gwida huma sodisfatti.

6.6.   Il-prevenzjoni ta’ tgħawwiġ tal-kompetizzjoni mhux dovut li jista’ jiġi mill-għajnuna

(65)

Hemm bżonn li jkunu addottati miżuri ta’ kumpens biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju, biex jidhru l-effettivi pożittivi. Inkella, l-għajnuna titqies bħala “kontra l-interess komuni” u b’hekk tkun inkompatibbli mas-suq komuni (il-punt 38 tal-linji gwida).

(66)

L-Italja tipproponi l-miżuri ta’ kumpens li ġejjin:

SIMPE se tillimita l-produzzjoni annwali tal-polimeru polijester għas-suq tal-PET għal 11 000 tunnellata mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2012;

L-Italja se tagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kwantità annwali tal-polimeru polijester prodott u mibjugħ minn SIMPE sal-aħħar ta’ Frar tas-sena ta’ wara, u sal-31 ta’ Diċembru 2012;

Barra minn hekk, l-Italja timpenja ruħha li ma tagħti ebda tip ta’ għajnuna mill-Istat lil SIMPE u lil NPG jew lil kull impriża jew attività maħluqa, ikkontrollata jew li hi parti mill-istess grupp, wara d-deċiżjoni tal-Kummisjoni li tawtorizza l-għajnuna, u sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(67)

L-Italja spjegat li skond il-pjan ta’ ristrutturar, NGP (jew s-suċċessur tagħha SIMPE), toħroġ kompletament mis-suq tal-polimeru polijester fil-forma ta’ granuli għat-tessili kif ukoll tat-tipi speċjali tal-polimeru polijester, b’hekk tabbanduna l-20 % ta’ dan is-suq. Minn naħa tagħha, SIMPE tippjana li tilħaq kwota tal-4 % fis-suq tal-UE tal-PET.

(68)

Il-punt 40 tal-linji gwida jistabbilixxi li “Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati mal-effett ta’ tgħawwiġ tal-għajnuna u, b’mod partikulari (…) għas-sehem relattiv tal-impriża fuq is-swieq li taħdem fihom. Għandhom jitwettqu b’mod partikulari fis-swieq li fihom l-impriża ssib ruħha li żżomm pożizzjoni importanti fis-suq wara r-ristrutturar.”

(69)

Il-Kummissjoni għalhekk tosserva li s-suq prinċipali ta’ SIMPE huwa dak tal-polijester għall-PET. Barra minn hekk, La Seda de Barcelona, li hi l-azzjonista maġġoritarja ta’ SIMPE, hija waħda mill-ikbar produtturi ewropej tal-polimeru poljester għas-suq tal-PET. L-għajnuna b’hekk hija b’mod li toħloq tgħawwiġ sinifikanti fil-kompetizzjoni f’dan is-suq. Għal din ir-raġuni il-livell massimu ta’ produzzjoni ta’ 110 000 tunnellata jirrappreżenta limitazzjoni kbira tal-preżenza fis-suq, meta mqabbel mal-kapaċità effettiva tal-produzzjoni tal-polijester għall-PET minn SIMPE, li hi ta 160 000 tunnellata fis-sena. Sinjifikattiv ukoll huwa l-fatt li din il-limitazzjoni tal-produzzjoni se tibqa’ sseħħ sal-aħħar tal-2010 meta s-suq tal-PET qiegħed jespandi. Skond l-analiżi tas-suq ippreżentata mill-Italja, iż-żieda fit-talba għal dan il-prodott fl-2004 kienet ta’ 6,9 %, u jidher li din it-tendenza se tkompli fis-snin li ġejjin.

(70)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-polimeru polijester likwidu, li se tibqa’ għaddejja fil-linji CP1 u CP2, jidher li l-volumi tal-produzzjoni ta’ dan il-prodotti diġà kienet imnaqqsa b’mod sostanzjali bir-ristrutturar, minn 105 000 tunnellata fis-sena għal 60 000 tunnellata fis-sena, u li din il-produzzjoni hija b’mod esklussiv għal Fidion (eks Montefibre). Iktar tnaqqis għal dan is-settur ma jkunx realistiku u jista’ jpoġġi f’riskju il-vijabilità tal-impriża.

(71)

Il-Kummissjoni tosserva fl-aħħar nett, li l-Italja timpenja ruħha li ma tagħti ebda tip ta’ għajnuna mill-Istat lil SIMPE u lil NGP u lil kull impriża jew attività maħluqa, ikkontrollata jew li hi parti mill-istess grupp, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna, u sal-31 ta’ Diċembru 2012, biex tevita li t-tgħawwiġ eventwali maħluq mill-għajnuna jkun aggravat minn għajnuna futura.

(72)

Fid-dawl ta’ dan kollu spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni temmen li l-miżuri ta’ kumpens proposti mill-Italja huma biżżejjed biex inaqqsu l-effetti negattivi tal-għajnuna.

(73)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat notifikata favur NGP u SIMPE għat-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ hawn fuq jista’ jkun ikkunsidrat kompatibbli mas-suq komuni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja favur il-pjan ta’ ristrutturar ta’ NGP/SIMPE, ta’ EUR 20,87 miljun, hija kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira tal-Artikolu 87, paragrafu 3, ittra c) tat-Trattat, bla ħsara għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2.

Artikolu 2

L-Italja tagħti garanzija li se jkunu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

SIMPE se tillimita l-produzzjoni annwali tal-polimeru polijester għas-suq tal-PET għal 110 000 tunnellata mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2012;

(b)

L-Italja se tagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kwantità annwali tal-polimeru polijester prodott u mibjugħ minn SIMPE sal-aħħar ta’ Frar tas-sena ta’ wara, u sal-31 ta’ Diċembru 2012;

(ċ)

L-Italja timpenja ruħha li ma tagħti ebda tip ta’ għajnuna mill-Istat lil SIMPE u lil NPG jew lil kull impriża jew attività maħluqa, ikkontrollata jew li hi parti mill-istess grupp, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna, u sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Italja.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 131, 13.6.2007, p. 22.

(2)  Ara hawn fuq, nota 1.

(3)  Nru 715/1999, ĠU C 278, 30.9.2000, p. 26.

(4)  NGP kellha ssir fornitur ta’ servizzi teknoloġiċi, ambjentali u ta’ enerġija u kellha tkompli tamministra ċ-ċentru ta’ riċerka.

(5)  Il-materja prima li oriġinarjament NGP kienet tipproduċi u tuża (id-DMT) kellha spejjeż fissi għoljin li, fiż-żmien ta’ inqas talba, wasslu għal spejjeż għoljin għal kull unità. Skond l-Italja, il-materja prima l-ġdida, il-PTA, tagħmel l-ispejjeż tal-produzzjoni iktar flessibbli u twassal għal firxa ikbar ta’ applikazzjonijiet industrijali.

(6)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(7)  ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(8)  ĠU C 284, 27.11.2003, p. 2.

(9)  Cifri tal-2004.

(10)  Nru 132/1999 Parco Navi, Nru 191/1998 Pomella, Nru 652/1999 Granarolo

(11)  Ara l-punt 4.4 tal-linji gwida għall-għajnuna reġjonali (ara n-nota 7 hawn fuq).


Top