This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0567
2008/567/EC: Commission Decision of 4 July 2008 concerning the financial contribution by the Community, for the year 2008, towards actions of the OIE in the area of animal welfare and animal disease surveillance and categorisation
2008/567/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 4 ta' Lulju 2008 li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità, għas-sena 2008, għal azzjonijiet ta’ l-OIE fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali u tas-sorveljanza u l-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali
2008/567/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 4 ta' Lulju 2008 li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità, għas-sena 2008, għal azzjonijiet ta’ l-OIE fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali u tas-sorveljanza u l-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali
ĠU L 181, 10.7.2008, p. 55–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
10.7.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 181/55 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-4 ta' Lulju 2008
li tikkonċerna l-kontribut finanzjarju mill-Komunità, għas-sena 2008, għal azzjonijiet ta’ l-OIE fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali u tas-sorveljanza u l-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali
(2008/567/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,
Billi:
(1) |
Skond id-Deċiżjoni 90/424/KEE, il-Komunità tista’ twettaq, jew tgħin lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju. |
(2) |
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010 identifika l-ħtieġa li jitkompla l-appoġġ u jinbdew aktar attivitajiet internazzjonali biex titqajjem kuxjenza u jinħoloq kunsens akbar dwar il-benesseri ta’ l-annimali bħala waħda mill-ħames oqsma ta’ azzjoni ewlenin. |
(3) |
L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) hija l-organizzazzjoni intergovernattiva responsabbli għat-titjib tas-saħħa ta’ l-annimali madwar id-dinja. Fl-2005, l-OIE adottat linji gwida dwar il-benesseri ta’ l-annimali li jikkonċernaw it-trasport ta’ l-annimali bl-art jew bil-baħar, il-qtil ta’ l-annimali għall-konsum mill-bniedem u l-qtil bil-ħniena ta’ annimali għall-kontroll tal-mard. L-OIE biħsiebha tiżviluppa aktar dawn il-linji gwida, tadotta linji gwida ġodda u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-linji gwida li diġa ġew adottati mill-pajjiżi membri ta’ l-OIE, b’mod partikolari billi tipprovdi taħriġ u gwida. |
(4) |
L-avvenimenti ppjanati ta’ taħriġ u komunikazzjoni ta’ l-OIE huma neċessarji għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja fis-seħħ, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ veterinarju, fil-pajjiżi parteċipanti kollha. It-titjib f’pajjiżi terzi huwa marbut strettament ma’ l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità u mal-ħtieġa li din il-leġiżlazzjoni tkun effettiva fl-ilħiq ta’ l-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, l-avvenimenti ppjanati ta’ taħriġ u komunikazzjoni jaqblu max-xewqa tal-parti l-kbira taċ-ċittadini Ewropej (2) li l-kundizzjonijiet ta’ benesseri ta’ l-annimali f’pajjiżi li jesportaw lejn il-Komunità jkunu ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità. Il-Komunità għandha għalhekk tagħti kontribut għall-finanzjament ta’ dawn l-avvenimenti. |
(5) |
L-għan tat-Tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali “Inħaddmu l-Istandards ta’ l-OIE” huwa li tappoġġa l-implimentazzjoni dinjija tal-linji gwida ta’ l-OIE għat-trasport bil-baħar u bl-art tal-bhejjem, il-qtil tal-bhejjem għall-konsum mill-bniedem u l-qtil għall-kontroll tal-mard. Il-konferenza biħsiebha wkoll iżżid il-prominenza tal-benesseri ta’ l-annimali kif ukoll tħeġġeġ lill-veterinarji u lis-Servizzi Veterinarji biex jieħdu responsabbiltà akbar għall-benesseri ta’ l-annimali. |
(6) |
It-tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali jista’ jkollha influwenza konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità. L-għanijiet tagħha huma konformi ma’ l-għanijiet stipulati fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010. Għalhekk huwa xieraq li jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità għall-konferenza ta’ l-OIE. |
(7) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-reġjuni dwar Strateġija ġdida li tikkonċerna s-Saħħa ta’ l-Annimali għall-UE (2007-2013) tiddeskrivi l-prijoritizzazzjoni ta’ intervent ta’ l-UE bħala wieħed mill-pilastri ta’ l-istrateġija ġdida dwar is-saħħa ta’ l-annimali. F’dan il-kuntest studju dwar l-ispiża ta’ sorveljanza u kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali fil-qafas tas-segwitu ta’ l-OIE ta’ l-Inizjattiva Globali tas-Saħħa ta’ l-Annimali, jipprovdi tagħrif li jgħin fil-kategorizzazzjoni tal-mard ta’ l-annimali u fil-prijoritizzazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza. |
(8) |
L-OIE għandha monopolju de facto fis-settur tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 168 (1) (ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-regolament finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3); għalhekk mhix meħtieġa sejħa għal proposti. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kontribut finanzjarju tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ seminar ta’ taħriġ dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida ta’ l-OIE li jikkonċernaw il-benesseri ta’ l-annimali, organizzat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE), ta’ EUR 100 000 li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 65 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli huwa approvat.
Artikolu 2
Huwa approvat kontribut finanzjarju tal-Komunità, ta’ EUR 200 000 għall-finanzjament tat-Tieni Konferenza Dinjija ta’ l-OIE dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali “Inħaddmu l-Istandards ta’ l-OIE”, organizzata mill-OIE fl-2008, li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.
Artikolu 3
Huwa approvat kontribut finanzjarju tal-Komunità, għall-finanzjament ta’ studju dwar l-ispiża ta’ sorveljanza u kategorizzazzjoni ta’ mard ta’ l-annimali mill-OIE fl-2008, ta’ EUR 200 000 li jikkostitwixxi kofinanzjament Komunitarju b’massimu ta’ 67 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.
Artikolu 4
Il-kontribut finanzjarju stipulat fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandu jkun iffinanzjat permezz tal-linja tal-baġit 17 04 02 01 tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej għall-2008.
Ftehim ta’ għotja għall-kontributi finanzjarji stipulati fl-Artikoli 1, 2 u 3 se jingħata lill-OIE mingħajr sejħa għal proposti billi l-OIE hija l-organizzazzjoni intergovernattiva għat-titjib tas-saħħa ta’ l-annimali madwar id-dinja u għandha monopolju de facto.
Magħmula fi Brussell, 4 ta’ Lulju 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) Ewrobarometru Speċjali 270: Attitudes of EU citizens towards Animal Welfare, http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/survey/sp_barometer_aw_en.pdf, p. 32.
(3) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).