Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31985L0511

    Id-Direttiva Tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 1985 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer

    ĠU L 315, 26.11.1985, p. 11–18 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004; Imħassar b' 32003L0085

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1985/511/oj

    31985L0511



    Official Journal L 315 , 26/11/1985 P. 0011 - 0018
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 19 P. 0209
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 39 P. 0033
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 19 P. 0209
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 39 P. 0033


    Id-Direttiva Tal-Kunsill

    tat-18 ta’ Novembru 1985

    li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer

    (85/511/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi waħda mill-ħidmiet tal-Komunità fil-kamp veterinarju huwa biex jittejjeb l-istat ta’ saħħa tal-bhejjem, li bih jiżdied il-profitt ta’ trobbija tal-bhejjem;

    Billi tfaqqigħ tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer jista’ jieħu malajr proporzjonijiet epiżotiċi, filwaqt li jkkawża mortalità u disturbi fuq skala li jistgħu jnaqqsu f’daqqa waħda l-profitt ta’ trobbija ta’ ħnieżer u annimali li jixtarru ġeneralment;

    Billi għandha tittieħed azzjoni malli tiġi suspettata l-preżenza tal-marda sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati miżuri ta’ kontroll immedjati u effettivi malli tiġi konfermata l-preżenza tagħha; billi dawk il-miżuri għandhom jiġu mmodulati mill-awtoritajiet kompetenti biex jikkunsidraw sew jekk pajjiż iwettaq programm profilattiku ta’ tilqim jew le fuq it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu; billi, skond ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri li jipprattikaw dik il-politika jistgħu jawtorizzaw annimali li għandhom protezzjoni suffiċjenti ta’ immunizzazzjoni kontra il-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għandhom jiġu eżentati mill-qatla;

    Billi huwa meħtieġ biex jiġi evitat kull tixrid tal-marda malli jseħħ tfaqqigħ, billi jikkoltrollaw bl-attenzjoni l-movimenti ta’ annimali u l-użu ta’ prodotti li jistgħu jiġu mniġġsa, u, meta xieraq, bit-tilqim;

    Billi dianjosi tal-marda u identifikazzjoni tal-virus rilevanti għandhom jitwettqu taħt l-awspiċi ta’ laboratorji responsabbli li l-koordinazzjoni tagħhom għandha tkun assigurata minn laboratorju ta’ riferenza maħtur mill-Komunità;

    Billi t-tilqima użata għat-tilqim ta’ emerġenza għandha tiġi vverifkata kemm għall-effikaċja u kemm għas-sigurtà, b’koordinazzjoni li titwettaq minn istitut speċjalizzat maħtur mill-Komunità; billi, barra dan, miżuri speċjali kkoordinati għandhom jiġu implimentati meta jiġu skoperti tipi ta’ virus jew varjanti li kontra tagħhom it-tilqim li huma użati s-soltu fil-Komuntià ma jipprovdux protezzjoni biżżejjed; billi huwa meħtieġ, għal dan l-iskop, biex ikun ipprovdut għall-Istati Membri li jlaqqmu biex jagħmlu tilqim multiannwali li għandhom jiġu eżaminati u, meta xieraq, għandhom ikunu taħt il-koordinazzjoni tal-Komunità;

    Billi għandu jsir provediment għal proċedura għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

    Billi l-arranġamenti introdotti b’din id-Direttiva huma ta’ natura sperimentali u billi huma għadhom ikunu riveduti skond l-iżviluppi tas-sitwazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Din id-Direttiva tfisser il-miżuri minimi ta’ kontroll tal-Komunità li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tfaqqigħ tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, ikun x’ikun it-tip ta’ virus konċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jikkontrollaw il-kummerċ ġewwa l-Komunità.

    Din id-Direttiva ma tolqotx il-politika ta’ tilqim profilattiku.

    L-Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/432/KEE [4] għandhom japplikaw kif xieraq.

    Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

    (a) "annimal ta’ speċi suxxettibbli" ifisser kull annimal domestiku jew selvaġġ li jixtarr jew majjali li jkunu f’razzett;

    (b) "annimal riċettiv" ifisser kull annimal ta’ speċi suxxettibbli li ma ġiex imlaqqam, jew li huwa mlaqqam iżda li l-protezzjoni ta’ immunizzazzjoni tiegħu hija kkunsidrata mhux biżżejjed mill-awtorità kompetenti;

    (ċ) "annimal infettat" ifisser kull annimal ta’ speċi suxxettibbli:

    - li fih ġew aċċertati sintomi kliniċi jew feriti ta’ wara l-awtopsja li jistgħu joħorġu mill-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer,

    jew

    - li fihom ġiet aċċertata uffiċjalment il-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer wara eżami tal-laboratorju;

    (d) "annimal suspettat li huwa infettat" ifisser kull annimal ta’ speċi suxxettibbli li juri sintomi kliniċi jew feriti ta’ wara l-awtopsja li huma tali li l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tista’ tkun suspettata raġonevolment;

    (e) "annimal suspettat li huwa mniġġes" ifisser kull annimal ta’ speċi suxxettibbli li jista’ — skond l-informazzjoni epiżotoloġika miġbura — li kien direttament jew indirettament espost għall-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

    L-Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-preżenza, jew preżenza suspettata, tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tiġi nnotifikata bilfors u minnufih lill-awtorità kompetenti, skond id-Direttiva 82/894/KEE [5].

    L-Artikolu 4

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta razzett ikollu fih annimal wieħed jew iktar suspettati li huma infettati jew li huma mniġġsa bil-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, mezzi uffiċjali ta’ investigazzjoni biex tiġi konfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda huma mħarrka minnufih u, b’mod partikolari, li l-veterinarju uffiċjali jieħu l-kampjuni meħtieġa, jew jara li jittieħdu, għal eżami fil-laboratorju.

    Malli tiġi nnotifikata l-infezzjoni suspettata, l-awtorità kompetenti għandha tara li r-razzett jitpoġġa taħt sorveljanza uffiċjali u għandha tordna b’mod partikolari li:

    - isir ċensiment tal-kategoriji kollha ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli u li, dwar kull waħda minn dawn il-kategoriji, in-numru ta’ annimali diġà mejta, infettati jew li jistgħu jkunu infettati jew imniġġsa jiġu rrekordjati; iċ-ċensiment għandu jinżamm aġġornat biex jikkunsidra annimali li twieldu jew mietu matul il-perjodu ta’ suspett; l-informazzjoni fiċ-ċensiment għandha tiġi prodotta fuq talba u tista’ tiġi ċċekkjata ma’ kull viżta;

    - l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli fir-razzett għandhom jinżammu fil-kmamar fejn jgħixu jew f’xi post ieħor fejn jistgħu jiġu iżolati;

    - ebda annimal ta’ speċi suxxettibbli ma jidħol jew iħalli r-razzett;

    - ebda annimal ta’ speċi oħra ma jidħol jew iħalli r-razzett mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti;

    - għandu jiġi projbit kull moviment mir-razzett ta’ laħam jew karkassi ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli jew ta’ għalf ta’ l-annimali, għodda, oġġetti jew sostanza oħra, bħal suf jew skart jew materja mormija, li jistgħu jittrasmettu l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, jekk ma jkunux awtorizzati mill-awtorità kompetenti;

    - għandu jiġi pprojbit il-moviment ta’ ħalib mir-razzett; fil-każ ta’ diffikultajiet fil-ħażna tal-ħalib fir-razzett, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza li l-ħalib jitneħħa mir-razzett taħt superviżjoni veterinarja għal stabbiliment ta’ trattament sabiex ikun jista’ jingħata trattament ta’ sħana li jassigura l-qerda tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - il-moviment ta’ persuni lejn jew mir-razzett għandu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti;

    - id-dħul jew ħruġ ta’ vetturi lejn jew mir-razzett għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti li għandha tistipula l-kundizzjonijiet meħteġa sabiex tevita propagazzjoni tal-virus tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - għandhom jiġu użati mezzi xierqa ta’ diżinfezzjoni fid-daħliet u ħruġ ta’ bini fejn joqogħdu annimali ta’ speċi suxxettibbli u tar-razzett innifisu;

    - inkjesta epiżotoloġika għandha ssir skond l-Artikoli 7 u 8.

    2. L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-miżuri provduti fil-paragrafu 1 għal irziezet kontigwi jekk il-pożizzjoni tagħhom, il-konfigurazzjoni tagħhom, jew kuntatti ma’ annimali mir-razzett fejn il-marda hija suspettata tagħti lok għal suspett ta’ kontaminazzjoni possibbli.

    3. Il-miżuri msemmija f’paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu rtirati sakemm is-suspett tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tiġi eskluża uffiċjalment.

