Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0397

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004 tat-2 ta' Marzu 2004 li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan

    ĠU L 66, 4.3.2004, p. 1–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/03/2009: This act has been changed. Current consolidated version: 07/05/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/397/oj

    32004R0397



    Official Journal L 066 , 04/03/2004 P. 0001 - 0014


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004

    tat-2 ta' Marzu 2004

    li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1] ("Regolament bażiku"), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A. PROĊEDURA

    1. Inizjazzjoni

    (1) Fit-18 ta' Diċembru 2002 il-Kummissjoni annunzjat b'avviż ("avviż ta' inizjazzjoni") ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej l-inizjazzjoni ta' proċedura kontra d-dumping li tirrigwarda importazzjonijiet lejn il-Komunità ta' friex tas-sodda tal-qoton, puri jew imħaltin ma' fibri magħmula mill-bniedem jew kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati ("lożor u mħaded tal-qoton" or "lożor u mħaded") li joriġinaw mill-Pakistan [2].

    (2) Il-proċedura bdiet wara li kien ippreżentat ilment f'Novembru 2002 mill-Kumitat ta' l-Industriji tal-Qoton u tat-Tessili tal-Komunitajiet Ewropej ("Eurocoton" jew "il-kwerelant") f'isem il-produtturi li jirrapreżentaw il-maġġoranza tal-produzzjoni Komunitarja tal-friex tas-sodda tal-qoton. L-ilment kien jinkludi prova prima facie ta' dumping tal-prodotti msemmija u tal-ħsara materjali li kienet qegħda tirriżulta minnhom, li kienet ikkunsidrata suffiċjenti biex tiġġustifika l-inizjazzjoni ta' proċedura kontra d-dumping.

    (3) Il-Kummissjoni uffiċjalment informat lill-produtturi esportaturi u l-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tagħhom, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi kkonċernati, il-produtturi Komunitarji kwerelanti, assoċjazzjonijiet magħrufa tal-produtturi, kif ukoll utenti magħrufa, bl-inizjazzjoni tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fit-termini ta' skadenza stabbiliti fl-avviż ta' inizjazzjoni.

    (4) Numru ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll produtturi Komunitarji, utenti Komunitarji u importaturi taw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub. Il-partijiet kollha li għamlu t-talba għal seduta fit-termini ta' skadenza imsemmija hawn fuq u li urew li kien hemm raġunijiet partikolari għalxiex huma kellhom jinstemgħu kienu mogħtija din l-opportunità.

    (5) Kien affermat li kienu għaddew iktar minn 45 jum bejn id-data tal-preżentazzjoni ta' l-ilment u d-data ta' inizjazzjoni. Skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament bażiku, ilment jitqies li jkun ġie ppreżentat fl-ewwel jum utli wara l-kunsinna tiegħu lill-Kummissjoni b'ittra reġistrata jew il-ħruġ ta' rikonoxximent ta' l-irċevuta mill-Kummissjoni. Il-ħruġ tar-rikonoxximent ta' l-irċevuta sar il-Ħamis, 31 ta' Ottubru 2002. Minħabba li l-Ġimgħa, l-1 ta' Novembru kienet festa pubblika, l-ewwel jum utli wara l-ħruġ tar-rikonoxximent ta' l-irċevuta mill-Kummissjoni kien it-Tnejn, 4 ta' Novembru 2002. Għaldaqstant, l-4 Novembru 2002 għandu jkun ikkunsidrat bħala d-data tal-preżentazzjoni ta' l-ilment.

    (6) L-avviż ta' inizjazzjoni ġie ppubblikat fit-18 ta' Diċembru 2002, li huwa b'mod ċar fil-45 jum mill-preżentazzjoni ta' l-ilment. Konsegwentement, l-avviż ta' inizjazzjoni kien ippublikat fit-terminu perentorju speċifikat fl-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku.

    2. Il-Kampjunar

    Esportaturi/Produtturi

    (7) Minħabba n-numru kbir ta' produtturi esportaturi involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-applikazzjoni ta' metodi ta' kampjunar skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jista' jkun neċessarju.

    (8) Biex tkun possibli s-selezzjoni ta' kampjun, il-produtturi esportaturi ġew mitluba biex jippreżentaw lilhom infushom sa 15 - il jum wara l-inizjazzjoni tal-proċedura u biex jipprovdu informazzjoni bażika għas-selezzjoni tal-kampjun.

    (9) Total ta' 178 kumpaniji pprovdew l-informazzjoni mitluba, imma 156 kumpaniji biss irrapurtaw produzzjoni u bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2001 u t-30 ta' Settembru 2002 ("perjodu ta' investigazzjoni" jew "PI") u urew ix-xewqa li jipparteċipaw fil-kampjun. Dawn ġew ikkunsidrati fil-bidu bħala kumpaniji li kkooperaw.

    (10) Minħabba li l-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji rraportat bejgħ domestiku rappreżentattiv ta' prodott simili, li jista' jkun użat biex jiġi ddeterminat il-valur normali skond l-Artikolu 2(1), (3) jew (6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni invitat lill-awtoritajiet Pakistani biex jikkuntattjaw lil kull produttur magħruf ta' friex tas-sodda b'bejgħ domestiku biex jagħtuhom opportunità addizzjonali biex jippreżentaw informazzjoni fuq dak il-bejgħ f'terminu ta' skadenza ġdid. Madankollu, l-ebda risposta li turi kumpaniji b'bejgħ domestiku rippreżentattiv ma kienet riċevuta.

    (11) Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ibbażat fuq l-akbar volum ta' esportazzjoni rappreżentattiv, li jista' jkun raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli, b'konsultazzjoni mal-produtturi esportaturi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-assoċjazzjonijiet magħrufa ta' produtturi/esportaturi. Il-Kummissjoni pproponiet inizjalment li jkun selezzjonat kampjun ta' ħames kumpaniji li jirrapreżentaw 29,5 % ta' l-esportazzjonijiet tal-Pakistan lejn il-Komunità u informat b'dan l-awtoritajiet Pakistani u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi/esportaturi. L-awtoritajiet nazzjonali tal-Pakistan, ir-rappreżentant legali ta' xi wħud mill-kumpaniji u assoċjazzjoni waħda ta' esportaturi pproponew li ċerti kumpaniji proposti minn oħrajn jiġu mibdula, bl-argument li dan għandu jiżgura kopertura akbar, firxa ġeografika aħjar u jkunu inklużi kumpaniji magħżula għall-kampjun fil-proċedura kontra d-dumping preċedenti. L-interessi ta' dawn il-partijiet intlaħqu sakemm huma bi qbil mal-kriterji ta' l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, jiġifieri id-disposizzjoni li kampjun għandu jkopri l-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni, bejgħ jew esportazzjoni, li jista' jkun raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta' dawn il-konsiderazzjonijiet, il-kampjun kien estiż billi sar jinkludi s-sitt l-akbar esportatur Pakistani.

    (12) Is-sitt kumpaniji magħżula, li jirrapreżentaw iktar minn 32 % tal-volum ta' esportazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-Pakistan lejn il-Komunità matul il-PI, kienu mitluba biex iressqu tweġiba għall-kwestjonarju fuq l-kontra d-dumping kif iddeterminat mill-avviż ta' inizjazzjoni.

    (13) Ġew imressqa talbiet għal eżaminazzjoni individwali minn tliet kumpaniji mhux magħzula fil-kampjun. Minħabba d-dimensjoni tal-kampjun u l-kumplessità tal-każ (bħan-numru kbir ta' tipi ta' prodott), il-Kummissjoni informat il-kumpaniji kkonċernati li d-deċiżjoni finali fuq eżaminazzjoni individwali setgħet tittieħed biss wara li ż-żjariet ta' verifika fil-kumpaniji magħżula fil-kampjun ikunu saru u ż-żmien disponibbli jkun ġie kkunsidrat. Għar-raġunijiet imfiehma fil-premessa 35 hawn taħt, il-kondizzjonijiet neċessarji għall-investigazzjonijiet fil-post fil-Pakistan ma' ntlaħqux, għalhekk, ma kienx possibli li tiġi aċċettata ebda talba għal eżaminazzjoni individwali.

    Produtturi Komunitarji

    (14) Minħabba n-numru kbir ta' produtturi Komunitarji li jappoġġjaw l-ilment, u skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni annunzat fl-avviż ta' inizjazzjoni tal-proċedura l-intenzjoni tagħha li tagħżel kampjun ta' produtturi Komunitarji bbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni u bejgħ ta' l-industrija Komunitarja li tkun tista' tkun raġonevolment investigata fiż-żmien disponibbli. Għal dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni talbet lil kumpaniji biex jipprovdu informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat.

    (15) Fuq il-bażi tar-risposti riċevuti, il-Kummissjoni għażlet ħames kumpaniji fi tliet Stati Membri. Fis-selezjoni, il-volum ta' produzzjoni u bejgħ kien ikkunsidrat bl-għan li jkun kopert id-daqs tas-suq l-aktar rappreżentattiv.

    (16) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-kumpaniji fil-kampjun. Tnejn minn dawn il-ħames kumpaniji ma setgħux jagħtu lista kompleta ta' l-operazzjonijiet kollha li saru ma klijenti indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk ġew meqjusa bħala parzjalment kooperattivi biss.

    3. Investigazzjoni

    (17) Ġew riċevuti risposti għall-kwestjonarju mill-ħames produtturi Komunitarji kwerelanti fil-kampjun, mis-sitt produtturi esportaturi Pakistani fil-kampjun, tliet produtturi esportaturi li talbu eżaminazzjoni individwali u żewġ importaturi indipendenti fil-Komunità.

    (18) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li rriteniet neċessarja għall-għan li jiġi determinat dumping, ħsara, każwalità u interess Komunitarju. Żjarat ta' verifika ġew magħmula fil-bini ta' dawn il-kumpaniji li ġejjin:

    Produtturi Komunitarji:

    - Bierbaum Unternehmensgruppe GmbH & Co.KG, Ġermanja,

    - Descamps S.A., Franza,

    - Gabel Industrija Tessile S.p.A., Italja,

    - Vanderschooten S.A., Franza,

    - Vincenzo Zucchi S.p.A., Italja;

    Importaturi mhux relatati fil-Komunità:

    - Blanche Porte S.A., Franza,

    - Richard Haworth, Renju Unit;

    Esportaturi/produtturi fil-Pakistan:

    - Gul Ahmed Textile Mills Ltd, Karachi,

    - Al-Abid Silk Mills, Karachi (verifika parzjali).

