EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2240

Regolament (KE) Nru 2240/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/1999 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxu għall-għan ġenerali ta' żvilupp u konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għal dak ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

ĠU L 390, 31.12.2004, p. 3–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2240/oj

31.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 390/3


REGOLAMENT (KE) Nru 2240/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2004

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/1999 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxu għall-għan ġenerali ta' żvilupp u konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għal dak ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 179(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

FIlwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

L-azzjoni Komunitarja biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Mejju 2001 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar “L-Irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni f'Pajjiżi Terzi” għandha tkompli wara l-2004. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/1999 (2) uriet li hija strument legali adegwat għall-implimentazzjoni tas-sostenn tekniku u finanzjarju tal-Komunità għal attivitajiet għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokratizzazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi terzi oħra biex jintlaħqu l-għanijiet globali f'dan il-qasam. Il-perijodu ta' validità ta' dak ir-Regolament, madankollu, jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2004. Jeħtieġ, għalhekk, li jiġi estiż dak il-perijodu.

(2)

Abbażi tal-proporzjon tal-qafas finanzjarju inkluż fir-Regolament (KE) Nru. 975/1999 u l-approprjazzjonijiet indikattivi għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni sa l-2006, dan ir-Regolament jistabbilixxi, għat-tul estiż tal-programm, qafas finanzjarju li jkun jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura tal-budget  (3), għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget.

(3)

Id-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 975/1999 dwar proċeduri għall-implimentazzjoni ta' għajnuna għandhom ikunu allinjati mal-ħtiġijiet legali tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) fl-implimentazzjoni tal-Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet.

(4)

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet jagħmlu parti integrali mir-Regolament (KE) Nru 975/1999. B'mod partikolari, ftehim u kuntratti konklużi skond dak ir-Regolament għandhom jawtorizzaw lill-Kummissjoni biex twettaq il-miżuri previsti mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikunu protetti mill-frodi u irregolaritajiet oħrajn (5).

(5)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 975/1999 għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 975/1999 għandu, għalhekk, jiġi hekk emendat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nu 975/1999 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 2(2) għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

sforzi ta' sostenn biex jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta' gruppi ta' pajjiżi demokratiċi fil-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, aġenziji speċjalizzati u organizzazzjonijiet reġjonali.”;

2)

Fl-aħħar ta' l-Artikolu 4(1) għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fil-każ ta' Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet u proċedimenti ‘amicus curiae’, persuni fiżiċi għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt dan ir-Regolament.”;

3)

L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5 għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Biex ikunu eliġibbli għal għajnuna Komunitarja, is-sħab imsemmija fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(1) għandu jkollhom il-kwartieri ġenerali prinċipali tagħhom f'pajjiż terz eliġibbli għal għajnuna Komunitarja taħt dan ir-Regolament jew fi Stat Membru tal-Komunità.”;

4)

L-Artikolu 7(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Finanzjament Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta' għotjiet jew kuntratti. Fil-qafas ta' l-operazzjonijiet taħt l-Artikolu 2, membri tal-Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet imħallsa mill-approprjazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni għandhom ikunu reklutati skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni.”;

5)

L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2006 huwa b'dan stabbilit għal EUR 134 miljun.”;

6)

L-Artikoli 11 u 12 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-qafas għall-ipprogrammar u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet Komunitarji.

Il-qafas għandu jkun jikkonsisti, b'mod partikolari, minn

(a)

programmi indikattivi multiannwali u aġġornamenti annwali ta' dawn il-programmi;

(b)

programmi annwali ta' ħidma.

F'sitwazzjonijiet partikolari, miżuri speċifiċi mhux koperti bi programm annwali ta' ħidma jistgħu jkunu approvati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport annwali li jistabbilixxi l-programmazzjoni għas-sena li jkun imiss skond ir-reġjun u skond is-settur, u għandha tirrapporta lura dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-adattament, skond dan ir-Regolament u skond il-ħtiġiet ta' flessibilità, tal-programmi annwali ta' ħidma li kienu definiti fil-qafas ġenerali ta' l-istabbiliment multiannwali. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jirriflettu l-prijoritajiet u t-tħassib ewlieni ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom ikunu determinati min-natura unika tal-programmi. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew kompletament infurmat bil-proċedimenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-operazzjonijiet Komunitarji taħt dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u skond proċeduri oħra fis-seħħ, b'mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (*).

Artikolu 12

1.   L-istrumenti msemmija fl-Artikolu 11(1) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

F'każijiet fejn emendi għal programmi annwali ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) ma jaqbżux l-20 % ta' l-ammont globali allokat lilhom jew ma jbiddlux b'mod sostanzjali n-natura tal-proġetti jew tal-programmi li hemm fihom, dawk l-emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Din għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, deċiżjonijiet dwar finanzjament ta' proġetti u programmi mhux koperti bi programmi annwali ta' ħidma u li jaqbżu EUR 1 miljun għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).”

(*)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1."

7)

L-Artikolu 13(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (1) għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal 30 jum.”;

8)

It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 15 għandha titħassar;

9)

L-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Kwalunkwe ftehim jew kuntratt konkluż skond dan ir-Regolament għandu jipprovdi b'mod espliċitu biex il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' kontroll, fuq dokumenti u fuq il-bini, fuq il-kuntratturi u s-sub-kuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji. Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikunu protetti mill-frodi u irregolaritajiet (**) oħrajn għandu japplika.”

(**)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2."

10.

Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 20, id-data “31 ta' Diċembru 2004” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 15 ta' Diċembru 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A. NICOLAÏ


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2004.

(2)  ĠU L 120, 8.5.1999, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendat bid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top