    L-Artikolu 5

    Malli tiġi kkonfermata li annimal wieħed jew iktar imfissra fl-Artikolu 2(ċ) huma f’razzett, l-awtorità kompetenti għandha tintroduċi l-miżuri li ġejjin:

    (1) il-veterinarju uffiċjali jieħu kampjuni xierqa jew jara li jittieħdu għal eżami mil-laboratorju imsemmi fl-Anness I, meta dawn il-kampjuni u eżamijiet ma ttieħdux jew ma sarux matul il-perjodu ta’ suspett skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1);

    (2) b’żieda mal-miżuri elenkati fl-Artikolu 4(1), il-miżuri li ġejjin jittieħdu mingħajr dewmien:

    (a) fl-Istati Membri jew reġjuni fejn it-tilqim huwa projbit:

    - l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli fir-razzett ghadhom jinqatlu fil-post taħt superviżjoni uffiċjali b’dak il-mod sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - wara li jinqatlu, l-annimali msemmija qabel għandhom jinqerdu taħt superviżjoni uffiċjali b’dak il-mod sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - laħam ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli li ġejjin mir-razzett u maqtula matul il-perjodu bejn l-introduzzjoni probabbli tal-marda fir-razzett u l-implimentazzjoni ta’ miżuri uffiċjali għandu, kull meta possibbli, jinstab u jinqered taħt superviżjoni uffiċjali b’dak il-mod sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - il-karkassi ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli li mietu fir-razzett għandhom jinqerdu taħt superviżjoni uffiċjali b’dak il-mod biex jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - kull sustanza msemmija fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu, il-ħames linja għandhom jinqerdu jew ikunu trattati b’dak il-mod biex tiġi assigurata l-qerda ta’ kull virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer preżenti; it-trattament kollu għandu jsir skond l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali;

    - ħalib u prodotti tal-ħalib għandhom jinqerdu b’dak il-mod sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer;

    - wara t-tneħħija għal kollox ta’ l-annimali ta’ speċi suxxettibbli u tas-sustanzi msemmija fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu, il-ħames linja, il-bini użat għal sistemazzjoni, l-ambjent tagħhom u l-vetturi użati għat-trasport tagħhom u l-apparat kollu li x’aktarx jiġi mniġġes għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati skond l-Artikolu 10;

    - l-ebda annimali ta’ speċi suxxettibbli m’għandhom jerġgħu jiddaħħlu fir-razzett sa mil-inqas 21 ġurnata wara t-tkomplija ta’ l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfetazzjon imwettqa skond l-Artikolu 10;

    - inkjesta epiżotoloġika għandha ssir skond l-Artikoli 7 u 8;

    (b) fl-Istati Membri jew reġjuni fejn politika ta’ tilqim hija organizzata b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14:

    (i) - l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli fir-razzett għandhom jinqatlu u jinqerdu taħt superviżjoni uffiċjali. Meta l-annimali jinqatlu u jinqerdu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi evitat kull riskju li l-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer jibqa’ u jixtered u kull konsegwenza ta’ ħsara għall-ambjent; b’mod partikolari meta l-qtil ma jsirx fil-post, l-annimali għandhom jiġu ttrasportati f’vetturi mgħammra b’mod speċjali sabiex jiġi evitat kull riskju li l-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer jixtered;

    - meta t-tip, subtip jew varjant tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer ġie identifikat jew meta permezz tat-tagħrif u data epidemjoloġiċi jkun possibbli li jiġi aċċertat li t-tilqim użat jipprovdi protezzjoni ta’ immunizzazzjoni valida għat-tip ta’ virus relattiv, l-Istati Membri jistgħu:

    - jirrestrinġu l-qtil u l-qerda ta’ annimali riċettivi;

    - jawtorizzaw li laħam u ħalib minn annimali li mhumiex infettati jew suspettati li huma infettati jingħataw trattament xieraq ta’ sħana taħt superviżjoni veterinarja;

    (ii) il-miżuri provduti f’(i) għandhom ikunu msieħba ma’ tilqim jew tilqim mill-ġdid ta’ l-annimali li jibqgħu skond l-Artikolu 13(1);

    (iii) il-miżuri provduti taħt it-tielet, ir-raba’ u l-ħames linja ta’ (a) għandhom japplikaw permezz ta’ analoġija kif ukoll, ħlief fil-każ tat-trattament tas-sħana msemmi f’(i), il-miżuri provduti fis-sitt linja ta’ (a).

