Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0400

2008/400/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Marzu 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 28/07 (ex NN 33/07) li l-Italja bi ħsiebha tagħti għall-investimenti f’żoni żvantaġġjati (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 831) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 140, 30.5.2008, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/400/oj

30.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 140/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Marzu 2008

dwar l-għajnuna mill-Istat C 28/07 (ex NN 33/07) li l-Italja bi ħsiebha tagħti għall-investimenti f’żoni żvantaġġjati

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 831)

(Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/400/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 88(2), l-ewwel subparagrafu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar dawn id-dispożizzjonijiet (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fis-26 ta’ Frar 2007 l-Italja adottat il-Liġi Nru 17/2007 (2), li tinkludi l-Artikolu, is-subparagrafu 4a tiegħu li jtawwal l-applikazzjoni għal skema ta’ għajnuna reġjonali li tipprovdi krediti ta’ taxxa awotomatiċi għal investimenti ġodda fiż-żoni assistiti ta’ l-Italja, li kienu approvati mill-Kummissjoni (3) fl-2001 u fl-2002 u li skadew fil-31 ta’ Diċembru 2006.

(2)

Permezz ta’ ittra ddatata s-7 ta’ Marzu 2007 (D/50987), il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jibagħtulha l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu, is-subparagrafu 4a, tal-Liġi Nru 17/2007. L-awtoritajiet Taljani wieġbu lill-Kummissjoni b’ittra rreġistrata lill-Kummissjoni ddatata d-19 ta’ Marzu 2007 (A/32387).

(3)

Bl-ittra ddatata l-10 ta’ Lulju 2007 (4), il-Kummissjoni infurmat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha biex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 88 (2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżura skond l-Artikolu, is-subparagrafu 4a tal-Liġi Nru 17/2007.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (5). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-mizura kkonċernata.

(5)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mill-partijiet interessati.

(6)

Bl-ittra ddatata l-24 ta’ Lulju 2007 rreġistarata lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni kienet infurmata bil-ħsieb ta’ l-awtoritajiet Taljani li jħassru l-miżura kkonċernata. Permezz ta’ e-mail tad-9 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom u bagħtu abbozz ta’ dispożizzjoni legali li tħassar il-miżura kkonċernata.

(7)

Fit-23 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jippreżentaw dispożizzjoni finali li tħassar il-miżura kkonċernata.

(8)

L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw id-dispożizzjoni finali li tħassar l-Artikolu 4, is-subparagrafu 4a tal-Liġi Nru 17/2007 permezz ta’ ittra li ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Jannar 2008.

II.   DESKRIZZJONI TA’ L-ISKEMA

(9)

L-għan tal-miżura kien biex ittawwal il-perjodu li matulu l-ispiża għall-investiment taħt skema għall-għajnuna reġjonali approvata, li tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006, setgħet tinfetaħ.

(10)

Skond l-iskema għall-għajnuna reġjonali (N646/a/2000), li kellha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp fir-reġjuni Taljani eleġibbli għall-għajnuna reġjonali skond il-pjan għall-għajnuna reġjonali għall-perjodu 2000-2006 (6) u li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2006, il-benefiċjarju kiseb id-dritt legali għal kreditu tat-taxxa billi wettaq investiment nett pożittiv li kien stabbilit fuq il-bażi ta’ approċċ għall-kontabbiltà għall-ispejjeż eleġibbli li saru qabel l-1 ta’ Jannar 2007. L-iskema oriġinali kienet emendata fl-2002 bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ riżerva baġitarja (budgetary-cap) li jinħtieġ li l-benefiċjarju japplika għal riżerva ta’ fondi mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa. L-emenda ma bidlitx id-data ta’ l-iskadenza għall-iskema, u anqas ma bidlet il-limitazzjonijiet għall-ispiża li saret qabel l-2007.

(11)

Billi adottaw l-Artikolu 4, is-subparagrafu 4a tal-Liġi Nru 17 tas-26 ta’ Frar 2007, l-awtoritajiet Taljani estendew il-perjodu li bih l-ispiża setgħet issir sa l-2008.

III.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA

(12)

Il-Kummissjoni tirreferi għat-Taqsimiet 4.1 u 4.2 tad-deċiżjoni tagħha biex tibda l-proċedura formali għall-investigazzjoni.

IV.   KUMMENTI TA’ L-ITALJA

(13)

Fl-24 ta’ Lulju 2007 l-awtoritajiet Taljani infurmaw lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li jneħħu l-miżura.

(14)

Fid-9 ta’ Ottubru 2007 l-awtoritajiet Taljani żguraw lill-Kummissjoni li l-miżura titneħħa permezz ta’ l-Artikolu 3, is-subparagrafu 18 tal-Liġi dwar il-Baġit, 2008 approvata mill-Kunsill tal-Ministri fit-28 ta’ Settembru 2007.

