Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1099

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2007 tat- 18 ta’ Settembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 601/2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku

    ĠU L 248, 22.9.2007, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1099/oj

    22.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 248/11


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1099/2007

    tat-18 ta’ Settembru 2007

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 601/2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004 (2) jimplimenta ċerti miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-Kummissjoni għall-Konservazzjoni ta’ Riżorsi Marittimi Ħajjin ta’ l-Antartiku, minn hawn ’il quddiem imsejħa bħala “CCAMLR”.

    (2)

    Fit-tielet u għoxrin, fir-raba’ u għoxrin u fil-ħames u għoxrin laqgħat annwali tagħha f’Novembru 2004, 2005 u 2006, il-CCAMLR adottat numru ta’ emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni sabiex, fost l-oħrajn, jittejbu l-ħtiġiet tal-liċenzjar, jitħares l-ambjent, tittejjeb ir-riċerka xjentifika dwar id-Dissostichus spp. kif ukoll jiġu miġġielda l-attivitajiet tas-sajd illegali.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 601/2004 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 601/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, bi trażmissjoni bil-kompjuter, fi żmien tlett ijiem mid-data tal-ħruġ tal-permess imsemmi fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna d-dgħajsa koperta bil-permess:

    (a)

    l-isem tad-dgħajsa konċernata;

    (b)

    it-tip ta’ bastiment;

    (ċ)

    it-tul;

    (d)

    in-numru IMO tad-dgħajsa (jekk maħruġ);

    (e)

    fejn u meta nbena;

    (f)

    il-bandiera preċedenti, jekk kien hemm;

    (g)

    is-Sinjal ta’ Sejħa bir-Radju internazzjonali;

    (h)

    l-isem u l-indirizz tas-sid(ien) tad-dgħajsa, u kwalunkwe sid(ien) benefiċjarju/i, jekk magħruf/a;

    (i)

    ritratti bil-kulur tad-dgħajsa, li għandhom jikkonsistu minn:

    (i)

    ritratt mhux iżgħar minn 12 × 7 ċm li juri n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa (starboard side), li juri t-tul kollu u l-karatteristiċi strutturali kollha tagħha;

    (ii)

    ritratt mhux iżgħar minn 12 × 7 ċm li juri n-naħa tax-xellug tad-dgħajsa (port side), li juri t-tul kollu u l-karatteristiċi strutturali kollha tagħha;

    (iii)

    ritratt mhux iżgħar minn 12 × 7 ċm li juri l-poppa, meħud direttament minn wara;

    (j)

    il-perijodu li fih huwa awtorizzat li jistad fiż-żona tal-Konvenzjoni, bid-dati li fihom l-attivitajiet tas-sajd jibdew u jispiċċaw;

    (k)

    iż-żona jew iż-żoni tas-sajd;

    (l)

    l-ispeċi mmirati;

    (m)

    it-tagħmir użat;

    (n)

    il-miżuri meħuda sabiex jiżguraw it-tħaddim bla tbagħbis tat-tagħmir ta’ monitoraġġ bis-satellita installat abbord.

    L-Istati Membri għandhom, safejn huwa prattikabbli, jgħaddu wkoll lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar id-dgħajjes awtorizzati li jistadu fiż-żona tal-CCAMLR:

    (a)

    l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur, jekk differenti minn dak tas-sid(ien) tad-dgħajsa;

    (b)

    l-ismijiet u n-nazzjonalità tal-kaptan u, fejn applikabbli, tal-kaptan tas-sajd;

    (ċ)

    it-tip tal-metodu jew metodi ta’ sajd;

    (d)

    il-wisa’ (ta’ l-aktar parti wiesgħa) (m);

    (e)

    it-tunnellaġġ gross reġistrat;

    (f)

    it-tip u n-numri tal-komunikazzjoni tad-dgħajsa (in-numri INMARSAT A, B u Ċ);

    (g)

    l-għadd normali ta’ membri ta’ l-ekwipaġġ;

    (h)

    is-saħħa tal-magna jew magni prinċipali (kW);

    (i)

    il-kapaċità tal-ġarr (tunnellati), numru ta’ stivi tal-ħut u l-kapaċità tagħhom (m3);

    (j)

    kwalunkwe informazzjoni oħra (eż. klassifikazzjoni tas-silġ) meqjusa xierqa.

    Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti tali informazzjoni mingħajr dewmien lis-Segretarjat tal-CCAMLR.”

