Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0626

    Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 172, 2.7.2008, p. 15–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/626(2)/oj

    2.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 172/15


    DEĊIŻJONI Nru 626/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Ġunju 2008

    dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Kif ikkonfermat mill-Kunsill fil-konklużjoni tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2004, l-użu effikaċi u koerenti ta’ l-ispektrum tar-radju huwa essenzjali għall-iżvilupp tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjiegi; l-aċċess għall-ispektrum għandu jiġi ffaċilitat sabiex titjieb l-effiċjenza u titħeġġeġ l-innovazzjoni, u kif ukoll sabiex l-utenti jkollhom flessibbiltà ikbar u l-konsumaturi jkollhom iktar għażla, filwaqt li jittieħed kont ta’ l-objettivi ta’ interess ġenerali.

    (2)

    Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Frar 2007 bit-titolu “Lejn Politika Ewropea għall-Ispektrum tar-Radju” (3), enfasizza l-importanza tal-komunikazzjoni għar-reġjuni rurali u anqas żviluppati, li għalihom, id-diffużjoni tal-“broadband”, tal-komunikazzjoni mobbli bi frekwenza iktar baxxa u tat-teknoloġiji “wireless” ġodda jistgħu joffru soluzzjonijiet effiċjenti sabiex tinkiseb il-kopertura universali tas-27 Stat Membru, bil-għan li jintlaħaq żvilupp sostenibbli fiż-żoni kollha. Il-Parlament Ewropew innota wkoll li s-sistemi ta’ l-Istati Membri għall-allokazzjoni u l-użu ta’ l-ispektrum ivarjaw ħafna u li dawn id-differenzi jirrappreżentaw ostakoli serji għall-kisba ta’ suq intern li jiffunzjona korrettament.

    (3)

    Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ April 2007 dwar il-Politika Spazjali Ewropea, stipulat ukoll l-għan li tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda ta’ komunikazzjoni bis-satellita, b’mod partikolari, permezz ta’ l-aggregazzjoni tad-domanda f’żoni mbiegħda u rurali, filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta’ liċenzjar pan-Ewropew għas-servizzi bis-satellita u għall-ispektrum.

    (4)

    Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (4) għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-użu effiċjenti u tiżgura l-ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi tar-radju u tar-riżorsi ta’ numerazzjoni, filwaqt li jitneħħew l-ostakoli li għadhom ixekklu l-provvista tan-netwerks u servizzi rilevanti, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni u filwaqt li jitħeġġu t-twaqqif u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej u l-interoperabbiltà tas-servizzi pan-Ewropej.

    (5)

    L-introduzzjoni ta’ sistemi ġodda li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (“servizzi MSS”) tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern u ttejjeb il-kompetizzjoni kemm billi żżid id-disponibbiltà tas-servizzi pan-Ewropej u l-konnettività minn tarf għall-ieħor kif ukoll billi tinkoraġġixxi investimenti effiċjenti. Is-servizzi MSS jikkostitwixxu pjattaforma innovattiva u alternattiva għal diversi tipi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni pan-Ewropej u ta’ xandir/“multicasting”, indipendentement minn fejn ikunu jinsabu l-utenti finali, bħal aċċess veloċi għall-Internet/intranet, multimedja mobbli u protezzjoni ċivili u għajnuna f’każijiet ta’ diżastri. Is-servizzi MSS jistgħu, b’mod partikolari, itejbu l-kopertura ta’ żoni rurali fil-Komunità, u b’hekk inaqqsu d-distakk diġitali, f’sens ġeografiku, filwaqt li jsaħħu d-diversità kulturali u l-pluraliżmu fil-media u fl-istess waqt jikkontribwixxu għall-kompetittività ta’ l-industriji Ewropej tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni konformement ma’ l-objettivi ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona. Id-Direttiva 89/552/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Id-Direttiva dwar Servizzi tal-Media Awdjoviżivi) (5) għandha tapplika, skond il-każ, għas-servizzi tal-media awdjoviżivi trażmessi permezz ta’ sistemi ta’ servizzi MSS.

