EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0030

Id-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali

ĠU L 204, 21.7.1998, p. 1–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004; Imħassar b' 32003L0055

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/30/oj

31998L0030



Official Journal L 204 , 21/07/1998 P. 0001 - 0012


Id-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-22 ta’ Ġunju 1998

li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2), 66 u 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Huma u jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

(1) Billi, skond l-Artikolu 7a tat-Trattat, is-suq intern għandu jikkomprendi żona mingħajr fruntieri interni li fiha ċ-ċaqliq ħieles ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa assigurati; billi huwa importanti li jiġu adottati miżuri biex tissokta t-tkomplija tas-suq intern;

(2) Billi, skond l-Artikolu 7c tat-Trattat, id-differenzi fl-iżvilupp ta’ ċerti ekonomiji jridu jitqiesu, iżda d-derogi għandhom ikunu ta’ natura temporanja u jikkawżaw l-anqas tfixkil possibbli fit-tħaddim tas-suq komuni;

(3) Billi l-istabbiliment ta’ suq kompetittiv ta’ gass naturali huwa element importanti fit-tkomplija tas-suq intern ta’ l-enerġija;

(4) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/296/KEE tal-31 ta’ Mejju 1991 dwar it-transitu ta’ gass naturali minn linji ta’ forniment [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1990 li tirrigwarda proċedura tal-Komunità biex ittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet tal-gass u ta’ l-elettriku mħallsa mill-utenti finali industrijali [5] tikkostitwixxi l-ewwel fażi tat-tkomplija tas-suq intern fil-gass naturali;

(5) Billi huwa issa meħtieġ li jittieħdu aktar miżuri bil-ħsieb li jitwaqqaf is-suq intern fil-gass naturali;

(6) Billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jeffettwaw l-applikazzjoni sħiħa tat-Trattat, b’mod partikolari d-disposizzjonijiet li jirrigwardaw iċ-ċaqliq ħieles tal-prodotti fis-suq intern u r-regoli dwar il-kompetizzjoni, u ma jeffettwawx is-setgħat tal-Kummissjoni taħt it-Trattat;

(7) Billi s-suq intern fil-gass naturali jeħtieġ li jiġi stabbilit gradwalment, biex jippermetti lill-industrija li tadatta ruħa b’mod flessibbli u ordnat fl-ambjent il-ġdid tagħha u biex jingħata kont ta’ l-istrutturi differenti tas-suq fl-Istati Membri;

(8) Billi l-istabbiliment tas-suq intern fis-settur tal-gass naturali għandu jiffavorixxi l-interkonnessjoni u l-interoperabilità ta’ sistemi, per eżempju permezz ta’ kwalitajiet kompatibbli ta’ gass;

(9) Billi ċertu numru ta’ regoli komuni għandhom ikunu stabbiliti għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-gass naturali; billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawn ir-regoli m’huma xejn ħlief prinċipji ġenerali li jipprovdu għal qafas, li l-implimentazzjoni dettaljata tiegħu għandha titħalla għall-Istati Membri, b’hekk tippermetti lil kull Stat Membru li jżomm jew jagħżel is-sistema li tikkorrispondi l-aktar għal xi sitwazzjoni partikolari, b’mod partikolari fir-rigward ta’ awtorizzazzjonijiet u superviżjoni ta’ kuntratti ta’ provvista;

(10) Billi l-provvista esterna ta’ gass naturali hija ta’ importanza partikolari għax-xiri tal-gass naturali fl-Istati Membri li huma dipendenti ħafna fuq importazzjonijiet tal-gass;

(11) Billi, bħala regola ġenerali, l-impriżi fis-settur tal-gass naturali għandhom ikunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jkun hemm diskriminazzjoni kontra tagħhom;

(12) Billi għal xi Stati Membri l-imposizzjoni ta’ obbligi tas-servizz pubbliku tista’ tkun meħtieġa biex tassigura sigurtà ta’ provvista u protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-amjent, li, fl-opinjoni tagħhom, il-kompetizzjoni ħielsa, waħedha, ma tistax neċessarjament tiggarantixxi;

(13) Billi l-ippjanar fit-tul jista’ jkun wieħed mill-mezzi kif jitwettqu dawn id-dmirijiet ta’ servizz pubbliku, filwqat li jingħata kont tal-possibbilità ta’ partijiet terzi li jfittxu aċċess għas-sistema; billi l-Istati Membri jistgħu jsegwu mill-qrib kuntratti tat-tip ħu jew ħallas milħuqa biex jibqgħu aġġornati mas-sitwazzjoni tal-provvista;

(14) Billi l-Artikolu 90(1) tat-Trattat jobbliga lill-Istati Membri li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li ngħataw jeddijiet speċjali jew esklussivi;

(15) Billi l-Artikolu 90(2) tat-Trattat jimponi fuq l-impriżi fdati bit-tħaddim tas-servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku għal dawn ir-regoli taħt kondizzjonijiet speċifiċi; billi t-tħaddim ta’ din id-Direttiva għandu jkollu impatt fuq il-ħidma ta’ dawn l-impriżi; billi, kif imsemmi fl-Artikolu 3(3), l-Istati Membri m’għandomx għalfejn japplikaw l-Artikolu 4, b’mod partikolari, għall-infrastruttura tat-tqassim sabiex ma jxekklux la fil-liġi u lanqas fil-fatt it-twettieq tad-dmirijiet ta’ interess ġenerali ekonomiku impost fuq impriżi tal-gass;

(16) Billi, meta jimponu dmirijiet ta’ servizz pubbliku fuq impriżi tas-settur tal-gass naturali, l-Istati Membri għandhom allura jirrispettaw ir-regoli relevanti tat-Trattat kif interpretatati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej;

(17) Billi kriterji bażiċi u proċeduri għandhom jiġu preskritti fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jagħtu għall-kostruzzjoni jew tħaddim ta’ faċiltajiet rilevanti skond is-sistema nazzjonali tagħhom; billi dawn id-disposizzjonijiet m’għandhomx jeffettwaw ir-regoli relevanti ta’ leġislazzjoni nazzjonali billi jissoġġettaw il-kostruzzjoni jew operazzjoni tal-faċiltajiet relevanti għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni; billi, iżda, dan ir-rekwiżit m’għandux ikollu l-effett ta’ restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni fost l-impriżi tas-settur;

(18) Billi d-Deċiżjoni Nru 1254/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 1996 li tippreskrivi sensiela ta’ linji gwida għar-retikolati ta’ enerġija trans-Ewropea [6], tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi integrati għas-settur tal-gass naturali;

(19) Billi r-regoli tekniċi għat-tħaddim tas-sistemi u linji diretti għandhom ikunu trasparenti u għandhom jiżguraw l-interoperabilità tas-sistemi;

(20) Billi regoli bażiċi għandhom jiġu preskritti fir-rigward ta’ trasmissjoni, ħażna u impriżi ta’ gass naturali likwifikat, kif ukoll l-impriżi ta’ tqassim u provvista;