    (19) Il-perjodu ta' investigazzjoni għal dumping u ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002. L-eżaminazzjoni ta' tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara kopriet il-perjodi mill-1999 sa l-aħħar tal-PI ("perjodu kkunsidrat").

    (20) Minħabba l-bżonn li jiġu eżaminati iktar fil-fond ċerti aspetti ta' dumping, ħsara, każwalità u interess Komunitarju, l-ebda miżuri ta' kontra d-dumping proviżjonali ma ġew imposti.

    B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    1. Prodott ikkonċernat

    (21) IL-prodott ikkonċernat huwa friex tas-sodda tal-fibri tal-qoton, puri jew imħaltin ma' fibri magħmula mill-bniedem jew kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati li jori1ġinaw fil-Pakistan, attwalment klassifikabbli fil-Kodiċi NM ex63022100 (Kodiċi TARIC 63022100*81, 63022100*89), ex63022290 (Kodiċi TARIC 63022290*19), ex63023110 (Kodiċi TARIC 63023110*90), ex63023190 (Kodiċi TARIC 63023190*90) u ex63023290 (Kodiċi TARIC code 63023290*19). Friex tas-sodda jinkludu lożor (li jitqabbdu mas-saqqu jew li jinfirxu), għata tad-duvet u investi, ppakkjati għall-bejgħ kemm separatament u kif ukoll f'settijiet.

    (22) Id-drappijiet magħmula mill-fibri tal-qoton użati għall-produzzjoni tal-friex tas-sodda huma identifikati minn zewġ pari ta' numri. L-ewwel wieħed jindika n-numru (jew piż) tal-ħjut ta' materjal sintetiku wżat rispettivament għall-insiġ u għat-tgħama. It-tieni wieħed jindika n-numru ta' ħjut per ċentimetru jew per pulzier ta' l-insiġ u tat-tgħama rispettivament.

    (23) Id-drappijiet huma bbliċjati, miżbugħa jew stampati. Imbagħad jkunu maqtugħin u meħjutin lożor li jitqabbdu mas-saqqu jew li jinfirxu, għotjien tad-duvet u investi ta' qisien differenti. Il-prodott finali huwa ppakkjat għall-bejgħ kemm separatament jew kif ukoll f'settijiet.

    (24) Kien asserit li friex tas-sodod ibbliċjati mibjugħa lil istituzzjonijiet għandhom ikunu esklużi mill-iskop ta' l-investigazzjoni għar-raġuni li m'għandhomx ikunu meqjusa bħala prodott ikkonċernat. Kien imressaq li l-friex tas-sodod ibbliċjati (i) huma teknikament differenti minn friex tas-sodod stampati u/jew miżbugħin; (ii) ma jistgħux ikunu ssostitwiti bi produzzjoni Komunitarja li hija bbażata fuq friex tas-sodod stampati u/jew miżbugħin; u (iii) għandhom użu finali differenti (sptarijiet u lukandi).

    (25) L-investigazzjoni rrivelat li għalkemm hemm proċessi differenti biex jitlestu id-drappijiet (ibbliċjar, żebgħa, stampar), il-prodotti kollha lesti huma sostitwibbli u jikkompetu fis-suq Komunitarju. Barra dan, instab li hemm produzzjoni ta' friex tas-sodda ibbliċjati fil-Komunità u li dan it-tip ta' prodott ikkonċernat mhuwiex użat esklussivament minn kategorija partikolari ta' utenti.

    (26) Minkejja it-tipi ta' prodott differenti possibli minħabba differenzi fil-ħjata, tlestija tad-drappijiet, preżentazzjoni u daqs, imballaġġ, eċc., kollha kemm huma jitqiesu bħala prodott wieħed għall-iskop ta' din il-proċedura għaliex għandhom l-istess karatteristiċi u essenzalment l-istess użu.

    2. Prodott Simili

    (27) Kien eżaminat jekk il-friex tas-sodda tal-qoton prodotti mill-industrija Komunitarja u mibjugħa fis-suq Komunitarju, kif ukoll il-friex tas-sodda prodotti fil-Pakistan u mibjugħa fis-suq Komunitarju u fis-suq domestiku huma simili għall-prodott ikkonċernat.

    (28) L-investigazzjoni rrilevat li għalkemm hemm proċessi differenti fil-finitura tad-drappijiet (ibbliċjar, żebgħa, stampar), prodotti tat-tip ta' finitura kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u essenzalment l-istess użu.

    (29) Kien għalhekk konkluż li għalkemm kien hemm f'xi każi differenzi bejn tipi ta' prodott prodotti fil-Komunità u dawk mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, ma kien hemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi bażiċi u fl-użi tat-tipi ta' prodott differenti u l-kwalitajiet ta' friex tas-sodda tal-fibri tal-qoton. Għalhekk, il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Pakistan u dak esportat lill-Komunità mill-Pakistan kif ukoll il-prodott manifatturat u mibjugħ fil-Komunità minn produtturi Komunitarji huma kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C. DUMPING

    Analiżi ta' l-informazzjoni mogħtija mill-esportaturi tal-kampjun qabel il-verifika

    (30) Is-sitt kumpaniji magħżula biex ikunu parti mill-kampjun irrispondew il-kwestjonarju. L-analiżi ta' qabel il-verifika tat-tweġibiet mogħtija mill-produtturi esportaturi urew li l-produtturi esportaturi magħżula kollha ssottovalutaw l-ispejjeż u dan irriżulta fi profitti għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità. Meta tqabbel il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni ma' l-ispejjeż tal-produzzjoni rrapurtati minn kull kumpanija, il-profitti fuq il-bejgħ tal-prodott kkonċernat lill-Komunità varjaw minn iktar minn 20 % sa kważi 40 % għal kull kumpanija, espressa bħala perċentwal tal-valur tal-bejgħ, fil-medja iktar minn 30 %. Dawn il-marġini kienu barraminhekk f'kuntrast qawwi mal-marġini ta' profitt negattiv medju (-9,4 % fuq il-valur tal-bejgħ) rraportat mill-istess kumpaniji għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil pajjiżi oħra, u kienu wkoll f'kuntrast mal-1,6 % marġinu ta' profitt fuq il-valur tal-bejgħ irrapurtat fil-medja fuq esportazzjonijiet ta' prodotti tessili oħra inklużi prodotti simili ħafna (drappijiet ipproċessati, dvalji, purtieri) bi strutturi ta' spejjeż simili, mibjugħin ukoll lill-istess tip ta' klijenti, jew anki lill-istess klijent. Għandu jiġi wkoll innotat li l-kontijiet vverfikati, għall-PI jew għal perjodi li jkopri ħafna mill-PI, tal-kumpaniji kkonċernati li huma produtturi u bejjiegħa ta' prodotti kwazi esklussivament tessili, urew fil-medja marġinu ta' profitt fuq il-valur tal-bejgħ kumplessiv ta' bejn wieħed u ieħor 5 %.

    (31) Minbarra l-fatt li kienu b'mod ċar kommerċjalment irraġonevoli, ir-rati ta' profitt irraportati għal esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità kienu wkoll ikkontradetti b'qawwa mill-informazzjoni kollha disponibbli fuq ir-rati ta' profitt għall-prodott ikkonċernat esportat mill-Pakistan lejn il-Komunità, inkluża l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-produtturi esportaturi fil-kampjun stess.

    (32) Fis-sottomissjoni tagħhom rigward il-ħsara, il-produtturi esportaturi ddikjaraw li l-profitabilità baxxa tal-friex tal-lożor hija inerenti f'din l-industrija, li hi kkaratterrizata minn volumi kbar ta' produzzjoni u kompetizzjoni għolja ħafna. Kien ukoll speċifikat li marġinu ta' profit ta' 2 % sa 3 % għandu jitqies bħala wieħed raġonevoli. Produttur esportatur ieħor mhux magħżul fil-kampjun indika li l-marġinu ta' profit normali jkun 2 % sa 5 %. Wara l-ammissjoni, il-produtturi esportaturi kollha kkontestaw li dawn id-dikjarazzjonijiet saru rigward il-profitabilità ta' l-esportazzjonijiet tagħħom lejn il-Komunità. Huma ddikjaraw li dawn il-prospetti kienu jirrigwardaw marġini ta' profit meqjusa aċċettabbli għal bejgħ mill-industrija Komunitarja. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li dawn il-prospetti (i) ġew magħmula matul seduta; (ii) kienu jirreferu għall-industrija tal-friex tas-sodda in ġenerali; u (iii) kienu barraminhekk ikkonfermati b'risposti għal mistoqsijiet speċifiċi fuq il-profitabilità ta' l-esportazzjonijiet tal-friex tas-sodda minn produtturi Pakistani lejn il-Komunità. Barra dan, informazzjoni simili kienet imressqa minn aġent indipendenti li qiegħed jaġixxi għal importaturi. Barraminhekk huma fatt komunament magħruf li s-suq Komunitarju tal-friex tas-sodda huwa tassew kompetittiv ħafna u b'riżultat tal-ħafna operaturi u s-suq ħieles, il-marġini ta' profit irraportati mill-produtturi esportaturi Pakistani ma jistgħux jitqiesu bħala kredibbli.

    (33) L-informazzjoni kollha disponibbli kienet tindika li l-figuri ta' profitt irraportati kienu sopravvalutati u minħabba l-fatt li l-prezzijiet ta' esportazzjoni kienu jikkorrispondu ma' l-Eurostat, kien hemm preżunzjoni raġonevoli li dan kien b'konsegwenza tas-sottovalutazzjoni ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni rraportati għall-prodott ikkonċernat. Dawn huwa iktar u iktar importanti minħabba il-fatt li fl-assenza ta' bejgħ rappreżentattiv fis-suq domestiku, huwa ċar li valur normali għandu jkun mibni fuq il-bażi ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni.

    Interruzzjoni ta' verifiki fil-post

    (34) Il-Kummissjoni pprovat tivverifika il-figuri improbabli ħafna rrapurtati fir-risposti għall-kwestjunarju kontra d-dumping imressqin mis-sitt kumpaniji magħzula fil-kampjun, skond l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku.

    (35) Matul il-verifika tat-tieni kumpanija, il-Kummissjoni rċeviet ittra anonima b'theddid ta' mewt indirizzata personalment lill-uffiċjali li kienu qegħdin jagħmlu l-verifiki. Minħabba n-natura speċifika u personali ta' l-ittra ta' theddid riċevuta mill-uffiċjali tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kondizzjonijiet neċessarji biex isiru l-verifiki ma ntlaqgħux u li dawn iċ-ċirkostanzi fixklu b'mod sostanzjali l-investigazzjoni. Konsegwentement, iż-żjarat ta' verifika kellhom jiġu interrotti.