    (6)

    Min-natura tagħhom, il-komunikazzjonijiet bis-satellita jilħqu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, u għalhekk minbarra li huma suxxettibbli għal regolamenti nazzjonali, huma suxxettibli wkoll għal regolamenti internazzjonali jew reġjonali. Is-servizzi pan-Ewropej permezz tas-satellita huma element importanti tas-suq intern u jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, bħall-espansjoni tal-kopertura ġeografika tal-“broadband” konformement ma’ l-inizjattiva i2010 (6). Fis-snin li ġejjin ser jitfaċċaw applikazzjonijiet ġodda tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita.

    (7)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/98/KE ta’ l-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu armonizzat ta’ l-ispektrum tar-radju fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (7) tipprevedi li mill-1 ta’ Lulju 2007, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn il-meded ta’ frekwenzi disponibbli għas-sistemi li jipprovdu servizzi MSS fil-Komunità.

    (8)

    Il-ġestjoni teknika ta’ l-ispektrum tar-radju, kif organizzata bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (8) b’mod ġenerali u bid-Deċiżjoni 2007/98/KE b’mod partikolari, ma tkoprix il-proċeduri għall-allokazzjoni ta’ l-ispektrum u l-għoti ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju.

    (9)

    Bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (9), l-operaturi tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita jintgħażlu u jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali skond il-qafas regolatorju eżistenti tal-Komunità għall-komunikazzjoni elettronika.

    (10)

    Ir-regolamenti ta’ l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) jipprevedu proċeduri għall-koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għas-satelliti bħala għodda għall-immaniġġar ta’ interferenzi dannużi, iżda ma jkoprux l-għażla jew l-awtorizzazzjoni.

    (11)

    Sabiex l-Istati Membri ma jiħdux deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern u jmorru kontra l-għanijiet identifikati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/12/KE, il-kriterji ta’ l-għażla għas-sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu b’mod eċċezzjonali armonizzati sabiex il-proċess ta’ l-għażla jwassal għad-disponibbiltà ta’ servizzi MSS madwar l-Unjoni Ewropea kollha. L-investiment qawwi u pre-stabbilit meħtieġ għall-iżvilupp tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita u r-riskji teknoloġiċi u finanzjari kbar assoċjati jeħtieġu ekonomija ta’ skala għal sistemi ta’ dan it-tip fil-forma ta’ kopertura pan-Ewropea ġeografika estensiva, sabiex b’hekk jibqgħu ekonomikament vijabbli.

    (12)

    Barra minn hekk, sabiex jirnexxi, il-varar tas-servizzi MSS jeħtieġ il-koordinazzjoni ta’ l-azzjoni regolatorja mill-Istati Membri. Id-differenzi bejn il-proċeduri ta’ għażla nazzjonali xorta jistgħu joħolqu l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba l-implimentazzjoni diverġenti tal-kriterji ta’ l-għażla, inkluża l-importanza attribwita lill-kriterji, jew minħabba skali differenti ta’ żmien applikati għall-proċeduri ta’ l-għażla. Dan iwassal għal taħlita inkonsistenti ta’ applikanti magħżula, li tmur kontra n-natura pan-Ewropea ta’ dawk is-servizzi MSS. L-għażla ta’ operaturi differenti ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita minn diversi Stati Membri tista’ tirriżulta f’sitwazzjonijiet kumplessi ta’ interferenzi dannużi jew saħansitra tista’ tfisser li operatur magħżul jiġi ostakolat milli jipprovdi servizz satellitari pan-Ewropew, per eżempju, meta jiġu allokati frekwenzi differenti tar-radju lill-operatur fi Stati Membri differenti. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ l-għażla għandha tiġi supplementata bit-twaqqif ta’ mekkaniżmu komuni ta’ l-għażla li jwassal għal għażla kkoordinata għall-Istati Membri kollha.

    (13)

    Ladarba l-awtorizzazzjoni ta’ l-operaturi magħżula ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita tinvolvi l-ħtieġa li dawn l-awtorizzazzjonijiet ikunu marbuta ma’ xi kondizzjonijiet u li jittieħed kont ta’ firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, il-kwistjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu indirizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Madankollu, sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni ta’ Stati Membri differenti, għandhom jiġu stabbiliti, fil-livell Komunitarju, dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni sinkronizzata tal-kondizzjonijiet ta’ l-ispektrum u ta’ l-awtorizzazzjoni armonizzata, mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

    (14)

