Odaberite eksperimentalnu funkciju koju želite isprobati

Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex

Dokument 31997R1221

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1221/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex itejbu l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ l-għasel

    ĠU L 173, 1.7.1997., str. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Pravni status dokumenta Više nije na snazi, Datum isteka: 27/04/2004; Imħassar b' 32004R0797

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1221/oj

    31997R1221



    Official Journal L 173 , 01/07/1997 P. 0001 - 0002


    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru. 1221/97

    tal-25 ta' Ġunju 1997

    li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' miżuri biex itejbu l-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-għasel

    Il-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni ([1]),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ([2]),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([3]),

    Billi l-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dokument ta' diskussjoni dwar l-apikultura fl-Ewropa li fih jiġu spjegati s-sitwazzjoni u d-diffikultajiet ta' dan is-settur;

    Billi l-apikultura hija settur ta' l-agrikoltura, li l-funzjonijiet prinċipali tagħha huma l-attività ekonomika u l-iżvilupp rurali, il-produzzjoni ta' l-għasel u l-prodotti l-oħra tad-doqqajs u ż-żamma ta' bilanċ ekoloġiku;

    Billi s-settur hu karatterizzat minn diversità ta' kondizzjonijiet ta' produzzjoni u mill-ġabra u mit-tixrid u l-varjetà ta' produtturi u negozjanti; billi hemm żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq Komunitarju ta' l-għasel;

    Billi, minħabba t-tixrid tal-varraosi f'diversi Stati Membri fi snin reċenti u l-problemi li din il-marda u mard konness jikkawżaw fil-produzzjoni ta' l-għasel, hija meħtieġa azzjoni mill-Komunità;

    Billi, kunsidrati dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex tittejjeb il-produzzjoni u s-suq ta' l-għasel fil-Komunità, għandhom jiġu mħejjija mingħajr dewmien programmi nazzjonali ta' kull sena li jinkludu assistenza teknika, miżuri biex jikkontrollaw il-varraosi u mard konness, ir-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza, il-maniġġjar ta' ċentri reġjonali tat-trobbija tan-naħal u kooperazzjoni dwar programmi ta' riċerka biex titjieb il-kwalità ta' l-għasel;

    Billi, sabiex tiġi kkompletata l-informazzjoni statistika dwar is-settur agrikolu, l-Istati Membri għandhom jagħmlu studji dwar l-istruttura tas-settur, li jkopru l-produzzjoni, is-suq u l-formazzjoni tal-prezzijiet;

    Billi l-ispejjeż ta' l-Istati Membri biex iwettqu l-obbligi li jinħolqu minn dan ir-Regolament iridu jinħarġu mill-Komunità skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni([4]);

    Billi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għamlu Dikjarazzjoni fis-6 ta' Marzu 1995 dwar l-inkorporazzjoni tad-disposizzjonijiet finanzjarji fl-atti leġislattivi ([5]),

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għat-titjib tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u s-suq ta' l-għasel li jikkonforma mad-definizzjoni mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 74/409/KEE tat-22 ta' Lulju 1974 dwar l-armonizzazzjoni fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri dwar l-għasel([6]). Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu programmi nazzjonali għal kull sena.

    2. Il-miżuri li jistgħu jiġu inklużi f'dawn il-programmi huma dawn li ġejjin:

    (a) assistenza teknika lill-membri ta' assoċjazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal u postijiet fejn jinġabar l- għasel bl-iskop li jittejbu l-kondizzjonijiet tal-produzzjonu u l-estrazzjoni ta' l-għasel;

    (b) il-kontroll tal-varraosi u tal-mard konness; titjieb tal-kondizzjonijiet ta' trattament tad-doqqajs;

    (ċ) razzjonalizzazzjoni tat-transumanza;

    (d) miżuri għas-sostenn tal-laboratorji għall-analiżi tal-karatteristiċi fisikokimiċi ta' l-għasel;

    (e) kooperazzjoni ma' organiżmi speċjalizzati fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka applikata biex titjieb il-kwalità ta' l-għasel.

    3. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru. 26 li japplika ċerti regoli ta' kompetizzjoni għall-produzzjoni ta' u għall-kummerċ fil-prodotti agrikoli ([7]) jibqgħu japplikaw għall-għajnuniet ta' l-Istat minbarra dawk inklużi fil-programmi approvati skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Sabiex jikkwalifikaw għall-finanzjament parzjali msemmi fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jagħmlu studju ta' l-istruttura tal-produzzjoni u tas-suq fis-settur tat-trobbija ta' naħal fit-territorju tagħhom sal-15 ta' Diċembru 1997.

    Artikolu 3

    L-Ispejjeż magħmula skond dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala spejjeż skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru. 729/70.

    Il-Komunità tipprovdi l-finanzjament parzjali għall-programmi nazzjonali ekwivalenti għall-50% ta' l-ispejjeż magħmula mill-Istati Membri għall-miżuri msemmijin fl-Artikolu 1 (2) inklużi fil-programm nazzjonali.

    Sabiex jikkwalifikaw għall-finanzjament parzjali mill-Komunità, l-ispejjeż mill-Istati Membri għal miżuri meħuda skond il-programmi nazzjonali annwali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu magħmula mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru kull sena.

    Artikolu 4

    Il-programmi msemmija fl-Artikolu 1 (1) għandhom jitfasslu b'kollaborazzjoni fil-qrib ma' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u l-kooperattivi tat-trobbija tan-naħal. Il-programmi jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, li tapprovahom skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2771/75 tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni kommuni tas-suq tal-bajd([8]).

    Il-miżuri msemmija fil-programmi operattivi għar-reġjuni fl-Objettiv 1, 5 (b) u 6 jiġu esklużi minn dawn il-programmi.

    Artikolu 5

    Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu mal-monitoraġġ jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru. 2771/75.

    Artikolu 6

    Il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ta' l-ewwel sal-31ta' Diċembru 2000.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tieħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 1997.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VAN AARTSEN

    [1] ĠU Nru. C 378, 13 12. 1996, p. 20.

    [2] ĠU Nru. C 200, 30 6. 1997.

    [3] ĠU Nru. C 133, 28 4. 1997.

    [4] ĠU Nru. L 94, 28 4. 1970, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1287/95 (ĠU Nru. L 125, 8. 6. 1995, p. 1).

    [5] ĠU Nru. C 102, 4 4. 1996, p. 4.

    [6] ĠU Nru. L 221, 12 8. 1974, p. 10. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Sħubija tal-1985.

    [7] ĠU Nru. L 30, 20 4. 1962. p. 993/62. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament Nru. 49 (ĠU No 53, 1. 7. 1962, p. 1571/62.

    [8] ĠU Nru. L 282, 1 11. 1975, p. 49 Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1516/96 (ĠU Nru. L 189, 30. 7. 19

    96, p. 99.

    Vrh