Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0568

    Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 24 ta' Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    ĠU L 181, 10.7.2008, p. 57–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/568/oj

    Related international agreement

    10.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 181/57


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta’ l-24 ta' Ġunju 2005

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    (2008/568/PESK)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

    Billi:

    (1)

    Fil-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza l-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, biex tiftaħ negozjati skond l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma’ ċerti stati terzi, sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

    (2)

    Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill hu b’dan awtorizzat jagħżel il-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex torbot/jorbtu l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LUX


    Top

    10.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 181/58


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

    IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA, u

    L-UNJONI EWROPEA, minn issa ’il quddiem “l-UE”, rrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

    minn issa ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

    WARA LI KKUNSIDRAW li l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-UE jaqsmu l-għanijiet biex isaħħu s-sigurtà tagħhom f’kull mod u biex jipprovdu ċ-ċittadini tagħhom b’livell għoli ta’ sigurtà f’żona ta’ sigurtà;

    WARA LI KKUNSIDRAW li l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-UE jaqblu li konsultazzjonijiet u kooperazzjoni għandhom jiġu żviluppati bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà;

    WARA LI KKUNSIDRAW li, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għal skambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-UE;

    WAQT LI JIRRIKONOXXU li konsultazzjoni u kooperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni u materjal klassifikat ta’ l-Iżvizzera u ta’ l-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u materjal relatat bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-UE;

    KONXJI LI tali aċċess għal, u skambju ta’, informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġ miżuri xierqa ta’ sigurtà;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Sabiex jitwettaq l-għan tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull wieħed mill-Partijiet f’kull mod, dan il-Ftehim japplika għal informazzjoni jew materjal klassifikati fi kwalunkwe forma li jiġu pprovduti jew skambjati bejn il-Partijiet.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni (jiġifieri, tagħrif li jista’ jiġi kkomunikat fi kwalunkwe forma) jew materjal determinat bħala wieħed li jkun jeħtieġ li jiġi mħares kontra kxif mhux awtorizzat u li jkun ġie kkwalifikat tali minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà (minn issa ’l quddiem: “informazzjoni klassifikata”).

    Artikolu 3

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “UE” għandha tfisser il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (minn issa ‘l quddiem: “il-Kunsill”), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ’l quddiem “il-Kummissjoni Ewropea”).

    Artikolu 4

    Kull Parti għandha:

    (a)

    tipproteġi u tħares informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim ipprovduta jew skambjata mill-Parti l-oħra;

    (b)

    tiżgura li informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim ipprovduta jew skambjata żżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti li tipprovdiha. Il-Parti li tirċievi għandha tipproteġi u tħares l-informazzjoni klassifikata skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li għandhom klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti, kif speċifikat fl-Arranġamenti tas-Sigurtà li jridu jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12;

    (ċ)

    ma tużax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet li mhumiex dawk stabbiliti mill-awtur u dawk li għalihom tingħata jew tiġi skambjata l-informazzjoni;

    (d)

    ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità ta’ l-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ min joriġinah.

    Artikolu 5

    1.   Informazzjoni klassifikata tista’ tinkixef jew tiġi rilaxxata, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur, minn Parti waħda, “il-Parti li tipprovdi”, lill-Parti l-oħra, “il-Parti li tirċievi”.

    2.   Għal rilaxx lil riċevituri oħra li mhumiex il-Partijiet ta’ dan il-Ftehim, deċiżjoni dwar żvelar jew rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata tittieħed mill-Parti li tirċievi wara l-kunsens tal-Parti li tipprovdi, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur kif definit fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha.

    3.   Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-ebda rilaxx ġeneriku m’għandu jkun possibbli sakemm ma jkunux ġew stabbiliti u miftehma proċeduri bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, rilevanti għall-ħtiġiet operazzjonali tagħhom.

    Artikolu 6

    Kull waħda mill-Partijiet, u entitajiet tagħha kif imfisser fl-Artikolu 3, għandu jkollha organizzazzjoni ta’ sigurtà u programmi ta’ sigurtà, ibbażati fuq tali prinċipji bażiċi u standards minimi ta’ sigurtà li għandhom jiġu implimentati fis-sistemi ta’ sigurtà tal-Partijiet li jkunu ser jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12, biex jiżguraw li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni jiġi applikat għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 7

    1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim, ikunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà kif xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

    2.   Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jiġu maħsuba biex jiddeterminaw jekk individwu jistax ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata, b’konsiderazzjoni tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu/tagħha u kemm wieħed jista’ joqgħod fuqu/ha.