    Is-servizzi MSS ġeneralment jilħqu żoni li ma jkunux koperti minn servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari ż-żoni rurali. L-għażla u l-awtorizzazzjoni kkoordinati ta’ sistemi ġodda li jipprovdu servizzi MSS jista’ jkollhom rwol importanti sabiex inaqqsu d-distakk diġitali billi jtejbu l-aċċessibbiltà, il-veloċità, u l-kwalità tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika f’dawn iż-żoni, u b’hekk ikunu qed jikkontribwixxu għal koeżjoni soċjali. Għalhekk, iż-żona ta’ kopertura proposta tas-servizzi MSS (żona ta’ servizz) kif ukoll il-perijodu ta’ żmien għall-provvista ta’ servizzi MSS fi ħdan l-Istati Membri huma karatteristiċi importanti li għandhom jitqiesu b’mod adegwat waqt il-proċedura ta’ l-għażla.

    (15)

    Meta jitqies il-perijodu relattivament twil u l-kumplessità tal-miżuri ta’ żvilupp tekniku meħtieġa għall-varar tas-servizzi MSS, il-progress li jsir fl-iżvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita għandu jiġi evalwat bħala parti mill-proċedura ta’ l-għażla.

    (16)

    Il-koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għas-satelliti hija kruċjali għall-provvista effikaċi tas-servizzi MSS fl-Istati Membri u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata meta l-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti jiġu evalwati matul il-proċedura ta’ l-għażla.

    (17)

    Il-proċedura ta’ l-għażla komparattiva għandu jkollha l-għan li twassal għall-użu tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita fil-frekwenza fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz mingħajr dewmien bla bżonn, filwaqt li jitqies id-dritt ta’ l-applikanti għal parteċipazzjoni ġusta u non diskriminatorja.

    (18)

    Il-komponenti terrestri komplementari huma parti integrali tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u huma wżati, tipikament, sabiex itejbu s-servizzi offruti permezz tas-satellita f’żoni fejn jista’ ma jkunx possibbli li tinżamm komunikazzjoni line-of-sight kontinwa mas-satellita minħabba ostruzzjonijiet mill-profil għoli ta’ bini u ta’ terren. Konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE komponenti terrestri komplementari jużaw l-istess meded ta’ frekwenzi bħas-servizzi MSS (1 980 sa 2 010 MHz u 2 170 sa 2 200 MHz.) Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ dan it-tip tkun tiddependi l-aktar fuq dawk il-kondizzjonijiet relatati maċ-ċirkustanzi lokali. Għaldaqstant, dawn għandhom jintgħażlu u jiġu awtorizzati fuq skala nazzjonali, suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi Komunitarja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-talbiet speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet kompetenti lill-applikanti magħżula sabiex jipprovdu informazzjoni teknika li tindika kif il-komponenti terrestri komplementari jtejbu d-disponibbiltà tas-servizzi MSS proposti f’żoni ġeografiċi fejn ma tistax tiġi żgurata, bil-kwalità meħtieġa, il-komunikazzjoni ma’ xi stazzjon spazjali jew iktar, sakemm tali informazzjoni teknika ma tkunx diġà ngħatat konformement mat-Titolu II.

    (19)

    L-ammont limitat ta’ spektrum tar-radju disponibbli jfisser li l-għadd ta’ impriżi li jistgħu jintgħażlu u jiġu awtorizzati huwa limitat ukoll. Madankollu, jekk mill-proċess ta’ l-għażla tirriżulta l-konklużjoni li m’hemmx skarsezza ta’ spektrum tar-radju, għandhom jintgħażlu l-kandidati eliġibbli kollha. L-ammont limitat ta’ spektrum tar-radju disponibbli jista’ jfisser li kwalunkwe “merger” jew “takeover” ta’ kwalunkwe operatur li jipprovdi servizzi MSS ma’ ieħor jew minn ieħor jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni u għalhekk ikun suġġett għal skrutinju taħt il-liġi tal-kompetizzjoni.

    (20)

    Id-dritt ta’ l-użu ta’ frekwenzi speċifiċi tar-radju għandu jingħata lill-applikanti magħżula kemm jista’ jkun malajr wara l-għażla tagħhom, skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/20/KE.