(21) Billi huwa meħtieġ li jiġi provdut aċċess mill-awtoritajiet kompetenti għall-kontijiet interni ta’ l-impriżi, bir-rispett xieraq lejn il-konfidenzjalità;

(22) Billi l-kontijiet ta’ l-impriżi kollha integrati ta’ gass naturali għandhom jipprovdu livell għoli ta’ trasparenza; billi l-kontijiet għandhom jinżammu separati għal attivitajiet differenti meta dan ikun meħtieġ biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, sussidju doppju u tgħawwiġ ieħor ta’ kompetizzjoni, filwaqt li jingħata kont fil-każijiet relevanti li t-trasmissjoni għal dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-kontijiet tinkludi l-gassifikazzjoni mill-ġdid; billi kontijiet separati m’għandomx ikunu meħtieġa għal entitajiet legali, bħal stokk jew skambji fil-futur, li ma jwettqux, ħlief f’din il-kapaċità kummerċjali, ebda waħda mill-funzjonijiet ta’ impriża ta’ gass naturali; billi ż-żamma integrata ta’ kontijiet għall-produzzjoni ta’ idrokarbonji u attivitajiet oħra relatati tista’ tiġi presentata bħala parti mir-rekwiżiti għaż-żamma tal-kontijiet għall-attivitajiet mhux marbuta mal-gass meħtieġa minn din id-Direttiva; billi l-informazzjoni rilevanti fl-Artikolu 23(3) għandha tinkludi, fejn meħtieġ, informazzjoni dwar iż-żamma ta’ kotba dwar linji ta’ pajpijiet upstream;

(23) Billi l-aċċess għas-sistema għandu jkun miftuħ skond din id-Direttiva u għandu jwassal għal-livell suffiċjenti u, fejn xieraq, komparabbli ta’ ftuħ fis-swieq ta’ l-Istati Membri differenti; billi, fl-istess waqt, il-ftuħ ta’ swieq m’għandux joħloq nuqqas ta’ bilanċ fis-sitwazzjoni kompetittiva ta’ impriżi fl-Istati Membri differenti;

(24) Billi, minħabba d-diversità ta’ l-istrutturi u l-karatteristiċi speċjali tas-sistemi fl-Istati Membri, għandu jkun hemm proċeduri differenti għall-aċċess tas-sistema li jaħdmu skond kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji;

(25) Billi, sabiex jikseb suq kompetittiv fil-gass naturali, għandha ssir disposizzjoni għall-aċċess għar-retikolati upstream ta’ linji ta’ pajpijiet; billi jinħtieġ trattament separat fir-rigward ta’ dak l-aċċess għal retikolati ta’ linji ta’ pajpijiet upstream, filwqat li jingħata kont, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi ekonomiċi speċjali, tekniċi u ta’ operazzjoni marbuta ma’ retikolati bħal dawk; billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jeffettwawx bl-ebda mod ir-regoli ta’ tassazzjoni nazzjonali;

(26) Billi għandhom isiru disposizzjonijiet fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni, kostruzzjoni u użu ta’ linji diretti;

(27) Billi għandhom isiru disposizzjonijiet għal proċeduri ta’ salvagwardja u proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ disputi;

(28) Billi kull abbuż ta’ posizzjoni dominanti jew kull aġir predatorju għandu jiġi evitat;

(29) Billi, xi Stati Membri jistgħu jgħaddu minn esperjenza ta’ diffikultajiet speċjali huma hu jaġġustaw is-sistemi tagħhom, għandhom isiru disposizzjonijiet għal derogi temporanji;

(30) Billi kuntratti fit-tul tat-tip ħu jew ħallas huma realtà tas-suq biex tinkiseb il-provvista tal-gass ta’ l-Istati Membri; billi, b’mod partikolari, għandhom isiru disposizzjonijiet għal derogi minn ċerti disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ impriża ta’ gass naturali li qiegħda jew tista’ tkun f’diffikultajiet ekonomiċi serji minħabba l-obbligi tagħha ta’ ħu jew ħallas; billi dawn id-derogi m’għandhomx idgħajfu l-għan ta’ din id-Direttiva għall-liberalizzazzjoni tas-suq intern fil-gass naturali; billi kull kuntratt ta’ ħu jew ħallas magħmul jew imġeded wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandu jiġi konklużi bi prudenza sabiex ma jfixklux ftuħ sinifikanti tas-suq; billi, għalhekk, dawk id-derogi għandhom ikunu limitati fiż-żmien u fil-kamp ta’ l-applikazzjoni u mogħtija b’mod trasparenti taħt is-sorveljanza tal-Kummissjoni;

(31) Billi disposizzjonijiet speċifiċi huma meħtieġa għal swieq u investimenti f’zoni oħrajn li għadhom ma laħqux stadju żviluppat; billi derogi għal dawn is-swieq u zoni għandhom ikunu limitati fiz-zmien u fil-kamp ta’ l-applikazzjoni; billi, f’ġieħ it-trasparenza u l-uniformità, l-Kummissjoni għandu jkollha rwol sinifikanti fl-għoti ta’ dawn id-derogi;

(32) Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi fażi ulterjuri ta’ liberalizzazzjoni; billi, mad-dħul fis-seħħ tagħha, xi xkiel għall-kummerċ fil-gass naturali bejn l-Istati Membri għandu ma’ dana kollu jibqa hemm xorta waħda; billi proposti għat-titjib tat-tħaddim tas-suq intern fil-gass naturali għandhom isiru fid-dawl ta’ l-esperjenza; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, tqassim, provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta ma’ l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-gass naturali, inkluż gass naturali likwifikat (LNG), aċċess fis-suq, it-tħaddim ta’ sistemi, u l-kriterji u proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ trasmissjoni, tqassim, provvista u ħażna ta’ gass naturali.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "impriża ta’ gass naturali" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li twettaq ta’ l-inqas waħda minn dawn il-funzjonijiet: produzzjoni, trasmissjoni, tqassim, provvista, xiri jew ħażna ta’ gass naturali, inkluż LNG, li hija responsabbli għax-xogħlijiet kummerċjali, tekniċi u/jew ta’ manutenzjoni marbuta ma’ dawn il-funzjonijiet, iżda mingħajr ma tinkludi l-konsumaturi finali;

2. "retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream" tfisser kull linja ta’ pajpijiet jew retikolat ta’ pajpijiet mħaddma u/jew mibnija bħala parti ta’ proġett ta’ produzzjoni ta’ gass jew żejt, jew użat biex iwassal il-gass naturali minn xi proġett bħal dan wieħed jew aktar lejn impjant ta’ pproċessar jew terminal jew terminal finali ta’ atterraġġ mill-kosta;

3. "transmissjoni" tfisser it-trasport ta’ gass naturali minn ġo retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet ta’ pressjoni għolja li ma jkunx retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream bil-ħsieb tal-kunsinna tiegħu lill-klijenti;

4. "impriża ta’ transmissjoni" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li twettaq il-funzjoni ta’ trasmissjoni;

5. "tqassim" ifisser it-trasport ta’ gass naturali minn ġo retikolati ta’ linji ta’ pajpijiet lokali jew reġjonali bil-ħsieb li jiġi kunsinnat lill-klijenti;

