EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0522

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità (innotifikata taħt taħt dokument numru C(2006) 3303) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 205, 27.7.2006, p. 28–29 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1006–1007 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/522/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1006


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Lulju 2006

li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità

(innotifikata taħt taħt dokument numru C(2006) 3303)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/522/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar il-kontrolli veterinarji u żootekniċi, applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (2), u partikolarment l-Artikolu 18(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 998/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali ta' l-annimali domestiċi u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Wara t-tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur fix-Xlokk ta' l-Ażja fl-2004, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b'patoġeniċità għolja, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta' ħarsien marbuta ma' din il-marda. Dawn il-miżuri kienu jinkludu b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/759/KE tas-27 ta' Ottubru 2005 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja f'ċerti pajjiżi terzi u l-moviment minn pajjiżi terzi ta' għasafar li jakkompanjaw lis-sidien tagħhom (5) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE tas-27 ta' Ottubru 2005 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja f'ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta' għasafar tal-gaġġa (6).

(2)

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/759/KE jipprevedi li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għall-moviment fil-Komunità ta' għasafar ħajjin li huma pets li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom mill-pajjiżi terzi msemmija f'dan l-Artikolu. Attwalment il-Kroazja mhijiex imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/759/KE u skond dan l-importazzjonijiet ta' l-għasafar li huma pets li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom minn dan il-pajjiż terz jeħtieġu li jikkonformaw ma' l-istess restrizzjonijiet ta' importazzjoni bħal dawk stipulati f'din id-Deċiżjoni għal pajjiżi terzi oħra. Il-Kroazja kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li nnotifika lill-Kummissjoni b'każijiet ta' influwenza tat-tjur li nstabet f'għasafar salvaġġi u li kien trasparenti fil-mod kif ittratta każijiet ulterjuri ta' din il-marda. Dan l-aħħar, fil-Kroazja ma nstab l-ebda każ ġdid ta' influwenza tat-tjur.

(3)

Barra minn dan, il-Kroazja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta' dan il-pajjiż issa qegħdin japplikaw miżuri ta' ħarsien li huma ekwivalenti għal dawk applikati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE tas-17 ta' Frar 2006 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi fil-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/86/KE, 2006/90/KE, 2006/91/KE, 2006/94/KE, 2006/104/KE u 2006/105/KE (7).

(4)

Minħabba li r-riskju għas-saħħa ta' l-annimali fil-Komunità minn importazzjonijet ta' għasafar li huma pets mill-Kroazja għalhekk huwa minimu, il-Kroazja għandha titniżżel fil-lista ta' pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/759/KE.

(5)

Attwalment id-Deċiżjoni 2005/759/KE hija applikabbli sal-31 ta' Lulju 2006. Minħabba li każijiet ġodda ta' influwenza tat-tjur kienu rrappurtati f'ċerti pajjiżi membri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (OIE), ir-restrizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-movimenti ta' għasafar li huma pets li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom għandhom jissuktaw. Għalhekk huwa xieraq li l-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2005/759/KE tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2006.

(6)

F'Ottubru 2006, il-Bord ta' l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) fuq is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali (AHAW) se jadotta opinjoni xjentifika dwar ir-riskji fuq is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali assoċjati ma' l-importazzjoni ta' għasafar selvaġġi minbarra tjur ta' l-irziezet fil-Komunità. L-EFSA ntalbet speċifikament li tidentifika fl-opinjoni tagħha għodod u għażliet possibbli li jistgħu jnaqqsu kwalunkwe riskju identifikat relatat ma' l-importazzjoni ta' l-għasafar li mhumiex għasafar ta' l-irziezet. Din l-opinjoni se tiggwida l-politika tal-ġejjieni ta' l-UE dwar l-aspetti tas-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali ta' dawn l-importazzjonijiet.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE għandha tapplika sal-31 ta' Lulju 2006. Attwalment, emenda sostanzjali għar-regoli attwali stipulati fiż-żewġ deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE tista' tqarraq lill-operaturi u partijiet interessati oħra dwar l-iżvilupp possibbli tal-ġejjieni tal-politika ta' l-UE f'din il-kwistjoni. Fid-dawl tal-qagħda attwali tas-saħħa ta' l-annimali fir-rigward ta' l-influwenza tat-tjur u fl-istennija ta' l-adozzjoni intenzjonata ta' l-opinjoni ta' l-EFSA f'Ottubru, ir-restrizzjonijiet relatati ma' l-importazzjonijiet ta' l-għasafar li mhumiex tjur ta' l-irziezet għandhom jissuktaw. Għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-data ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sal-31 ta' Diċembru 2006.

(8)

Id-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/759/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-moviment lejn it-territorju Komunitarju ta' għasafar ħajjin li huma pets li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom minn Andorra, il-Gżejjer Faeroe, Greenland, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.”

(2)

Fl-Artikolu 5 d-data “31 ta' Lulju 2006” tinbidel għal “31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 2005/760/KE d-data “31 ta' Lulju 2006” tinbidel għal “31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, minnufih, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar il-25 ta' Lulju 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(2)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(3)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1); verżjoni kkoreġġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/590/KE (ĠU L 104, 13.4.2006, p. 8).

(5)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 52. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/405/KE (ĠU L 158, 10.6.2006, p. 14.

(6)  ĠU L 285, 28.10.2005, p. 60. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/405/KE.

(7)  ĠU L 48, 18.2.2006, p. 28. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/277/KE (ĠU L 103, 12.4.2006, p. 29).


Top