    (36) Għal dawn ir-raġunijiet, kien possibli li ssir verifika sħiħa biss fil-bini ta' produttur esportatur wieħed, waqt li verifika parzjali saret fil-bini ta' produttur esportatur ieħor. L-esportazzjonijiet ta' dawn iż-żewġ kumpaniji jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-valur ta' esportazzjoni ċif totali tal-Komunità tal-produtturi esportaturi fil-kampjun.

    Riżultati tal-verifiki fil-post parzjali

    (37) Il-verifika ta' l-ewwel kumpanija ikkonfermat li kienet sottomessa informazzjoni qarrieqa dwar l-ispejjeż tal-kumpanija u l-politika tal-prezzijiet. Minkejja sottomissjoni mill-kumpanija li kontijiet ta' l-ispejjeż għall-prodott ikkonċernat kien miżmuma, kien allegat fil-post li l-ebda minn dawn il-kontijiet jew dokumenti ta' sostenn ma kienu disponibbli. Għaldaqstant, l-ebda prova dokumentata, kif normalment miżmuma fir-reġistri tal-kumpaniji, ma kienet ipprovduta li setgħet turi li l-ispejjeż irraportati tal-prodott ikkonċernat kienu tassew akkurati u li dawn l-ispejjeż kienu jirriflettu b'mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Anke meta intqal lill-kumpanija li, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija stess, dawn il-provi għandhom jeżistu, aċċess għal dawn il-provi ġie irrifjutat. Barra dan, informazzjoni fuq spejjeż tal-prodott simili esportat lejn pajjiżi oħra ġie rikjest iżda mhux ipprovdut.

    (38) Instabet prova wkoll li r-reġistri tal-kontijiet tal-kumpaniji ma kienux jikkorrispondu mal-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati (GAAP) fil-Pakistan, b'mod partikolari rigward il-valutazzjoni ta' l-inventarju. Barraminhekk, il-kumpanija rrikonoxxiet fil-post, u bi qbil ma' informazzjoni oħra disponibbli (ara premessa 32), li kien hemm kompetizzjoni konsiderevoli fis-suq Komunitarju bejn pajjiżi esportaturi differenti, u dan indika wkoll li l-figuri ta' profitt għoli irraportati għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat minn din il-kumpanija kienu tassew irraġonevoli.

    (39) Rigward iż-żjara ta' verifika parzjali li saret fil-bini tat-tieni kumpanija, instab li l-politika tal-prezzijiet għal bejgħ ta' friex tas-sodda lil Komunità u lil swieq oħra ma kienux ivarjaw b'mod sinnifikanti, u ma setgħux jirriżultaw f'marġini ta' profitt daqshekk differenti, kif kien irrapurtat mill-kumpanija. Il-marġini ta' profitt irrapurtati għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità kienu jeċċedu bil-kbir il-marġini wżati biex jiġu ffissati l-prezzijiet interni u fin-negozjati mal-klijenti. Ma ġiet ipprovduta ebda prova li setgħet turi li l-bejgħ tal-friex tas-sodda lill-Komunità kien se jiġġenera profitti daqshekk differenti mill-profitti ġġenerati mill-bejgħ lil pajjiżi terzi. Barra dan, informazzjoni dwar l-ispejjeż ta' produzzjoni u l-valutazzjoni tal-hażna tal-prodott ikkonċernat, ma setgħux jiġu vverifikati.

    (40) Fid-dawl taċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessa 35, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-informazzjoni pprovduta mill-kampjun li kien fadal ma setgħetx tkun ivverifikata, minħabba li ż-żjarat ta' verifiki kellhom jiġu interrotti.

    (41) L-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li meta jinstab li parti interessata ressqet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni m'għandix tiġi kkunsidrata u jistgħu jintużaw l-fatti disponibbli. Iż-żjarat ta' verifiki ma eliminawx il-preżunzjoni raġonevoli li l-informazzjoni mogħtija minn kull kumpanija magħzula fil-kampjun hija falza. Għaldaqstant, informazzjoni rigward spejjeż u profitti tal-prodott ikkonċernat ma tistax tiġi aċċettata kif irrapurtata, minħabba li din ma tistax tiġi vverifikata u l-informazzjoni disponibbli indikat b'mod ċar li din l-informazzjoni kienet falza. Għalhekk, kellu jiġi konkluż li kien hemm non-kooperazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 18(1) mill-kumpaniji kollha magħzula fil-kampjun.

    (42) Skond l-Artikolu 17(4) tar-Regolament bażiku, jekk hemm grad ta' non-kooperazzjoni minn xi partijiet jew kollha magħzula li x'aktarx jaffetwa b'mod materjali r-riżultat ta' l-investigazzjoni, jista' jintagħżel kampjun ġdid. Madankollu, għandu jkun innotat li t-theddida riċevuta mill-uffiċjali tal-Kummissjoni ma tneħħietx u m'hemm xejn li jindika li din it-theddida hija restritta għaż-żjarat ta' verifika ta' l-uffiċjali tal-Kummissjoni lill-kumpaniji fil-kampjun. Kien għalhekk impossibli għall-Kummissjoni biex tagħżel kampjun ġdid u tagħmel żjarat ta' verifiki. Konsegwentement, kellha ssir determinazzjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (43) Il-produtturi esportaturi ġew informati mis-sejba li huma kien taw informazzjoni falza jew qarrieqa, ir-raġuni għaliex din l-informazzjoni falza u qarrieqa ma ġietx milqugħa u li l-aħjar fatti disponibbli ser jintużaw skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Huma ngħataw l-opportunità biex jipprovdu iktar spjegazzjonijiet fit-terminu ta' żmien speċifikat, kif iddeterminat fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.

    (44) Skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, informazzjoni falza jew qarrieqa m'għandix tiġi kkunsidrata u jistgħu jintużaw fatti disponibbli. Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni disponibbli li tippermetti il-kalkolu tal-marġini ta' dumping, jiġifieri l-ilment, ir-risposti għall-kwestjonarju mill-produtturi esportaturi fil-kampjun u tliet produtturi esportaturi oħra li kienu talbu eżaminazzjoni individwali skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, informazzjoni imressqa minn ħafna partijiet interessati u statistiċi uffiċjali mill-Eurostat fuq l-importazzjoni.

    (45) F'dak li jikkonċerna l-ilment mressaq mill-industrija Komunitarja, li fiha kienu jinsabu provi prima facie ta' marġinu ta' dumping ta' 45,1 %, instab li l-informazzjoni wżata għall-kalkolu ta' dan il-marġinu ta' dumping kien inqas rappreżentattiv mill-informazzjoni mressqa mill-produtturi esportaturi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħafna tipi tal-prodott ikkonċernat esportat mill-Pakistan.

    (46) Ir-risposti għall-kwestjunarju fuq l-kontra d-dumping mit-tliet kumpaniji li talbu eżaminazzjoni individwali kienu wkoll eżaminati u instab li dawn kellhom nuqqasijiet u żbalji sinnifikattivi tant li jikkawżaw diffikultà inutli biex jinstab riżultat raġonevolment akkurat.

    (47) Konsegwentement, kien ikkunsidrat li, kollox ma' kollox, għalkemm kellhom fihom informazzjoni falza, ir-risposti tal-produtturi esportaturi miġbura fil-bidu biex jiġi kkostitwit kampjun setgħu, sa ċertu punt, jintużaw bħala l-aħjar fatti disponibbli. Ovvjament, dawn kellhom jiġu kkoreġuti meta jiġu kkontradetti mis-sejbiet tal-verifikazzjonijiet fil-post u mill-informazzjoni pprovduta minn dawn il-partijiet fis-sottomissjonijiet l-oħra tagħhom.

    (48) Għandu jkun innotat li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li r-riżultat ta' l-applikazzjoni tal-fatti disponibbli jistgħu jkunu inqas favorevoli lill-parti interessata milli kieku kienet ikkooperat. Madankollu, minħabba il-fatt li l-marġinu ta' dumping iddeterminat ikun japplika all produtturi esportaturi Pakistani kollha tal-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni ħadet kemm jista' jkun ħsieb li telimina l-element punitiv għall-non-kooperazzjoni.

    Il-bżonn li jiġi kkalkulat marġinu globali ta' dumping

    (49) L-informazzjoni mressqa mill-partijiet interessati, u wżata għall-korrezzjoni ta' l-ispejjeż irrapurtati mis-sitt kumpaniji inizjalment magħzula għall-kampjun, għandha fiha referenzi għall-marġinu ta' profitt medju fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat tat-2 % sal-5 %. Din l-iskjera ġiet ukoll ikkonfermata mill-produtturi esportaturi stess, u kienet ikkunsidrata raġonevoli kif indikat fil-premessa 32. Madankollu, kien ikkunsidrat li dan il-marġinu ta' profitt, għalkemm validu fil-medja għall-produtturi esportaturi kollha, mhux neċessarjament jirrifletti il-marġinu ta' profitt ta' kull kumpanija individwali. Fuq il-bażi tal-fatt li l-informazzjoni disponibbli ippermettiet biss lill-Kummissjoni li tikkalkula marġinu ta' profitt medju fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fejn kien ikkunsidrat approprjat li jsir kalkolu ta' marġinu ta' dumping kumplessiv li jkun japplika għall-produtturi esportaturi kollha.

    (50) Il-produtturi esportaturi sostnew li marġinu ta' dumping individwali kellu jkun stabbilit għal kull kumpanija individwalment. Intqal li l-kalkoli kienu juru li l-Kummissjoni setgħet tikkalkula marġinu ta' dumping individwali.