6. "impriża ta’ tqassim" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li twettaq il-funzjoni ta’ tqassim;

7. "provvista" tfisser il-kunsinna u/jew bejgħ ta’ gass naturali, inkluż LNG, lill-klijenti;

8. "impriża ta’ provvista" tfisser kull persuna naturali jew ġuridka li twettaq il-funzjoni ta’ provvista;

9. "faċilità ta’ ħażna" tfisser faċilità użata għall-ħażna ta’ gass naturali u li tappartjieni u/jew titħaddem minn impriża ta’ gass naturali, eskluża l-parti użata għal xogħol ta’ produzzjoni;

10. "impriża ta’ ħażna" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li twettaq il-funzjoni ta’ ħażna;

11. "Faċilità LNG" tfisser terminal li jintuża għall-likwifikazzjoni tal-gass naturali jew il-ħatt, ħażna u l-gassifikazzjoni mill-ġdid ta’ l-LNG;

12. "sistema" tfisser kull retikolati ta’ trasmissjoni u/jew retikolati ta’ distribuzzjoni u/jew faċilitajiet LNG proprjetà ta’ u/jew imħaddma minn impriża ta’ gass naturali, inklużi l-faċilitajiet tagħha ta’ servizzi anċillari u dawk ta’ impriżi relatati meħtieġa biex tipprovdi aċċess għat-trasmissjoni u tqassim;

13. "sistema interkonnessa" tfisser numru ta’ sistemi li huma magħqudin ma’ xulxin;

14. "linja diretta" tfisser linja ta’ pajpijiet ta’ gass naturali komplimentari għas-sistema interkonnessa;

15. "impriża integrata ta’ gass naturali" tfisser impriża integrata vertikalment u orizzontalment;

16. "impriża integrata vertikalment" tfisser impriża ta’ gass naturali li twettaq tnejn jew aktar mix-xogħlijiet ta’ produzzjoni, trasmissjoni, tqassim, provvista jew ħażna ta’ gass naturali;

17. "impriża integrata orizzontalment" tfisser impriża li qegħda twettaq ta’ l-inqas waħda mill-funzjonijiet ta’ produzzjoni, trasmissjoni, tqassim, provvista jew ħażna ta’ gass naturali, u attività mhux marbuta mal-gass;

18. "impriża relatata" tfisser impriżi affiljati, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 41 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill, 83/349/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar iż-żamma tal-kontijiet konsolidati [7], u/jew impriżi assoċjati, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 33(1) miġjub fih, u/jew impriżi li huma ta’ l-istess azzjonisti;

19. "utent tas-sistema" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li tissupplixxi lil, jew li tiġi fornita mis-sistema;

20. "klijenti" tfisser xerrejja bl-ingrossa jew finali ta’ gass naturali u impriżi ta’ gass naturali li jixtru gass naturali;

21. "klijent finali" tfisser konsumatur li jixtri gass naturali għall-użu tiegħu stess;

22. "xerrejja bl-ingrossa", fejn Stati Membri jgħarrfu l-eżistenza tagħhom, tfisser kull persuni naturali jew ġuridiċi li jixtru u jbiegħu gass naturali u li ma jwettqux funzjonijiet ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni ġewwa jew barra mis-sistema fejn huma stabbiliti;

23. "ippjanar fit-tul" tfisser l-ippjanar ta’ kapaċità ta’ provvista u trasportazzjoni ta’ impriżi ta’ gass naturali fuq bażi fit-tul bil-ħsieb li tissodisfa d-domanda għall-gass naturali tas-sistema, tiddiversifika r-riżorsi u tiggarantixxi l-provvista lill-klijenti;

24. "suq emergenti" tfisser Stat Membru li fih l-ewwel provvista kummerċjali ta’ l-ewwel kuntratt ta’ provvista fit-tul ta’ gass naturali saret mhux aktar minn 10 snin qabel;

25. "sigurtà" tfisser kemm sigurtà ta’ provvista u proviżjon, u sigurtà teknika.

KAPITOLU II

REGOLI ĠENERALI GĦALL-ORGANIZZAZZJONI TAS-SETTUR

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fuq il-bażi ta’ l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’konsiderazzjoni debita għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi ta’ gass naturali huma mħaddma skond il-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-għan li jinkiseb suq kompetittiv fil-gass naturali, u m’għandomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi fir-rigward ta’ jew jeddijiet jew dmirijiet.

2. B’konsiderazzjoni sħiħa għad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 90 miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi ta’ gass naturali, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta ma’ sigurtà, inkluża s-sigurtà ta’ provvista, regolarità, kwalità u prezz ta’ provvista, u mal protezzjoni ambjentali. Dawk l-obbligi għandhom jiġu definiti b’mod ċar, b’mod trasparenti, non-diskriminatorju u verifikabbli; dawn, u kull reviżjoni tagħhom, għandhom jiġu ppublikati u notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri mingħajr dewmin. Bħala mezz biex iwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ sigurtà ta’ provvista, l-Istati Membri li jixtiequ hekk jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ippjanar fit-tul, filwaqt li jqiesu l-possibbiltà ta’ partijiet terzi li jfittxu aċċess għas-sistema.

3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 fir-rigward ta’ tqassim sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn id-disposizzjonijiet tista’ xxekkel, fil-liġi jew fil-fatt, ir-rendiment ta’ l-obbligi imposti fuq impriżi ta’ gass naturali fl-interess ekonomiku ġenerali u sa fejn l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix effettwat sa dak il-limitu li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, kompetizzjoni fir-rigward ta’ klijenti eliġibbli skond din id-Direttiva u l-Artikolu 90 tat-Trattat.

Artikolu 4

1. F’ċirkostanzi fejn xi awtorizzazzjoni (e.g. liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni) hija meħtieġa għall-kostruzzjoni jew tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ gass naturali, l-Istati Membri jew kull awtorità kompetenti li huma jinnominaw għandhom jagħtu awtorizzazzjonijiet biex jinbnew u/jew jitħaddmu dawk il-faċilitajiet, linji ta’ pajpijiet u tagħmir assoċjat fuq it-territorju tagħhom, skond il-paragrafi 2 sa 4. L-Istati Membri jew xi awtorità kompetenti li huma jinnominaw jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjonijiet fuq l-istess bażi għall-provvista ta’ gass naturali u għall-klijenti bl-ingrossa.

2. Fejn l-Istati Membri għandhom sistema ta’ awtorizzazzjoni, huma għandhom jippreskrivu kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji li għandhom jitħarsu minn xi impriża li tapplika għal xi awtorizzazzjoni li tibni u/jew tħaddem faċilitajiet ta’ gass naturali jew li tapplika għall-awtorizzazzjoni biex tipprovdi gass naturali. Il-kriterji non-diskriminatorji u l-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu pubblikati.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għal kull ċaħda ta’ għotja ta’ xi awtorizzazzjoni huma oġġettivi u non-diskriminatorji u li jingħataw lill-applikant. Ir-raġunijiet għal ċaħdiet bħal dawn għandhom jintbagħtu fil-pront lill-Kummissjoni bħala informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura li tippermetti lill-applikant li jappella fuq ċaħdiet bħal dawk.