    Artikolu 8

    Il-Partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta’ interess komuni ta’ sigurtà. Konsultazzjonijiet u spezzjonijiet ta’ sigurtà miftiehma b’mod reċiproku għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kif definit fl-Artikolu 11 biex jistmaw l-effikaċja ta’ l-Arranġamenti tas-Sigurtà fi ħdan ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom li għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 11 u 12.

    Artikolu 9

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim

    (a)

    Fir-rigward ta’ l-UE:

    kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej:

    Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

    Uffiċjal Kap tar-Reġistru

    Rue de la Loi/Wetstraat, 175

    B-1048 Brussel;

    Kull korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea bla ħsara għall-paragrafu 2.

    (b)

    Fir-rigward tal-Konfederazzjoni Żvizzera,

    il-korrispondenza kollha għandha tiġi indirizzata lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Iżvizzera u mibgħuta, fejn xieraq, permezz tal-Missjoni ta’ l-Iżvizzera għall-Unjoni Ewropea, fl-indirizz li ġej:

    Missjoni ta’ l-Iżvizzera għall-Unjoni Ewropea

    Uffiċjal tar-Reġistru

    Place du Luxembourg, 1

    B-1050 Brussell.

    2.   Jekk ikun meħtieġ, korrispondenza minn Parti waħda li hi aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operazzjonali, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra nnominati b’mod speċifiku bħala riċevituri, waqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju li jistabbilixxi l-ħtieġa li jkunu jafu. Sa fejn għandha x’taqsam l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz ta’ l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill. Sa fejn għandha x’taqsam il-Konfederazzjoni Żvizzera, din il-korrispondenza tista’ tiġi trasmessa permezz tal-Missjoni ta’ l-Iżvizzera għall-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Is-Segretarju ta’ l-Istat tad-Dipartiment Federali ta’ l-Affarijiet Barranin tal-Konfederazzjoni Żvizzera, u s-Segretarji-Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    Sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim:

    (1)

    L-Awtoritajiet ta’ Sigurtà Nazzjonali tal-Konfederazzjoni Żvizzera (id-Dipartiment Federali tal-Ġustizzja u l-Pulizija, l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija u d-Dipartiment Federali tad-Difiża, il-Protezzjoni Ċivili u l-Isport, id-Difiża - Persunal tal-Kap tal-Forzi Armati, Sigurtà ta’ Informazzjoni u Protezzjoni ta’ Faċilità), li jaġixxu f’isem il-gvern tal-Konfederazzjoni Żvizzera u taħt l-awtorità tagħha, għandhom ikunu responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta lill-Konfederazzjoni Żvizzera taħt dan il-Ftehim.

    (2)

    L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa ‘l quddiem: “GSC Uffiċċju tas-Sigurtà”), taħt it-tmexxija u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ arranġamenti ta’ sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta lill-UE taħt dan il-Ftehim.

    (3)

    Id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f’isem il-Kummissjoni Ewropea u taħt l-awtorità tagħha, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha.

    Artikolu 12

    L-Arranġamenti ta’ Sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 11 bi ftehim bejn l-erba’ Uffiċċji kkonċernati ser jistabbilixxu l-istandards ta’ protezzjoni reċiproka ta’ sigurtà għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim. Għall-UE, dawn l-istandards għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.

    Artikolu 13

    L-Awtoritajiet definiti fl-Artikolu 11 għandhom jistabbilixxu proċeduri li jridu jiġu segwiti fil-każ li jiġi ppruvat jew suspettat li l-informazzjoni klassifikata ġiet kompromessa bla ħsara għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 14

    Qabel ma tingħata informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet tas-sigurtà responsabbli definiti fl-Artikolu 11 iridu jaqblu li l-Parti li tirċievi hi kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni soġġetta għal dan il-Ftehim b’mod konsistenti ma’ l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12.

    Artikolu 15

    Dan il-Ftehim bl-ebda mod ma jżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor relatat mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux f’konflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 16

    Id-differenzi kollha bejn il-Partijiet li jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ negozjati bejniethom.

    Artikolu 17

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-kompletar tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

    2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    3.   Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma’ notifika reċiproka kif previst taħt il-paragrafu 1.

    Artikolu 18

    Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda m’għandhiex taffettwa obbligi diġà kkuntrattati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata skond dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi protetta skond id-dispożizzjonijiet fih stabbiliti.

    B’XHIEDA TA’ DAN, dawn hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, fit-28 ta' April 2008 f’żewġ kopji t-tnejn bil-lingwa Ingliża.

    Għall-Konfederazzjoni Żvizzera

    Għall-Unjoni Ewropea

    Top