Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0469

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 469/2005 tat- 23 ta' Marzu 2005 li jissokkta s-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u ta’ l-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi

    ĠU L 78, 24.3.2005, p. 12–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 275M, 6.10.2006, p. 279–280 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/469/oj

    6.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    279


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 469/2005

    tat-23 ta' Marzu 2005

    li jissokkta s-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u ta’ l-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 518/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 519/94 tas-7 ta’ Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi u li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, (KEE) Nru 1766/82 u (KEE) Nru 3420/83 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament (KE) Nru 76/2002 (3) tas-17 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni bdiet is-sorveljanza Komunitarja minn qabel ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħadid u ta’ l-azzar li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Dan ir-Regolament kien emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1337/2002 (4) ta’ l-24 ta’ Lulju 2002 sabiex ikabbar il-firxa tas-sorveljanza, u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2385/2002 tat-30 ta’ Diċembru 2002 (5).

    (2)

    L-istatistika kummerċjali esterna tal-Komunità mhix disponibbli fi ħdan il-perjodi stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 (6).

    (3)

    Għalkemm is-sitwazzjoni nbidlet mid-dħul tas-sorveljanza fl-2002, żviluppi riċenti fis-suq dinji ta’ l-azzar xorta jeħtieġu sistema ta’ informazzjoni rapida u attendibbli dwar l-importazzjonijiet tal-Komunità fil-ġejjieni.

    (4)

    Sa mill-2003, is-suq Ċiniż kien il-mutur prinċipali taż-żjieda konsiderevoli fid-domanda għall-prodotti ta’ l-azzar. Madankollu, iċ-Ċina ilha żżid il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha b’pass verament mgħaġġel. Il-produzzjoni Ċiniża ta’ azzar mhux maħdum żdiedet minn 129 miljun tunnellata fis-sena 2000 għal 270 miljun tunnellata fl-2004, li għaddiet minn sehem ta’ produzzjoni dinjija ta’ 15.4 % għal 26.2 % matul l-istess perjodu, u kapaċitajiet ta’ produzzjoni ulterjuri qed jiġu miżjuda li jistgħu jwasslu lill-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża sa 300 miljun tunnellata fl-2005. L-importazzjonijiet fiċ-Ċina ammontaw għal madwar 37 miljun tunnellata fl-2003 u 20 miljun tunnellata fl-2004. Għall-istess snin, l-esportazzjonijiet ammontaw għal 7 miljun tunnellata u 14-il miljun tunnellata. Importazzjonijiet netti għalhekk għaddew minn 30 miljun tunnellata fl-2003 għal 15-il miljun tunnellata fl-2004, b'dan il-mod 15-il miljun tunnellata aktar kienu għall-bejgħ u kellu jinstabilhom suq ieħor. Jista’ jiġi mbassar li fiċ-Ċina din it-tendenza ta’ tnaqqis fl-importazzjonijiet u żjieda fl-esportazzjoni se tkompli, u permezz ta dan titħalla tidħol fis-suq dinji żjieda konsiderevoli ta’ kwantitajiet ta’ prodotti ta’ l-azzar li jkunu qed ifittxu suq ġdid.

    (5)

    L-aktar statistika reċenti ta’ importazzjoni disponibbli għal erba’ tipi ta’ prodotti ewlenin, primarjament prodotti ċatti, prodotti twal, tubi u pajpijiet, u prodotti parzjalment mitmuma, juru żjieda annwali bejn l-2002 u l-2003 li tilħaq medja ta' 9 % kumplessivament imma tasal sa 23 % u 43 % rispettivament għal prodotti twal u parzjalment mitmuma. Bl-istess mod, jekk jintuża perjodu ta’ 10 xhur li jibda minn Jannar u jasal sa Ottubru, iż-żjieda fil-persentaġġi bejn l-2003 u l-2004 instab li tvarja bejn it-3.4 % sal-58.5 %, skond it-tip ta’ prodott.

    (6)

    Analiżi ta’ l-ewwel tliet kwarti ta’ l-2004 turi tendenza ta’ żjieda ulterjuri, li tidher fi ħdan dan il-perjodu, ta’ bejn 26.7 % u 52 %, filwaqt li ċ-ċifri għal Ottubru ta’ din is-sena juru żjieda f’din it-tendenza.

    (7)

    Aktar minn hekk, prezzijiet fis-suq tal-Komunità, li fl-2003 kien baqgħu lura fil-konfront tas-suq ta’ l-Istati Uniti, saru fost l-aktar għoljin fid-dinja. Probabbilment dan saħansitra se jattira aktar interess minn esportaturi ta’ pajjiżi terzi.

    (8)

    Apparti dan, l-istatistika dwar l-impjieg li joffru l-produtturi ta' l-UE turi tnaqqis ċar, li minn 414 500 persuna fis-sena 2000 jgħaddi għal 404 700 fl-2001,390 200 fl-2002, 383 800 fl-2003 u 375 900 fl-2004, fi kliem ieħor tnaqqis ta’ madwar 10 % fuq medda ta’ erba’ snin.

    (9)

    Fuq il-bażi ta’ tendenzi reċenti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti ta' l-azzar, ta’ żviluppi reċenti fis-suq Ċiniż, tal-pass aktar mgħaġġel fiż-żjieda ta’ l-importazzjoni, tal-prezzijiet għolja ħafna tal-prodotti ta’ l-azzar fis-suq ta’ l-UE u tat-telf diġà konsiderevoli ta’ impjiegi matul snin reċenti, jista’ għalhekk jitqies li teżisti theddida ta’ ħsara lill-produtturi tal-Komunità għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94.

    (10)

    Għalhekk l-interessi tal-Komunità jeħtieġu li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ l-azzar għandhom ikomplu jkunu suġġetti għal sorveljanza Komunitarja minn qabel sabiex tipprovdi informazzjoni statistika avvanzata li tippermetti analiżi rapida tat-tendenzi ta' importazzjoni. Meta wieħed iqis l-iżviluppi mistennija msemmija hawn fuq, huwa xieraq li din is-sistema għandha tkompli sal-31 ta’ Diċembru 2006.

    (11)

    Huwa mixtieq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu sabiex tinġabar id-data kemm jista' jkun malajr,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 76/2002, kif immodifikat bir-Regolamenti 1337/2002 u 2385/2002, huwa emendat kif ġej: Fl-Artikolu 6 ħassar “31 ta’ Marzu 2005” u minflok ikteb “31 ta’ Diċembru 2006”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta' Marzu 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 349, 31.12.1994, p. 53. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2200/2004 (ĠU L 374, 22.12.2004, p. 1).

    (2)  ĠU L 67, 10.3.1994, p. 89. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 427/2003 (ĠU L 65, 8.3.2003, p. 1).

    (3)  ĠU L 16, 18.1.2002, p. 3.

    (4)  ĠU L 195, 24.7.2002, p. 25.

    (5)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 125.

    (6)  ĠU L 229, 9.9.2000, p. 14. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 179/2005 (ĠU L 30, 3.2.2005, p. 6).


    Top