4. Għall-iżvilupp ta’ zoni bi provvista ġdida u t-tħaddim effiċjenti b’mod ġenerali, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, l-Istati Membri jistgħu jiċħdu għotja għall-awtorizzazzjoni ulterjuri biex jinbnew u jitħaddmu sistemi ta’ linji ta’ pajpijiet għat-tqassim f’xi zona partikolari ġa la darba sistemi ta’ pajpijiet bħal dawn ikunu nbnew jew ġew proposti li jinbnew f’dik iz-zona u jekk il-kapaċità eżistenti jew proposta mhix saturata.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli tekniċi li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi ta’ diżinn tekniku u tħaddim għall-konnessjoni mas-sistema ta’ faċilitajiet LNG, faċilitajiet ta’ ħażna, sistemi oħra ta’ trasmissjoni jew tqassim, u linji diretti, jiġu żviluppati u jsiru disponibbli. Dawn ir-regoli tekniċi għandhom jiżguraw l-interoperabilità tas-sistema u għandhom ikunu oġġettivi u non-diskriminatorji. Għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tippreskrivi proċedura għall-provvista ta’ tagħrif fil-qasam ta’ livelli tekniċi u regolamenti [8].

KAPITOLU III

TRASMISSJONI, ĦAŻNA U LNG

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi ta’ trasmissjoni, ħażna u LNG jaġixxu skond l-Artikoli 7 u 8.

Artikolu 7

1. Kull impriża ta’ trasmissjoni, ħażna u/jew LNG għandħa tħaddem, issostni u tiżviluppa taħt kondizzjonijiet ekonomiċi faċilitajiet żguri, affidabbli u effiċjenti ta’ trasmissjoni, ħażna u/jew LNG, b’konsiderazzjoni debita lejn l-ambjent.

2. F’kull każ, l-impriża ta’ trasmissjoni, ħażna u/jew LNG m’għandhiex tiddiskrimina bejn utenti ta’ sistema jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistema, partikolarment għall-vantaġġ ta’ l-impriżi marbuta magħha.

3. Kull impriża ta’ trasmissjoni, ħażna u/jew LNG għandha tipprovdi lil kull impriża ta’ trasmissjoni oħra, kull impriża ta’ ħażna u/jew kull impriża ta’ tqassim b’informazzjoni suffiċjenti biex tiżgura li t-trasport u l-ħażna ta’ gass naturali jistgħu jitwettqu b’mod kompatibbli mat-tħaddim żgur u effiċjenti tas-sistema interkonnessa.

Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 jew għal xi dmir ieħor legali li tagħti informazzjoni, kull impriża ta’ trasmissjoni, ħażna u/jew LNG għandha żżomm il-konfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fil-kors tat-twettiq tan-negozju tagħha.

2. L-impriżi ta’ trasmissjoni m’għandhomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri ta’ gass naturali mill-impriżi ta’ trasmissjoni jew impriżi relatati, jabbużaw minn informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn partijiet terzi fil-kuntest tal-provvidiment jew neguzjar ta’ aċċess għas-sistema.

KAPITOLU IV

TQASSIM U PROVVISTA

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi ta’ tqassim jaġixxu skond l-Artikoli 10 u 11.

2. L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi ta’ tqassim u/jew impriżi ta’ provvista, obbligu li jikkonsenjaw lill-klijenti li qegħdin f’xi zona partikolari jew ta’ ċerta klassi jew it-tnejn. It-tariffa għal konsenji bħal dawk tista’ tiġi regolata, biex per eżempju tiżgura trattament ugwali tal-klijenti nteressati.

Artikolu 10

1. Kull impriża ta’ tqassim għandha tħaddem, issostni u tiżviluppa taħt kondizzjonijiet ekonomiċi sistema siġura, affidabbli u effiċjenti, b’konsiderazzjoni debita għall-ambjent.

2. F’kull każ, l-impriża ta’ tqassim m’għandhiex tiddiskrimina bejn utenti ta’ sistema jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistema, partikolarment għall-vantaġġ ta’ l-impriżi relatati tagħha.

3. Kull impriża ta’ tqassim għandha tipprovdi lil kull impriża ta’ tqassim oħra, kull impriża ta’ trasmissjoni u/jew kull impriża ta’ ħażna b’informazzjoni suffiċjenti biex tiżgura li t-trasport ta’ gass naturali jista’ jitwettaq b’mod kompatibbli mat-tħaddim sigur u effiċjenti tas-sistema interkonnessa.

Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 jew għal xi dmir ieħor legali li tagħti informazzjoni, kull impriża ta’ tqassim għandha żżomm il-konfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva matul it-twettiq tan-negozju tagħha.

2. L-impriżi ta’ tqassim m’għandomx, fil-kuntest ta’ bejgħ jew xiri ta’ gass naturali mill-impriżi ta’ tqassim jew impriżi relatati, jabbużaw minn informazzjoni kummerċjalment sensittiva miksuba minn partijiet terzi fil-kuntest tal-provediment jew neguzjar ta’ aċċess għas-sistema.

KAPITOLU V

UNBUNDLING U TRASPARENZA TAL-KONTIJIET

Artikolu 12

L-Istati Membri jew xi awtorità kompetenti li jinnominaw, inklużi l-awtoritajiet ta’ soluzzjoni ta’ disputi msemmija fl-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 23(3), għandu jkollhom il-jedd għall-aċċess għall-kontijiet ta’ l-impriżi ta’ gass naturali kif preskritt fl-Artikolu 13 li jeħtieġu jikkonsultaw fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri u kull awtorità nominata kompetenti, inklużi l-awtoritajiet ta’ soluzzjoni ta’ disputi, għandhom iżommu l-konfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ konfidenzjalità fejn dan huwa meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-kontijiet ta’ l-impriżi ta’ gass naturali jinżammu skond il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-impriżi ta’ gass naturali, tkun xi tkun is-sistema ta’ proprjetà jew forma legali tagħhom, għandhom iħejju, jissottomettu għall-verifika u jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom skond ir-regoli tal-liġi nazzjonali li jirrigwardaw il-kontijiet annwali ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata adottati skond ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji [9].

L-impriżi li mhumiex obbligati legalment li jippubblikaw il-kontijiet annwali tagħhom għandhom iżżommu l-kopja tagħhom disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċċju ċentrali tagħhom.

3. L-impriżi integrati ta’ gass naturali għandhom, fil-kontijiet interni tagħhom, iżommu kontijiet separati għall-attivitajiet ta’ trasmissjoni, tqassim u ħażna ta’ gass naturali, u, fejn xieraq, kontijiet konsolidati għall-attivitajiet mhux marbuta mal-gass, kif ikun jinħtieġilhom jagħmlu kieku l-attivitajiet msemmija kienu mwettqa minn impriżi separati, bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni, sussidju doppju u tgħawwiġ fil-kompetizzjoni. Dawn il-kontijiet interni għandhom jinkludu karta tal-bilanċ u kont tal-profitt u telf għal kull attività.