    (51) Il-bżonn li jiġi ikkalulat marġinu globali ta' dumping huwa r-riżultat tal-konsiderazzjonijiet li ġejjin: Il-margini ta' profitt fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni mressqa mill-produtturi esportaturi fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju ma setgħux jintużaw u għalhekk kellhom jiġu kkoreġuti. Din il-korrezzjoni ġiet magħmula billi ntuża għall-produtturi esportaturi kollha marġinu ta' profitt fuq bejgħ għall-esportazzjoni ta' 3,5 % (il-kwistjoni hija spjegata b'mod eżawrjenti fil-premessa 56). Dan kien ifisser ukoll li l-allokazzjonijiet ta' l-ispejjeż ta' fabbrikazzjoni tal-prodott ikkonċernat kif ippreżentat fir-risposti għall-kwestjunarju ma kienux korretti u għalhekk kellhom ikunu aġġustati kif xieraq skond l-Artikolu 18 tar-Regolament baziku. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ħażina tal-profitt fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni kellha riperkussjonijiet importanti fuq l-allokazzjonijiet tal-prezz għal kull produttur esportatur. Iktar importanti, il-fatt li marġinu ta' profitt medju kellu jintuża bħala fatti disponibbli għall-produtturi esportaturi kollha kien raġuni ta' importanza kbira biex ġie konkluż li ma jkunx appropjrat li jiġu speċifikati rati ta' dazju individwali għal kull produttur esportatur individwali. Fil-fatt, in-natura intrinsika ta' marġinu ta' profitt medju jagħmel mod li l-marġini ta' profitt individwali korrispondenti jvarjaw sa ċertu grad. F'dan il-każ, id-divarju kien importanti għax l-iskjera ta' marġini ta' profitt possibli ikkwotata varjat mit-2 % sal-5 %. Fi kliem ieħor, waqt li l-Istituzzjonijiet huma raġonevolment sodisfatti li l-marġinu ta' profitt medju wżat huwa approprjat, dan il-marġinu ta' profitt medju - b'konsiderazzjoni għar-riperkussjonijiet importanti għall-elementi l-oħra tal-valur normali mibni, u għaldaqstant, għall-kalkoli tad-dumping in ġenerali - ma jistax b'mod ċar jiġi meqjus bħala bażi biex tiġi speċifikata rata ta' dazju individwali. Dan għaliex hu jkun iwassal għal marġini ta' dumping li huma inġustifikabbilment għoljin għal ċerti produtturi esportaturi u għal marġini ta' dumping inġustifikabbilment baxxi għal produtturi esportaturi oħra kif imqabbel ma' sitwazzjoni fejn il-figuri tal-profitt individwali reali, jiġifieri dawk stabbiliti fil-każ ta' kooperazzjoni sħiħa, kienu wżati. Għaldaqstant, il-fatt li kellha tintuża figura ta' profitt medja għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat ikkondizzjonat b'mod intrinsiku id-determinazzjoni ta' kull produttur individwali.

    (52) Il-produtturi esportaturi ddikjaraw li l-fatt li huma rċevew document konklussiv b'kalkoli individwali u ammonti ta' dumping individwali juri li l-Istituzzjonijiet setgħu wkoll jispeċifikawlhom rati ta' dazju individwali. Madankollu, il-kwistoni li rata ta' dazju individwali mhijiex approprjata għar-raġunijiet spjegati hawn fuq m'għandiex tiġi konfuża ma' l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lil kull produttur esportatur individwali fid-dokument konklussiv. Fil-fatt, biex tkun aċċertata t-trasparenza u biex kull produttur esportatur individwali jkun jista' jivverifika l-kalkoli tal-Kummissjoni, rċevew kollha il-kalkolu sħiħ li rrifletta il-marġinu ta' profitt ta' 3,5 % imsemmi hawn fuq. Madankollu dan ma jikkontestax ir-raġunijiet għal marġini ta' dumping/rata ta' dazju f'livell ta' pajjiż sħiħ kif spjegat fil-paragrafu preċedenti.

    Valur normali

    (53) Minħabba li l-kumpaniji magħżula fil-kampjun ma kellhomx bejgħ domestiku tal-prodott simili li jirrapreżenta mill-anqas 5 % tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità, kif previst fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tal-prodott simili mill-kumpaniji kkonċernati ma setax jintuża bħala bażi valida biex jiġi ddeterminat il-valur normali.

    (54) Fl-assenza ta' bejgħ domestiku rappreżentattiv magħmul minn produtturi oħra, il-valur normali kellu jinbena skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, billi jiġu inklużi ma' l-ispejjeż ta' fabbrikazzjoni tat-tipi tal-prodott ikkonċernat esportati ammont raġonevoli għall-ispejjeż ġenerali, amministrattivi u tal-bejgħ ("SG& A") u għall-profitt, iddeterminat skond l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

    (55) Kif ġie konkluż fil-premessa 41, instab li l-ispejjeż ta' fabbrikazzjoni rrapurtati, u bħala konsegwenza, il-marġini ta' profitt irrapurtati għall-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu foloz.

    (56) Mill-ispejjeż ta' produzzjoni rrapurtati, l-ispejjeż ta' fabbrikazzjoni biss kienu kkoreġuti, minħabba li l-ispejjeż irrapurtati fl-SG&A nstabu li jikkorispondu mal-kontijiet ivverifikati tal-kumpaniji. Il-profitt fuq l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għal kull kumpanija magħzula inizjalment għall-kampjun kien ikkoreġut għal 3,5 % ta;-valur tal-bejgħ, medja tal-marġini ta' profitt għal dan il-bejgħ. L-ammont ta' riduzzjoni tal-profitt fuq esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġie allokat fuq il-bazi tal-valur tal-bejgħ għal bejgħ għall-esportazzjoni ta' prodotti oħrajn u għal bejgħ domestiku, biex ikun il-profitt kumplessiv jibqa' jikkorispondi mal-kontijiet ivverifikati tal-kumpaniji.

    (57) Il-produtturi esportaturi u zewġ assocjazzjonijiet sostnew li kien irraġonevoli li dan il-profitt ikun ikkunsidrat bħala profitt raġonevoli għall-esportazzjonijiet Pakistani lis-suq Komunitarju, waqt li fl-istess ħin marġinu ta' profit ta' 6,5 % jiġi kkunsidrat bħala minimu approprjat għall-industrija Komunitarja.

    (58) Kif iddikjarat fil-premessa 105, l-investigazzjoni rrivelat li l-esportazzjonijiet mill-Pakistan kienu b'saħħithom fis-segment tal-prezz baxx, waqt li l-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja tkopri l-iktar prodotti tad-ditta. Kien għalhekk ikkunsidrat li fuq il-bażi ta' dawn il-fatturi din id-differenza fil-profitabilità ma kenitx irraġonevoli.

    (59) Kellhom jiġu introdotti numru ta' korrezzjonijient għall-metodi ta' allokazzjoni ta' l-ispejjeż li l-kumpaniji kienu elaboraw esklussivament bl-iskop ta' din l-investigazzjoni preżenti, inkluż l-allokazzjoni tar-restituzzjoni tad-dazju u l-ispejjeż ta' imballaġġ, fuq il-bażi ta' l-iskoperti tal-verifikazzjonijiet fil-post u ta' l-analiżi tar-risposti.

    (60) Għall-kumpaniji li kienu vverifikati bis-sħIħ, korrezzjoni tal-profitt fuq bejgħ domestiku irrapurtat kienet ukoll neċessarja biex jiġi jikkorispondi mal-GAAP applikat fil-Pakistan.

    (61) Minħabba li l-ebda informazzjoni għall-SG& A u għall-profitt li jirrigwarda il-produzzjoni u bejgħ tal-prodott simili ma kienet disponibbli għall-ebda mill-produtturi esportaturi taħt investigazzjoni jew għal ebda esportatur jew produttur ieħor magħruf, u minħabba li l-ebda informazzjoni bħal din ma kienet disponibbi għall-istess kategorija ġenerali ta' prodotti, ma kien hemm ebda għażla oħra ħlife li jintuża kull tip ta' metodu ieħor raġonevoli skond l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku biex jiġI stabbilit ammont għall-SG& A u għall-profitti.

    (62) Biex jiġi ddeterminat ammont għall-ispejjeż ta' SG& A u għall-profitt, il-medja ta' ammonti rrapurtata mis-sitt kumpaniji magħzula oriġinarjament fil-kampjun ġiet użata għall-ispejjeż SG& A u għall-profitt fuq bejgħ domestiku lil klijenti indipendenti, wara l-korrezzjonijiet kif spjegat fil-premessi 56 u 60. Dawn l-informazzjonijiet kienu ikkunsidrati bħala bażi approprjata minħabba li huma rrelatati ma' bejgħ domestiku ta' prodotti tessili lil klijenti indipendenti (inklużi ħjut tas-suf jew materjal sintetiku, drapp griż, drappijiet ipproċessati u abbiljament) u kienu l-unika informazzjoni disponibbli għall-bejgħ domestiku fil-Pakistan. L-ebda informazzjoni li biha jkun jista' jiġi konkluż li l-profitt hekk iddeterminat jeċċedi l-profitt normalment realizzat minn esportaturi jew produtturi fuq il-bejgħ ta' prodotti ta' l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-Pakistan, kif previst fl-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku, ma hi disponibbli..

    Prezz ta' esportazzjoni

    (63) IL-validità tal-prezzijiet ta' esportazzjoni kif ġew irrapurtati ġiet eżaminata. L-informazzjoni disponibbli, inklużi l-verifikazzjoni parzjali magħmula fil-Pakistan, verifikazzjonijiet ta' importaturi u statistiċi ta' l-Eurostat indikaw li dawn kienu rrapurtati akkuratament.

    (64) Il-Kumpaniji kollha għamlu l-bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom lill-Komunità direttament lil importaturi indipendenti. Skond l- L-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni tagħhom kienu għalhekk stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet attwalment imħallsin jew li għandhom jitħallsu minn dawn l-importaturi indipendenti.

    (65) Fuq talba tal-kumpaniji kkonċernati, il-bejgħ għall-esportazzjoni magħmul minn ħażniet deklassati u bejgħ ikkunsinnat bil-posta bl-ajru kien eskluż mill-kalkoli tad-dumping, minħabba li dan il-bejgħ ma kienx allegatament magħmul fl-operazzjonijiet normali tal-kummerċ. Dan il-bejgħ kien jirrapreżenta proporzjon traskurabbli tal-bejgħ għall-esportazzjoni kollu rrapurtat.

    Konfront

    (66) Għall-iskop li jiġi żgurat konfront imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, ittieħed kont xieraq fil-forma ta' aġġustamenti magħmula lill-piżijiet għall-importazzjoni u t-taxxi indiretti, skontijiet u ħlas lura, trasport, assigurazzjoni, maniġġ, karigu u spejjeż anċillari, imballaġġ, kreditu, kommissjonijiet u il-konverżjoni tal-munita, li jaffetwaw il-konfrontabilità skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    (67) Il-kumpaniji kollha talbu aġġustament għar-restituzzjoni tad-dazju taħt l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku. Madankollu, ir-rimborsi mill-Gvern Pakistani eċċedew b'mod kbir l-ammonti tal-piżijiet għall-importazzjoni jew it-taxxi indiretti mħallsa fuq materjali inkorporati fil-prodott ikkonċernati. Konsegwentement, il-Kummissjoni aċċettat l-aġġustament sakemm l-ammonti preteżi kienu attwalment sostenuti mill-prodott simili u mill-materjali inkorporati fiżikament fih, meta maħsub għall-konsum fil-pajjiż esportatur, u rimborsat fir-rispett tal-prodott esportat lejn il-Komunità.