    (3) id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw fil-każ ta’ dehra ta’ sors sekondarju li huwa marbut b’mod epidemoloġiku ma’ sors primarju li għalih diġà ttieħdu kampjuni;

    (4) l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-miżuri provduti fil-paragrafu 1 għal irziezet kontigwi jekk il-lok tagħhom, il-konfigurazzjoni tagħhom, jew kuntatti ma’ annimali mir-razzett fejn il-marda ġiet immarkata, tagħti raġuni għal suspett ta’ tniġġiż possibbli.

    L-Artikolu 6

    1. Fil-każ ta’ irziezet li jikkonsistu f’żewġ unitajiet separati ta’ produzzjoni jew iktar, l-awtorità kompetenti tista’ tidderoga mill-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 5(2)(a), l-ewwel u t-tieni linji u (2)(b)(i) dwar unitajiet b’saħħithom ta’ produzzjoni ta’ razzett li huwa infettat, basta li l-veterinarju uffiċjali kkonferma li l-istruttura u d-daqs ta’ dawn l-unitajiet u l-operazzjonijiet imwettqa hemm huma tali li huma kompletament separati dwar sistemazzjoni, kustodja u għalf, sabiex il-virus ma jistax jixtered minn wieħed għall-ieħor.

    L-istess miżuri u l-possibbiltà ta’ deroga mill-ħtiġiet tas-sitt linja ta’ l-Artikolu 5(2)(a) jistgħu jiġu estiżi għal irziezet li jipproduċu ħalib, b’dan illi, b’żieda, it-tiħlib f’kull unità jsir għal kollox b’mod separat.

    2. Meta paragrafu 1 jiġi segwit, l-Istati Membri għandhom iniżżlu regoli dettaljati għall-applikazzjoni tiegħu fid-dawl tal-garanziji ta’ saħħa li jiġu offerti. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwarhom.

    3. Jista’ jiġi deċiż, skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 16, li l-miżuri li hemm fil-paragrafu 2 għandhom jiġu emendati sabiex tiġi assigurata l-koordinazzjoni tagħhom ma’ dawk adottati mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 7

    L-inkjesta epiżotoloġika għandha tittratta:

    - it-tul ta’ żmien li matulu l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer setgħet eżistiet fir-razzett qabel ma ġiet nnotifikata jew suspettata;

    - l-oriġini possibbli tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fir-razzett u l-identifikazzjoni ta’ irziezet oħra li fihom hemm annimali ta’ speċi suxxettibbli li setgħu ġew infettati jew imniġġsa mill-istess egħjun;

    - il-moviment ta’ persuni, vetturi u sostanzi msemmija fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu, il-ħames linja, li x’aktarx ġarrew il-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer lejn jew mill-irziezet relattivi.

    L-Artikolu 8

    1. (a) Meta l-veterinarju uffiċjali jsib, jew jikkunsidra skond il-bażi ta’ data konfermata, li l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer setgħet bdiet minn irziezet oħra għar-razzett imsemmi fl-Artikolu 4, jew mir-razzett ta’ l-aħħar għal fuq irziezet oħra bħala riżultat tal-moviment ta’ persuni, annimali jew vetturi jew b’xi mod ieħor, dawk l-irziezet l-oħra għandhom jitpoġġew taħt sorveljanza uffiċjali skond l-Artikolu 4 u din is-sorveljanza m’għandiex titneħħa sakemm il-preżenza suspettata tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 4 ġiet maqtugħa barra uffiċjalment;

    (b) meta l-veterinarju uffiċjali isib, jew jikkunsidra skond il-bażi ta’ data konfermata, li l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer setgħet bdiet jew daħlet fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 5 minn irziezet oħra bħala riżultat tal-moviment ta’ persuni, annimali jew vetturi jew b’xi mod ieħor, dawk l-irziezet l-oħra għandhom jitpoġġew taħt sorveljanza uffiċjali skond l-Artikolu 4;

    (ċ) meta l-veterinarju uffiċjali jsib, jew jikkunsidra skond il-bażi ta’ data konfermata, li l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer setgħet bdiet mir-razzett imsemmi fl-Artikolu 5 għal fuq irziezet oħra bħala riżultat tal-moviment ta’ persuni, annimali jew vetturi jew b’xi mod ieħor, dawk l-irziezet l-oħra għandhom isiru suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4.

