EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0616

2005/616/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Awwissu 2005 dwar is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus għall-irtirar temporanju tal-preferenzi kummerċjali

ĠU L 213, 18.8.2005, p. 16–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 275–276 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/616/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

275


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Awwissu 2005

dwar is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus għall-irtirar temporanju tal-preferenzi kummerċjali

(2005/616/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2501/2001 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 u 29 tiegħu,

Billi:

(1)

It-tariffi preferenzjali mogħtija skond ir-Regolament Nru 2501/2001 jistgħu jiġi temporanjament irtirati totalment jew parzjalment f’ċirkostanzi li jinkludu vjolazzjoni serja u sistematika tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv kif definit fil-Konvenzjonijiet rilevanti ta’ l-Organizzzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

(2)

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2501/2001 ir-Repubblika tal-Belarus (minn hawn ’il quddiem ‘il-Belarus’) hija benefiċjarju ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati.

(3)

Fid-29 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions Ħielsa (ICFTU), il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej (ETUC) u l-Konfederazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WCL) dwar l-allegazzjoni ta’ vjolazzjoni sistematika u serja tal-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-Belarus kif definita fil-Konvenzjonijiet Nru 87 u 98 ta’ l-ILO.

(4)

L-informazzjoni mressqa kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-ftugħ ta' investigazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni iddeċidiet b'Deċiżjoni tad-29 ta' Diċembru 2003 (2) li għandha sseħħ investigazzjoni.

(5)

L-awtoritajiet tal-Belarus kienu assoċjati ma’ l-investigazzjoni. L-istqarrijiet bil-miktub u orali miġbura mill-Kummissjoni matul il-proċess ta’ l-investigazzjoni jikkonfermaw l-allegazzjonijiet li jinsabu fl-informazzjoni sottomessa preċedentement. Il-Belarus qiegħda tikser il-Konvenzjoni Nru 87 ta’ l-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni fuq bosta punti prinċipali billi ttellef it-twaqqif ta’ organizzazzjonijiet sindakali, id-dritt ta’ organizzazzjoni, l-għażla ħielsa ta’ organizzazzjoniet sindakali u l-kisba ta’ personalità legali ta’ dawn l-organizazzjonijiet. Il-Belarus qiegħda ttellef l-operat ta’ l-organizzazzjonijiet sindakali, inkluż li jirċievu assistenza finanzjarja minn affiljazzjoni internazzjonali, u tippromwovi x-xoljiment jew is-sospensjoni ta' l-organizzazzjonijiet sindakali. Il-Gvern tal-Belarus qiegħed ukoll jikser il-Konvenzjoni 98 (1949) dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u Negozjar Kollettiv permezz ta’ diskriminazzjoni kontra l-organizzazzjoni sindakali.

(6)

L-informazzjoni disponibbli għalhekk tipprovdi bażi biżżejjed biex tikkonkludi li dawn il-vjolazzjonijiet huma serji u sistematiċi u li l-irtirar ta’ l-aċċess tal-Belarus għall-iskema ta’ preferenzi ġeneralizzati huwa ġġustifikat. Rapport dwar ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni ġie sottomess lill-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati.

(7)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni se tissorvelja u tevalwa s-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-Belarus għal perjodu ta' sitt xhur. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, il-Kummissjoni bi ħsiebha tissottometti proposta lill-Kunsill għall-irtirar temporanju tal-preferenzi kummerċjali sakemm, qabel tmiem il-perjodu, il-Belarus tkun ħadet impenn li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma fi żmien tmien xhur mal-prinċipji msemmija fid-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-post tax-Xogħol ta’ l-ILO ta’ l-1998.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Preferenzi Ġeneralizzati,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

1.   Il-Kummissjoni se tissorvelja u tevalwa s-sitwazzjoni fil-Belarus fir-rigward tal-Konvenzjonijiet Nru 87 u 98 ta’ l-ILO għal perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar il-perjodu ta’ sorveljanza u evalwazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   F’dan l-avviż, il-Kummissjoni se ssejjaħ lill-Belarus biex timpenja ruħha, qabel tmiem il-perjodu ta’ sitt xhur, biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma, fi żmien tmien xhur, mal-prinċipji msemmija fid-Dikjarazzjoni ta’ l-ILO ta’ l-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-post tax-Xogħol, kif imniżżla fit-tnax-il rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-ILO tar-rapport ta’ Inkjesta ta’ Lulju 2004.

3.   Sakemm il-Belarus ma tieħux dan l-impenn, il-Kummissjoni bi ħsiebha tissottometti, wara li jiskadi l-perjodu ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1, proposta lill-Kunsill għall-irtirar temporanju tal-preferenzi kummerċjali mogħtija skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2501/2001.

Magħmul fi Brussell, nhar is-17 ta’ Awwissu 2005.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 346, 31.12.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1828/2004 (ĠU L 321, 22.10.2004, p. 23)

(2)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 90.


Top