    (68) Il-produtturi esportaturi sostnew li l-indennizz fuq ir-restituzzjoni tad-dazju għandu jingħata għall-ammont kollu rrimborsat mill-Gvern tal-Pakistan, indipendentement jekk xi dazji kienu mħallsa mill-produtturi esportaturi jew mill-fornituri lokali tagħhom ta' materjali. Madankollu, ma kien hemm ebda prova disponibbli li l-materjali mixtrija minn fornituri lokali kellhom xi piżijiet għall-importazzjoni jew taxxi indiretti. L-argument kien għaldaqstant respint.

    Marġinu ta' dumping

    (69) Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' dumping kien stabbilit fuq il-bażi tal-konfront tal-valur normali medju ppeżat mal-prezz ta' esportazzjoni medju ppeżat ta' l-istess tip ta' prodott.

    (70) Fuq din il-bażi, il-marġinu ta' dumping medju kumplessiv li japplika għall-produtturi esportaturi Pakistani kollha huwa 13,1 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz nett ċif frank fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju.

    D. INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (71) Fil-Komunità, il-prodott ikkonċernat huwa ffabbrikat minn:

    - produtturi li f'isimhom tressaq l-ilment; il-produtturi kollha li kienu magħżula fil-kampjun ("il-produtturi Komunitarji fil-kampjun") kienu wkoll kwerelanti,

    - produtturi Komunitarji oħra li ma kenux kwerelanti u ma kkooperawx.

    (72) Il-Kummissjoni għamlet stima fuq jekk il-kumpaniji kollha imsemmija hawn jistgħux jiġu kkunsidrati bħala produtturi Komunitarji fis-sens ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Il-produzzjoni tal-kumpaniji msemmija hawn fuq jikkostitwixxi il-produzzjoni Komunitarja.

    (73) L-industrija Komunitarja hija magħmula minn 29 produttur Komunitarju li kkooperaw mal-Kummissjoni, fosthom ukoll il-ħames produtturi Komunitarji fil-kampjun. Dawn il-produtturi jammontaw għal 45 % tal-produzzjoni Komunitarja tal-friex tas-sodda tal-qoton. Għaldaqstant huma kkunsidrati li jikkostitwixxu l-"industrija Komunitarja" fis-sens ta' l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

    E. ĦSARA

    1. Rimarki preliminari

    (74) Minħabba il-fatt li kien użat il-kampjunar fir-rigward ta' l-industrija Komunitarja, il-ħsara ġiet stimata min-naħa waħda fuq il-bażi ta' informazzjoni miġbura fil-livell ta' l-industrija Komunitarja sħiħa, għal tendenzi li jikkonċernaw produzzjoni, produttività, bejgħ, ishma tas-suq, impieg u tkabbir. Min-naħa l-oħra, ġiet analizzata informazzjoni miġbura fil-livell ta' produtturi Komunitarji fil-kampjun, li tirrigwarda tendenzi li jikkonċernaw prezzijiet u profitabilità, iċ-ċirkolazzjoni ta' flus, l-abilità li jinġabar il-kapital u investimenti, ħażniet, kapaċità u l-użu tal-kapaċità, ir-rendikont fuq investimenti u pagi.

    2. Konsum Komunitarju

    (75) Il-konsum Komunitarju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volumi ta' produzzjoni skond l-Eurocoton neqsin l-esportazzjoniet ibbbażati fuq l-informazzjoni ta' l-Eurostat, biż-żjieda ta' l-importazzjonijiet mill-Pakistan u minn pajjiżi terzi oħra, ukoll ibbażat fuq l-Eurostat. Bejn l-1999 u l-PI, il-konsum Komunitarju apparenti żdied b'mod kostanti minn 173651 tunnellati metriċi għal 199881 tunnellati metriċi, jiġifieri bi 15 %.

    3. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (a) Volum u ishma tas-suq

    (76) L-importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton mill-Pakistan lejn il-Komunità żdiedu fil-volum minn 36000 tunnellati metriċi fl-1999 għal 49300 tunnellati metriċi fil-PI, jiġifieri b'37 % fil-perjodu kkunsidrat. Wara waqa' għal 31800 tunnellati metriċi fis-sena 2000, l-importazzjonijiet qabżu lura għal 35500 tunnellati metriċi fl-2001. Bejn l-2001 u l-perjodu ta' investigazzjoni huma żdiedu b'mod qawwi bi kważi 14000 tunnellati metriċi; jiġifieri b'iktar minn terz.

    (77) L-ishma tas-suq korrispondenti naqsu minn 20,7 % fl-1999 għal 17,2 % fis-sena 2000. Wara, dawn żdiedu għal 18,9 % fl-2001 u 24,7 % matul il-PI.

    (b) Prezzijiet

    (78) Il-Prezzijiet medji mill-Pakistan żdiedu minn 5,95 EUR/kg fl-1999 sa 6,81 EUR/kg fis-sena 2000. Fis-snin ta' wara kienu mnaqqsin b'mod gradwali għal 6,34 EUR/kg fl-2001 u għal 5,93 EUR/kg matul il-PI.

    (ċ) Sottokwotazzjoni tal-prezzjijiet

    (79) Bl-iskop li jkun analizzat is-sottokwotazzjoni tal-prezzijiet, il-prezzjijiet tal-bejgħ medji ppeżati għal kull tip ta' prodott ta' l-industrija Komunitarja lil klijenti indipendenti fis-suq Komunitarju kienu ikkonfrontati mal-prezzijiet ta' l-esportazzjonijiet korrispondenti medji ppeżati ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati. Il-konfront ġie magħmul wara t-tnaqqis tar-riduzzjonijiet u l-iskonti. Il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja ġew aġġustati fuq il-livell tal-prezz tal-fabbrika. Il-prezzjijiet ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati kienu fuq bażi ċif b'aġġustament approprjat għad-dazji doganali u spejjeż ta' wara l-importazzjoni.

    (80) Dan il-konfront wera li matul il-PI il-prodotti kkonċernati li joriġinaw fil-Pakistan kienu mibjugħa fil-Komunità bi prezzijiet li ssottokwotaw il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja b'iktar minn 50 %, meta espressi bħala perċentwal ta' dawn ta' l-aħħar.

    4. Is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja

    (81) Bi qbil ma' l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-istat ta' l-industrija Komunitarja.

    (82) Ġie analizzat jekk l-industrija Komunitarja għadiex qegħda tirkupra mill-effetti tas-sussidji tal-passat jew tad-dumping, imma ma nstabet ebda prova li dan għandu jkun il-każ.

    (83) Ġie mressaq li l-industrija Komunitarja ma soffrietx ħsara materjali minħabba li kienet protetta mill-preżenza ta' kwoti. Huwa fil-fatt veru li matul il-PI kien hemm kwoti fis-seħħ. Taħt il-liġi internazzjonali, dawn il-kwoti għandhom il-bażi legali tagħhom fil-Ftehim fuq Tessili u Ħwejjeġ ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Huma ser jitneħħew gradwalment sal-31 ta' Diċembru 2004. Il-kwantitajiet li jistgħu jkunu importati taħt il-kwoti jikkorispondu ma' ishma sustanzjali tas-suq Komunitarju. Fil-fatt, fuq il-bażi ta' figuri ta' konsum fil-PI il-kwota annwali ta' l-2002 tikkorispondi fil-każ tal-Pakistan ma' sehem tas-suq ta' madwar 25 %. Għandu jkun innotat li d-determinazzjoni tal-livell ta' dawn il-kwoti tessili hija r-riżultat ta' negozjati li huma barra mill-qafas analitiku previst taħt ir-Regolament bażiku. Waqt li ma jistax jiġi eskluż li l-kwoti jistgħu jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja, il-preżenza waħidha tal-kwoti ma tipprevenix l-industrija Komunitarja milli ġġarrab ħsara. L-analiżi tal-figuri fil-każ preżenti turi li l-industrija Komunitarja soffriet ħsara materjali matul il-PI minkejja il-preżenza tal-kwoti. Is-sottomissjoni hija għaldaqstant respinta.

    (a) Informazzjoni dwar l-industrija Komunitarja fil-kumplessiv

    - Produzzjoni, impieg u produttività

    (84) Il-volum ta' produzzjoni ta' l-industrija Komunitarja żdied ftit bejn l-1999 u l-PI, minn 37700 tunnellati metriċi għal 39500 tunnellati metriċi, jiġifieri b' 5 %.

    (85) L-impieg baqa' bażikament stabbli b'madwar 5500 impjegat. Għaldaqstant, il-produttività żdiedet minn 6,8 tunnellati metriċi/impjegat fl-1999 għal 7,2 tunnellati metriċi/impjegat matul il-PI, jiġifieri b'6 % matul il-perjodu kkunsidrat.

    - Il-valur tal-bejgħ u s-sehem tas-suq

    (86) Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja żdied bl-4 %, minn 36200 tunnellati metriċi fl-1999 għal 37800 tunnellati metriċi matul il-PI. Kien żdied għal 38300 tunnellati metriċi fl-2001, imma naqas fil-PI. Il-valur tal-bejgħ ġġenerat min dan il-bejgħ żdied minn EUR 410 miljun fl-1999 għal EUR 441 miljun fl-2001, imma naqas wara b'5 punti perċentwali għal EUR 420 miljun matul il-PI.

    (87) Minkejja il-fatt li l-konsum fis-suq Komunitarju żdied bil-15 % matul l-istess perjodu, is-sehem tas-suq ta' l-industrija Komunitarja naqas minn 20,8 % għal 18,9 % matul il-PI. Is-sehem tas-suq tela' u niżel madwar 20 % bejn l-1999 u l-2001 u niżel b'1,5 punti perċentwali bejn l-2001 u l-PI.

    - Tkabbir

    (88) Waqt li l-konsum Komunitarju kiber bil-15 % bejn l-1999 u l-PI, il-volum tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarju għola biss bl-4 %. Min-naħa l-oħra, il-volum ta' importazzjonijiet totali għola bil-35 % matul l-istess perjodu, bl-akbar żieda minn 120000 tunnellati metriċi fl-2001 għal 139000 tunnellati metriċi matul il-PI. Waqt li s-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet kollha zdied b'aktar minn 10 punti perċentwali, is-sehem tas-suq ta' l-industrija Komunitarja waqa' minn 20,8 % għal 18,9 %. Dan ifisser li l-industrija Komunitarja ma setgħetx tipparteċipa b'mod adegwat fit-tkabbir tas-suq bejn l-1999 u l-PI.