    (2)

    L-Artikolu 4(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Kull Stat Membru għandu jivverifika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 mad-data li tkun waslet permezz tas-sistemi VMS li jitħaddmu abbord dgħajjes tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tiegħu. Hu għandu jittrażmetti d-data VMS lis-Segretarjat tas-CCAMLR bi trażmissjoni bil-kompjuter fi żmien jumejn mid-data tal-wasla tagħha, b’ mod kunfidenzjali skond ir-regoli tal-kunfidenzjalità stabbiliti mis-CCAMLR.”

    (3)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 5a

    Notifiki ta’ intenzjoni ta’ parteċipazzjoni fis-sajd għall-krill

    Il-Partijiet Kontraenti kollha li bi ħsiebhom jistadu għall-krill fiż-żona tal-Konvenzjoni għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat bl-intenzjoni tagħhom mhux inqas minn xhur minn qabel il-laqgħa annwali regolari tal-CCAMLR, immedjatament qabel l-istaġun li fih bi ħsiebhom jistadu.”

    (4)

    L-Artikolu 6(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn erba’ xhur minn qabel il-laqgħa annwali tal-CCAMLR bl-intenzjoni ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju li jiżviluppa sajd ġdid fiż-żona tal-Konvenzjoni. L-Istat Membru m’għandux jibda sajd ġdid sakemm jitwettaq il-proċess stabbilit mis-CCAMLR, għall-eżaminazzjoni tas-sajd.

    In-notifika għandha tkun akkumpanjata b’kemm jista’ jkun mill-informazzjoni li ġejja li l-Istat Membru jista’ jipprovdi:

    (a)

    in-natura tas-sajd propost, inklużi l-ispeċi mmirati, il-metodi ta’ sajd, ir-reġjun propost u kwalunkwe livell minimu ta’ qabdiet meħtieġa sabiex jiġi żviluppat sajd vijabbli;

    (b)

    informazzjoni bijoloġika minn kruċieri ta’ riċerka/stħarriġ komprensivi, bħal distribuzzjoni, abbundanza, data dwar il-popolazzjoni u informazzjoni dwar l-identità tal-ħażniet;

    (ċ)

    dettalji ta’ speċi dipendenti u assoċjati u l-possibbiltà li tali speċi jiġu affettwati bi kwalunkwe mod bis-sajd propost;

    (d)

    informazzjoni minn sajd ieħor fir-reġjun jew sajd simili x’imkien ieħor li jista’ jassisti fl-evalwazzjoni tal-potenzjal tal-qabda;

    (e)

    jekk is-sajd propost ikollu jsir permezz tat-tagħmir ta’ tartarun tal-qiegħ, informazzjoni dwar l-impatti magħrufa u antiċipati ta’ dan it-tagħmir fuq ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, inklużi l-ispeċi li jgħixu fil-qiegħ u l-komunitajiet tagħhom.”

    (5)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 7a

    Ħtiġiet speċjali għas-sajd esploratorju

    Dgħajjes tas-sajd li jipparteċipaw f’sajd esploratorju għandhom ikunu suġġetti għall-ħtiġiet addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    id-dgħajjes għandhom ikunu pprojbiti milli jarmu:

    (i)

    prodotti ta’ żejt jew karburant jew residwi żejtnija fil-baħar, ħlief kif permess fl-Anness I mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż minn Bastimenti (MARPOL 73/78);

    (ii)

    żibel;

    (iii)

    skart ta’ l-ikel li ma jgħaddix minn għarbiel b’toqob mhux akbar minn 25 mm;

    (iv)

    tajr tar-razzett jew partijiet tagħhom (inkluż qxur tal-bajd);

    (v)

    drenaġġ ’il ġewwa minn 12-il mil nawtiku minn blat maħruġ ’il barra ta’ art jew silġ, jew drenaġġ waqt li d-dgħajsa tkun tbaħħar b’veloċità ta’ inqas minn 4 mili tal-baħar (knots); jew

    (vi)

    irmied ta’ ħruq;

    (b)

    ebda tajr ħaj tar-razzett jew tajr ħaj ieħor m’għandu jiddaħħal fis-Subżoni 88.1 u 88.2 u kwalunkwe tajr tar-razzett ipproċessat mhux mittiekel għandu jitneħħa mis-Subżoni 88.1 u 88.2;

    (ċ)

    is-sajd għad-Dissostichus spp. fis-Subżoni 88.1 u 88.2 għandu jiġi pprojbit ’il ġewwa minn 10 mili nawtiċi mill-kosta tal-Gżejjer Balleny.

