Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0646

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 646/2007 tat- 12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrigwarda mira Komunitarja biex titnaqqas il-prevalenza tas- Salmonella Enteritidis u tas- Salmonella Typhimurium fil-brojlers u jitneħħa r-Regolament (KE) Nru 1091/2005 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 151, 13.6.2007, p. 21–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/03/2012; Imħassar b' 32012R0200

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/646/oj

13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 151/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 646/2007

tat-12 ta’ Ġunju 2007

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrigwarda mira Komunitarja biex titnaqqas il-prevalenza tas-Salmonella Enteritidis u tas-Salmonella Typhimurium fil-brojlers u jitneħħa r-Regolament (KE) Nru 1091/2005

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żunotiċi (1) oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel u, partikolarment l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu;

Billi:

(1)

L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jassigura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-salmonella u aġenti żunotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta’ produzzjoni primarja, sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li dawn ifissru għas-saħħa pubblika.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jiddisponi li għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b’sinifikat għas-saħħa pubblika fit-tiġieġ tat-tip brojlers fil-livell ta’ produzzjoni primarja. Dan it-tnaqqis huwa importanti in vista tal-miżuri stretti li jridu jkunu applikati fuq il-laħam frisk minn qatgħat infettati ta’ brojlers skond dak ir-Regolament, mit-12 ta’ Diċembru 2010. B'mod partikulari, laħam frisk tat-tjur, inkluż laħam tal-brojler, jista' jitqiegħad fis-suq għall-konsum tal-bniedem sakemm is-Salmonella hija assenti f'25 gramma ta’ dan il-laħam.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira Komunitarja tinkludi espressjoni numerika tal-persentaġġ massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni ta’ l-iskemi ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira. Għandu jinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika.

(4)

Sabiex tiġi stabbilita l-mira Komunitarja, data komparabbli dwar il-prevalenza tas-serotipi tas-Salmonella kkonċernati f'qatgħat ta’ brojlers fl-Istati Membri nġabret skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/636/KE ta’ li tikkonċerna studju fuq linja bażi dwar il-prevalenza tas-Salmonella fil-qatgħat ta’ brojlers (2).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jiddisponi li għal perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, il-mira tal-Komunità għall-brojlers hi li jiġu koperti s-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium. Serotipi oħrajn b'sinifikat għas-saħħa pubblika jistgħu jitqiesu wara dak il-perjodu.

(6)

Sabiex ikun ivverifikat il-progress dwar il-kisba tal-mira Komunitarja, huwa neċessarju li jkun provdut għall-kampjuni ripetuti ta’ qatgħat ta’ brojlers f'din id-Deċiżjoni.

(7)

Skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) kienet ikkunsultata dwar it-twaqqif tal-mira Komunitarja għall-brojlers. B'mod partikulari, it-Task Force ta’ l-EFSA dwar il-Ġbir tad-Data dwar iż-Żunożi adottat fit-28 ta’ Marzu 2007 ir-Rapport dwar l-Analiżi ta’ l-istħarriġ fuq linja bażi dwar ir-revalenza tas-Salmonella fil-qatgħat tal-brojlers tal-Gallus gallus fl-UE, 2005-2006, Parti A: stimi ta’ prevalenza tas-Salmonella  (3).

(8)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1091/2005 tat-12 ta’ Lulju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ħtiġijiet għall-użu ta’ metodi ta’ kontroll fil-qafas tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tas-salmonella (4), inbidel b'Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2006 ta’ l-1 ta’ Awissu 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ħtiġijiet għall-użu ta’ metodi speċifiċi ta’ kontroll fil-qafas ta’ programmi nazzjonali għall-kontroll tas-salmonella fit-tjur (5). Għas-saħħa taċ-ċarezza, huwa xieraq li jitneħħa r-Regolament (KE) Nru 1091/2005.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mira Komunitarja

1.   Il-mira Komunitarja, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis u tas-Salmonella Typhimurium fil-brojlers ('Mira Komunitarja') għandha tkun ta’ tnaqqis ta’ persentaġġ massimu ta’ qatgħat ta’ brojlers li jibqgħu posittivi għas-Salmonella Enteritidis u tas-Salmonella Typhimurium għal 1 % jew anqas sal-31 ta’ Diċembru 2011.