    (b) Informazzjoni dwar il-produtturi Komunitarji fil-kampjun.

    - Ħażniet, kapaċità u użu tal-kapaċità.

    (89) Fejn għandu x'jaqsam mal-ħażniet, dawn jitilgħu u jinżlu konsiderevolment għax ħafna mill-produzzjoni hija magħmula b'risposta għall-ordnijiet sabiex tiġi mnaqqsa l-possibilità li jkun hemm produzzjoni biss għall-ħazna. Waqt li żieda fil-ħażniet kienet osservata għand il-produtturi Komunitarji fil-kampjun, huwa kkunsidrat li f'dan il-każ il-ħażniet ma kenux indikatur relevanti tal-ħsara dovut għat-tibdil kbir tal-ħażniet speċifiku għall-industrija.

    (90) Kienet ħaġa diffiċli li tistabbilixxi l-kapaċità produttiva fil-produtturi Komunitarji kważi kollha għaliex il-proċess ta' produzzjoni tal-prodott simili huwa individwali u jirrikjedi kombinazzjonijiet differenti ta' użu ta' makkinarju. Għaldaqstant, huwa impossibli li ssir konklużjoni kumplessiva mill-kapaċità ta' makkinarji individwali li tikkonċerna il-kapaċità produttiva. Barra dan, parti mill-proċess tal-produzzjoni huwa sub-appaltat f'xi produtturi Komunitarji fil-kampjun.

    (91) Madankollu, għal dawk il-prodotti li jgħaddu minn proċess ta' stampar, id-dipartiment ta' l-istampar kien ikkunsidrat bħala l-fattur li jiddetermina il-kapaċità relattiva għall-produzzjoni tal-friex tas-sodda stampati fil-produtturi Komunitarji kollha fil-kampjun. Instab li l-użu tal-kapaċità fid-dipartiment ta' l-istampar naqas b'mod regolari min-90 % għal 82 %.

    - Prezzijiet

    (92) Il-prezzijiet medji per kg tal-produtturi Komunitarji fil-kampjun żdied gradwalment minn EUR 13,3 għal EUR 14,2 matul il-perjodu kkunsidrat. Dan għandu jitqies fid-dawl tal-fatt li dan il-prezz medju jkopri kemm l-partiti ta' valur għoli u kif ukoll ta' valur baxx tal-prodott ikkonċernat u li l-industrija Komunitarja kienet mġiegħla li tersaq lejn aktar bejgħ ta' prodotti f'niċċa ta' valur ogħla minħabba li l-bejgħ tagħhom fil-volum għoli, għas-suq tal-massa kien akkwistat mill-importazzjonijiet minn pajjiżi bi prezz baxx. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet medji tal-bejgħ per kg ta' l-industrija Komunitarja għolew marġinalment b'mod kumplessiv minn EUR 11,3 għal EUR 11,5 fl-2001, imma waqgħu sussegwentment għal EUR 11,1 matul il-PI.

    - Investiment u l-kapaċità li jiżdied il-kapital

    (93) Bejn l-1999 u l-2001, l-investimenti tnaqqsu b'mod sinnifikattiv minn EUR 7 miljun għal EUR 2,5 miljun. Bejn l-2001 u l-PI, l-investimenti baqgħu stabbli u matul il-PI kienu jammontaw għal 41 % biss ta' l-amount investit fl-1999.

    (94) Ma kien hemm ebda stqarrija mingħand l-industrija Komunitarja jew indikazzjoni li l-industrija Komunitarja ltaqgħet ma' problemi biex iżżid il-kapital għall attività tagħħa.

    (95) Ġie mressaq li t-tnaqqis fl-investimenti ma jippuntax għall-ħsara għaliex l-industrija Komunitarja ma stqarrietx li ltaqgħet ma' problemi fiż-żieda tal-kapital. Dan l-argument kellu jiġi respint għax id-deklin f'investimenti ġodda m'huwiex marbut ma' difikultajiet biex jiżdied il-kapital, imma kien ikkawżat mit-telfa f'ishma tas-suq ta' l-industrija Komunitarja u mill-pressjoni qawwija fuq prezzijiet fis-suq Komunitarju.

    - Profitabilità, profitt fuq l-investiment u ċ-ċirkolazzjoni ta' flus

    (96) Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profitabilità tal-produtturi Komunitarji fil-kampjun waqa' b'mod sinnifikattiv minn 7,7 % fl-1999 għal 4,4 % fil-PI, jiġifieri b'42 %. IL-profitt fuq l-investiment segwa l-istess tendenza, u waqa' minn 10,5 % fl-1999 għal 5,9 % matul il-PI, tnaqqis ta' 44 %.

    (97) Ġie mressaq mill-produtturi esportaturi Pakistani li d-deklin fil-profitabilità fil-ħames produtturi fil-kampjun jikkorispondi maż-żieda fil-pagi. Kif spjegat hawn isfel, l-ispejjeż medji tax-xogħol tal-kumpaniji fil-kampjun naqsu f'termini reali b'madwar 3,6 %. Barra dan, il-pagi huma biss wieħed minn ħafna punti ta' spejjeż fil-proċess ta' manifattura u għaldaqstant, żieda fil-pagi ma tikkostitwix awtomatikament tnaqqis fil-profitabilità ta' kumpanija. Għaldaqstant, dan l-argument kellu jiġi respint.

    (98) Iċ-ċirkolazzjoni ta' flus iġġenerata mill-prodott simili naqas konsiderevolment minn EUR 16,8 miljnun fl-1999 għal 11,3 miljun matul il-PI. L-aktar tnaqqis sinnifikattiv ġara fis-sena 2000, meta ċ-ċirkolazzjoni ta' flus naqset b'27 %. Bejn is-sena 2000 u l-PI, dan waqa' b'5 % oħra. Minħabba li ċ-ċirkolazzjoni tal-flus kienet influwenzata b'varjazzjoniet tal-ħażniet, iċ-ċirkolazzjoni tal-flus hija indikatura b'rilevanza limitata. Madankollu, għandu jkun innotat li l-iżvilupp negattiv taċ-ċirkolazzjoni tal-plus matul il-perjodu kkunsidrat jikkorispondi ma' indikaturi ekonomiċi oħra, u jikkonferma l-iżvilupp negattiv fl-industrija Komunitarja, u m'għandux ikun ikkwalifat bħala żvilupp mingħarj sinnifikat.

    - Pagi

    (99) L-ispejjeż tax-xogħol żdiedu bi 3,3 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn EUR 35,2 % miljun fl-1999 għal EUR 36,3 % miljun matul il-PI. Minħabba li n-numru ta' impjegati baqa' bażikament stabbli, l-ispejjeż tax-xogħol medji żdiedu wkoll minn EUR 29100 (figuri ttundjati) għal EUR 30300, jiġifieri b'4,2 %. Dawn iz-zidiet huma żidiet nominali u huma konsiderevolment inqas miż-żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur ta' iktar minn 7,8 % matul il-perjodu kkunsidrat, li jfisser li l-pagi reali naqqsu bi 3,6 %.

    - Id-daqs ta' l-ammont ta' dumping

    (100) Minħabba il-volum u l-prezz ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġetti ta' dumping, l-impatt fuq il-marġinu attwali ta' dumping, li huwa wkoll sinnifikattiv, ma jistax jkun ikkunsidrat traskurabbli.

    5. Konklużjoni fuq il-ħsara

    (101) L-eżaminazzjoni tal-fatturi msemmija hawn fuq turi li bejn l-1999 u l-PI, is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja ddeterjorat. Il-profitabilità waqgħet b'mod sinnifikattiv matul il-perjodu kkunsidrat u s-sehem tas-suq ta' l-industrija Komunitarja naqas b'9,1 % Għall-produtturi Komunitarji fil-kampjun, l-investimenti ġew imnaqqsa b'mod sinnifikattiv, il-profitabilità, il-profitt fuq l-investiment u kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni tal-flus naqqsu konsiderevolment. L-impieg baqa' bażikament stabbli. Xi indikaturi wrew tendenza pożittiva: matul il-perjodu kkunsidrat, il-valur u l-volumi tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja żdiedu ftit. Il-produttività u l-pagi żdiedu marġinalment. F'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi fil-kampjun, dawn urew tendenza l' fuq matul il-perjodu kkunsidrat, li hija, madankollu, parzjalment riżultat ta' ċaqlieq lejn iktar bejgħ ta' prodotti f'niċċa ta' valur ogħla. Madankollu, għandu jkun innotat li matul l-istess perjodu il-konsum Komunitarju kiber bi 15 % waqt li s-sehem tas-suq ta' l-industrija ta' l-industrija Komunitarja ddeklina b' 9,1 %. Barraminhekk, il-prezzjiet medji tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja naqsu matul il-perjodu kkunsidrat.

    (102) Fid-dawl ta' dak li ntqal, huwa konkluż li l-industrija Komunitarja soffriet ħsara materjali fis-sens ta' l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    F. IL-KAWŻA

    1. Daħla

    (103) Skond l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, kien eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma oġġetti għal dumping li joriġinaw fil-Pakistan ikkawżawx ħsara lill-industrija Komunitarja ta' tali grad li tista' tiġi kklassifikata bħala materjali. Fatturi magħrufa li mhumiex l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping, li fl-istess ħin setgħu kkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja, kienu wkoll eżaminati biex ikun żgurat li l-ħsara possibli kkawżata minn dawn il-fatturi oħra ma tkunx attribwita lill-importazzjonijiet li huma oġġetti ta' dumping.

    2. L-effett ta' l-importazzjonijiet li huma oġġetti ta' dumping

    (104) L-importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton mill-Pakistan lejn il-Komunità żdiedu fil-volum minn 36000 tunnellati metriċi fl-1999 għal 49300 tunnellati metriċi fil-IP, jiġifieri bi 37 %. Wara tnaqqis żgħir bejn l-1999 u s-sena 2000, l-importazzjonijiet irkupraw fl-2001 u għolew bi 13900 tunnellati metriċi bejn l-2001 u l-PI. Is-sehem korrispondenti tas-suq waqa' inizjalment minn 20,7 % fl-1999 għal 17,2 % fis-sena 2000. Wara, għola konsiderevolment u sar jammonta għal 24,7 % matul il-PI.