    (21)

    Id-deċiżjonijiet dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija fir-rigward ta’ servizzi MSS jew ta’ komponenti terrestri komplementari minħabba non-adempiment ta’ obbligi għandhom jiġu infurzati fil-livell nazzjonali.

    (22)

    Filwaqt li l-monitoraġġ ta’ l-użu ta’ l-ispektrum tar-radju mill-operaturi, magħżula u awtorizzati, ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita u kwalunkwe miżuri ta’ infurzar meħtieġa jitwettqu fil-livell nazzjonali, għandu jibqa’ possibbli għall-Kummissjoni li tiddefinixxi l-metodi ta’ proċedura koordinata ta’ monitoraġġ u/jew infurzar. Kull meta jkun hemm bżonn, il-Kummissjoni għandha jkollha d-dritt li tqajjem kwistjonijiet ta’ infurzar relatati mat-twettiq, mill-operaturi, ta’ kondizzjonijiet komuni ta’ awtorizzazzjoni, partikolarment ir-rekwiżiti ta’ kopertura.

    (23)

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (10). Id-deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ l-applikanti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja minħabba l-importanza tal-proċedura Komunitarja għal kwalunkwe proċedura nazzjonali ulterjuri ta’ awtorizzazzjoni.

    (24)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddefinixxi l-modalitajiet għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli dwar l-infurzar. Minħabba li dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (25)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġi stabbilit qafas komuni għall-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    TITOLU I

    GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Għan u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (“servizzi MSS”) madwar il-Komunità u li tiżgura kopertura gradwali fl-Istati Membri kollha.

    Din id-Deċiżjoni toħloq proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE, inkluż l-ispektrum tar-radju minn 1 980 sa 2 010 MHz għandhom japplikaw mid-dinja għall-ispazju, u minn 2 170 sa 2 200 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja. Id-Deċiżjoni tistipula wkoll dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri ta’ l-operaturi magħżula sabiex jużaw l-ispektrum tar-radju allokat fi ħdan din il-medda għall-operazzjoni ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita.

    2.   L-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura Komunitarja, konformement mat-Titolu II.

    3.   L-operaturi magħżula ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.

    4.   L-operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jiġu awtorizzati mill-Istati Membri skond it-Titolu III.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    1.   Id-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2002/21/KE u fid-Direttiva 2002/20/KE għandhom japplikaw għall-finiijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Il-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (a)

    “sistemi mobbli permezz tas-satellita” tfisser netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati li jkunu kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju bejn stazzjon mobbli terrestri u stazzjon spazjali wieħed jew aktar, jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri permezz ta’ stazzjon spazjali jew aktar, jew bejn stazzjon mobbli terrestri u komponent terrestri komplementari jew aktar użati f’siti fissi. Tali sistema għandha tinkludi mill-anqas stazzjon terrestri wieħed;

    (b)

    “komponenti terrestri komplementari” ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita tfisser stazzjonijiet terrestri wżati f’siti fissi, sabiex itejbu d-disponibbiltà tas-servizzi MSS f’żoni ġeografiċi koperti mill-firxa tas-satellita jew satelliti tas-sistema, fejn il-komunikazzjoni ma’ stazzjon spazjali jew aktar ma tistax tkun garantita bil-kwalità meħtieġa.

    TITOLU II

    IL-PROĊEDURA TA’ L-GĦAŻLA

    Artikolu 3

    Proċedura ta’ għażla komparattiva

    1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza proċedura ta’ għażla komparattiva għall-għażla ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita. Il-Kummissjoni għandha torganizza din il-proċedura bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 10(1).

    2.   L-applikanti għandhom jingħataw opportunità ġusta u non-diskriminatorja sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għażla komparattiva, li għandha tkun trasparenti.

    Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    3.   Għandu jingħata aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura ta’ l-għażla komparattiva, inklużi l-applikazzjonijiet, skond ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (11).

    4.   Il-Kummissjoni tista’ tingaġġa l-konsulenza u l-għajnuna ta’ esperti esterni għall-analiżi u/jew għall-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn l-esperti esterni għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tal-kompetenzi u l-livell għoli ta’ indipendenza u imparzjalità tagħhom.