2.   L-iskema ta’ ttestjar għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja hi stipulata fl-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tanalizza l-iskema ta’ ttestjar stipulata fl-Anness ibbażata fuq l-esperjenza akkwistata fl-2009, l-ewwel sena tal-programm ta’ kontroll bħalma hu msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 2

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1091/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 1091/2005 hu rrevokat b'seħħ mill-1 ta’ Lulju 2007.

Riferenzi għad-Deċiżjonijiet imħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1177/2006.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) u (3) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007 u l-Artikolu 1(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 228, 3.9.2005, p. 14.

(3)  Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 98, 1-85.

(4)  ĠU L 182, 13.7.2005, p. 3.

(5)  ĠU L 212, 2.8.2006, p. 3.


ANNESS

Skema ta’ ttestjar neċessarja biex tkun verifikata l-kisba tal-mira Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1(2)

1.   Il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

(a)

Il-qafas tal-kampjun għandu jkopri l-qatgħat tal-brojlers koperti bl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

(b)

Għandhom jittieħdu kampjjuni ta’ qatgħat tal-brojlers fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel mill-awtorità kompetenti.

It-teħid tal-kampjun fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 fi żmien tliet ġimgħat qabel ma l-għasafar jiċċaqalqu lejn il-biċċerija.

It-teħid tal-kampjuni mill-awtorità kompetenti għandha tinkludi kull sena ta’ mill-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers fuq 10 % ta’ l-impriżi b'aktar minn 5 000 għasfur. Għandu jsir abbażi tar-riskju kull darba li l-awtorità kompetenti tikkonsidrah neċessarju.

It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post teħid wieħed ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur kummerċjali ta’ l-ikel.

(c)

Madankollu, bis-saħħa tad-deroga minn punt (a), l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tieħu kampjun ta’ mill-anqas qatgħa waħda ta’ brojlers għal kull ġabra ta’ impriżi b'qatgħat diversi jekk:

(i)

Tintuża sistema ta’ kollha ġewwa/kollha barra;

(ii)

l-istess maniġment hu applikat fuq il-qatgħat kollha;

(iii)

Il-provista ta’ l-għalf u l-ilma huma komuni għall-qatgħat kollha;

(iv)

Matul sena waħda u ta’ mill-anqas sitt darbiet, is-Salmonella spp kienet ttestjata skond l-iskema ta’ monitoraġġ sitpulata fil-punt (b) fil-qatgħat kollha fl-impriża u l-kampjuni tal-qatgħat kollha ta’ mill-anqas ta’ ġabra waħda ittieħedu mill-awtorità kompetenti; kif ukoll

(v)

Ir-riżultati kollha mill-ittestjar għas-Salmonella Enteritidis jew Salmonella Typhimurium kienu negattivi.

2.   Il-Protokoll għat-teħid tal-kampjuni

Għandhom jittieħdu ta’ mill-anqas żewġ pari ta’ msellħiet ma’ l-istvali/bħala kalzetti. Għall-qatgħat imrobbija fil-ftuħ, il-kampjuni għandhom jinkisbu biss fl-art ġewwa l-impjant. L-imsellħiet kollha ma’ l-istvali/bħala kalzetti għandhom jinġabru f'kampjun wieħed.

F'qatgħat ta’ anqas minn 100 brojler, meta ma jkunx possibbli li jintużaw imsellħiet ma’ l-istvali/imsellħiet li jintlibsu qishom kalzetti minħabba li mhux possibbli l-aċċess fil-gallinari, dawn jistgħu jiġu sostitwiti b’imsellħiet li jittieħdu forma ta’ mesħa bl-idejn - fil-każ li l-imsellħiet ma’ l-istvali jew kalzetti jintlibsu fuq idejn mgħottija b’ingwanti u li jintmesħu fuq uċuħ li huma kkontaminati bi ħmieġ li jkun għadu frisk, jew jekk dan ma jkunx vijabbli, permezz ta’ tekniki oħra ta’ ksib ta’ kampjuni ta’ ħmieġ.