Fejn japplika l-Artikolu 16 u l-aċċess għas-sistema huwa fuq bażi ta’ pagament wieħed kemm għat-trasmissjoni kif għat-tqassim, il-kontijiet ta’ attivitajiet ta’ trasmissjoni u tqassim jistgħu jingħaqdu.

4. L-impriżi għandhom jispeċifikaw fiż-żamma tal-kotba tagħhom interna r-regoli għall-allokazzjoni ta’ assi u responsabiltajiet, nefqa u dħul kif ukoll għall-iżvalutazzjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ żamma ta’ kontijiet applikabbli nazzjonalment, li huma jsegwu fit-tħejjija tal-kontijiet separati msemmija fil-paragrafu 3. Dawn ir-regoli jistgħu jiġu emendati biss f’kazijiet eċċezzjonali. Dawn l-emendi għandhom jissemmew u jiġu debitament sostanzjati.

5. Il-kontijiet annwali għandhom jindikaw f’noti kull transazzjoni ta’ ċertu daqs mwettqa ma’ impriżi relatati.

KAPITOLU VI

AĊĊESS GĦAS-SISTEMA

Artikolu 14

Għall-organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu xi waħda jew iż-żewġ proċeduri msemmija fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 16. Dawn il-proċeduri għandhom jaħdmu skond kriterji oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji.

Artikolu 15

1. Fil-każ ta’ aċċess negozjat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-impriżi ta’ gass naturali u klijenti eliġibbli jew ġewwa jew barra t-territorju kopert mis-sistema interkonnessa jkunu jistgħu jinnegozjaw aċċess għas-sistema biex jikkonkludu kuntratti ta’ provvista ma’ xulxin fuq il-bażi ta’ patti ta’ ftehim volontarju kummerċjali. Il-partijiet għandhom ikunu obbligati li jinnegozjaw aċċess għas-sistema in bonafede.

2. Il-kuntratti għall-aċċess għas-sistema għandhom ikunu negozjati ma’ l-impriżi relevanti ta’ gass naturali. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-impriżi jippubblikaw il-kondizzjonijiet prinċipali kummerċjali tagħhom għall-użu tas-sistema fi żmien l-ewwel sena wara t-tħaddim ta’ din id-Direttiva u fuq bażi annwali kull sena wara dan.

Artikolu 16

L-Istati Membri li jagħżlu proċedura ta’ aċċess regolat għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħtu lill-impriżi ta’ gass naturali u klijenti eliġibbli sew ġewwa kemm barra t-territorju kopert mis-sistema interkonnessa jedd ta’ aċċess għas-sistema, fuq il-bażi ta’ tariffi pubblikati u/jew kondizzjonijiet u obbligi oħra għall-użu ta’ dik is-sistema. Il-jedd ta’ aċċess għall-klijenti eliġibbli jista’ jingħata billi jkun permess lilhom li jidħlu f’kuntratti ta’ provvista ma’ impriżi rivali ta’ gass naturali barra mill-proprjetarju u/jew operatur tas-sistema jew xi impriża relatata.

Artikolu 17

1. Impriżi ta’ gass naturali jistgħu jiċħdu l-aċċess għas-sistema fuq bażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew fejn l-aċċess għas-sistema żżommhom milli jwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmi fl-Artikolu 3(2) assenjati lilhom jew fuq bażi ta’ diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji serji b’kuntratti tat-tip ħu jew ħallas wara li jingħata kont tal-kriterji u l-proċeduri preskritti fl-Artikolu 25 u l-alternattiva magħżula mill-Istat Membru skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Ir-raġunijiet deitament sostanzjati għandhom jingħataw għal dik iċ-ċaħda.

2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriza ta’ gass naturali li tiċħad l-aċċess għas-sistema fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kapaċità jew nuqqas ta’ konnessjoni għandha tagħmel it-titjib meħtieġ sa fejn huwa ekonomiku li tagħmel dan jew meta xi klijent huwa lest li jħallas għalihom. F’ċirkustanzi fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 4(4), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri.

Artikolu 18

1. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-klijenti eliġibbli, jiġifieri dawk il-klijenti ġewwa t-territorju tagħhom li għandhom il-kapaċità legali biex jagħmlu kuntratti għal, jew biex jinbiegħ lilhom, gass naturali skond l-Artikoli 15 u 16, minħabba li l-klijenti kollha msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu inklużi.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li ta’ l-inqas il-klijenti li ġejjin huma nominati bħala klijenti eliġibbli:

- ġeneraturi tal-gass, irrispetivament tal-livell ta’ konsum annwali tagħhom; iżda, u sabiex jissalvagwardjaw il-bilanċ tas-suq elettriku tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu għadba, li ma tistax taqbeż il-livell maħsub għal klijenti finali oħra, għall-eliġibbiltà ta’ produtturi maqgħuda ta’ sħana u enerġija. Dawn l-għadbiet għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni,

- konsumaturi oħra finali li jikkunsmaw aktar minn 25 miljun metru kubu ta’ gass fis-sena fuq bażi ta’ sit ta’ konsum.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1 tirriżulta fi ftuħ tas-suq ugwali għal ta’ l-anqas 20 % tal-konsum annwali totali ta’ gass tas-suq nazzjonali tal-gass.

4. Il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 3 għandu jiżdied għal 28 % tal-konsum annwali totali ta’ gass tas-suq nazzjonali ta’ gass ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u sa 33 % ta dan għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

5. Jekk id-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1 tirriżulta fi ftuħ ta’ suq ta’ aktar minn 30 % tal-konsum annwali totali ta’ gass tas-suq nazzjonali ta’ gass, l-Istat Membru konċernat jista’ jimmodifika d-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli sal-limitu li l-ftuħ tas-suq jitnaqqas sa mhux anqas minn 30 % ta’ dak il-konsum. L-Istati Membri għandhom jimmodifikaw id-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli b’mod bilanċjat, mingħajr ma joħolqu xi żvantaġġi speċifiċi għal ċerti tipi jew klassijiet ta’ klijenti eliġibbli, iżda waqt li jagħtu kont ta’ l-istrutturi eżistenti tas-suq.

6. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin biex jiżguraw li l-ftuħ tas-suq tagħhom ta’ gass naturali jiżdied fuq perjodu ta’ 10 snin:

- l-għadba preskritta fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 għall-klijienti eliġibbli minbarra ġeneraturi mħaddma bil-gass, għandha titnaqqas għal 15 miljun metru kubu fis-sena fuq bażi ta’ konsum fis-sit ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u għal 5 miljun metru kubu fis-sena fuq dik il-bażi 10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva,

- il-perċentwali msemmi fil-paragrafu 5 għandu jiżdied għal 38 % tal-konsum annwali totali ta’ gass tas-suq nazzjonali ta’ gass ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u sa 43 % ta dan il-konsum 10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

7. Fir-rigward ta’ swieq emerġenti, il-ftuħ gradwali tas-suq li għalih hemm provvdut f’dan l-Artikolu għandu jibda japplika mill-iskadenza tad-deroga msemmija fl-Artikolu 26(2).