    2. Meta razzett kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti m’għandiex tħalli tneħħija ta’ annimali mir-razzett minbarra għal trasport direttament għal biċċerija taħt superviżjoni uffiċjali għall-iskop ta’ qtil ta’ emerġenza matul perjodu ta’ 15-il ġurnata fil-każ ta’ irziezet imsemmija f’1(a) u (b) u perjodu ta’ 21-il ġurnata fil-każ ta’ irziezet imsemmija f’1(ċ) rispettivament. Qabel tingħata dik l-awtorizzazzjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu jkun għamel eżami tal-merħla u kkonferma li l-ebda wieħed mill-annimali huwa suspettat li ġie infettat.

    3. Meta hija tikkunsidra li l-kondizzjonijiet jippermettu, l-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-miżuri provduti fil-paragrafu 1(a) u (b) għal parti mir-razzett u l-annimali li hemm fihom, b’dan illi l-annimali hemm ġew sistemati, miżmuma u mitmugħa kompletament separatament.

    L-Artikolu 9

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, ladarba d-dijanjosi tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer ġiet ikkonfermata uffiċjalment, l-awtorità kompetenti twaqqaf, madwar ir-razzett infettat, żona ta’ protezzjoni fuq raġġ ta’ 3 km u żona ta’ sorveljanza bbażata fuq raġġ minimu ta’ 10 km. It-twaqqif ta’ żoni għandu jikkonsidra fruntieri naturali u faċilitajiet ta’ superviżjoni.

    2. (a) Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni:

    - ċensiment ta’ l-irziezet kollha li għandhom annimali ta’ speċi suxxettibbli u l-annimali għandhom jittieħdu; dawn l-irziezet għandhom jiġu spezzjonati perjodikament;

    - il-moviment ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli fit-toroq pubbliċi jew privati, ħlief is-serviceroads ta’ irziezet, m’għandhomx jitħallew; — annimali ta’ speċi suxxettibbli jistgħu ma jitneħħewx matul l-ewwel 15-il ġurnata mir-razzett li fuqhom huma miżmuma ħlief biex jiġu trasportati direttament taħt superviżjoni uffiċjali għall-iskop ta’ qatla ta’ emerġenza għal biċċerija li qiegħda f’dik iż-żona jew; jekk dik iż-żona m’għandiex biċċerija taħt superviżjoni veterinarja, għal biċċerija maħtura mill-awtorità kompetenti. Dak il-moviment jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti biss wara eżami mill-veterinarju uffiċjali ta’ l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli fir-razzett eskluda l-preżenza ta’ annimali suspettati;

    - servizz ta’ vjaġġar minn post għal ieħor għal trobbija m’għandux jitħalla;

    - inseminazzjoni artifiċjali m’għandiex titħalla matul l-ewwel 15-il ġurnata ħlief meta ssir mill-bidwi bi sperma li hija fir-razzett jew bi sperma mibgħuta direttament minn ċentru ta’ inseminazzjoni;

    - fieri, swieq, wirjiet jew laqgħat oħra ta’ annimali suxxettibbli, magħdudin ġabra u distribuzzjoni, m’għandhomx jitħallew;

    - bla ħsara għall-każ provdut fit-tieni sentenza tat-tielet inċiż, it-trasport ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli m’għandux jitħalla, ħlief għal ġarr minn toroq prinċipali jew linji prinċipali tal-ferrovija.

    (b) il-miżuri applikati fiż-żona ta’ protezzjoni għandhom jinżammu għall-inqas 15-il ġurnata wara t-tneħħija għal kollox ta’ l-annimali kollha msemmija fl-Artikolu 5 mir-razzett u t-twaqqif fuq dak ir-razzett ta’ operazzjonijiet preliminari ta’ tindif u diżinfezzjoni skond l-Artikolu 10. Iżda, il-miżuri mfissra fil-paragrafu 3 għaż-żona ta’ sorveljanza għandhom jibqgħu fis-seħħ fiż-żona ta’ protezzjoni għall-perjodu provdut fil-paragrafu 3(b).

    3. (a) Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu applikati fiż-żona ta’ sorveljanza:

    - għandu jsir ċensiment ta’ l-irziezet kollha li għandhom annimali ta’ speċi suxxettibbli;

    - il-moviment ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli f’toroq pubbliċi m’għandux jitħalla ħlief sabiex jitmexxew biex jirgħu;

    - it-trasport ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli fi ħdan iż-żona ta’ sorveljanza għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti;

    - l-annimali ma jistgħux jitneħħew miż-żona ta’ sorveljanza matul l-ewwel 15-il ġurnata. Bejn il-15-il jum u t-30 jum l-annimali jistgħu ma jitneħħewx mill-imsemmija żona ħlief biex jiġu trasportati taħt sorveljanza uffiċjali direttament għal biċċerija għall-iskop ta’ qatla ta’ emerġenza. Dak it-trasport jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti biss wara li l-veterinarju uffiċjali jkun għamel eżami ta’ l-annimali kollha konċernati u ikkonferma li l-ebda mill-annimali m’huwa suspettat li huwa infettat;

    - servizz ta’ vjaġġar minn post għal ieħor għal trobbiija m’għandux jitħalla;

    - fieri, swieq, wirjiet u laqgħat oħra ta’ annimali suxxettibbli m’għandhomx jitħallew.