Qabel ma jintlibsu msellħiet ma’ l-istvali/bħala kalzetti, il-wiċċ tagħhom għandu jixxarrab b'dilwizzjonijiet ta’ rkupru massimu (MRD: 0.8 % klorur tas-sodju, 0.1 % peptun f'ilma dejonizzat sterili), jew ilma sterili jew kwalunkwe dilwizzjoni oħra approvata mil-laboratorju nazzjonali ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003. L-użu ta’ l-ilma ta’ l-irziezet li fih aġenti kontra l-mikrobi jew disinfettanti addizzjonali għandu jkun projbit. Il-mod rakkomandat kif għandhom jixxarbu l-imsellħiet ma’ l-istvali għandu jkun li jitferra l-likwidu ġewwa qabel ma jintlibsu. Alternattivament, l-imsellħiet ma’ l-istvali jew l-kalzetti li jkunu sterillizzati fi fran (autoclaved) b'dilwizzjonijiet fi xkejjer jew ġarar ta’ l-autoclave qabel ma jintużaw. Id-dilwizzjoni jistgħu jiġu applikati wkoll wara li jintlibsu l-istivali permezz ta’ sprej jew wash bottle.

Għandu jkun żgurat li t-taqsimiet kollha ta’ l-impjant huma rappreżentati fil-kampjun b'mod proporzjonat. Kull par għandu jkopri madwar 50 % taż-żona ta’ l-impjant.

Meta jitlesta t-teħid ta’ kampjuni, msellħiet ma’ l-istvali/bħala kalzetti għandu jitneħħa bil-galbu sabiex ma jinqala' l-ebda materjal imwaħħal. L-imsellħiet ma’ l-istvali għandhom jinqalbu bil-maqlub sabiex jinżamm il-materjal. Għandhom jitpoġġew f'borża jew kontenitur u ttikkettjati.

L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja l-edukazzjoni ta’ l-operaturi kummerċjali ta’ l-ikel biex tiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tal-protokoll tat-teħid tal-kampjun.

Fil-każ tat-teħid tal-kampjun mill-awtorità kompetenti minħabba suspett ta’ infezzjoni ta’ Salmonella u fi kwalunkwe każ ieħor li jitqies xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tissodisfa ruħha billi twettaq testijiet ulterjuri kif inhu xieraq sabiex ir-riżultat ta’ l-eżamijiet għas-Salmonella fil-qatgħat ta’ brojlers ma jkunux affettwati mill-użu ta’ antimikrobikali f'dawk il-qatgħat.

Fejn ma tinstabx il-preżenza tas-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium iżda jinstabu antimikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, il-qatgħa tal-brojlers għandha tkun ikkunsidrata bħala infettata għall-għan tal-mira Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   L-eżaminazzjoni tal-kampjuni

3.1.   It-trasport u t-tħejjija tal-kampjun

Il-kampjuni għandhom jintbagħtu bis-servizz express tal-posta jew kurjer lil-laboratorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, fi żmien 25 siegħa wara li jinġabru. Fil-laboratorji, il-kampjuni għandhom jinżammu fil-friża sakemm issir l-eżaminazzjoni, li għandha ssir fi żmien 48 siegħa wara t-twassil.

Iż-żewġ pari tal-kampjuni miġburin b'imsellħiet ma’ l-istvali/bħala kalzetti għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar sabiex jiġi evitat li jinqala’ materjal ta’ ħmieġ, miġbua flimkien u jitpoġġew f’225 ml ta’ buffered peptone water (BPW) imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali;

Il-kampjun għandu jiddawwar sakemm jassorbih kollu u l-koltura għandha titkompla bl-użu tal-metodu ta’ stħarriġ f’punt 3.2.

Jekk l-istandards ta’ l-ISO dwar il-preparazzjoni tal-ħmieġ għall-istħarriġ tas-salmonella jkun hemm ftehim dwarhom, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet dwar il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni stabbiliti f'dan il-punt.

