Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996D0455

    96/455/KE: DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità li għandhom jiġu mwettqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Fond ta' Koeżjoni taħt ir-Regolamenrt tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94

    ĠU L 188, 27.7.1996, p. 47–51 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/04/2004; Imħassar b' 32004R0621

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1996/455/oj

    31996D0455



    Official Journal L 188 , 27/07/1996 P. 0047 - 0051


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-25 ta' Ġunju 1996

    dwar miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità li għandhom jiġu mwettqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Fond ta' Koeżjoni taħt ir-Regolamenrt tal-Kunsill (KE)

    Nru 1164/94 (96/455/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabilixxi Fond ta' Koeżjoni ([1]), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu, li jistabilixxi d-disposizzjonijiet għall-informazzjoni u l-pubbliċità dwar l-attivijatiet tal-Fond ta' Koeżjoni,

    Billi l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 jistabilixxi illi l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jiġu mgħarrfa bl-attivitajiet tal-Fond;

    Billi l-ewwel subpargrafu ta' l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 jistabilixxi li l-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni ta' miżura li tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiżguraw li l-miżura tingħata pubbliċità adekwata, bil-ħsieb li tagħmel lill-pubbliku ġenerali konxju mir-rwol tal-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mal-miżura u bil-ħsieb li tagħmel lil benefiċjarji potenzali u lill-organizzazzjonijiet professjonali konxji mill-possibbiltajiet offruti b'din il-miżura;

    Billi, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-inizjattivi meħuda skond dan il-paragrafu;

    Billi, b'mod konformi ma' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-informazzjoni u l-pubbliċita,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-disposizzjonijiet dettaljati li japplikaw għall-informazzjoni u l-pubbliċità dwar l-attivitajiet tal-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiġu definiti fl-Annessi li ġejjin.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, nhar il-25 ta' Ġunju 1996.

    Għall-Kummissjoni

    Monika WULF-MATHIES

    Membru tal-Kummissjoni

    ANNESS I

    ARRANĠAMENTI DETTALJATI GĦAL INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ

    DWAR L-ATTIVITAJIET TAL-FOND TA' KOEŻJONI

    1. Il-għan u l-kamp ta' applikazzjoni

    Il-miżuri tal-informazzjoni u l-pubbliċità dwar il-proġetti kollha ko-ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni huma maħsubin biex iżidu l-għarfien u t-trasparenza ta' l-azzjoni Komunitarja fl-Istati Membri kollha u biex joħolqu sura konsistenti tal-miżuri meħuda fl-erba' Stat Membri interessati. Il-informazzjoni u l-pubbliċità għandhom ikollhom x'jaqsmu mal-proġetti kollha li l-Fond ta' Koeżjoni jipprovdi b'kontribuzzjonijiet finanzjarji.

    Dawn il-miżuri huma addizzjonali għal dawk l-arranġamenti għall-informazzjoni u l-pubbliċità li jkunu daħlu għalihom il-Kummissjoni u l-Istati Membri f'oqsma oħra tal-politika reġjonali u ta' koeżjoni, b'mod speċjali taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/342/KE tal-31 ta' Mejju 1994 dwar il-miżuri tal-informazzjoni u tal-pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri dwar l-għajnuna mill-Fondi Strutturali u mill-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (FIFG) ([2]).

    2. Prinċipji ġenerali

    L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Fond ta' Koeżjoni għandhom ikunu responabbli mill-miżuri kollha ta' pubbliċità fuq il-post u matul it-territorju kollu ta' l-Istat Membru fejn ikun qiegħed isir il-proġett. Il-pubbliċità għandha ssir b'koperazzjoni mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li għandhom jiġi mgħarrfa bil-miżuri meħuda għal dan il-għan.

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, reġjonali u lokali għandhom jieħdu l-passi amministrattivi xierqa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dawn l-arranġamenti u għandhom jikkollaboraw mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

    Il-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità għandhom jittieħdu f'waqthom, ladarba l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni tkun ġiet deċiża. Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tiftaħ proċedura skond l-Artikolu H tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 (tnaqqis, sospensjoni u kanċellazzjoni ta' l-għajnuna), jekk Stat Membru ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt id-deċiżjoni preżenti.