    (b) Il-miżuri fiż-żona ta’ sorveljanza għandhom jinżammu fis-seħħ għall-inqas 30 ġurnata wara t-tneħħija għal kollox ta’ l-annimali kollha msemmija fl-Artikolu 5 mir-razzett u t-twettiq f’dak ir-razzett ta’ operazzjonijiet preliminari ta’ tindif u diżinfezzjoni skond l-Artikolu 10.

    L-Artikolu 10

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

    - id-diżinfettanti li għandhom jintużaw u l-konċentrati tagħhom huma approvati uffiċjalment mill-awtorità kompetenti;

    - l-operazzjonijiet ta’ tindif u diżinfezzjoni għandhom isiru taħt superviżjoni uffiċjali, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali.

    L-Artikolu 11

    1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

    - ittestjar fil-laboratorju għall-iskoperta tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer jsir minn laboratorju nazzjonali indikat fl-Anness li jista’ jiġi emendat jew miżjuda skond il-proċedura li hemm fl-Artikolu 17. Dan l-ittestjar fil-laboratorju għandu, jekk meħtieġ u speċjalment ma’ l-ewwel dehra tal-marda, juri t-tip, subtip jew, meta xieraq, il-varjant tal-virus rilevanti li jista’ jiġi kkonfermat, jekk meħtieġ, ikun laboratorju ta’ riferenza nnominat mill-Komunità;

    - wieħed mil-laboratorji nazzjonali msemmi fl-Anness I huwa responsabbli għal livelli ta’ koordinazzjoni u metodi ta’ dijanosi f’kull Stat Membru;

    - il-laboratorji nazzjonali msemmija fl-ewwel linja jżommu kuntatt ma’ laboratorju ta’ riferenza nnominat mill-Komunità.

    2. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jinnomina, qabel l-1 ta’ Jannar 1987, il-laboratorju ta’ riferenza msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jistabbilixxi s-setgħat tiegħu u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-paragrafu 1.

    L-Artikolu 12

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

    - meta annimali ta’ speċi suxxettibbli jinħarġu ’l barra mir-razzett li jinżammu fuqu, huma identifikati b’dak il-mod sabiex ir-razzett tagħhom ta’ oriġini, jew ir-razzett li minnu huma ġejjin, u l-movimenti tagħhom jkunu jistgħu jinstabu b’ħeffa. Iżda, għal ċerti kategoriji ta’ annimali u bla ħsara għall-Artikolu 13 ta’ Direttiva tal-Kunsill 80/217/KEE tat-22 ta’ Jannar 1980 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 84/645/KEE [7], l-awtorità kompetenti tista’, f’ċerti ċirkostanzi u wara konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ saħħa, tawtorizza modi oħra biex jinstabu b’ħeffa r-razzett tagħhom ta’ oriġini, jew ir-razzett minn fejn huma ġejjin, u l-movimenti tagħhom. L-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ l-annimali jew għas-sejbien tar-razzett ta’ oriġini għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità kompetenti;

    - is-sid jew min iżomm l-annimali huwa meħtieġ illi jforni lill-awtorità kompetenti, fuq talba minn dik l-awtorità, b’informazzjoni dwar annimali li jidħlu jew joħorġu mir-razzett tiegħu;

    - il-persuni kollha li jieħdu sehem fit-trasport jew bejgħ fis-suq ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli jistgħu jagħtu lill-awtorità kompetenti informazzjoni dwar il-movimenti ta’ annimali li huma ttrasportaw jew biegħu u biex jagħtu d-dettalji kollha dwar dik l-informazzjoni.

    L-Artikolu 13

    1. Meta l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer hija dijanjostikata f’razzett, il-miżuri biex jikkontrollaw il-marda jistgħu jiżdiedu bit-tilqim ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli f’irziezet li huma mhedda b’tniġġis f’arja territorjali speċifikata mill-awtorità kompetenti.