8. Impriżi ta’ tqassim, jekk ma jkunx diġà speċifikati bħala klijenti eliġibbli skond il-paragrafu 1, għandu jkollhom il-kapaċità legali li jikkontrattaw għall-gass naturali skond l-Artikoli 15 u 16 għall-volum ta’ gass naturali kkunsmat mill-klijenti tagħhom nominati bħala eliġibbli fi ħdan is-sistema ta’ tqassim tagħhom, biex ifornu dawn il-klijienti.

9. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena l-kriterji għad-definizzjoni ta’ klijenti eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ kull informazzjoni oħra xierqa li tiġġustifika t-tħaris tal-ftuħ tas-suq taħt dan l-Artikolu, għandha tintbagħat lill-Kummissjoni biex tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Kummissjoni tista’ titlob lil xi Stat Membru biex jimmodifika l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu jekk dawn joħolqu xkiel fl-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ tħaddim bla ntoppi tas-suq intern fil-gass naturali. Jekk l-Istat Membru konċernat ma jikkonformax ma’ din it-talba sa perjodu ta’ tliet xhur, tittieħed deċiżjoni finali skond il-proċedura Nru 1 ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/373/KEE tat-13 ta’ Lulju 1987 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [10].

Artikolu 19

1. Biex jiġi evitat żbilanċ fil-ftuħ ta’ swieq tal-gass matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 28:

(a) kuntratti għall-provvista ta’ gass skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 15, 16 u 17 ma’ klijent eliġibbli fis-sistema ta’ xi Stat Membru ieħor m’għandhomx jiġu pprojbiti jekk il-klijent huwa meqjus bħala eliġibbli fiż-żewġ sistemi nvoluti;

(b) f’każijiet fejn it-transazzjonijiet kif deskritti fis-subparagrafu (a) huma miċħuda minħabba li l-klijient huwa eliġibbli f’waħda biss miż-żewġ sistemi, il-Kummissjoni tista’ ġġiegħel, filwaqt li tagħti kont tas-sitwazzjoni fis-suq u l-interess komuni, lill-parti li tiċħad li twettaq il-provvista mitluba ta’ gass, fuq talba ta’ l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-klijent eliġibbli.

2. B’mod parallel mal-proċedura u l-orarju li għalihom hemm provvdut fl-Artikolu 28, u mhux aktar tard minn wara nofs il-perjodu li għalih hemm provvdut f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’ żviluppi tas-suq waqt li tagħti kont ta’ l--interess komuni. Fid-dawl ta’ l-esperjenza, il-Kummissjoni għandha tivvaluta din is-sitwazzjoni u tirrapporta dwar kull żbilanċ possibbli fil-ftuħ ta’ swieq tal-gass fir-rigward tal-paragrafu 1(b).

Artikolu 20

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu li:

- impriżi ta’ gass naturali stabbiliti fit-territorju tagħhom jissupplixxu lill-klijenti deskritti fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva permezz ta’ linja diretta,

- kull klijent eliġibbli b’dan il-mod fit-territorju taghħom jiġi fornit permezz ta’ linja diretta minn impriżi ta’ gass naturali.

2. F’ċirkustanzi fejn awtorizzazzjoni (e.g. liċenzja, permess, konċessjoni, kunsens jew approvazzjoni) hija meħtieġa għall-kostruzzjoni jew tħaddim ta’ linji diretti, l-Istati Membri jew xi awtorità kompetenti li huma jinnominaw għandhom jippreskrivu l-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni jew tħaddim ta’ dawk il-linji fit-territorju tagħhom. Dawn il-kriterji għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji.

3. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu awtorizzazzjonijiet biex jibnu linja diretta soġġetta jew għaċ-caħda ta’ aċċess ta’ sistema fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 17 jew għal ftuħ ta’ proċedura ta’ soluzzjoni ta’ disputi skond l-Artikolu 21.

Artikolu 21

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet jinnegozjaw aċċess għas-sistema in buona fede u li ħadd minnhom ma jabbuża bil-posizzjoni ta’ negozjar tiegħu biex ixekkel kull riżultat ta’ suċċess ta’ dan in-negozjar.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti, li trid tkun indipendenti mill-partijiet, biex tirrisolvi malajr disputi li jirrelataw man-negozjati in kwistjoni. B’mod partikolari, din l-awtorità għandha tirrisolvi disputi li jirrigwardaw neġozjati u ċaħda ta’ aċċess fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti għandha tippresenta l-konklużjonijiet tagħha mingħajr dewmien jew jekk hu possibbli fi żmien 12-il ġimgħa mill-introduzzjoni tad-disputa. Ir-rikors lejn din l-awtorità għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ appell skond il-liġi tal-Komunità.

3. Fil-każ ta’ disputi bejn il-fruntieri, l-awtorità tas-soluzzjoni tad-disputa għandha tkun l-awtorità tas-soluzzjoni tad-disputa li tkopri s-sistema ta’ l-impriża ta’ gass naturali li tiċħad l-użu ta’, jew aċċess għas-, sistema. Fejn, f’disputi bejn il-fruntieri, aktar minn awtorità waħda bħal dik tkopri s-sistema konċernata, l-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin bil-ħsieb li jiżguraw li d- disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod konsistenti.

Artikolu 22

L-Istati Membri għandhom joħolqu l-mekkaniżmi xierqa u effiċjenti għar-regolazzjoni, kontroll u trasparenza biex jiġi evitat kull abbuż ta’ posizzjoni dominanti, b’mod partikolari għad-detriment tal-klijent, u kull aġir predatorju. Dawn il-mekkaniżmi għandhom iqiesu d-disposizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikolu 86 miġjub fih.

Artikolu 23

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi ta’ gass naturali u klijenti meħtieġa li jkunu eliġibbli skond l-Artikolu 18, huma fejn huma, jkunu jistgħu jiksbu aċċess għar-retikolati ta’ linji ta’ pajpijiet upstream, inklużi faċilitajiet li jissupplixxu servizzi tekniċi inċidentali għal dan l-aċċess, skond dan l-Artikolu, ħlief dawk il-partijiet ta’ dawn ir-retikolati u faċilitajiet li huma użati għall-operazzjonijiet ta’ produzzjoni lokali fuq il-post ta’ xi qasam fejn jiġi prodott il-gass. Il-miżuri għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni skond d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29.