    3. Prinċipji ġenerali għal xogħol ta' pubbliċità

    Minkejja r-regoli dettaljati stabbiliti taħt il-punt 4, il-prinċipji ġenerali li ġejjin għandhom jiġu applikati b'mod konformi mal-miżuri kollha ta' informazzjoni u ta' pubbliċità:

    Il-media

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-media bl-aktar mod xieraq bl-azzjonijiet ko-ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni. Il-parteċipazzjoni tal-Komunità għandha tiġi riflessa kif dovut f'dan il-informazzjoni.

    Għal dan l-iskop, il-varar tal-proġetti (ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Kummissjoni) u l-fażijiet importanti fl-implimentazzjoni tagħhom għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta' informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-medja reġjonali

    (tal-komunikazzjoni) (l-istampa, r-radju u t-televiżjoni). Għandha tiġi żgurata kollaborazzjoni xierqa ma' l-uffiċċju tal-Kummissjoni fl-Istat Membru konċernat.

    Il-priċipji stabbiliti fiż-żewġ paragrafi ta' qabel għandhom japplikaw ukoll għal reklami bħalma huma stqarriji uffiċjali jew komunikazzjonijiet ta' pubbliċità maħruġa mill-Istati Membri.

    Avvenimenti ta' informazzjoni

    L-organizzaturi ta' avvenimenti ta' informazzjoni bħalma huma konferenzi, seminars, fieri u esibizzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' proġetti ko-ffinanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom iwegħdu ruħhom li jagħmlu l-parteċipazzjoni tal-Komunità espliċita. Għanda tittieħed l-opprtunità li tiġi esibita l-bandiera Ewropea fis-swali tal-laqgħat u l-emblema fuq id-dokumenti skond iċ-ċirkostanzi. L-uffiċċji tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għandhom jgħinu, skond il-ħtieġa, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' dawn l-okkażjonijiet.

    Materjal ta' informazzjoni

    Il-pubblikazzjonijiet (bħalma huma fuljetti u opuskoli) dwar il-proġetti jew miżuri simili għandu jkun fihom, fuq il-faċċata tat-titolu, indikazzjoni ċara tal-parteċipazzjoni tal-Komunità kif ukoll ta' l-emblema Ewropea fejn tiġi wżata l-emblema nazzjonali, reġjonali jew lokali.

    Fejn il-pubblikazzjonijiet jinkludu daħla, din għandha tiġi ffirmata kemm mill-persuna responsabbli fl-Istat Membru u kemm, għall-Kummissjoni, mill-Membru responsabbli tal-Kummissjoni jew minn rappreżentant nominat, sabiex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni Komunitarja tkun tidher b'mod ċar. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom jirreferu għall-korpi nazzjonali, reġjonali jew lokali responsabbli milli jgħarrfu lill-partijiet interessati.

    Il-prinċipji msemmija hawn fuq għandhom japplikaw ukoll għall-materjal awdjo-viżiv.

    4. L-obbligi ta' l-Istati Membri dwar il-informazzjoni u l-pubbliċità.

    L-informazzjoni u l-pubbliċità għandhom ikunu soġġetti għal sett ta' miżuri koerenti definiti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għat-tul tal-proġett. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-rappreżentanti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità jiġu involuti kif mistħoqq fl-attivitajiet pubbliċi l-iktar importanti li jkollhom x'jaqsmu mal-Fond.

    Il-Kumitati Kontrolluri għandhom jeżaminaw l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

    Meta l-proġetti jiġu implimentati, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin biex jindikaw il-parteċipazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni fil-proġett imsemmi.

    (a) għandhom jittieħdu miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità fuq il-post sabiex il-pubbliku ġenerali jsir konxju mill-għajnuna Komunitarja permezz tal-Fond ta' Koeżjoni. Fir-rigward tal-proġetti kollha ko-finanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni, il-kontenut tal-proġetti għandu jiġi pubblikat fl-aktar għamla xierqa. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw illi dawn id-dokumenti jiġu mqassma għallinqas lill-media lokali u reġjonali u għandhom iżommuhom disponibbli għall-partijiet interessati. Għandhom jiżguraw il-preżentazzjoni konsistenti matul it-territorju kollu ta' l-Istat Membru tal-materjal tal-informazzjoni u tal-pubbliċità prodott.