(15)

B’segwitu għat-talba tal-Kummissjoni biex tkun sottomessa d-dispożizzjoni definittiva adottata li tneħħi l-miżura, fil-15 ta’ Jannar l-awtoritajiet Taljani bagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ l-Artikolu 1, is-subparagrafu 65 tal-Liġi dwar il-Baġit l-2008 (7) li biha ġie mħassar l-Artikolu 4, is-subparagrafu 4a tal-Liġi Nru 17 tas-26 ta’ Frar 2007.

V.   EVALWAZZJONI

(16)

L-Artikolu 1, is-subparagrafu 65, tal-Liġi tal-Baġit 2008 iħassar l-emendi għall-iskema legali oriġinali imdaħħla bl-Artikolu 4, is-subparagrafu 4a, tal-Liġi Nru 17/2007, jiġifieri b’hekk tneħħiet il-possibiltà li jittawwal iż-żmien għan-nefqa eleġibbla għall-investiment sa l-2008. Barra minn hekk, l-Artikolu 1, subparagrafu 65 tal-Liġi dwar il-Baġit 2008 jipprovdi wkoll għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ l-approprjazzjonijiet baġitarji tal-miżura (8).

(17)

Minħabba li l-kreditu ta’ taxxa akkumulat b’rabta ma’ l-ispejjeż eleġibbli li saru fl-2007 jista’ jiġi mitlub b’mod definittiv fil-mument tad-dikjarazzjoni fiskali għall-2007, fl-2008, fil-mument li din id-dikjarazzjoni tat-taxxa trid tkun sottomessa lill-aġenzija fiskali, ma jeżistu l-ebda bażi legali jew baġit għall-kreditu tat-taxxa.

(18)

Għalhekk il-miżura saret nulla u bla effett, u l-ebda kreditu tat-taxxa ma jista’ jingħata għall-ispejjeż li saru waru l-2006 fuq il-bażi tad-dispożizzjoni adottata mill-Artikolu 4, is-subparagrafu 4a tal-Liġi 17/2007.

VI.   KONKLUŻJONI

Minħabba dak li seħħ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura formali għall-investigazzjoni li nbdiet skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward tal-prolungazzjoni ta’ l-ispejjeż eleġibbli għall-investiment sa l-2008 hi bla bażi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu1

Minħabba li l-Italja neħħiet il-miżura, il-proċedura preżenti m’għadhiex valida u għalhekk il-każ hu magħluq.

Artikolu2

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 187, 10.8.2007, p. 13.

(2)  Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana n. 47 tas-26.2.2007.

(3)  L-Għajnuna mill-Istat N 646/A/00 “Crediti di imposta per gli investimenti nelle aree svantaggiate” (“Krediti ta’ taxxa għall-investimenti f’żoni żvantaġġati”) (GU C 149 del 19.5.2001, pag. 11) u l-Għajnuna mill-Istat N 324/02 “Credito d’imposta per gli investimenti nelle regioni ammissibili alla deroga di cui all’articolo 87, paragrafo 3, lettera a), del trattato e delle zone dell’Abruzzo e del Molise ammissibili alla deroga di cui all’articolo 87, paragrafo 3, lettera c)”.

(4)  Ittra tal-Kummissjoni C(2007) 3260 def.

(5)  ĠU C 187, 10.8.2007, p. 13.

(6)  Ittra tal-Kummissjoni tat-13.3.2000 (ĠU C 175, 24.6.2000, p. 11 ) u ittra tal-Kummissjoni ta’ l-20.9.2000 (ĠU C 105, 20.4.2002).

(7)  Art. 1, comma 65 Legge n. 244 del 24 dicembre 2007 - Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2008), Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana n. 300 del 28 dicembre 2007 (suppl.ord.) Testo ripubblicato nella Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana n. 10 del 12 gennaio 2008 (suppl.ord.).

(8)  Art. 1, comma 65: “Il quinto periodo del comma 1 dell’articolo 8 della legge 23 dicembre 2000, n. 388, introdotto dal comma 4-bis dell’articolo 4 del decreto-legge 28 dicembre 2006, n. 300, convertito, con modificazioni, dalla legge 26 febbraio 2007, n. 17, è soppresso. In relazione a quanto previsto dal primo periodo del presente comma e in considerazione dell’effettivo utilizzo dei crediti d’imposta previsti dagli articoli 7 e 8 della legge 23 dicembre 2000, n. 388, le risorse finanziarie a tal fine preordinate, esistenti presso la contabilità speciale 1778 – Fondi di bilancio, sono ridotte di 1 500 milioni di euro. Le predette risorse sono versate al bilancio dello Stato nella misura di 450 milioni di euro per l’anno 2008 e di 525 milioni di euro per ciascuno degli anni 2009 e 2010”.


Top