2. L-aċċess msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi provdut b’mod li jkun determinat mill-Istat Membru skond l-istrumenti legali relevanti. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-oġġettivi ta’ aċċess ġust u miftuħ, filwaqt li jiksbu suq kompetittiv fil-gass naturali u jevitaw kull abbuż ta’ xi posizzjoni dominanti, waqt li jingħata kont tas-sigurtà u r-regolarità ta’ provvisti, kapaċità li hija jew tista’ ssir disponibbli b’mod raġjonevoli, u l-protezzjoni ambjentali. Jista’ jitqies dan li-ġej:

(a) il-ħtieġa li tiċħad aċċess fejn hemm inkompatibbiltà ta’ karatteristiċi tekniċi li ma jistgħux jiġu megħluba b’mod raġjonevoli;

(b) il-ħtieġa li tevita diffikultajiet li ma jistgħux jiġu megħluba b’mod raġjonevoli u jistgħu jippreġudikaw il-produzzjoni effiċjenti, kurrenti u ppjanata għal futur ta’ idrokarbuni, inklużi dawk minn oqsma ta’ vijabbiltà ekonomika marġinali;

(ċ) il-ħtieġa li tirrispetta l-ħtiġiet raġjonevolment debitament sostanzjati tas-sid jew operatur tar-retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream għat-trasport u l-pproċessar ta’ gass u l-interessi ta’ l-utenti l-oħra kollha tar-retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream jew faċilitajiet rilevanti ta’ proċessar jew maniġġjar li jistgħu jiġu effettwati; u

(d) il-ħtieġa li tapplika l-liġijiet tagħhom u l-proċeduri amministrattivi, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-produzzjoni jew żvilupp upstream.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom jaħdmu arranġamenti ta’ soluzzjoni ta’ disputi, inkluża awtorità indipendenti mill-partijiet b’aċċess għal kull informazzjoni relevanti, biex tippermetti li disputi marbuta ma’ aċċess għal retikolati ta’ linji ta’ pajpijiet upstream jiġu riżolti ta’ malajr, waqt li jingħata kont tal-kriterji fil-paragrafu 2 u n-numru ta’ partijiet li jistgħu jkunu involuti fin-negozjar ta’ aċċess ta’ dawn ir-retikolati.

4. Fil-każ ta’ disputi bejn il-fruntiera, l-arranġamenti ta’ soluzzjoni ta’ disputi għall-Istat Membru li għandu ġurisdizzjoni fuq ir-retikolat ta’ linji ta’ pajpijiet upstream li jiċħad aċċess għandhom jiġu applikati. Fejn, f’disputi bejn il-fruntiera, aktar minn Stat Membru jkopri r-retikolat konċernat, l-Istat Membru konċernat għandu jikkonsulta bil-ħsieb li jiżgura li d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod konsistenti.

KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

1. Fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fis-suq ta’ l-enerġija jew fejn is-sigurezza fiżika jew sigurtà tan-nies, apparat jew installazzjonijiet jew l-integrità tas-sistema hija mhedda, Stat Membru jista’ temporanjament jieħu l-miżuri ta’ salvagwardja meħtieġa.

2. Dawn il-miżuri għandhom jikkawżaw l-inqas disturb possibbli fit-tħaddim tas-suq intern u m’għandhomx ikunu aktar wiesgħa fil-għan tagħhom minn kemm huwa strettament meħtieġ biex tirrisolvi d-diffikultajiet f’daqqa li tfaċċaw.

3. L-Istat Membru konċernat għandu mingħajr dewmin jinnotifika dawn il-miżuri lill-Istati Membri l-oħra, u lill-Kummissjoni, li tista’ tiddeċidi li l-Istat Membru konċernat għandu jemenda jew jabolixxi dawn il-miżuri, sal-limitu li jgħawġu l-kompetizzjoni u jeffettwaw ħażin il-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

Artikolu 25

1. Jekk xi impriża tal-gass tiltaqa’, jew tqies li tista’ tiltaqa’, ma’ diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi serji minħabba l-impenji tagħha ta’ ħu jew ħallas aċċettati f’wieħed jew aktar kuntratti ta’ xiri ta’ gass, applikazzjoni għal deroga temporanja mill-Artikolu 15 u/jew l-Artikolu 16 tista’ tintbgħat lill-Istat Membru konċernat jew l-awtorità kompetenti nominata. L-applikazzjonjiet għandhom, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, jiġu ppresentati fuq bażi ta’ każ b’każ jew qabel jew wara ċ-ċaħda ta’ aċċess għas-sistema. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu lill-impriża ta’ gass naturali l-għażla li tippresenta applikazzjoni jew qabel jew wara ċ-ċaħda ta’ aċċess għas-sistema. Fejn impriża ta’ gass naturali tkun ċaħdet l-aċċess, l-applikazzjoni għandha tiġi ppresentata mingħajr dewmin. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati mill-informazzjoni kollha relevanti dwar in-natura u l-wisa’ tal-problema u dwar l-isforżi magħmula mill-impriża tal-gass biex tirsolvi l-problema.

Jekk soluzzjonijiet alternattivi mhumiex disponibbli b’mod raġjonevoli, u waqt li jingħata kont tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-Istat Membru jew l-awtorità nominata kompetenti jista’ jiddeċidi li jagħti deroga.

2. L-Istati Membri, jew l-awtorità kompetenti nominata, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar id-deċiżjoni tiegħu li jagħti deroga, flimkien ma’ l-informazzjoni relevanti fir-rigward tad-deroga. Din l-informazzjoni tista’ tiġi sottomessa lill-Kummissjoni taħt forma aggregata, filwaqt li tippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni fondata kif imiss. Sa erba’ ġimgħat minn meta tasal din in-notifikazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nominata konċernata jemenda jew jirtira d-deċiżjoni li jagħti deroġa. Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti nominata konċernata ma tħarisx din it-talba sa perjodu ta’ erba’ ġimgħat, għandha tittieħed deċiżjoni finali ta’ malajr skond il-proċedura I ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 87/373/KEE.

Il-Kummissjoni għandha żżomm l-konfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

3. Meta jiddeċiedu dwar id-derogi msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri, jew l-awtorità kompetenti nominata, u l-Kummissjoni għandhom iqiesu, b’mod partikolari, l-kriterji li ġejjin:

(a) l-għan li jiksbu suq kompetittiv tal-gass;

(b) il-ħtieġa li jħarsu obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku u li jiżguraw sigurtà ta’ provvista;

(ċ) il-posizzjoni ta’ l-impriża ta’ gass naturali fis-suq tal-gass u l-istat attwali ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq;

(d) is-serjetà tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji li l-impriżi tal-gass naturali u impriżi ta’ trasmissjoni jew klijienti eliġibbli jkunu ltaqgħu magħhom;

(e) id-dati tal-firma u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt in kwistjoni, inkluż il-limitu sa fejn jippermettu għal tibdil tibdil fis-suq;

(f) l-isforzi magħmula biex tinstab soluzzjoni għall-problema;

(g) il-limitu sa fejn, huma u jaċċettaw l-impenji ta’ ħu jew ħallas in kwistjoni, l-impriża setgħat b’mod raġjonevoli tipprevedi, b’konsiderazzjoni għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li diffikultajiet serji kienu ser jinqalgħu;

(h) il-livell ta’ konnessjoni tas-sistema ma’ sistemi oħra u l-grad ta’ interoperabbiltà ta’ dawn is-sistemi; u

(i) l-effetti li l-għoti ta’ deroga jkollu fuq l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva fir-rigward tat-tħaddim bla ntoppi tas-suq intern ta’ gass naturali.