    (b) fil-każ ta' investiment b'nefqa li taqbeż il-1 miljun ECU b'żjieda ma' (a):

    l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ilaqqgħu konferenzi stampa regolari fil-livell lokali biex jagħtu informazzjoni dwar il-fatti kollha li jkollhom x'jaqsmu mal-proġett u li jkunu ta' interess pubbliku,

    il-miżuri ta' fuq il-post għandhom jinkludu:

    kartelluni ('billboards') mwaqqfa fuq is-sit u

    plakki kommemorattivi permanenti għal infrastrutturi aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

    It-tnejn għandhom jiġu nstallati b'mod konformi ma' l-Anness II.

    (ċ) fil-każ ta' investimenti b'nefqa li taqbeż l-10 miljun ECU b'żieda ma' (a) u (b):

    l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jipproduċu fuljett ta' interess ġenerali u materjal professjonali awdjo-viżiv (p.e. video-clip) dwar il-proġett, li għandhom jiġu mogħtija lill-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni nazzjonali kif ukoll reġjonali, lill-Kummissjoni u, fuq it-talba, lil ditti interessati u lill-pubbliku. Il-fuljett u l-materjal l-ieħor kollu ta' informazzjoni għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari;

    (d) fil-każ ta' investiment b'nefqa li taqbeż l-20 miljun ECU b'żjieda ma' (a), (b) u (ċ):l-awtoritajiet għandhom jorganizzaw konferenzi stampa regolari rigward il-proġett u t-twettiq tiegħu fuq livell nazzjonali inkluża l-preżentazzjoni tal-materjal awdjo-viżiv imsemmi taħt (ċ).

    5. L-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar l-informazzjoni u l-pubbliċità

    Il-Kummissjoni għandha tqassam b'mod regolari kull materjal xieraq ta' informazzjoni dwar il-proġetti megħjuna mill-Fond ta' Koeżjoni lill-Istati Membri kollha u għandha toffrih lill-pubbliku ġenerali ta' dawk l-Istati Membri li ma jkunux involuti fl-implimentazzjoni tal-proġett.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tlaqqa' konferenzi stampa kull sena fl-Istati Membri msemmija fejn tagħti informazzjoni ġenerali dwar ix-xogħol tal-Fond ta' Koeżjoni u speċjalment dwar proġetti li jaqbżu investiment ta' iktar minn 20 miljun ECU.

    Kull sentejn il-konferenza stampa għandha tagħmel parti minn esibizzjoni pubblika organizzata mir-rappreżentanza rilevanti tal-Kummissjoni li tippreżenta x-xogħol tal-Fond ta' Koeżjoni bil-preżentazzjoni tal-videos, id-disinni u l-materjal l-ieħor tal-informazzjoni imsemmija hawn fuq.

    6. Ix-xogħol tal-Kumitati Kontrolluri

    6.1 Il-Kumitati Kontrolluri għandhom jiżguraw illi jkun jeżisti informazzjoni adekwat dwar ix-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan, kull Kumitat Kontrollur għandu jgħarraf lill-media, spiss daqs kemm jidhirlu meħtieġ, bil-progress tal-proġett(i), li jkun responsabbli minnu/minnhom hu. Il-President għandu jkun responsabbli mill-kuntatti mal-media. Għandu jkun megħjun mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

    Għandhom isiru wkoll arranġementi xierqa, f'kollaborazzjoni mal-Kummissijoni u l-uffiċċji tagħha fl-Istati Membri, meta jiġu organizzati avvenimenti importanti, bħalma huma laqgħat ta' livell għoli jew inawgurazzjonijiet.

    6.2 Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitati Kontrolluri, f'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, reġjonali jew lokali, għandhom jiżguraw il-konformità mad-disposizzjonijiet adottati dwar il-pubbliċità, b'mod partikolari dawk dwar il-kartelluni u l-plakek kommemorattivi (ara l-Anness II).

    Il-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità u evidenza xierqa bħalma huma ritratti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitati Kontrolluri mill-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġetti. Għandhom jiġu trasmessi kopji ta' dan il-materjal lill-Kummissjoni.

    6.3. Il-Kumitati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollu li teħtieġ sabiex tagħti kas tar-rapport annwali li għalih hemm provdut fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94. Dan il-informazzjoni għandu jippermetti li l-Kummissjoni tiżgura li d-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jkunu ġew imħarsa.