    2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Memebri għandhom jassiguraw li:

    (a) bla ħsara għall-eċċezzjoni provduta fl-Artikolu 5(2)(b)(i), it-tieni inċiż, u arranġamenti nazzjonali meta dawk l-arranġamenti jipprovdu għal tilqim profilattiku kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer ta’ xi annimal jew l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli f’parti mit-territorju jew it-territorju kollu, it-tilqim jew tilqim mill-ġdid ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli fl-irziezet imsemmija fl-Artikolu 4 m’għandux jitħalla;

    (b) injezzjoni tas-serum hu projbit;

    (ċ) it-tip ta’ tilqima ta’ kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer u l-metodu tiegħu ta’ użu jaqblu mar-rakkomandazzjonijiet ġenerali deċiżi skond il-proċedura fl-Artikolu 16;

    (d) it-tilqima użata hija awtorizzata mill-awtorità kompetenti skond il-bażi tal-verifika mil-laboratorji nazzjonali li l-attività tagħhom hija kkoordinata mill-istitut nominat skond l-Artikolu 14(3);

    (e) kull tilqima importata minn pajjiż terz tissodisfa l-ħtiġiet li hemm f’(ċ) u hija ċċekkjata kif muri f’(d).

    Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-proċedura għal livelli ta’ koordinazzjoni u ċċekkjar ta’ tilqim fit-territorju tal-Komunità.

    3. Fil-każ li jidhru t-tipi, subtipi jew varjanti tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer li kontra tagħhom it-tilqim li s-soltu jiġi użat ma jipprovdi ebda protezzjoni jew protezzjoni mhux biżżejjed, l-Istat Membru interessat għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, waqt li jistqarr liema huma l-miżuri ta’ emerġenza li huwa jikkunsidra meħtieġa għall-adattament ta’ riċetti tat-tilqim u l-użu tagħhom.

    4. Jekk, fid-dawl tal-miżuri nazzjonali msemmija hawn fuq, l-adozzjoni tal-miżuri tal-Komunità tinstab li hija meħtieġa, dawk il-miżuri għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 16.

    L-Artikolu 14

    1. L-Istati Membri li jawtorizzaw tilqim kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer għandhom jagħmlu pjan ta’ tilqim ta’ ħafna snin, li huma għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti.

    Dan il-pjan għandu jispeċifika:

    (i) - il-frekwenza tat-tilqim,

    - il-kondizzjonijiet u proċedura għall-produzzjoni u ċċekkjar ta’ tilqim li għandhom jintużaw fiċ-ċirkustanzi varji u possibbli ta’ tifqigħ tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer,

    - l-iskala "standard" protettiva,

    - il-kontrolli li jaqsmu ta’ immunità b’varjanti,

    - l-ispeċi u kategoriji ta’ annimali li huma suġġetti għal programm ta’ tilqim,

    - il-proċeduri għal superviżjoni tad-distribuzzjoni, konservazzjoni, ħażna u użu ta’ tilqim;

    (ii) - it-tipi ta’ virus użati,

    - il-karetteristiċi u komposizzjoni ta’ kull tilqima użata.

    2. Il-koordinazzjoni tal-miżuri adottati mill-Istati Membri bħala parti mill-pjanijiet tagħhom nazzjonali kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, u pprovduta fil-paragrafu 1(i), għandha tiġi deċiża skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 16, bl-iskop li tassigura l-effikaċja tagħhom.

    3. Qabel l-1 ta’ Jannar 1987 il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jinnomina l-laboratorju msemmi fil-paragrafu 13 u għandu jistabbilixxi s-setgħat tiegħu flimkien ma’ dawk ta’ l-istitut responsabbli għat-tilqim u ċċekkjar li jaqsam għal immunità.

    4. Qabel l-1 ta’ Jannar 1989 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport imsieħeb, meta xieraq, ma’ proposti dwar ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u distribuzzjoni tat-tilqim ta’ kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer fil-Komunità, flimkien ma’proposti dwar it-twaqqif ta’ riserva tal-Komunità ta’ tilqim ta’ kontra l-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

    L-Artikolu 15

    Jekk il-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer tilħaq proporzjonijiet allarmanti fit-territorju ta’ Stat Membru u, minkejja l-miżuri meħuda, partikolarment fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13, l-epiżotiku jsir estensiv u jiżviluppa għal kollox barra l-limiti taż-żona mlaqqma, Stat Membru li ma jipprattikax tilqim profilattiku fuq it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu jista’ jagħmel dik it-tilqima fuq it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu u japplika l-miżuri li hemm fl-Artikolu 5(2)(b). Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b’din l-azzjoni.