    Artikolu 4

    L-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet

    1.   Ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    l-applikanti għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità;

    (b)

    l-applikazzjonijiet għandhom jidentifikaw l-ammont ta’ spektrum tar-radju mitlub, li għandu jkun mhux aktar minn 15 MHz għall-komunikazzjoni mid-dinja għall-ispazju u 15 MHz għall-komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja relattivament għal kwalunkwe applikant wieħed u għandhom jinkludu dikjarazzjonijiet u evidenza li jikkonċernaw l-ispektrum tar-radju mitlub, l-istadji li huma meħtieġa li jintlaħqu u l-kriterji ta’ l-għażla;

    (ċ)

    l-applikazzjonijiet għandhom jinkludu impenn min-naħa ta’ l-applikant li:

    (i)

    is-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta għandha tkopri żona ta’ servizz li tkun għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, minn meta tibda l-provvista tas-servizzi MSS;

    (ii)

    is-servizzi MSS għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u dan fir-rigward ta’ għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni u jkopru għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ kull Stat Membru saż-żmien stipulat mill-applikant iżda fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn seba’ snin mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).

    2.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikanti sabiex jipprovdu informazzjoni addizzjonali rigward it-twettiq tar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà f’perijodu ta’ żmien speċifiku ta’ bejn ħamest ijiem tax-xogħol u għoxrin jum tax-xogħol. L-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli jekk din l-informazzjoni ma tingħatax fil-perijodu ta’ żmien speċifikat.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar non-ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għandha tkun motivata u adottata skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(2).

    4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ġewx ikkunsidrati bħala ammissibbli u għandha tippubblika minnufih il-lista ta’ l-applikanti ammissibbli.

    Artikolu 5

    L-ewwel fażi ta’ l-għażla

    1.   Fi żmien 40 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ l-applikanti ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tiddeċiedi jekk l-applikanti jkunux urew il-livell meħtieġ ta’ żvilupp tekniku u kummerċjali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita rispettivi tagħhom. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-twettiq sodisfaċenti ta’ l-istadji wieħed sa ħamsa kif stipulat fl-Anness. Il-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti għandhom jiġu kkunsidrati matul din l-ewwel fażi ta’ l-għażla.

    2.   Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli li jibqgħu jiġu kkunsidrati skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta’ deċiżjoni motivata u konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), li l-applikanti eliġibbli kollha għandhom jintgħażlu u għandha tidentifika l-frekwenzi rispettivi li kull applikant magħżul għandu jiġi awtorizzat li juża, f’kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-applikanti dwar jekk l-applikazzjonijiet tagħhom tqisux bħala eliġibbli għat-tieni fażi jew jekk intgħażlux skond il-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ applikanti eliġibbli jew magħżula. Fi żmien 30 jum tax-xogħol minn tali pubblikazzjoni, l-applikanti eliġibbli li jkollhom l-intenzjoni li ma jkomplux jipparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għażla, u l-applikanti magħżula li jkollhom l-intenzjoni li ma jużawx il-frekwenzi tar-radju, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni rigward dan bil-miktub.

    Artikolu 6

    It-tieni fażi ta’ l-għażla

    1.   Jekk id-domanda totali għall-ispektrum tar-radju mitlub mill-applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla tkun akbar mill-ammont ta’ spektrum tar-radju disponibbli, kif identifikat fl-Artikolu 1(1), il-Kummissjoni għandha tagħżel l-applikanti eliġibbli billi tevalwa sa liema punt is-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti tal-parteċipanti eliġibbli jissodisfaw il-kriterji peżati ta’ l-għażla li ġejjin:

    (a)

    il-benefiċċji għall-konsumatur u għall-kompetittività pprovduti (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-għadd ta’ utenti finali u l-firxa tas-servizzi MSS li għandhom jiġu pprovduti sad-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;

    (ii)

    id-data meta tibda l-provvista kontinwa tas-servizzi MSS kummerċjali;

    (b)

    l-effiċjenza ta’ l-ispektrum (piż ta’ 20 %) inklużi ż-żewġ sub-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-ammont totali ta’ spektrum meħtieġ;

    (ii)

    il-kapaċità totali tal-fluss ta’ data;

    (ċ)

    il-kopertura ġeografika pan-Ewropea (piż ta’ 40 %) inklużi t-tliet sub-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-għadd ta’ Stati Membri fejn għall-inqas 50 % tal-popolazzjoni jkunu fiż-żona ta’ servizz sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;