Deċiżjoni fuq talba għal deroga li tirrigwarda kuntratti tat-tip ħu jew ħallas konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva m’għandhiex twassal għal sitwazzjoni li fiha huwa impossibbli li jinstabu sorsi alternattivi ekonomikament vijabbli. Diffikultajiet serji għandhom f’kull każ jitqiesu bħala li ma jeżistux meta l-bejgħ ta’ gass naturali ma jaqax taħt il-livell ta’ garanziji minimi

kontenuti f’kuntratti ħu jew ħallas ta’ xiri ta’ gass jew sa fejn il-kuntratt ħu jew ħallas relevanti ta’ xiri ta’ gass jista’ jiġi addattat jew kemm l-impriża ta’ gass naturali għandha ħila li ssib sorsi alternattivi.

4. L-impriżi ta’ gass naturali li ma ngħatawx deroga kif imsemmi fil-paragrafu 1 m’għandomx jiċħdu, jew m’għandomx aktar jiċħdu, l-aċċess għas-sistema minħabba impenji ta’ ħu jew ħallas aċċettati f’kuntratt ta’ xiri ta’ gass. L-Istati Membri għandhom jaraw li d-disposizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu VI jiġu mħarsa.

5. Kull deroga mogħtija skond id-disposizzjonijiet ta’ hawn fuq għandha tkun debitament sostanżjata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6. Il-Kummissjoni għandha, sa ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, tissottometti rapport ta’ reviżjoni dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jikkonsidraw, fiż-żmien xieraq, il-ħtieġa li jaġġustawha.

Artikolu 26

1. L-Istati Membri mhux direttament konnessi mas-sistema interkonnessa ta’ xi Stat Membru ieħor u li għandhom fornitur prinċipali ieħor biss estern jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 4, l-Artikolu 18(1), (2), (3), (4) u (6) u/jew l-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva. Fornitur li għandu sehem fis-suq ta’ aktar minn 75 % għandu jitqies bħala fornitur prinċipali. Din id-deroga għandha tiskadi awtomatikament mill-mument meta ta’ l-inqas waħda minn dawn il-kondizzjonijiet ma tapplikax iżjed. Kull deroga bħal din għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni.

2. Stat Membru, li jikkwalifika bħala suq emerġenti, li minħabba l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jista’ jgħaddi minn problemi sostanzjali, mhux assoċjati ma’ l-impenji kuntrattwali ta’ ħu jew ħallas imsemmija fl-Artikolu 25, jista’ jidderoga mill-Artikolu 4, l-Artikolu 18(1), (2), (3), (4) u (6) u/jew l-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva. Din id-deroga għandha awtomatikament tiskadi mill-mument meta l-Istat Membru ma jikkwalifikax aktar bħala suq emerġenti. Kull deroga bħal din għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni.

3. Fejn l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tista’ tikkawża problemi sostanzjali f’zona ġeografikament limitata ta’ xi Stati Membru, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura ta’ trasmissjoni, u bil-ħsieb li jiġu mħeġġa l-investimenti, l-Istat Membru jista’ japplika għal deroga temporanja minn għand il-Kummissjoni mill-Artikolu 4, l-Artikolu 18(1), (2), (3), (4) u (6) u/jew l-Artikolu 20 għal żviluppi ġewwa din iż-żona.

4. Il-Kummissjoni tista tagħti d-deroga msemmija fil-paragrafu 3, billi tagħti kont, b’mod partikolari, l-kriterji li ġejjin:

- il-ħtieġa għall-investimenti fl-infrastruttura, li ma jkunx ekonomiku li tħaddem f’ambjent ta’ suq kompetittiv,

- il-livell u l-prospetti ta’ ħlas lura meħtieġa ta’ investimenti,

- id-daqs u l-maturità tas-sistema ta’ gass fiz-zona konċernata,

- il-prospetti għas-suq tal-gass konċernat,

- id-daqs ġeografiku u l-karatteristiċi taż-żona jew reġjun konċernat, u

- fatturi soċjo-ekonomiċi u demografiċi.

Deroga tista’ tingħata biss jekk ebda infrastruttura ta’ gass ma tkun ġiet stabbilita f’din iż-żona, jew tkun ġiet hekk stabbilita għal anqas minn 10 snin. Id-deroga temporanja ma tistax taqbeż 10 snin minn meta l-gass jiġi fornit l-ewwel darba fiż-żona.

5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar applikazzjonijiet magħmula taħt il-paragrafi 3 qabel ma tieħu deċiżjoni skond il-paragrafu 4, waqt li tagħti kont tar-rispett għall-konfidenzjalità. Din id-deċiżjoni, kif ukoll id-derogi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandhom tiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 27

1. Qabel it-tmiem ta’ l-ewwel sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rekwiżiti ta’ armonizzazzjoni li m’humiex marbuta mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Jekk jinħtieġ, il-Kummissjoni għandha tehmez mar-rapport kull proposta ta’ armonizzazzjoni meħtieġa għat-tħaddim effettiv tas-suq intern ta’ gass naturali.

2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar dawn il-proposti sa sentejn mis-sottomissjoni tagħhom.

Artikolu 28

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottometti rapport dwar l-esperjenza miksuba dwar l-iffunzjonar tas-suq intern fil-gass naturali u l-implimentazzjoni tar-regoli ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, li jqiesu, fi żmien debitu, l-possibbiltà ta’ disposizzjonijiet biex itejjbu s-suq intern fil-gass naturali, li għandhom ikunu effettivi 10 snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

Artikolu 29

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn mid-data speċifikata fl-Artikolu 30. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir dik ir-referenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

Artikolu 30

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 31

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 1998.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

J. Cunningham

[1] ĠU C 65, ta’ l-14.3.1992, pġ. 14 u ĠU C 123, ta’ l-4.5.1994, pġ. 26.

[2] ĠU C 73, tal-15.3.1993, pġ. 31 u ĠU C 195, tat-18.7.1994, pġ. 82.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Novembru 1993 (ĠU C 329, tas-6.12.1993, pġ. 182), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill (KE) Nru 17/98 tat-12 ta’ Frar 1998 (ĠU C 91, tas-26.3.1998, pġ. 46) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ April 1998 (ĠU C 152, tat-18.5.1998). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 1998.

[4] ĠU L 147, tat-12.6.1991, pġ. 37. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/49/KE (ĠU L 233, tat-30.9.1995, pġ. 86).

[5] ĠU L 185, tas-17.7.1990, pġ. 16. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[6] ĠU L 161, tad-29.6.1996, pġ. 147. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1047/97/KE (ĠU L 152, ta’ l-1.6.1997, pġ. 12).

[7] ĠU L 193, tat-18.7.1983, pġ. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994.

[8] ĠU L 109, tas-26.4.1983, pġ. 8. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 96/139/KE (ĠU L 32, ta’ l-10.2.1996, pġ. 31).

[9] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, pġ. 11. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 94/8/KE (ĠU L 82, tal-25.3.1994, pġ. 33).

[10] ĠU L 197, tat-18.7.1987, pġ. 33.

--------------------------------------------------

Top