    L-Artikolu 16

    1. Meta l-proċedura li hemm f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-kwistjoni għandha tintbagħat mingħajr dewmien quddiem il-Kumitat Veterinarju Permanenti imwaqqaf b’Deċiżjoni 68/361/KEE [8] (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsemmija bħala "il-Kumitat") miċ-chairman tal-kumitat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru.

    2. Il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jitqassmu kif hemm fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m’għandux jivvota.

    3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-kumitat għandu jagħti l-opnijoni tiegħu fuq dawn il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b’maġġoranza ta’ 54 vot.

    4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha timplimentahom minnufih, meta huma skond l-opinjoni tal-kumitat. Meta huma mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħatax ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b’maġġoranza kwalifikata.

    Jekk, il-Kunsill m’adottax kull miżura fi żmien 15-il ġurnata mid-data li fiha l-kwistjoni kienet mibgħuta lilha, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u għandha timplimentahom minnufih kemm-il darba l-Kunsill ivvota b’maġġoranza sempliċi kontra l-miżuri msemmija.

    L-Artikolu 17

    1. Meta l-proċedura li hemm f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-kumitat mingħajr dewmien mill-president tiegħu, sew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru.

    2. Fi ħdan il-kumitat il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jitqassmu kif provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m’għandux jivvota.

    3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu sa data li l-president jista’ jiffissa fid-dawl ta’ l-urġenza tal-kwistjonijiet ippreżentati għal eżami. L-opinjonijiet għandhom jingħataw b’maġġoranza ta’ 54 vot.

    4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha timplimentahom minnufih, meta huma skond l-opinjoni tal-kumitat. Meta huma mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħatax ebda opnjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b’maġġoranza kwalifikata.

    Jekk, il-Kunsill m’adottax kull miżura fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-kwistjoni kienet mibgħuta lilha, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u għandha timplimentahom minnufih kemm-il darba l-Kunsill ivvota b’maġġoranza sempliċi kontra l-miżuri msemmija.

    L-Artikolu 18

    Skond il-bażi ta’ rapport mill-Kummissjoni fuq l-esperjenza miksuba fil-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, imsieħeb ma’ proposti meta xieraq, il-Kunsill għandu jirrevedi s-sitwazzjoni sal-1 ta’ Jannar 1990, bl-iskop ta’ iktar armonizzazzjoni.

    L-Artikolu 19

    L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex titħares din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1987.

    L-Artikolu 20

    Din id-Direttivva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Novembru 1985.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Fischbach

    [1] ĠU C 248, tat-22.9.1982, p. 3.

    [2] ĠU C 242, tat-12.9.1983, p. 128.

    [3] ĠU C 77, tal-21.3.1983, p. 5.

    [4] ĠU 121, tad- 29.7.1964, p. 1977/64.

    [5] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p 58.

    [6] ĠU L 47, tal-21.2.1980, p. 11.

    [7] ĠU L 339, tas-27.12.1984, p. 33.

    [8] ĠU 255, tat- 18.10.1968, p. 23.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    LABORATORJI NAZZJONALI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAL-MARDA TA’ L-ILSIEN U TAD-DWIEFER

    IL-BELĠJU U L-LUSSEMBURGU: | Institut national de recherches vétérinaires, Groeselenberg 99, 1180 Bruxelles. |

    ID-DANIMARKA: | Statens veterinære institut for Virusforskning, Lindholm. |

    L-ITALJA: | Istituto zooprofilattico sperimentale della Lombardia e dell'Emilia Romagna, Brescia. |

    Istituto superiore della Sanità, Roma. |

    IR-RENJU UNIT U L-IRLANDA: | Animal Virus Research Institute, Pirbright, Woking, Surrey. |

    FRANZA: | Laboratoire national de pathologie bovine, Lyon. |

    Laboratoire central de recherche vétérinaire d'Alfort, Maisons-Alfort. |

    Il-GREĊJA: | Ινστιτούτο Αφθώδους Πυρετού, Αγία Παρασκευή Αττικής. |

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA: | Bundesforschungsanstalt für Viruskrankheiten der Tiere, Tübingen. |

    L-OLANDA: | Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad. |

    SPANJA: | Laboratorio Central de Sanidad Animal, Madrid. |

    IL-PORTUGALL: | Laboratório Nacional de Investigação Veterinária, Lisboa. |

    --------------------------------------------------

    Top