Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0378

    2008/378/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Mejju 2008 li temenda d-Deċizjoni 2006/133/KE li titlob lill-Istati Membri temporanjament biex jieħdu miżuri addizzjonali kontra t-tixrid tal- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al . (the pine wood nematode) fir-rigward ta’ żoni fil-Portugall, għajr dawk li fihom huwa magħruf li ma tinsabx (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1892)

    ĠU L 130, 20.5.2008, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/09/2012; Imħassar b' 32012D0535

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/378/oj

    20.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 130/22


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Mejju 2008

    li temenda d-Deċizjoni 2006/133/KE li titlob lill-Istati Membri temporanjament biex jieħdu miżuri addizzjonali kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (the pine wood nematode) fir-rigward ta’ żoni fil-Portugall, għajr dawk li fihom huwa magħruf li ma tinsabx

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1892)

    (2008/378/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ ħarsien kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li huma ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/133/KE tat-13 ta’ Frar 2006 li titlob lill-Istati Membri temporanjament biex jieħdu miżuri addizzjonali kontra t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (the pine wood nematode – PWN)) fir-rigward ta’ żoni fil-Portugall, għajr dawk li fihom huwa magħruf li ma tinsabx (2), il-Portugall ħa miżuri kontra t-tixrid tal-pine wood nematode.

    (2)

    Il-Portugall bagħat rapport lill-Kummissjoni fil-11 ta’ April 2008 dwar is-sejba ta’ tifqigħat ġodda tal-PWN, wara investigazzjoni straordinarja mill-awtoritajiet Portugiżi flimkien ma’ l-istħarriġ annwali, fil-parti tal-Portugall fejn s’issa huwa magħruf li l-PWN ma tinstabx.

    (3)

    L-istħarriġiet obbligatorji annwali tas-snin ta’ qabel ma kinux żvelaw dawn it- tifqigħat ta’ l-aħħar ta’ PWN fil-Portugall. Fid-dawl ta’ din it-tifqigħa l-ġdida, huwa meħtieġ li l-Portugall iwettaq minnufih stħarriġ addizzjonali msejjes fuq ir-riskji fit-territorju Portugiż kollu kemm hu fuq il-bażi ta’ pjan ta’ stħarriġ approvat mill-Kummissjoni u li jressaq ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ lill-Kummissjoni hekk kif dawn ikunu disponibbli.

    (4)

    Wara l-esperjenza ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti ta’ emerġenza u t-tagħrif xjentifiku reċenti, huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri partikolarment effettivi fir-rigward ta’ tifqigħat f’żoni fejn sa issa huwa magħruf li ma nstabitx il-PWN.

    (5)

    Id-Deċizjoni 2006/133/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2006/133/KE hija emendata kif ġej

    (1)

    L-Artikolu 4 huwa mibdul b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali uffiċjali għall-PWN, fuq injam u l-qoxra tas-sigar u fuq pjanti suxxettibbli li joriġinaw fil-pajjiż tagħhom, biex jiddeterminaw jekk teżistix xi prova ta’ infestazzjoni mill-PWN.

    Bla ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2009/29/KE, ir-riżultati ta’ stħarriġiet bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni kull sena sal-15 ta’ Diċembru.

    2.   Flimkien ma’ l-istħarriġiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Portugall għandu jħejji pjan ta’ stħarriġ għat-territorju kollu Portugiż u jressqu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dan il-pjan għandu jkun imsejjes fuq apprezzament tar-riskji u jqis it-tixrid ta’ pjanti suxxettibbli fi ħdan it-territorju Portugiż. Fil-każ li l-pjan ta’ l-istħarriġ ma jitressaqx sas-16 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa.

    Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ imwettaq fuq il-bażi ta’ dan il-pjan għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra hekk kif ikunu disponibbli.”

    (2)

    Fl-Artikolu 5, it-tielet paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Dik il-lista għandha tiġi aġġornata skond ir-riżulati ta’ l-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 4 u skond is-sejbiet notifikati fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.”

    (3)

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/133/KE qed tiġi emendata skond l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Mejju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51).

    (2)  ĠU L 52, 23.2.2006, p. 34. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/340/KE (ĠU L 115, 29.4.2008, p. 41).


    ANNESS

    Fit-tielet inċiż tal-punt 2(a)(iii) ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 2006/133/KE, jiżdied it-tieni sotto-paragrafu:

    “Madankollu, meta tiġi żvelata tifqigħa tal-PWN f’żona fejn huwa magħruf li ma tinstabx, dik iż-żona għandha tiġi demarkata (żona demarkata ġdida) u, għal perjodu ta’ sena mid-data tas-sejba, pjanti bħal dawn f’dik iż-żona għandhom jiġu eżaminati fil-każijiet kollha meta qegħdin fil-parti taż-żona demarkata fejn tkun instabet il-PWN u, meta qegħdin fil-parti taż-żona demarkata bħala żona ta’ lqugħ, jiġu ezaminati fuq il-bażi ta’ teħid ta’ kampjun rappreżentattiv. It-tieni u t-tielet sentenzi ta’ l-ewwel sotto-paragrafu għandhom japplikaw.”


    Top