    (ii)

    il-grad ta’ kopertura ġeografika, ibbażat fuq iż-żona ta’ servizz ta’ l-erja totali ta’ l-art ta’ l-Istati Membri sad-data meta tibda l-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali;

    (iii)

    iż-żmien stipulat mill-applikant fir-rigward ta’ meta s-servizzi MSS ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha u ta’ l-inqas għal 50 % tal-popolazzjoni u f’għall-inqas 60 % ta’ l-erja totali ta’ art ta’ kull Stat Membru;

    (d)

    il-punt sa fejn jinkisbu l-għanijiet (peżatura ta’ 20 %) ta’ l-interess pubbliku, li m’humiex indirizzati permezz tat-tliet kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ), skond it-tliet sub-kriterji peżati indaqs li ġejjin:

    (i)

    il-provvista ta’ servizzi ta’ interess pubbliku li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza u tas-sigurtà taċ-ċittadini b’mod ġenerali jew għall-protezzjoni ta’ gruppi speċifiċi ta’ ċittadini;

    (ii)

    l-integrità u s-sigurtà tas-servizzi;

    (iii)

    il-firxa ta’ servizzi pprovduti lill-konsumaturi f’żoni rurali jew imbiegħda.

    2.   Kwalunkwe regola għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3). Matul din it-tieni fażi ta’ l-għażla, għandhom jitqiesu l-kredibbiltà ta’ l-applikanti u l-vijabbiltà tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita proposti.

    3.   Fi żmien 80 jum tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ applikanti eliġibbli identifikati fl-ewwel fażi ta’ l-għażla, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tar-rapport tal-bord ta’ esperti esterni, jekk dan ikun applikabbli, u skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(3), tadotta deċiżjoni dwar l-għażla ta’ l-applikanti. Id-deċiżjoni għandha tidentifika l-applikanti magħżula kklassifikati skond il-punt sa fejn jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni, kif ukoll il-frekwenzi li kull applikant magħżul għandu jkun awtorizzat li juża, minn kull Stat Membru, konformement mat-Titolu III.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikoli 5(2) jew 6(3) fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

    TITOLU III

    L-AWTORIZZAZZJONI

    Artikolu 7

    L-awtorizzazzjoni ta’ l-applikanti magħżula

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti magħżula, konformement mal-perijodu ta’ żmien u ż-żona ta’ servizz li l-applikanti magħżula jkunu kkommettew ruħhom għalihom, skond l-Artikolu 4(1)(ċ), u konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, ikollhom id-dritt li jużaw il-frekwenza tar-radju speċifika identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3) u d-dritt li joperaw sistema mobbli permezz tas-satellita. Huma għandhom jinfurmaw lill-applikanti magħżula dwar dawn id-drittijiet skond il-każ.

    2.   Id-drittijiet koperti mill-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal dawn il-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:

    (a)

    l-applikanti magħżula għandhom jużaw l-ispektum tar-radju sabiex jipprovdu servizzi MSS;

    (b)

    l-applikanti magħżula għandhom jilħqu l-istadji meħtieġa sitta sa disgħa stipulati fl-Anness fi żmien 24 xahar mid-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3);

    (ċ)

    l-applikanti magħżula għandhom jonoraw kwalunkwe impenn meħud fl-applikazzjonijiet tagħhom jew waqt il-proċedura ta’ għażla komparattiva, irrispettivament minn jekk id-domanda kollha għall-ispektrum tar-radju tkunx ikbar mill-ammont disponibbli;

    (d)

    l-applikanti magħżula għandhom jipprovdu rapport annwali lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha, li jispjega ċar l-istadju ta’ żvilupp tas-sistema mobbli permezz tas-satellita proposta tagħhom;

    (e)

    kwalunkwe dritt neċessarju għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandu jingħata għal perijodu ta’ tmintax-il sena mid-data tad-deċiżjoni ta’ l-għażla adottata skond l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3).

    3.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet għall-użu ta’ l-ispektrum identifikat fl-Artikolu 1(1) għal tali perijodu ta’ żmien u sa tali punt li huma jibqgħu barra miż-żona ta’ servizz li għaliha impenjaw rwieħhom l-applikanti magħżula skond din id-Deċiżjoni, konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ġustifikati b’mod oġġettiv, non-diskriminatorji, proporzjonati u trasparenti sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni bejn is-servizzi u l-awtoritajiet ta’ emerġenza waqt diżastri naturali maġġuri, konformement mal-liġi Komunitarja, inkluża d-Direttiva 2002/20/KE.