    Artikolu 7b

    Programm ta’ tikkettar

    1.   Kull bastiment tas-sajd li jipparteċipa fis-sajd esploratorju għandu jimplimenta programm ta’ tikkettar (tagging) kif ġej:

    (a)

    individwi tad-Dissostichus spp. għandhom jiġu ttikkettati u meħlusa skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Programm u fil-Protokoll tat-Tikkettar tal-CCAMLR għad-Dissostichus spp. f’sajd esploratorju. Id-dgħajjes għandhom jieqfu mit-tikkettar biss wara li jkunu ttikkettaw 500 individwu, jew iħallu s-sajd wara li jkunu ttikkettaw id-Dissostichus spp. bir-rata speċifika;

    (b)

    il-programm għandu jkun immirat għal individwi ta’ kull daqs sabiex tintlaħaq il-ħtieġa ta’ tikkettar; it-toothfish f’kundizzjoni tajba biss għandhom jiġu ttikkettati. L-individwi meħlusa kollha għandhom jiġu ttikkettati doppju u l-ħelsien għandu jkopri l-usa’ żona ġeografika possibbli; f’reġjuni fejn hemm iż-żewġ speċi ta’ Dissostichus, ir-rata ta’ tikkettar għandha tkun, sa fejn hu possibbli, proporzjonata għall-ispeċi u d-daqs tad-Dissostichus spp. preżenti fil-qabdiet;

    (ċ)

    it-tikketti kollha għandhom ikunu stampati b’mod ċar b’numru tas-serje uniku u b’indirizz tas-sors sabiex l-oriġini tat-tikketti tkun tista’ tiġi ttraċċata mill-ġdid fil-każ li l-individwu ttikkettat jerġa’ jinqabad; mill-1 ta’ Settembru 2007 it-tikketti kollha għall-użu f’sajd esploratorju għandhom jiġu pprovduti mis-Segretarjat;

    (d)

    kull individwi ttikkettat maqbud mill-ġdid (jiġifieri, ħut maqbud diġà tikkettat) m’għandux jinħeles mill-ġdid, anki jekk kien liberu għal perijodu qasir biss;

    (e)

    l-individwi ttikkettati maqbuda mill-ġdid kollha għandu jittiħdilhom id-dettalji bijoloġiċi (it-tul, il-piż, is-sess, l-istadju gonadali), għandu jittieħed ritratt elettroniku tal-ħut li juri d-data, għandhom jiġu rkuprati l-otoliti u titneħħa t-tikketta;

    (f)

    id-data kollha rilevanti tat-tikketta u kwalunkwe qbid mill-ġdid ta’ tikketti li jirreġistraw id-data għandhom jiġu rrapportati elettronikament fil-format CCAMLR lil CCAMLR fi żmien tliet xhur mit-tluq tad-dgħajsa minn dan is-sajd;

    (g)

    id-data rilevanti kollha tat-tikketta, kwalunkwe qbid mill-ġdid ta’ tikketti li jirreġistraw id-data, u eżemplari maqbuda mill-ġdid għandhom jiġu rrapportati wkoll b’mod elettroniku fil-format CCAMLR fl-arkivju reġjonali tad-data mit-tikketti rilevanti kif imniżżel fil-Protokoll ta’ l-Ittikkettar tal-CCAMLR.

    2.   Toothfish li huma ttikkettati u meħlusa m’għandhomx jinqatgħu mil-limiti tal-qabda.”

    (6)

    L-Artikolu 9(4) għandu jiġi sostitwiti b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill CCAMLR, b’kopja lill-Kummissjoni, bi trażmissjoni bil-kompjuter, mill-anqas fi żmien tlett ijiem mid-data tat-tmiem ta’ kull perijodu ta’ rapportaġġ, tar-rapport tal-qabda u l-isforz trażmess minn kull bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tagħhom u rreġistrat fil-Komunità. Kull rapport tal-qabda u ta’ l-isforz għandu jispeċifika l-perijodu ta’ rapportaġġ tal-qabda kkonċernata.”

    (7)

    L-Artikolu 9(5) għandu jitħassar.

    (8)

    L-Artikolu 13(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jittrażmetti d-data msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 lill-CCAMLR fit-tmiem ta’ kull xahar kalendarju, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni.”

    (9)

    L-Artikolu 14(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Fi tmiem kull xahar, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu n-notifika li jkunu rċevew lill-CCAMLR.”

    (10)

    L-Artikolu 16(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-CCAMLR, sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, bil-qabdiet totali għas-sena preċedenti miġbura mid-dgħajjes tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tagħhom, imqassma skond id-dgħajsa, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni.”

    (11)

    L-Artikolu 17(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jgħaqqdu d-data dwar qabdiet u sforzi ta’ skala żgħira b’rettangolu ta’ 10 × 10 mili nawtiċi u b’perijodu ta’ 10 t’ijiem, u jittrażmettu din id-data lill-CCAMLR sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni.”