    (105) Fl-analiżi ta' l-effett ta' l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping, instab li l-prezz huwa l-element prinċipali tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, huma x-xerrejja li jistabbilixxu huma stess il-kwalità u d-diżinn tal-prodott li għandhom intenzjoni jordnaw. Jidher mill-analiżi tal-proċess ta' bejgħ u xiri f'dan il-każ li l-importaturi u l-kummerċjanti, qabel ma jgħaddu ordni lil produttur esportatur fil-Pakistan, jispeċifikaw il-karatterisitiċi kollha tal-prodott (diżinn, kulur, kwalità, daqs…) biex jiġi kkunsinnat, u għalhekk iqabblu l-offerti tal-produtturi differenti prinċipalment fuq il-bażi ta' prezz minħabba li l-elementi kollha l-oħra li jiddistingwu huma determinati minn qabel fis-sejħa għal offerti, jew jirriżultaw wara mill-isforzi ta' l-importatur għal merkanzija simili (e.g. marki). Fejn għandu x'jaqsam ma' prezzijiet, instab li l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping huma konsiderevolment anqas minn dawk ta' l-industrija Komunitarja kif ukoll anqas minn dawk ta' esportaturi minn pajjiżi terzi. Barraminhekk, instab ukoll li l-industrija Komunitarja kellha tirtira b'mod sostanzjali mil-partijiet tas-suq bi prezz baxx, fejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan jippredominaw, dan ukoll jagħti prova tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    (106) Il-prezzijiet medji ta' l-importazzjonijiet mill-Pakistan eżerċitaw pressjoni fuq l-industrija Komunitarja u ġiegħlitha min-naħa biex tnaqqas il-prezzijiet u min-naħa l-oħra biex timxi lejn bejgħ ta' prodotti f'niċċa ta' valur ogħla.

    (107) Minħabba l-impatt ta' l-importazzjonijiet mill-Pakistan fis-suq Komunitarju, kemm fis-sens ta' volum u kif ukoll fis-sens ta' prezzijiet, dawn l-importazzjonijiet eżerċitaw pressjoni ‘l isfel sinnifikattiva fuq l-industrija Komunitarja fis-sens tal-volumi tal-bejgħ u tal-prezzijiet tagħha. In-nuqqas ta' volum ta' bejgħ fil-partijiet tas-suq ta' prezz baxx għall-industrija Komunitarja ma setgħux jiġu kkumpensati minn bejgħ ta' proditt f'niċċa ta' profitt għoli, u dan irriżulta fi tnaqqis notevoli ta' sehem tas-suq, investimenti, profitabilità u profitt fuq investimenti ta' l-industrija Komunitarja. Instab ukoll li kien hemm koinċidenza fiż-żmien bejn dawn l-importazzjonijiet u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    3. L-effetti ta' fatturi oħra

    (a) Importazzjonijiet issussidjati li joriġinaw fl-Indja

    (108) Fl-investigazzjoni parallella fuq l-anti-sussidju, ġie stabbilit li importazzjonijiet issussidjati li joriġinaw fl-Indja kkawżaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja. Għalkemm importazzjonijiet issussidjati li joriġinaw fl-Indja huma, għaldaqstant, ikkunsidrati li jikkontribwixxu għal ħsara lill-industrija Komunitarja, għandu jkun innotat li, minħabba il-volumi sostanzjali li qegħdin jiżdiedu u l-prezzijiet baxxi ta' importazzjonijet li joriġinaw fil-Pakistan, ma jistax jiġi nnegat li importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-Pakistan ikkawżaw ħsara materjali weħidhom b'mod ugwali.

    (b) Importazzjonijiet li joriġinaw f'pajjiżi terzi li mhumiex l-Indja u l-Pakistan.

    (109) Importazzjonijiet li joriġinaw f'pajjiżi terzi li mhumiex l-Indja u l-Pakistan żdiedu minn 51400 tunnellati metiriċi fl-1999 għal 75300 tunnellati metriċi matul il-PI. Is-sehem tas-suq tagħhom żdied minn 29,6 % fl-1999 għal 37,7 %. L-akbar parti ta' importazzjonijiet f'dak il-grupp ta' pajjiżi oriġinaw fit-Turkija. Minħabba l-kollegamenti li jeżistu bejn kumpaniji Torok u dawk Komunitarji, hemm ċerta integrazzjoni tas-suq fil-forma ta' kummerċ bejn kumpaniji bejn produtturi esportaturi Torok u operaturi Komunitarji li tagħti x'tifhem li d-deċiżjoni li timporta minn dak il-pajjiż m'hijiex biss marbuta mal-prezz. Dan hu kkonfermat mill-prezzijiet medji ta' importazzjonijiet ta' friex tas-sodda li joriġinaw fit-Turkija matul il-PI, li huwa għola bi kważi 45 % minn dawk ta' l-Indja u bi 34 % minn dawk tal-Pakistan. Huwa għalhekk improbabli li importazzjonijiet li joriġinaw fit-Turkija kissru il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijet oġġetti ta' dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    (110) L-ishma tas-suq tal-pajjiżi individwali li fadal (e.g. ir-Rumanija, il-Bangladesh u l-Eġittu) meħudha individwalment huma b'mod sinnifikattiv iktar baxxi u ma jeċċedux 3,9 %, u għalhekk huwa improbabli li xi ħsara materjali għandha tkun attribwita lill-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi.

    (111) Il-prezz medju ta' importazzjonijiet li joriġinaw f'pajjiżi li mhumiex l-Indja u l-Pakistan żdied minn 7,18 EUR/kg fl-1999 għal 7,47 EUR/kg fl-2001 u naqas ftit għal 7,40 EUR/kg matul il-PI. Madankollu, matul il-PI, dawn il-prezzijiet kienu madwar 25 % għola mill-prezzijiet ta' importazzjonijiet mill-Pakistan. Konsegwentement, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma eżerċitawx pressjoni ta' prezz fuq l-industrija Komunitarja sal-punt li eżerċitaw l-importazzjonijiet mill-Pakistan. Barraminhekk, is-sehem tas-suq ta' kull pajjiż individwali f'dak il-grupp kien inqas minn 4 %. Huwa għaldaqstant konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma kissrux il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    (ċ) Kontrattazzjoni tad-domanda

    (112) Ġie msostni li d-domanda għal friex tas-sodda prodott mill-industrija Komunitarja naqset fit-termini ta' volum meta l-industrija Komunitarja bdied tiffoka fuq il-parti għolja tas-suq, fejn inqas volum ta' bejgħ huwa magħmul. Madankollu, kif huwa spjegat hawn fuq, il-konsum totali ta' friex tas-sodda tal-UE ma naqasx, imma pjuttost żdied matul ill-perjodu kkunsidrat. Ħafna mill-produtturi Komunitarji għandhom linji ta' prodott differenti għal partijiet tas-suq differenti. Il-marki tas-suq l-għoli jiġġeneraw marġini għolja imma huwa mibjugħa biss fi kwantitajiet żgħar ħafna. Biex il-kapaċità tkun użata b'mod massimu u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta' produzzjoni, l-industrija Komunitarja ikollha bżonn bejgħ ta' partijiet tas-suq bi prezz iktar baxx f'volumi kbar ukoll. M'hemm l-ebda indikazzjoni li d-domanda naqset f'dik il-parti tas-suq. Min-naħa l-oħra din il-parti hija meħudha dejjem iktar mill-importazzjonijiet bi prezz baxx, li qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja. Minħabba ż-żieda ġenerali fil-konsum, li m'hijiex illimitata għal parti mis-suq partikolari, ma jistax għaldaqstant jingħad li s-sitwazzjoni tad-domanda fil-Komunità qegħda tkisser il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    (d) L-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja

    (113) Kien imressaq li l-industrija Komunitarja importat friex tas-sodda tal-qoton mill-Pakistan u b'hekk ikkontribwiet għall-ħsara sostnuta. Madankollu, wieħed biss mill-produtturi Komunitarji fil-kampjun attwalment importa friex tas-sodda mill-Pakistan matul il-PI u l-bejgħ ta' dawn l-importazzjonijiet iġġenera parti żgħira biss mill-valur tal-bejgħ totali ta' dan il-produttur (madwar 2 %). Għaldaqstant, l-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja tal-prodott ikkonċernat mill-Pakistan ma tistax tiġi kkunsidrata li tkisser il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-Pakistan u l-ħsara materjali lill-industrija Komunitarja kumplessivament.

    (e) Esportazzjonijiet magħmula mill-industrija Komunitarja

    (114) L-esportazzjonijiet ta'-produtturi Komunitarji fil-kampjun irrapreżentaw madwar 0,5 % biss tal-bejgħ totali tagħhom. Minħabba il-parti negliġibbli li għandhom l-esportazzjonijiet fl-attività totali, dan il-fattur ma setgħax jikkontribwixxi għall-ħsara sostnuta.

    (f) Il-Produttività ta' l-industrija Komunitarja

    (115) L-iżvilupp fil-produttività ġie identifikat fil-parti ta' dan id-dokument li għandha x'taqsam mal-ħsara. Minħabba li l-produttività żdiedet minn 6,8 tunnellati metriċi/impjegat fl-1999 għal 7,2 tunnellati metriċi/impjegat fil-PI, jiġifieri b'madwar 6 %, dan il-fattur ma setgħax jikkontribwixxi għall-ħsara sostnuta.

    4. Konklużjoni

    (116) Iż-żieda sostanzjali fil-volum u fis-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Pakistan, speċjalment bejn l-2001 u l-PI, kif ukoll it-tnaqqis konsiderevoli fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom u l-livell ta' bejgħ taħt il-prezz misjub matul il-PI ikkoinċida fiż-żmien mal-ħsara materjali sostnuta mill-industrija Komunitarja.

    (117) Fl-investigazzjoni parallela ta' l-anti-sussidju, ġie stabbilit li l-importazzjonijiet issussidjati li joriġinaw fl-Indja kkontribwew għall-ħsara sostnuta mill-industrija Komunitarja. Madankollu, l-effett ta' dawn l-importazzjonijiet ma kienx tali li dawru il-konklużjoni tal-kawża f'dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping li joriġinaw fil-Pakistan. Il-kawżi possibli ta' ħsara li fadal, jiġifieri importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex l-Indja u l-Pakistan, is-sitwazzjoni tad-domanda, importazzjoniet magħmula mill-industrija Komunitarja kif ukoll l-esportazzjonijiet u l-produttività ġew analizzati, imma ma nstabux li jkissru il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija Komunitarja.