    Artikolu 8

    Komponenti terrestri komplementari

    1.   L-Istati Membri għandhom, konformement mal-liġi nazzjonali u mal-liġi Komunitarja, jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jagħtu, lill-applikanti magħżula skond it-Titolu II u li jkunu awtorizzati li jużaw l-ispektrum konformement ma’ l-Artikolu 7, l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-provvista ta’ komponenti terrestri komplementari tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita fit-territorji tagħhom.

    2.   L-Istati Membri ma jistgħux jagħżlu jew jawtorizzaw operaturi ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita qabel ma titlesta l-proċedura ta’ l-għażla, prevista fit-Titolu II, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummisjoni adottata konformement ma’ l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(3). Dan ikun mingħajr preġudizzju għall-użu tal-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz minn sistemi differenti minn dawk li jipprovdu servizzi MSS skond id-Deċiżjoni 2007/98/KE.

    3.   Kwalunkwe awtorizzazzjoni nazzjonali maħruġa għall-operazzjoni ta’ komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet komuni li ġejjin:

    (a)

    l-operaturi għandhom jużaw l-ispektrum tar-radju li jkun ġie allokat lilhom sabiex jipprovdu komponenti terrestri komplementari ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita;

    (b)

    il-komponenti terrestri komplementari għandhom jikkostitwixxu parti integrali mis-sistema mobbli permezz tas-satellita u għandhom ikunu kkontrollati mill-mekkaniżmu tal-ġestjoni tar-riżorsi u tan-netwerk satellitari; huma għandhom jużaw l-istess direzzjoni ta’ trażmissjoni u l-istess partijiet tal-meded ta’ frekwenza bħal dawk użati mill-komponenti satellitari assoċjati u ma għandhomx ikabbru l-ħtieġa ta’ spektrum tas-sistema mobbli permezz tas-satellita assoċjata;

    (ċ)

    l-operazzjoni indipendenti ta’ komponenti terrestri komplementari f’każ ta’ defiċjenza tal-komponent tas-satellita tas-sistema mobbli assoċjata ma għandhiex iddum għal aktar minn tmintax-il xahar;

    (d)

    id-drittijiet għall-użu u għal awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw għal perijodu ta’ żmien li jispiċċa mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sistema mobbli assoċjata.

    Artikolu 9

    Il-monitoraġġ u l-infurzar

    1.   L-operaturi magħżula għandhom ikunu responsabbli għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni marbuta ma’ l-awtorizzazzjonijiet tagħhom u għall-ħlas ta’ kwalunkwe ħlasijiet u imposti applikabbli għall-awtorizzazzjoni u/jew għall-użu, kif meħtieġ mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-infurzar, inklużi r-regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ ksur tal-kondizzjonijiet komuni stipulati fl-Artikolu 7(2), ikunu konformi mal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2002/20/KE. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn il-kondizzjonijiet komuni u għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ fuq bażi annwali, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi kondizzjonijiet komuni u fil-każ li ttieħdu xi miżuri ta’ infurzar.

    Il-Kummissjoni tista’, bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 10(1), teżamina kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur speċifiku tal-kondizzjonijiet komuni. Meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni dwar ksur partikolari, il-Kummissjoni għandha teżamina l-allegazzjoni ta’ ksur bl-assistenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet.

    3.   Il-miżuri li jiddefinixxu kwalunkwe modalità adatta għall-applikazzjoni kkoordinata tar-regoli ta’ infurzar imsemmija fil-paragrafu 2, inklużi r-regoli dwar is-sospensjoni jew l-irtirar kkoordinati ta’ awtorizzazzjonijiet fil-każijiet ta’ ksur tal-kondizzjonijiet komuni previsti fl-Artikolu 7(2), imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Deċiżjoni billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 10(4).

    TITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

    Artikolu 10

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE.

    2.   Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    3.   Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar.

    4.   Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u (5)(b), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a(3)(ċ), (4)(b) u (4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu ta’ xahar.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 12

    Indirizzati

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KUCLER DOLINAR


    (1)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 50.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2008

    (3)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 364.