    (12)

    L-Artikolu 18(1) u (2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Id-dgħajjes tas-sajd Komunitarji għas-sajd tal-granċi fis-subżona statistika 48.3 tal-FAO, għandhom jittrażmettu lill-CCAMLR, sal-25 ta’ Settembru ta’ kull sena, id-data li tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd u tal-qabdiet tal-granċi li jkunu saru qabel il-31 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni.

    2.   Id-data li tikkonċerna l-qabdiet mill-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena għandha tiġi trażmessa lill-CCAMLR fi żmien xahrejn mid-data ta’ l-għeluq tas-sajd, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni.”

    (13)

    L-Artikolu 19(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Id-dgħajjes tas-sajd Komunitarji għas-sajd tal-klamari (Martialia hyadesi) fis-subżona statistika 48.3 tal-FAO għandhom jittrażmettu lill-CCAMLR, sal-25 ta’ Settembru ta’ kull sena, id-data dwar qabdiet u sforzi ta’ skala żgħira għal dak is-sajd, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni. Id-data għandha tinkludi n-numru ta’ għasafar tal-baħar u mammiferi marini maqbugħda u meħlusa jew maqtula.”

    (14)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 26a

    Rappurtar ta’ avvistamenti ta’ dgħajjes

    1.   Fil-każ li l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd liċenzjat jilmaħ bastiment tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni, il-kaptan għandu, fejn ikun possibbli, jirreġistra kemm jista’ jkun informazzjoni dwar kull avvistament bħal dan, inklużi:

    (a)

    l-isem u d-deskrizzjoni tad-dgħajsa;

    (b)

    il-kodiċi tar-radju tad-dgħajsa;

    (ċ)

    in-numru ta’ reġistrazzjoni u n-numru Lloyds/IMO tad-dgħajsa;

    (d)

    l-istat tal-bandiera tad-dgħajsa;

    (e)

    ritratti tad-dgħajsa b’appoġġ għar-rapport;

    (f)

    kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra dwar l-attivitajiet osservati tad-dgħajsa avvistata.

    2.   Il-kaptan għandu jibgħat, malajr kemm jista’ jkun, rapport bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Istat tal-bandiera tiegħu. L-Istat tal-Bandiera għandu jressaq kwalunkwe rapporti bħal dawn lis-Segretarjat tal-CCAMLR jekk id-dgħajsa avvistata tkun involuta f’attivitajiet IUU skond l-istandards tal-CCAMLR.”

    (15)

    L-Artikolu 28(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, bastiment ta’ Parti Kontraenti jista’ jitqies li jkun wettaq attivitajiet IUU bi ħsara għall-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR meta dan ikun:

    (a)

    involut f’attivitajiet ta’ sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni mingħajr il-permess speċjali tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 3 jew, fil-każ ta’ bastiment li ma jkunx bastiment tas-sajd Komunitarju, liċenzja maħruġa skond il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR rilevanti, jew bi vjolazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ tali permess jew liċenzja;

    (b)

    ikun naqas milli jirreġistra jew jiddikjara l-qabdiet tiegħu magħmula fiż-żona tal-Konvenzjoni b’konformità mas-sistema tar-rapportar applikabbli għas-sajd li sar, jew li jkun għamel dikjarazzjonijiet foloz;

    (ċ)

    stad matul perijodi magħluqin tas-sajd jew f’żoni magħluqin b’kontravenzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR;

    (d)

    uża tagħmir pprojbit b’kontravenzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR applikabbli;

    (e)

    wettaq trasbord jew ipparteċipa f’operazzjonijiet konġunti ta’ sajd ma’, appoġġa jew forna mill-ġdid dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU tal-CCAMLR;

    (f)

    naqas li jipprovdi dokument validu għall-qbid għad-Dissostichus spp. fejn meħtieġ skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1035/2001;

    (g)

    wettaq attivitajiet ta’ sajd kuntrarji għal kwalunkwe miżura oħra ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR b’mod li jagħmel ħsara għall-ilħuq ta’ l-għanijiet tal-Konvenzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu XXII tal-Konvenzjoni; jew

    (h)

    wettaq attivitajiet ta’ sajd f’ibħra maġenb gżejjer fiż-żona tal-Konvenzjoni li fuqhom l-eżistenza ta’ sovranità ta’ l-Istat hija rikonoxxuta mill-Partijiet Kontraenti kollha b’mod li jagħmel ħsara għall-ilħuq ta’ l-għanijiet tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR.”

