This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22024A02600
Additional Protocol to the Agreement between the European Economic Community and the Kingdom of Norway
Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja
Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja
ST/10149/2024/INIT
ĠU L, 2024/2600, 8.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2600/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.
ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2600/oj
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/2600 |
8.10.2024 |
PROTOKOLL ADDIZZJONALI TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA
L-UNJONI EWROPEA
u
R-RENJU TAN-NORVEĠJA
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja ffirmat fl-14 ta’ Mejju 1973, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”, u l-arranġamenti eżistenti għall-kummerċ tal-ħut u prodotti tas-sajd bejn in-Norveġja u l-Komunità,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-perjodu 2014-2021 għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti ħut u prodotti tas-sajd, u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DAN IL-PROTOKOLL:
Artikolu 1
1. Id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti ħut u prodotti tas-sajd li joriġinaw min-Norveġja huma stabbiliti f’dan il-Protokoll u fl-Anness tiegħu.
2. Il-kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan il-Protokoll. Dawn il-kwoti għandhom ikopru l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2021 sat-30 ta’ April 2028. Il-livelli tal-kwoti għandhom jiġu riveduti sa tmiem il-perjodu filwaqt li jitqiesu l-interessi rilevanti kollha.
Artikolu 2
1. Il-kwoti tariffarji għandhom jinfetħu mill-jum li fih issir effettiva l-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll, skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 5.
2. L-ewwel kwota tariffarja għandha tkun disponibbli mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll sat-30 ta’ April 2024. Mill-1 ta’ Mejju 2024, il-kwoti tariffarji sussegwenti għandhom jiġu allokati kull sena mill-1 ta’ Mejju sat-30 ta’ April sa tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll.
3. Il-volumi tal-kwoti tariffarji li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2021 sal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu allokati b’mod proporzjonali u jkunu disponibbli għall-bqija tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll.
4. F’każ li l-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1 ma jiġux eżawriti matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, u f’każ li protokoll sussegwenti li jistabbilixxi kwoti tariffarji mingħajr dazju għall-istess prodotti ma jiġix applikat b’mod proviżorju, l-importazzjonijiet min-Norveġja jistgħu jsiru għall-bqija tal-volum akkumulat tal-kwota ta’ dawk il-kwoti tariffarji sa sentejn wara tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, iżda għal mhux aktar mill-applikazzjoni proviżorja ta’ protokoll sussegwenti li jistabbilixxi kwoti tariffarji mingħajr dazju għall-istess prodotti.
Artikolu 3
1. In-Norveġja għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura l-kontinwazzjoni tal-arranġamenti li jippermettu t-tranżitu liberu tal-ħut u l-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art fin-Norveġja minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
2. L-arranġament għandu japplika sa sentejn wara tmiem il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, iżda għal mhux aktar mill-applikazzjoni proviżorja ta’ protokoll sussegwenti.
Artikolu 4
Ir-regoli tal-oriġini applikabbli għall-kwoti tariffarji elenkati fl-Anness ta’ dan il-protokoll għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja ffirmat fl-14 ta’ Mejju 1973.
Artikolu 5
1. Dan il-Protokoll għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet f’konformitá mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
2. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun ġie ddepożitat l-aħħar strument ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni.
3. Sakemm jitlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu tal-aħħar notifika għal dan l-għan.
Artikolu 6
Dan il-Protokoll, imħejji f’oriġinal wieħed bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż, Żvediż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jibgħat kopja ċċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet.
ANNESS
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 TAL-PROTOKOLL
Flimkien mal-kwoti tariffarji mingħajr dazju permanenti eżistenti, l-Unjoni Ewropea għandha tiftaħ il-kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju li ġejjin għall-prodotti li joriġinaw min-Norveġja:
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Volum annwali (1,5-30,4) tal-kwota tariffarja f’piż nett sakemm mhux speċifikat mod ieħor (1) |
0303 51 00 |
Aringi “Clupea harengus, Clupea pallasii”, iffriżati (2) |
25 000 tunnellata |
0303 55 90 |
Sawrell “Trachurus spp.”, iffriżat (minbarra sawrell komuni u sawrell taċ-Ċilì) |
5 000 tunnellata |
0303 59 90 |
Kavalli tal-Indo-Paċifiku “Rastrelliger spp.”, kavalli rjali “Scomberomorus spp.”, karanġidi, krevalli “Caranx spp.”, pompi fiddien “Pampus spp.”, kastardella tal-Paċifiku “Cololabis saira”, sugarotti “Decapterus spp.”, kapelin “Mallotus villosus”, plamti “Sarda spp.”, marlini, pixxivela, pastardelli “Istiophoridae”, iffriżati |
|
0303 69 90 |
Ħut iffriżat mill-familji Bregmacerotidae, Euclichthyidae, Gadidae, Macrouridae, Melanonidae, Merlucciidae, Moridae u Muraenolepididae (minbarra bakkaljaw, merluzz tal-linja sewda, pollakkju iswed, merluzz, merluzz tal-Alaska, stokkafixx, Bakkaljaw polari, merlangu, pollakkju, grenadier ikħal u lipp) |
|
0303 82 00 |
Raj u rebekkini “Rajidae”, iffriżati |
|
0303 89 90 |
Ħut, iffriżat, n.e.s. |
|
0304 86 00 |
Fletti tal-aringi “Clupea harengus, Clupea pallasii”, iffriżati |
65 000 tunnellata |
0304 99 23 |
Ġwienaħ u laħam “kemm jekk kapuljat kif ukoll jekk le” tal-aringi “Clupea harengus, Clupea pallasii”, iffriżati |
|
ex 0304 49 90 |
Fletti tal-aringi, friski jew imkessħin |
|
0304 59 50 |
Ġwienaħ tal-aringi, friski jew imkessħin |
|
0309 10 00 |
Dqiq, frakass u pellets tal-ħut, tajbin għall-konsum mill-bniedem |
1 000 tunnellata |
1604 12 91 1604 12 99 |
Aringi, imħawrin u/jew ippreservati fil-ħall, fis-salmura |
28 000 tunellata netti mingħajr likwidi |
1605 21 10 1605 21 90 1605 29 00 |
Gambli u gambli kbar, imqaxxrin u ffriżati, ippreparati jew ippreservati |
7 000 tunnellata |
1604 11 00 |
Salamun, ippreparat jew ippreżervat, sħiħ jew f’biċċiet, iżda mhux ikkapuljat |
1 250 tunnellata |
0305 41 00 |
Salamun, affumikat, inkluż fletti tal-ħut, għajr ġewwieni tal-laħam li jittiekel |
2 500 tunnellata |
0306 16 99 0306 17 93 |
Gambli tal-familja Pandalidae, iffriżati |
1 000 tunnellata |
0302 19 00 0302 22 00 0302 43 90 0302 59 20 0302 59 30 0302 81 15 0302 89 31 0302 91 00 0302 99 00 |
Ħut, frisk jew imkessaħ |
5 100 tunnellata |
0303 19 00 0303 53 90 0303 89 31 0303 89 39 0303 91 90 0303 99 00 |
Ħut, iffriżat |
6 850 tunnellata |
0304 52 00 0304 73 00 0304 99 21 0304 99 99 |
Fletti tal-ħut friski, imkessħin jew iffriżati |
3 600 tunnellata |
(1) Il-kwantitajiet għandhom jiżdiedu f’konformità mal-Artikolu 2, il-paragrafu 3 ta’ dan il-Protokoll.
(2) Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja ma għandux jingħata lill-merkanzija ddikjarata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-perjodu bejn il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Ġunju.
ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2600/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)