    (4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32).

    (5)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/65/KE (ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27).

    (6)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2005 bit-titolu “i2010 – Soċjetà ta’ l-Informatika Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi”.

    (7)  ĠU L 43, 15.2.2007, p. 32.

    (8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (9)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

    (10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

    (11)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


    ANNESS

    L-ISTADJI DIVERSI

    1.   Il-preżentazzjoni ta’ talba għall-koordinazzjoni lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li l-amministrazzjoni responsabbli għat-talba lill-ITU għal sistema mobbli permezz tas-satellita sabiex tintuża għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri tkun ippreżentat it-tagħrif rilevanti imsemmi fl-Appendiċi 4 tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations).

    2.   Il-manifattura tas-satellita

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jidentifika l-istadji tal-bini li jwasslu għat-tlestija tal-manifattura tas-satelliti meħtieġa għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-applikant u mill-kumpanija li timmanifattura s-satelliti.

    3.   Il-ftehim dwar il-varar tas-satellita

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju għall-varar ta’ għadd minimu ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Id-dokument għandu jagħti d-dati tal-varar u s-servizzi tal-varar, kif ukoll it-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali relatati ma’ l-indennizz. Id-dokument għandu jiġi ffirmat mill-operatur tas-sistema mobbli permezz tas-satellita u mill-kumpanija li varat is-satelliti.

    4.   Stazzjonijiet Gateway terrestri

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara ta’ ftehim obbligatorju dwar il-kostruzzjoni u dwar l-installazzjoni ta’ Stazzjonijiet Gateway Terrestri (Gateway Earth Stations) maħsuba sabiex jintużaw għall-provvista ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

    5.   It-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn

    Ir-Reviżjoni Kritika tad-Disinn hi l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vettura spazjali fejn tispiċċa l-fażi tad-disinn u ta’ l-iżvilupp, u tibda l-fażi tal-manifattura.

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tat-tlestija, sa mhux aktar tard minn 80 jum wara l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija tar-Reviżjoni Kritika tad-Disinn.

    6.   L-integrazzjoni ta’ satelliti

    Tali integrazzjoni hija l-fażi fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni ta’ vetturi spazjali fejn il-Modulu tal-Komunikazzjoni (Communication Module, CM) jiġi integrat mal-Modulu tas-Servizz (Service Module, SM).

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li tlestiet ir-Reviżjoni ta’ l-Istat Operattiv għall-Ittestjar (Test Readiness Review) għall-integrazzjoni SM/CM skond l-istadji tal-kostruzzjoni indikati fil-ftehim dwar il-manifattura tas-satellita. Id-dokument rilevanti għandu jiġi ffirmat mill-kumpanija li mmanifatturat is-satellita, u għandu jindika d-data tat-tlestija ta’ l-integrazzjoni tas-satelliti.

    7.   Il-varar tas-satelliti

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara tal-varar b’suċċess u l-użu orbitali ta’ l-għadd ta’ satelliti meħtieġ għall-provvista kontinwa ta’ servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri.

    8.   Il-koordinazzjoni tal-frekwenzi

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara dwar is-suċċess tal-koordinazzjoni tal-frekwenzi tas-sistema konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-ITU (ITU Radio Regulations). Madankollu, sistema li turi li hija konformi ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi ma tkunx obbligata f’din il-fażi li turi t-tlestija tal-koordinazzjoni b’suċċess tal-frekwenzi ma’ dawk is-sistemi mobbli permezz tas-satelliti li ma jikkonformawx adegwatament u raġonevolment ma’ l-istadji wieħed sa sebgħa inklussivi.

    9.   Il-provvista ta’ servizzi MSS fit-territorji ta’ l-Istati Membri

    L-applikant għandu jipprovdi evidenza ċara li hu jkun qiegħed jipprovdi b’mod effikaċi servizzi MSS kummerċjali fit-territorji ta’ l-Istati Membri billi juża l-għadd ta’ satelliti li hu jkun preċedentement identifika fl-istadju tlieta sabiex ikopri ż-żona ġeografika li l-applikant ikun impenja ruħu għaliha fl-applikazjoni tiegħu sad-data tal-bidu tal-provvista tas-servizzi MSS.


    Top