    (16)

    L-Artikolu 30(1) u (2) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, sabiex:

    (a)

    l-ebda permess speċjali ta’ sajd kif imsemmi fl-Artikolu 3 ma jinħareġ lid-dgħajjes tas-sajd Komunitarji li jkunu jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU sabiex jistadu fiż-żona tal-Konvenzjoni;

    (b)

    l-ebda liċenzja jew permess speċjali ta’ sajd ma jinħareġ lid-dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU sabiex jistadu fl-ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom;

    (ċ)

    il-bandiera tagħhom ma tingħatax lid-dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU;

    (d)

    dgħajjes li jidhru fil-lista IUU għandhom jiġu pprojbiti aċċess għall-portijiet minbarra għall-iskop ta’ azzjoni ta’ infurzar jew għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew sabiex tingħata assistenza lil dgħajjes jew persuni fuq dawk id-dgħajjes fil-perikolu jew f’diffikulta. Dgħajjes permessi li jidħlu fil-port għandhom jiġu ispezzjonati skond l-Artikolu 27;

    (e)

    meta l-aċċess għall-port jingħata lil tali dgħajjes:

    (i)

    id-dokumentazzjoni u informazzjoni oħra, inkluż id-Dokumenti dwar il-Qabda tad-Dissostichus fejn rivelanti, huma eżaminati, bil-ħsieb li tiġi vverifikata ż-żona li fih saret il-qabda; u meta l-oriġini ma tkunx tista’ tiġi vverifikata adegwatament, il-qabda tinżamm jew kwalunkwe ħatt jew trasbord tal-qabda huwa rifjutat, u

    (ii)

    fejn possibbli,

    fil-każ li jinstab li l-qabda ttieħdet bi ksur tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR, il-qabda tiġi konfiskata;

    l-appoġġ kollu għal tali dgħajjes, inklużi r-riforniment ta’ karburant mhux ta’ emerġenza, ir-riforniment ta’ provvisti u t-tiswijiet, huwa pprojbit;

    (f)

    l-importaturi, it-trasportaturi, u s-setturi l-oħra kkonċernati huma mħeġġa sabiex joqgħodu lura milli jittrattaw ma’ u minn trasbord ta’ ħut maqbud minn dgħajjes fil-lista tad-dgħajjes IUU.

    2.   L-attivitajiet li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti

    (a)

    b’deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) 2847/93, għal dgħajjes tas-sajd Komunitarji, għal dgħajjes ta’ appoġġ, għal dgħajjes ta’ riforniment tal-karburant, għal dgħajjes prinċipali ta’ flotta u għal bastimenti tal-merkanzija, li jipparteċipaw bi kwalunkwe mod fi trasbord jew f’operazzjonijiet konġunti ta’ sajd ma’, jappoġġaw jew ifornu mill-ġdid dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU;

    (b)

    il-kiri ta’ dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU;

    (ċ)

    l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid tad-Dissostichus spp. minn dgħajjes li jidhru fil-lista tad-dgħajjes IUU.”

    (17)

    L-Artikolu 31 għandu jiġi sostitwit:

    “Artikolu 31

    Skema għall-promozzjoni tal-konformità miċ-ċittadini mal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-prevalenza tar-responsabbiltà ta’ l-Istat tal-Bandiera, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, suġġetti għal u f’konformità mal-liġijiet u r-regoli applikabbli tagħhom, ta’:

    (a)

    biex jivverifikaw jekk kwalunkwe persuna fiżika jew legali suġġetta għall-ġurisdizzjoni tagħhom hija nvoluta fl-attivitajiet IUU kif deskritti fl-Artikolu 28;

    (b)

    jieħdu azzjoni xierqa b’rispons għal kwalunkwe attività vverifikata msemmija f’punt 1(a); u

    (ċ)

    jikkoperaw għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet imsemmija f’punt 1(a). Għal dan il-għan, l-aġenziji rilevanti ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkoperaw sabiex jimplimentaw il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR u jistgħu jfittxu koperazzjoni mill-industriji fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti lis-Segretarjat tal-CCAMLR u l-Partijiet Kontraenti u l-Partijiet Mhux Kontraenti li qed jikkoperaw mal-CCAMLR, għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Iskema ta’ Dokumentazzjoni tal-Qabda għad-Dissostichus spp., fuq l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda skond paragrafu 1, f’waqthom, b’kopja tintbagħat lill-Kummissjoni, sabiex jassistu fl-implimentazzjoni ta’ din il-miżura ta’ konservazzjoni.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. PEREIRA


    (1)  Opinjoni mogħtija fl-10 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 97, 1.4.2004, p. 16.


    Top