    7. Disposizzjonijiet finali

    L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali interessati jistgħu, f'kull każ, jieħdu miżuri addizzjonali jekk dawn jidhrilhom li jkun hemm bżonn tagħhom.

    Għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni u jgħarrfuha bl-inizjattivi li jieħdu biex il-Kummissjoni tkun tista' tipparteċipa kif jixraq fit-twettiq tagħhom.

    Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika fejn meħtieġ.

    ANNESS II

    ARRANĠAMENTI SPEĊJALI DWAR IL-KARTELLUNI, IL-PLAKKI KOMMEMORATTIVI U L-POSTERS

    Sabiex tiġi żgurata l-viżibilità tal-miżuri ffinanzjati parzjalment mill-Fond ta' Koeżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jiġu mħarsa l-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità li ġejjin:

    1. Il-kartelluni (billboards)

    B'mod konformi mal-punt 4 ta' l-Anness I, il-kartelluni għandhom jiġu mwaqqfa fuq is-siti tal-proġetti megħjuna mill-Fond ta' Koeżjoni ta' nefqa li taqbeż l-ammonti msemmija fil-punt 4 (b) ta' l-Anness I. Dawn il-kartelluni għandhom jinkludu spazju fejn jindikaw il-parteċipazzjoni ta' l-Unjoni.

    Il-kartelluni għandhom ikunu ta' daqs li jkun xieraq għall-iskala tax-xogħol.

    Il-parti tal-kartellun riservata għall-Unjoni Ewropea għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    għandha tieħu mill-inqas 50 % ta' l-erja totali tal-kartellun,

    għandha ġġorr l-embema Ewropea standardizzata u t-test li ġej, li għandu jiġi ppreżentat kif ġej:

    (L-emblema Ewropea) Dan il-proġett qiegħed jiġi ko-ffinanzjat bi... % mill-Fond ta' Koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea

    Barra minn hekk, għandhom jiġu indikati n-nefqa totali stmata tal-proġett u/jew l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Fond tal-Koeżjoni espressi fil-munita nazzjonali.

    Fejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali jew lokali ma jwaqqfux kartellun li jħabbar l-involviment tagħhom infushom fil-finanzjament tal-proġett, il-għajnuna ta' l-Unjoni għandha tiġi mħabbra fuq kartellun speċjali. F'każijiet bħal dawn, id-disposizzjonijiet ta' hawn fuq dwar is-sehem ta' l-Unjoni għandhom japplikaw b'analoġija.

    Il-kartelluni ma għandhomx jitneħħew iktar kmieni minn tliet snin wara t-tlestija tax-xogħol. Kull fejn ikun possibbli, għandhom jiġu mibdula bi plakka kommemorattiva b'mod konformi mad-disposizzjonijiet skond il-paragrafu 2.

    2. Il-plakki kommemorattivi

    Il-plakki kommemorattivi għandhom jitqiegħdu f'siti aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali (ajruporti, stazzjonijiet, parkeġġi, żoni aċċessibbli ta' bini li għandu x'jaqsam ma' investimenti għall-ambjent, eċċ.). Barra mill-emblema Ewropea, dawn il-plakki għandhom isemmgħu l-finanzjament parzjali ta' l-Unjoni, flimkien ma' indikazzjoni għall-Fond ta' Koeżjoni (ara l-eżempju fil-paragrafu 1). Għandha tiġi nstallata plakka kommemorattva għal kull proġett li jaqbeż l-ECU 10 miljuni.

    3. Il-posters

    Fejn awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali jew kwalunkwe benefiċjarju aħħari jiddieċiedu li jwaqqfu kartellun, iqiegħdu plakka kommemorattiva, jesibixxu poster jew li jieħdu kwalunkwe pass ieħor biex jipprovdu informazzjoni dwar proġetti b'nefqa ta' inqas minn 1 miljun ECU, il-parteċipazzjoni ta' l-Unjoni għandha wkoll tiġi indikata.

    Proofread by Claudine Camilleri

    [1] ĠU L 130, tal-25.5.1994, p. 1.

    [2] ĠU L 152, tat-18.6.1994, p. 39.

    Top