3.2.   Metodu ta’ osservanza

Għandu jintuża l-metodu li huwa rrakkomandat mil-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju (CRL) għas-Salmonella f'Bilthoven, fl-Olanda.

Dan il-metodu hu deskritt fil-verżjoni kurrenti ta’ l-abbozz ta’ l-Anness D ta’ l-ISO 6579 (2002): ‘Stħarriġ tas-Salmonella spp. fil-ħmieġ ta’ l-annimali u fil-kampjuni ta’ l-istadju primarju ta’ produzzjoni’.

F’dan il-metodu ta’ stħarriġ, sustanza semi-solida (is-sustanza semi-solida mmodifikata Rappaport-Vassiladis, MSRV) tintuża bħala s-sustanza selettiva unika ta’ arrikkiment.

3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

Ta’ l-anqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv għandu jkun isserotipizzat, skond l-iskema Kaufmann-White.

3.4.   Metodi alternattivi

Fir-rigward tal-kampjuni meħuda fil-bidu ta’ l-operatur, il-metodi ta’ l-analiżi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), jistgħu jintużaw minflok il-metodi għall-preparazzjoni tal-kampjuni, metodi ta’ stħarriġ u tas-serotipi previsti f’punt 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ dan l-Anness, jekk ivvalidati skond l-EN/ISO 16140/2003.

3.5.   Ħżin ta’ varjanti

Ta’ l-anqas razza waħda ta’ iżolati għal kull impjant għal kull sena għandha tinġabar mill-awtorità kompetenti u maħżuna għall-phagetyping jew l-ittestjar għas-suxxettibilità anti-mikrobika ġejjiena, bl-użu tal-metodi normali għall-ġbir tal-koltura, li għandha tiżgura l-integrità tal-varjanti għal perjodu minimu ta’ sentejn.

4.   Riżultati u rapportar

4.1.   Kalkolu tal-prevalenza għall-verifika tal-mira Komunitarja

Qatgħa ta’ brojlers għandha tkun ikkunsidrata pożittiva għall-iskop tal-verifika tat-twettiq tal-mira Komunitarja, fejn il-preżenza tas-Salmonella Enteritidis u/jew s-Salmonella Typhimurium (għajr il-varjanti tal-vaċċin) kienet misjuba f’kampjun fil-qatgħa fi kwalunkwe okkażjoni.

Il-qatgħat tal-brojlers għandhom jingħaddu darba biss, irrispettivament min-numru tat-teħid tal-kampjuni u ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-ittestjar u jkunu rrapportati biss fl-ewwel sena li fiha jinstabu.

4.2.   Ir-rappurtaġġ

Ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

In-numru totali ta’ qatgħat ta’ brojlers miġbura f'kampjun mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur kummerċjali ta’ l-ikel;

(b)

In-numru totali ta’ qatgħat ta’ brojlers infettati;

(ċ)

l-iserotipi kollha tas-Salmonella iżolati (inklużi għajr is-Salmonella Enteritidis u s-Salmonella Typhimurium)

(d)

spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati, partikolarment dawk li jikkonċernaw każi eċċezzjonali.

Ir-riżultati msemmija f’dan il-punt u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali għandhom jiġu rrapportati bħala parti mir-rapport dwar it-tendenzi u s-sorsi previst fl-Artikolu 9 (1) tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

4.3.   Informazzjoni addizzjonali

Ta’ mill-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha ssir disponibbli minn kull qatgħa ta’ brojlers ttestjata għall-analiżi fuq il-livell nazzjonali jew mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel meta titlob hekk:

(a)

Kampjun meħud mill-awtorità kompetenti jew mill-operatur kummerċjali ta’ l-ikel;

(b)

Referenza dwar l-impriża, li tibqa' unika fiż-żmien;

(ċ)

Referenza dwar l-impriża, li tibqa' unika fiż-żmien;

(d)

Xahar li fih ittieħdu l-kampjuni.


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni korretta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.


Top