Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0434

2005/434/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Ġunju 2005 li temenda d-Deċiżjoni 2005/393/KE rigward eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal movimenti interni ta' annimali miż-żoni ristretti (innotifikata taħt id-dokument numru C(2005) 1689) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 151, 14.6.2005, p. 21–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 130–131 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2007; Impliċitament imħassar minn 32007R1266

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/434/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

130


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Ġunju 2005

li temenda d-Deċiżjoni 2005/393/KE rigward eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għal movimenti interni ta' annimali miż-żoni ristretti

(innotifikata taħt id-dokument numru C(2005) 1689)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/434/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-qerda tal-bluetongue  (1), u b’mod partikolari l-punt (c) ta’ l-Artikolu 9(1), u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tistabbilixxi regoli u miżuri ta’ kontroll biex jikkumbattu l-bluetongue fil-Komunità, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u l-projbizzjoni fuq il-ħruġ ta' annimali minn dawk iż-żoni.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/393/KE (2) tipprevedi d-demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi globali fejn għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni ta’ protezzjoni u sorveljanza (“iż-żoni ristretti”) mill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-bluetongue. Din tistipula wkoll il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ ċerti movimenti ta’ annimali, l-isperma, l-ova u l-embrijoni tagħhom mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ prevista fid-Direttiva 2000/75/KE (“il-projbizzjoni fuq il-ħruġ”).

(3)

Meta merħla jkun twettaq fuqha programm ta’ tilqim, iċ-ċirkolazzjoni tal-vajrus tkun tnaqqset sa tali livell li l-movimenti tal-frieħ ta' l-annimali miż-żona ristretta lejn stabbilimenti barra miż-żona fejn it-trażmettituri tal-mikrobu jkunu kkontrollati għandhom jitqiesu li jirrappreżentaw riskju aċċettabbli.

(4)

Nhar l-14 ta’ Marzu 2005, grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi sanitarju għall-annimali ta’ l-art ta' l-Office international des épizooties (OIE) ħareġ rapport dwar l-aspetti differenti tar-regoli li għandhom japplikaw għall-movimenti ta’ l-annimali fir-rigward tal-bluetongue.

(5)

Dak il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li viremja li taqbeż is-60 jum m'għandhiex titqies li tkun tirrappreżenta riskju sinifikanti għall-movimenti ta’ annimali ħajjin u b’konsegwenza ta’ dan, l-annimali mħarsa minn xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu għal aktar minn 60 jum għandhom jitqiesu bħala siguri.

(6)

Barra minn dan, il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li billi l-perjodu massimu għal serokonverżjoni wara infezzjoni huwa ta’ 28 jum, annimal ikun sigur meta jkun ġie mħares minn xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu għal perjodu li jaqbeż it-28 jum u jkun ġie ttestjat bħala seroloġikament negattiv għal darba biss wara dak il-perjodu ta' 28 jum.

(7)

Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda wkoll li billi test viroloġiku jkun dejjem pożittiv seba’ t’ijiem wara l-infezzjoni, annimal ikun sigur meta jkun ġie mħares minn xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu għal aktar minn seba’ t'ijiem u jkun ġie ttestjat bħala viroloġikament negattiv għal darba wara dak il-perjodu ta’ seba' t'ijiem.

(8)

Id-Deċiżjoni 2005/393/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif jixraq.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2005/393/KE

Id-Deċiżjoni 2005/393/KE hi emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-movimenti interni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ mill-awtorità kompetenti jekk:

a)

l-annimali jkunu ġejjin minn merħla mlaqqma skond programm ta’ tilqim adottat mill-awtorità kompetenti; u

b)

l-annimali:

i)

jkunu tlaqqmu aktar minn 30 jum, iżda anqas minn tnax-il xahar, qabel id-data tal-moviment kontra s-serotip(i) preżenti jew possibilment preżenti f’żona ta’ oriġini ta’ rilevanza epidemjoloġika; jew

ii)

ikollhom anqas minn xahrejn fid-data tal-moviment u jkunu ddestinati lejn stabbiliment għat-tismin; it-tali stabbiliment irid ikun protett kontra xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu u rreġistrat mill-awtoritajiet kompetenti għall-għan ta’ tismin.”

2.

Fl-Anness II, il-Parti A tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“A.

L-annimali ħajjin iridu jkunu ġew imħarsa minn xi attakk tal-Kulokojide:

1.

għal almenu 60 jum qabel id-data tal-moviment; jew

2.

għal almenu 28 jum qabel id-data tal-moviment, u matul dak il-perjodu jkunu ġew soġġetti għal test seroloġiku għall-individwazzjoni ta’ l-antikorp għall-grupp BTV, bħat-test BT competition ELISA jew it-test BT AGID, b’eżitu ta’ riżultati negattivi u filwaqt li dak it-test ikun sar fuq kampjuni mittieħda almenu 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ protezzjoni minn xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu; jew

3.

għal almenu seba’ t'ijiem qabel id-data tal-moviment, u matul dak il-perjodu jkunu ġew soġġetti għal test ta’ iżolament tal-BTV jew test ta’ reazzjoni katinali tal-polimerasi, b’eżitu ta’ riżultati negattivi u filwaqt li dak it-test ikun sar fuq kampjuni tad-demm mittieħda almenu seba’ t’ijiem wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ protezzjoni minn xi attakk tat-trażmettituri tal-mikrobu; u

4.

matul it-trasportazzjoni lejn il-post fejn ikun se jinġarr.”

Artikolu 2

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-4 ta’ Lulju 2005.

Artikolu 3

Lil min hija indirizzata

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, nhar id-9 ta’ Ġunju 2005.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(2)  ĠU L 130, 24.5.2005, p. 22.


Top