    (118) Fuq il-bażi ta' l-analiżi hawn fuq, li debitament ddistingwit u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja mill-effetti ta' ħsara ta' l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping, huwa konkluż li l-importazzjonijiet mill-Pakistan ikkawżaw ħsara materjali lill-Komunità fis-sens ta' l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    G. L-INTERESS KOMUNITARJU

    1. Rimarki ġenerali

    (119) Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk, minkejja il-konklużjoni fuq dumping ta' ħsara, jeżistux raġunijiet konvinċenti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess Komunitarju li jiġu adottati miżuri f'dan il-każ partikolari. L-impatt ta' miżuri possibli fuq il-partijiet kollha involuti f'dan il-proċediment u kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma jittieħdux miżuri ġew ikkunsidrati.

    2. L-industrija Komunitarja

    (120) L-industrija Komunitarja sostniet ħsara materjali. Hi wriet li hija industrija vijabbli li setgħet tikkompeti f'kondizzjonijiet ġusti tas-suq. Is-sitwazzjoni ta' ħsara ta' l-industrija Komunitarja kienet ir-riżultat tad-diffikultà tagħha biex tikkompeti ma' importazzjonijiet bi prezz baxx, oġġetti ta' dumping. Il-pressjoni ta' l-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping ġiegħlet ukoll numru ta' produtturi biex iwaqqfu l-produzzjoni ta' friex tas-sodda tal-qoton.

    (121) Huwa kkunsidrat li l-imposizzjoni ta' miżuri għandha terġa' ġġib il-kompetizzjoni ġusta fis-suq. L-industrija Komunitarja għandha għalhekk tkun kapaċi żżid il-volum u l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, u b'hekk tiġġenera l-livell ta' profitt neċessarju biex jiġi ġġustifikat l-investiment li ser jitkompla fil-faċilitajiet ta' produzzjoni tagħha.

    (122) Jekk il-miżuri ma jiġux imposti, is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja tkompli tiddeterjora. HI ma tkunx tista' tinvesti f'kapaċità ta' produzzjoni ġdida u tikkompeti b'mod effettiv ma' l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Xi kumpanijji jkollhom imbagħad jwaqqfu il-produzzjoni u jkeċċu l-impjegati tagħħhom.

    (123) Huwa għaldaqstant konkluż li l-imposizzjoni ta' miżuri ta' kontra d-dumping huwa fl-interess ta' l-industrija Komunitarja.

    3. Importaturi u utenti

    (124) Xi kwestjonarji ġew mibgħuta lil 17 importatur u żewġ assoċjazzjonijiet ta' importaturi. Żewġ risposti għall-kwestjonarju biss ġew riċevuti minn importaturi indipendenti fil-Komunità.

    (125) Għaż-żewġ importaturi l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ikkostitwixxa inqas minn 5 % tal-valur tal-bejgħ totali. Il-profitabilità totali ta' l-importaturi kienet bejn 2 % u 10 %. Meta tikkunsidra li sehem zgħir biss tal-valur tal-bejgħ taż-żewġ importaturi hija ġġenerata minn bejgħ tal-prodott ikkonċernat importat mill-Pakistan u li ħafna pajjiżi mhumiex ikkonċernati la minn dazji ta' kontra d-dumping jew minn taxxi kompensatorji, l-impatt ta' l-imposizzoni ta' dazji kontra d-dumping fuq dawn l-importaturi jista' jiġi kkunsidrat bħala minimu.

    (126) Xi kwestjonari ġew mibgħuta lil sitt utenti u assoċjazzjoni waħda ta' l-utenti. Ma ġiet riċevuta ebda informazzjoni minn utenti, imma intressqu xi argumenti f'sottomissjoni minn Ikea u mill-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Barrani.

    (127) Ġie sottomess li l-industrija Komunitarja m'hijiex f'posizzjoni li tissodisfa id-domanda kollha għall-friex tas-sodda fil-Komunità. Għandu jiġi mfakkar li l-mizuri m'humiex intiżi biex jipprevjenu l-importazzjonijiet lejn il-Komunità imma biex jiġi żgurat li m'mhumiex mixtrija taħt il-prezz u li m'humiex ta' ħsara. Importazzjonijiet min-oriġini varji ser ikomplu biex jissodisfaw parti sinnifikattiva tad-domanda Komunitarja. Minħabba li ħafna pajjiżi m'humiex ikkonċernati b'dazji kontra d-dumping jew taxxi kompensatorji, ma huwa mistenni l-ebda tnaqqis fil-provvista.

    (128) Kien iddikjarat li importazzjonijiet irħas ta' friex tas-sodda huma neċessarji għall-konsumatur finali kif ukoll l-utenti "istituzzjonali" bħal ma huma l-lukandi, l-isptarijiet eċċ minħabba li prodotti ta' l-iskala iktar irħisa m'humiex prodotti mill-produtturi Komunitarji. L-investigazzjoni wriet li l-ħames produtturi Komunitarji fil-kampjun għadhom jipproduċu dawn il-prodotti. Ma kien hemm l-ebda raġuni teknika għaliex il-produzzjoni ta' dawn il-prodotti fil-Komunità ma setgħetx tiżdied. Il-fatt li ħafna pajjiżi oħra m'humiex ikkonċernati mid-dazji kontra d-dumping jew taxxi kompensatorji jfisser li għejun alternattivi ta' provvista xorta ħa jkunu disponibbli.

    4. Konklużjoni fuq l-interess Komunitarju

    (129) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li m'hemm ebda raġuni konvinċenti fuq il-bażi ta' l-interess Komunitarju għalxiex dazji kontra d-dumping m'għandhomx ikunu imposti fil-każ preżenti.

    H. MIŻURI KONTRA D-DUMPING

    1. Miżuri definittivi

    (130) Biex jkun pprevenut li tiġi kkawżata aktar ħsara mill-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping, huwa kkunsidrat approprjat li jkunu adottati miżuri ta' kontra d-dumping.

    (131) Bl-iskop li jigi ddeterminat il-livell ta' dawn id-dazji, ittieħed kont tal-marġini ta' dumping li nstabu u ta' l-ammont ta' dazju neċessarju biex tiġi eliminata l-ħsara sostnuta mill-industrija Komunitarja.

    (132) Meta ttieħed kont tal-livell ta' profitabilità miksub mill-industrija Komunitarja fis-snin 1999 u 2000, instab li marġinu ta' profitt ta' 6,5 % tal-valur tal-bejgħ seta' jkun ikkunsidrat bħala il-minimu approprjat li l-industrija Komunitarja setgħet b'mod raġonevoli tikseb fl-assenza ta' dumping ta' ħsara. Iż-żieda neċessarja fil-prezz ġiet imbagħad iddeterminata fuq il-bażi ta' konfront tal-prezz medju ta' importazzjoni ppeżat, kif stabbilit għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz, mal-prezz ta' mingħajr ħsara tal-prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Il-prezz ta' mingħajr ħsara ġie miksub bl-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja bit-telf jew profitt attwali magħmul matul il-PI u bit-tiżdid tal-marġinu ta' profitt imsemmi hawn fuq. Kull differenza li tirriżulta minn dan il-konfront kienet espressa bħala perċentwali tal-valur ta' importazzjoni ċif totali.

    (133) Kien imressaq mill-produtturi esportaturi Pakisani li l-marġinu ta' profitt ta' 6,5 % tal-valur tal-bejgħ huwa għola mil-profitt minimu approprjat stabbilit f'investigazzjonijiet oħra li jikkonċernaw l-istess prodott. Dan l-argument kellu jiġi respint minħabba li l-profitt minimu approprjat li l-industrija Komunitarja setgħet tikseb b'mod raġonevoli fl-assenza ta' dumping ta' ħsara huwa stabbilit fil-ġdid fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull proċedura, meta jittieħed kont tal-kondizzjonijiet tas-suq u ta' l-andament ta' l-industrija Komunitarja f'dik il-proċedura fil-passat. F'dan il-każ, instab li marġinu ta' profitt ta' 6,5 % seta' jiġi kkunsidrat bħala minimu approprjat, ikkalkulat bħala medja tal-livell ta' profitabilità miksuba mill-industrija Komunitarja fis-snin 1999 u 2000.

    (134) Minħabba li l-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kien ogħla mill-marġinu ta' dumping stabbilit, il-miżuri definittivi għandhom ikun ibbażati fuq dan ta' l-aħħar.

    2. Garanzija

    (135) Il-produtturi esportaturi Pakistani ppreżentaw proposta għal garanzija ta' prezz. Madankollu, kien hemm iktar minn 170 esportaturi involuti f'din il-proċedura u l-friex tas-sodda huwa kkaratterizzat minn mijiet ta' tipi ta' prodott differenti, b'ċerti karatteristiċi li ma jistgħux jiġu distinti b'mod meta jiġu importati. Għalhekk huwa bażikament impossibli li jiġu stabbiliti prezzijiet minimi ta' sinnifikat għal kull tip ta' prodott li jista' jkunu kkontrollati mill-Kummissjoni. In-numru kbir ta' esportaturi jagħmel mod ukoll li l-kontroll tal-garanzija tal-prezz ma jkunx pratikabbli.

    (136) Instab ukoll li l-kategoriji proposti tal-prodott ikkonċernat li għalihom kienet offruta garanzija ma kienux approprjati għaliex kien ser ikun hemm varjazzjoni sinnifikattiva tal-prezz f'kull waħda minnhom. Barraminhekk, il-prezzijiet proposti ma kienux jeliminaw id-dumping ta' ħsara.

    (137) Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, kien ikkunsidrat li garanzija ta' prezz ma kenitx pratikabbli u ma setgħetx tkun aċċettata,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Huwa hawnhekk impost dażju ta' kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-fibri tal-qoton, puri jew imħalltin ma' fibri magħmula mill-bniedem jew kittien (il-kittien ma jkunx il-fibra dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati li joriġinaw fil-Pakistan u attwalment jistgħu jiġu kklassifikati ġewwa Kodiċijiet NM ex63022100 (kodiċi TARIC 63022100*81 u 63022100*89), ex63022290 (kodiċi TARIC 63022290*19), ex63023110 (kodiċi TARIC 63023110*90), ex63023190 (kodiċi TARIC 63023190*90) u ex63023290 (kodiċi TARIC 63023290*19).

    2. Ir-rata ta' dazju applikabbli għall-prezz nett frank fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għall-prodotti prodotti mill-kumpaniji kollha għandha tkun ta' 13,1 %.

    3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-2 ta' Marzu 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Cullen

    [1] ĠU L 56, 06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (ĠU L 305, 07.11.02, p. 1).

    [2] ĠU L 316, 18.12.02, p. 6.

    --------------------------------------------------

    Top