Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22022D1579

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 135/2022 tad-29 ta’ April 2022 li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2022/1579]

    ĠU L 246, 22.9.2022, p. 87–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1579/oj

    22.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/87


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 135/2022

    tad-29 ta’ April 2022

    li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2022/1579]

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1) (“l-EPBD) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (2)

    Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istokk tal-bini relattivament reċenti u uniformi tal-Iżlanda, hemm qbil dwar l-eżenzjoni temporanja u kondizzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Din l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għad-Direttiva 2010/31/UE kif kienet fis-seħħ qabel l-emenda bid-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018. L-eżenzjoni jenħtieġ li tkun strettament limitata fiż-żmien u jenħtieġ li tapplika biss sakemm isir qbil dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (3)

    F’konformità mad-daqs żgħir ħafna tal-istokk tal-bini fil-Liechtenstein u t-tipoloġija klimatika u tal-bini tiegħu, il-Liechtenstein huwa eżentat mill-obbligu skont l-Artikolu 5 tal-EPBD li jwettaq il-kalkoli tiegħu stess għall-istabbiliment ta’ livelli kostottimali ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini.

    (4)

    Skont il-kundizzjonijiet ta’ adattament (c), in-Norveġja u l-Liechtenstein jistgħu jistipulaw regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku bl-użu ta’ limitu tas-sistema differenti mill-użu tal-enerġija primarja li huwa dak meħtieġ skont l-EPBD, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-adattament (c).

    (5)

    L-adattament (d) jiżgura li s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija operata mill-utenti fin-Norveġja tipproduċi riżultati ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġin minn esperti indipendenti kif meħtieġ mill-Artikolu 17 tal-EPBD.

    (6)

    Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness IV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-test tal-punt 17 (id-Direttiva 2002/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IV tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jinbidel b’dan li ġej:

    32010 L 0031: Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-Iżlanda.

    (b)

    Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 5(2):

    ‘Għall-fini li jiġu stabbiliti livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku, il-Liechtenstein jista’ juża l-kalkoli ta’ Parti Kontraenti oħra li jkollha parametri komparattivi.’

    (c)

    Għall-fini tal-Artikolu 9(3)(a) u l-Anness I tal-EPBD, il-Liechtenstein u n-Norveġja jistgħu jibbażaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-użu tal-enerġija fuq l-enerġija netta, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li ġejjin:

    (i)

    Ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku jkunu stabbiliti f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tal-EPBD, skont il-prinċipji bażiċi tal-qafas tal-metodoloġija, li ġie stabbilit għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku (2).

    (ii)

    Jiġi ippubblikat indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja li jikkorrispondi għar-rekwiżiti tar-rendiment enerġetiku stabbiliti fil-kodiċi tal-bini.

    (iii)

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevedi dan l-adattament speċifiku fil-kuntest tan-negozjati futuri dwar l-EPBD kif emendati bid-Direttiva (UE) 2018/844.

    (d)

    Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 17:

    ‘L-Istati tal-EFTA jistgħu jistabbilixxu sistema simplifikata ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment enerġetiku mħaddma mill-utenti għall-bini residenzjali li tista’ tintuża bħala alternattiva għall-użu ta’ esperti jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Ikun hemm għarfien profond u data ta’ kwalità tajba disponibbli dwar l-istokk tal-bini residenzjali kollu, inklużi t-tipoloġiji tal-bini u l-faxex tal-età kollha, u l-karatteristiċi tal-involukru tal-bini u s-sistemi tekniċi tal-bini li qed jintużaw għal kull tipoloġija, li jippermetti l-kalkolu tar-rendiment enerġetiku ta’ bini individwali u unitajiet ta’ bini b’livell għoli ta’ ċertezza fuq il-bażi ta’ inputs mill-utenti,

    (ii)

    Tkun disponibbli informazzjoni dettaljata dwar titjib kostottimali jew kosteffikaċi għal kull tipoloġija tal-bini,

    (iii)

    Ikun hemm fis-seħħ miżuri li jappoġġaw lill-utenti biex iħaddmu s-sistema għall-fini tas-sistema li toħroġ ċertifikati tal-bini. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu helpline jew servizzi ta’ konsulenza li jippermettu kuntatt bejn l-utenti minn naħa waħda, u esperti indipendenti u esperti tas-sistema min-naħa l-oħra,

    (iv)

    Biex jiġi żgurat li r-riskju ta’ manipulazzjoni tar-riżultati jkun negliġibbli, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni mħaddma mill-utenti tinkludi mekkaniżmu/mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika tal-kwalità biex tiġi ċċekkjata d-data tal-input tal-utenti u li d-data tal-input tal-utenti tkun trasparenti,

    (v)

    Ikun hemm fis-seħħ sistemi ta’ kontroll indipendenti biex jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment enerġetiku mħaddma mill-utenti tipproduċi riżultati ekwivalenti għal ċertifikati maħruġa minn esperti, f’termini ta’ kwalità u affidabbiltà,

    (vi)

    Is-sistema mħaddma mill-utenti toħroġ rakkomandazzjonijiet li jistgħu jagħtu pariri lill-utenti dwar titjib kostottimali jew kosteffikaċi speċifiku għall-bini u l-unitajiet tal-bini tagħhom.’”

    Artikolu 2

    It-test tad-Direttiva 2010/31/UE bil-lingwa Iżlandiża u b'dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-30 ta' April 2022, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2022.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Nicolas VON LINGEN


    (1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta' Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta' metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini.

    (*)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


    Top